Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1921

Deċiżjoni (UE) 2022/1921 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-29 ta’ Settembru 2022 dwar il-metodoloġija għall-kalkolu ta’ sanzjonijiet għal ksur allegat ta’ rekwiżiti ta’ rapportar statistiku (BĊE/2022/32)

ECB/2022/32

ĠU L 263, 10.10.2022, p. 59–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1921/oj

10.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 263/59


DEĊIŻJONI (UE) 2022/1921 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-29 ta’ Settembru 2022

dwar il-metodoloġija għall-kalkolu ta’ sanzjonijiet għal ksur allegat ta’ rekwiżiti ta’ rapportar statistiku (BĊE/2022/32)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 132(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikoli 5 u 34 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta’ Novembru 1998, dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (1), u partikolarment l-Artikolu 6(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 2533/98, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jista’ jimponi sanzjonijiet fuq aġenti li jirrapportaw għal nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tar-rapportar statistiku.

(2)

L-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 2532/98 jipprovdi li l-BĊE, huwa hu jiddetermina jekk jimponix sanzjoni u huwa hu jiddetermina s-sanzjoni xierqa, għandu jiġi gwidat mill-prinċipju tal-proporzjonalità. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(3) ta’ dak ir-Regolament jistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta’ ċirkostanzi li l-BĊE għandu jikkunsidra, fejn rilevanti, f’każ speċifiku.

(3)

Ir-Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew (KE) Nru 2157/1999 (BĊE/1999/4) (3) jistabbilixxi l-proċedura għas-sottomissjoni ta’ proposta mill-unità investigattiva indipendenti tal-BĊE jew mill-bank ċentrali nazzjonali kompetenti lill-Bord Eżekuttiv tal-BĊE għall-finijiet ta’ determinazzjoni ta’ jekk l-aġent li jirrapporta wettaqx ksur allegat u jispeċifika l-ammont propost tas-sanzjoni li għandha tiġi imposta, u jippermetti proċedura ta’ ksur simplifikata għas-sanzjonar ta’ ksur minuri.

(4)

Fl-interess tat-trattament ugwali tal-aġenti li jirrapportaw, [u kif meħtieġ mill-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2022/1917 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2022/31) (4), il-BĊE għandu jistabbilixxi l-metodoloġija li għandha tiġi segwita mill-banek ċentrali tal-Eurosistema kompetenti fil-kalkolu tal-ammont propost tas-sanzjoni. Il-kalkolu għandu jsir f’żewġ stadji. L-ewwel nett, ammont bażi huwa kkalkolat fuq il-bażi ta’ aspetti kwantitattivi tal-ksur allegat u, it-tieni nett, ċirkustanzi u informazzjoni rilevanti oħra jittieħdu inkunsiderazzjoni li b’riżultat tagħhom l-ammont bażi jista’ jiġi aġġustat.

(5)

Għal dik ir-raġuni, u sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tal-BĊE meta jiġu imposti sanzjonijiet fuq aġenti li jirrapportaw, dik il-metodoloġija għandha tagħti dettalji dwar l-aspetti kwantitattivi użati fil-kalkolu tal-ammont bażi. Barra minn hekk, dik il-metodoloġija għandha tipprovdi gwida fir-rigward taċ-ċirkostanzi u l-informazzjoni li għandhom jiġu kkunsidrati, fejn rilevanti, minn bank ċentrali tal-Eurosistema kompetenti fil-kalkolu l-ammont propost tas-sanzjoni.

