EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1970

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1970 tas-17 ta’ Ottubru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2010/452/PESK dwar il-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Georgia, EUMM Georgia

ST/12922/2022/INIT

OJ L 270, 18.10.2022, p. 93–94 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1970/oj

18.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 270/93


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/1970

tas-17 ta’ Ottubru 2022

li temenda d-Deċiżjoni 2010/452/PESK dwar il-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Georgia, EUMM Georgia

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Awwissu 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/452/PESK (1), li estendiet il-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Georgia (EUMM Georgia) stabbilita permezz tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/736/PESK (2).

(2)

Fit-3 ta’ Diċembru 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1990 (3), li testendi l-EUMM Georgia sal-14 ta’ Diċembru 2022.

(3)

Fis-6 ta’ Ottubru 2022, fl-okkażjoni tal-laqgħa tal-Komunità Politika Ewropea li saret fi Praga, ir-Repubblika tal-Armenja u r-Repubblika tal-Ażerbajġan ikkonfermaw l-impenn tagħhom għall-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u għad-Dikjarazzjoni miftiehma f’Alma-Ata fil-21 ta’ Diċembru 1991, li fiha ż-żewġ Stati rrikonoxxew l-integrità territorjali u s-sovranità ta’ xulxin. Barra minn hekk, iż-żewġ Stati qablu fil-prinċipju dwar l-iskjerament ta’ Missjoni ċivili tal-PSDK tal-UE qrib il-fruntiera internazzjonali komuni tagħhom bil-ħsieb li tikkontribwixxi għar-restawr tal-paċi u s-sigurtà fiż-żona, għall-bini tal-fiduċja u għad-delimitazzjoni tal-fruntiera internazzjonali bejn iż-żewġ Stati.

(4)

F’ ittra li rċieva r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà fit-22 ta’ Settembru 2022, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Armenja stieden lill-Unjoni tiskjera Missjoni ċivili tal-PSDK ta’ monitoraġġ fl-Armenja għal dawk il-finijiet.

(5)

Sabiex jiġi żgurat skjerament temporanju rapidu ta’ osservaturi tal-UE, il-kompitu jenħtieġ li jingħata lill-EUMM Georgia. Il-kompitu huwa temporanju u fil-prinċipju mhux ser jieħu aktar minn xahrejn.

(6)

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2010/452/PESK tiġi emendata skont dan.

(7)

L-EUMM Georgia ser titmexxa fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fid-Deċiżjoni 2010/452/PESK, jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 3a

1.   L-EUMM Georgia għandha tissorvelja, tanalizza u tirrapporta dwar is-sitwazzjoni fir-reġjun madwar il-fruntiera internazzjonali bejn ir-Repubblika tal-Armenja u r-Repubblika tal-Ażerbajġan, bil-ħsieb li tikkontribwixxi għar-restawr tal-paċi u s-sigurtà fiż-żona, għall-bini tal-fiduċja u għad-delimitazzjoni tal-fruntiera internazzjonali bejn iż-żewġ Stati.

2   Għandha titwettaq valutazzjoni strateġika, inkluż dwar il-kontinwazzjoni, l-adattament jew it-tmiem possibbli ta’ dak il-kompitu, mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà sitt ġimgħat wara l-iskjerament.

3   Dak il-kompitu għandu jintemm meta l-Kunsill jiddeċiedi hekk.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-17 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/452/PESK tat-12 ta’ Awwissu 2010 dwar il-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Georgia, EUMM Georgia (ĠU L 213, 13.8.2010, p. 43).

(2)  L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/736/PESK tal-15 ta’ Settembru 2008 dwar il-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Ġeorġja, EUMM Georgia (ĠU L 248, 17.9.2008, p. 26).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1990 tat-3 ta’ Diċembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2010/452/PESK dwar il-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Georgia, EUMM Georgia (ĠU L 411, 7.12.2020, p. 1).


Top