(6)

Għalkemm b’mod ġenerali l-assi totali ta’ aġent li jirrapporta għandhom jintużaw biex jiġi ddeterminat id-daqs ekonomiku ta’ aġent li jirrapporta li jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku, meta jiġi ddeterminat id-daqs ekonomiku ta’ aġent li jirrapporta li jonqos milli jikkonforma ma’ ċerti tipi ta’ rekwiżiti ta’ rapportar, pereżempju dwar statistika tal-ħlasijiet stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 1409/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2013/43) (5) u dwar titoli f’kustodja stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1011/2012 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2012/24) (6), l-għadd totali ta’ klijenti tiegħu, il-valur totali tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas tiegħu jew il-valur totali tat-titoli depożitati għand il-kustodju huma miżuri tad-daqs ekonomiku tiegħu aktar xierqa għall-għan li jiġi kkalkolat l-ammont bażi. Għal dawn l-għanijiet, huwa xieraq ukoll li jitqies id-daqs ekonomiku ta’ aġent li jirrapporta li jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku meta mqabbel mad-daqs ekonomiku ta’, fil-każ tal-istatistika tas-suq monetarju stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1333/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/48) (7), il-popolazzjoni ta’ rapportar ta’ referenza jew, fi kwalunkwe każ ieħor, il-popolazzjoni ta’ rapportar attwali rilevanti.

(7)

Għall-finijiet tal-produzzjoni regolari ta’ statistika tas-suq monetarju kif meħtieġ mir-Regolament (UE) Nru 1333/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/48), żbalji fid-data dwar is-segment tas-suq mhux garantit li ma jiġux ikkoreġuti qabel l-iskadenza tat-trażmissjoni stabbilita mill-BĊE jew mill-BĊN, jistgħu jiġu sanzjonati minħabba li huwa kritiku li wieħed jirċievi tagħrif statistiku f’waqtu, preċiż u komplet dwar is-segment mhux garantit li jikkonforma ma’ standards għoljin ta’ integrità għat-twettiq tal-kompiti tal-BĊE fil-qasam tal-politika monetarja. Għal din ir-raġuni, u biex tiġi żgurata l-konsistenza mal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/1917 (BĊE/2022/31), huwa xieraq u adegwat li l-banek ċentrali tal-Eurosistema japplikaw din id-Deċiżjoni tliet xhur wara n-notifika f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku skont ir-Regolament (UE) Nru 1333/2014 (BĊE/2014/48).

(8)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni koerenti tar-regoli armonizzati, il-BĊNi u l-BĊE għandhom jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni mill-istess data bħad-data rilevanti tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/1917 (BĊE/2022/31).

(9)

Madankollu, sabiex jiġu żgurati l-kontinwità u ċ-ċarezza, huwa xieraq li jiġi previst li l-BĊNi kompetenti u l-BĊE għandhom ikomplu jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Deċiżjoni BĊE/2010/10 (8) f’każijiet ta’ ksur allegat li jseħħ qabel id-data rilevanti tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, inkluż f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità ripetut fejn każ wieħed jew aktar ta’ nuqqas ta’ konformità jseħħu qabel u wara d-data rilevanti tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(10)

Il-prinċipji segwiti mill-BĊE biex jikkalkula s-sanzjonijiet mill-perjodu ta’ referenza ta’ Diċembru 2004 għar-rekwiżiti ta’ rapportar ta’ kull xahar u r-raba’ trimestru tal-2004 għar-rekwiżiti ta’ rapportar trimestrali għal ksur tar-rekwiżiti tar-rapportar statistiku tal-karta tal-bilanċ minħabba nuqqas ta’ konformità mal-istandards minimi stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 2423/2001 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2001/13) (9) ġew stabbiliti fl-Avviż tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet għall-ksur tar-rekwiżiti tar-rapportar statistiku tal-karta tal-bilanċ (10). Fl-interess taċ-ċertezza legali, huwa xieraq li l-Avviż jiġi rtirat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-metodoloġija biex jiġi ddeterminat l-ammont propost xieraq ta’ sanzjoni li għandha tiġi imposta mill-BĊE fuq aġent li jirrapporta li huwa soġġett għal rekwiżiti ta’ rapportar statistiku u li jonqos milli jikkonforma ma’ dawn ir-rekwiżiti.

2.   Il-metodoloġija tapplika għall-kalkolu tal-ammont propost ta’ sanzjoni għal ksur allegat wieħed jew aktar li fir-rigward tiegħu tkun inbdiet proċedura ta’ ksur skont l-Artikolu 8(1) u (3) tar-Regolament (UE) 2022/1917 (BĊE/2022/31).

3.   Din id-Deċiżjoni ma għandhiex tipprevjeni lill-Bord Eżekuttiv tal-BĊE milli jeżerċita d-diskrezzjoni tiegħu li jimponi sanzjoni li huwa jqis xierqa skont l-Artikolu 7a(6) tar-Regolament (KE) Nru 2157/1999 (BĊE/1999/4).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2022/1917 (BĊE/2022/31).

2.   Id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw ukoll:

(1)

“skadenza tal-BĊE” tfisser id-data u s-siegħa stabbiliti mill-BĊE biex jirċievi tagħrif statistiku mill-banek ċentrali nazzjonali jew, fil-każ ta’ rapportar dirett, mill-aġenti li jirrapportaw skont ir-regolamenti jew id-deċiżjonijiet statistiċi adottati mill-BĊE;

(2)

“skadenza tal-BĊN” tfisser id-data u s-siegħa stabbiliti minn bank ċentrali nazzjonali biex jirċievi tagħrif statistiku mingħand l-aġenti li jirrapportaw għall-fini ta’ konformità mar-regolamenti jew deċiżjonijiet statistiċi adottati mill-BĊE.

Artikolu 3

Kalkolu tas-sanzjonijiet proposti

1.   Is-sanzjonijiet proposti fil-każ ta’ ksur kumulattiv allegat imsemmi fl-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2022/1917 (BĊE/2022/31) jew fil-każ ta’ ksur allegat imsemmi fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) 2022/1917 (BĊE/2022/31) għandhom jiġu kkalkulati skont il-proċedura li ġejja:

(a)

ammont bażi għandu l-ewwel jiġi kkalkolat mill-bank ċentrali tal-Eurosistema kompetenti fuq il-bażi tal-aspetti kwantitattivi tal-ksur allegat, inkluż fejn rilevanti:

(i)

id-daqs ekonomiku tal-aġent li jirrapporta;

(ii)

il-frekwenza tal-ksur;

(iii)

it-tul ta’ żmien tal-ksur;

(iv)

id-daqs tad-diskrepanza bejn it-tagħrif statistiku korrett u mhux korrett;

(b)

iċ-ċirkostanzi rilevanti fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2532/98 li mhumiex imsemmija fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, għandhom imbagħad jiġu kkunsidrati u jistgħu jeħtieġu aġġustament għall-ammont bażi kkalkulat skont il-punt (a).

2.   Is-sanzjonijiet proposti fil-każ ta’ mġiba ħażina serja msemmija fl-Artikolu 8(1), punt (a) tar-Regolament (UE) 2022/1917 (BĊE/2022/31) għandhom jiġu kkalkulati skont il-proċedura li ġejja:

(a)

ammont bażi, għandu l-ewwel jiġi ddeterminat mill-bank ċentrali tal-Eurosistema kompetenti billi jiġu applikati l-multi massimi stabbiliti fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 2533/98 kif aġġustati b’referenza għad-daqs ekonomiku tal-aġent li jirrapporta;

(b)

kwalunkwe ċirkostanzi rilevanti fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2532/98 u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra għandhom imbagħad jiġu kkunsidrati u jistgħu jeħtieġu aġġustament għall-ammont bażi kkalkulat skont il-punt (a).

3.   L-aġġustament imsemmi fil-paragrafu 1 punt (b) għandu jkun limitat għal massimu ta’ terz tal-ammont bażi msemmi fil-paragrafu 1 punt (a). L-aġġustament imsemmi fil-paragrafu 2, il-punt (b) għandu jkun limitat għal aġġustament ’l isfel massimu ta’ terz tal-ammont bażi msemmi fil-paragrafu 2 punt (a).

4.   Meta ksur allegat ikun relatat mar-rapportar ta’ tagħrif statistiku li ma jkunx korrett, mhux komplut jew f’forma li ma tkunx konformi mar-rekwiżiti ta’ rapportar, il-BĊE ma għandux jimponi sanzjoni għal żbalji negliġibbli jew fejn l-aġent li jirrapporta jkun ikkoreġa l-iżbalji mhux negliġibbli f’konformità mal-politika u l-proċeduri tar-reviżjonijiet tal-BĊE. Dan m’għandux japplika meta:

(a)

ikun hemm nuqqas sistematiku jew intenzjonat ta’ rapportar ta’ tagħrif statistiku korrett jew komplut; jew

(b)

ikun hemm nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ rapportar relatati mas-segment mhux garantit skont ir-Regolament (UE) Nru 1333/2014 (BĊE/2014/48).

5.   Meta jikkalkulaw is-sanzjonijiet skont il-paragrafi 1 u 2, il-banek ċentrali tal-Eurosistema kompetenti ma għandhomx jaqbżu l-multi massimi stabbiliti fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 2533/98.

6.   Meta jissottometti proposta lill-Bord Eżekuttiv tal-BĊE skont l-Artikolu 7a tar-Regolament (KE) Nru 2157/1999 (BĊE/1999/4), il-BĊN kompetenti għandu jiddeskrivi f’biżżejjed dettall il-mod li bih ikun ikkalkula l-ammont propost tas-sanzjoni li għandha tiġi imposta mill-BĊE, inkluż jekk ikunx ta xi ponderazzjoni lill-fatturi rilevanti għall-kalkolu tal-ammont bażi jew lill-aġġustament tal-ammont bażi skont l-Artikolu 4 jew 5, rispettivament.

7.   Fejn tkun ingħatat ponderazzjoni lill-fatturi rilevanti għall-kalkolu tal-ammont tal-linja bażi jew għall-aġġustament tal-ammont tal-linja bażi skont l-Artikolu 4 jew 5, rispettivament, il-BĊE għandu jinforma lill-aġent li jirrapporta kif xieraq. Meta jimponi sanzjoni, il-BĊE għandu jinforma lill-aġent li jirrapporta bil-mod li bih ġiet ikkalkolata s-sanzjoni, inkluż jekk tax xi piż għall-fatturi rilevanti għall-kalkolu tal-ammont bażi jew għall-aġġustament tal-ammont bażi f’ skont l-Artikolu 4 jew 5, rispettivament.

8.   Fejn ksur tar-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku jikkonsisti wkoll fi ksur tar-rekwiżiti tar-riżerva minima u tiġi imposta sanzjoni fuq dik il-bażi skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2531/98 (11), l-ebda sanzjoni oħra m’għandha tiġi imposta b’rabta mal-ksur tar-rekwiżiti tar-rapportar statistiku.

Artikolu 4

Kalkolu tal-ammont bażi

1.   Meta bank ċentrali tal-Eurosistema kompetenti jikkalkula l-ammont bażi, l-aspetti kwantitattivi tal-ksur allegat li fuqu jibbaża l-kalkolu tiegħu msemmi fl-Artikolu 3(1) u d-daqs ekonomiku li fuqu jibbaża l-kalkolu tiegħu msemmi fl-Artikolu 3(2) għandhom jiġu ddeterminati bħala rilevanti skont dan l-Artikolu.

2.   Id-daqs ekonomiku tal-aġent li jirrapporta għandu jkun determinat b’referenza għal:

(a)

fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ rapportar dwar l-istatistika tal-ħlasijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1409/2013 (BĊE/2013/43), fir-rigward tas-servizzi ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet biss, l-għadd totali ta’ klijenti u, inkella, il-valur totali tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas, tal-aġent li jirrapporta l-aktar reċentement irrapportat minnu fid-data tal-ksur allegat skont dak ir-Regolament;

(b)

fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku dwar titoli f’kustodja stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1011/2012 (BĊE/2012/24), il-valur totali tat-titoli depożitati għand il-kustodju rrapportat l-aktar reċentement minn dak il-kustodju fid-data tal-ksur allegat skont dak ir-Regolament;

(c)

fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku għajr dawk imsemmija fil-punti (a) u (b), l-ammont tal-assi totali tal-aġent li jirrapporta kif determinat mit-tagħrif statistiku fuq il-karta tal-bilanċ tal-aġent li jirrapporta l-aktar reċenti rrapportat minnu fid-data tal-allegat ksur skont ir-regolamenti tal-BĊE applikabbli.

Madankollu, jekk, fid-data tal-ksur allegat, l-aġent li jirrapporta rilevanti ma jkunx konformi mal-obbligi tiegħu li jirrapporta t-tagħrif statistiku li huwa meħtieġ għad-determinazzjoni tad-daqs ekonomiku tiegħu, il-bank ċentrali kompetenti tal-Eurosistema għandu minflok jiddetermina d-daqs ekonomiku bl-użu tat-tagħrif statistiku li jkun ġie sottomess l-aktar reċentement lil dak il-bank ċentrali kompetenti tal-Eurosistema jew li jkun disponibbli għalih b’xi mod ieħor.

3.   Għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-daqs ekonomiku tal-aġent li jirrapporta, il-bank ċentrali kompetenti tal-Eurosistema għandu jqis id-daqs ekonomiku tal-aġent li jirrapporta rilevanti bħala proporzjon tad-daqs ekonomiku totali ta’:

(a)

fil-każ ta’ rapportar skont ir-Regolament (UE) Nru 1333/2014 (BĊE/2014/48), l-aġenti kollha li jirrapportaw fil-popolazzjoni ta’ referenza li tirrapporta rilevanti;

(b)

fil-każijiet l-oħra kollha, l-aġenti kollha li jirrapportaw fil-popolazzjoni attwali li tirrapporta rilevanti.

4.   Il-frekwenza tal-ksur allegat għandha tiġi ddeterminata b’referenza għall-għadd ta’ ksur allegat li jkun seħħ fil-perjodu ta’ nuqqas ta’ konformità li miegħu tkun relatata l-proċedura ta’ ksur.

5.   Meta ksur allegat ikun relatat man-nuqqas ta’ rapportar ta’ kwalunkwe tagħrif statistiku lill-BĊE jew lill-BĊN kompetenti sal-iskadenza rilevanti kif deskritt fir-regolament jew fid-deċiżjoni applikabbli tal-BĊE, it-tul tal-ksur allegat għandu jiġi ddeterminat b’referenza għal:

(a)

fil-każ ta’ rapportar dirett, l-għadd totali ta’ jiem ta’ xogħol ta’ dewmien fis-sottomissjoni tat-tagħrif statistiku wara l-iskadenza tal-BĊE;

(b)

fil-każijiet l-oħra kollha, in-numru totali ta’ jiem ta’ xogħol ta’ dewmien fis-sottomissjoni tat-tagħrif statistiku wara l-iskadenza tal-BĊN li tinkludi (i) in-numru ta’ jiem tax-xogħol qabel l-iskadenza tal-BĊE u (ii) in-numru ta’ jiem tax-xogħol wara l-iskadenza tal-BĊE.

6.   Meta ksur allegat ikun relatat mar-rapportar ta’ informazzjoni li ma tkunx korretta, ma tkunx kompluta jew f’forma li ma tkunx konformi mar-rekwiżit kif deskritt fir-regolament jew fid-deċiżjoni applikabbli tal-BĊE, id-daqs tad-diskrepanza għandu jiġi ddeterminat b’referenza għad-differenza fil-valur assolut bejn it-tagħrif statistiku mhux korrett u t-tagħrif statistiku korrett.

Artikolu 5

Aġġustament tal-ammont bażi

Fejn bank ċentrali tal-Eurosistema kompetenti jqis iċ-ċirkostanzi u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra msemmija fl-Artikolu 3(1), il-punt (b) u l-Artikolu 3(2), il-punt (b), huwa għandu jinkludi f’tali kunsiderazzjonijiet fejn rilevanti:

(a)

il-bona fede u l-grad ta’ onesta` tal-aġent li jirrapporta fl-interpretazzjoni u t-twettiq tar-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku, inkluż b’referenza għaċ-ċirkostanzi li fihom l-allegat ksur ġie identifikat, bħal jekk dan kien permezz ta’ notifika volontarja mill-aġent li jirrapporta jew bħala riżultat ta’ azzjoni investigattiva;

(b)

il-grad ta’ diliġenza u kooperazzjoni murija mill-aġent li jirrapporta, inkluż b’referenza għall-kondotta tal-aġent li jirrapporta, bħall-parteċipazzjoni tiegħu fi, u l-assistenza fi, kwalunkwe proċedura ta’ ksur jew kwalunkwe proċedura tal-bank ċentrali tal-Eurosistema kompetenti, li għandhom x’jaqsmu mal-iżgurar tal-konformità mar-rekwiżiti tar-rapportar tal-istatistika, u r-rieda tiegħu li jirrimedja l-ksur allegat;

(c)

is-serjetà tal-effetti tal-ksur, inkluż b’referenza għall-konsegwenzi tal-ksur allegat bħall-impatt li l-ksur allegat ikollu fuq ir-riżultati statistiċi rilevanti, jew fuq l-użu tat-tagħrif statistiku għall-kompiti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali skont it-Trattat, jew kwalunkwe effett detrimentali ta’ parti terza;

(d)

ir-repetizzjoni tal-ksur, inkluż b’referenza għal kwalunkwe nuqqas min-naħa tal-aġent li jirrapporta li jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku tiegħu fuq bażi ripetuta barra mill-perjodu ta’ nuqqas ta’ konformità li miegħu huwa relatat l-allegat ksur, li ma kienx is-suġġett ta’ proċedura oħra ta’ ksur.

Artikolu 6

Reviżjoni

Il-Kunsill Governattiv għandu jirrevedi l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sa mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data li fiha tidħol fis-seħħ, u minn hemm ’il quddiem kull tliet snin, u jivvaluta jekk għandhiex tiġi emendata.

Artikolu 7

Dispożizzjoni tranżitorja

Din id-Deċiżjoni ma għandhiex tapplika għal ksur allegat li jseħħ qabel id-data rilevanti tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni kif speċifikat fl-Artikolu 9. Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2022/1917 (BĊE/2022/31), id-Deċiżjoni BĊE/2010/10 għandha tkompli tapplika għal dak il-ksur allegat, inkluż f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità ripetut imsemmija fl-Artikolu 3(2), punt (b), ta’ dik id-Deċiżjoni, fejn każ wieħed jew aktar ta’ nuqqas ta’ konformità jseħħ qabel u wara d-data rilevanti tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni kif speċifikat f’ Artikolu 9.

Artikolu 8

Applikazzjoni speċifika għal ksur ta’ rapportar statistiku tas-suq monetarju

F’każijiet ta’ allegat ksur tar-Regolament (UE) Nru 1333/2014 (BĊE/2014/48), il-BĊNi kompetenti u l-BĊE għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Deċiżjoni mill-31 ta’ Jannar 2023.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum meta tiġi nnotifikata lid-destinatarji.

2.   Għandha tapplika mit-30 ta’ April 2024, ħlief għall-Artikolu 8 li għandu japplika mill-31 ta’ Jannar 2023.

Artikolu 10

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, id-29 ta’ Settembru 2022.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)   ĠU L 318, 27.11.1998, p. 4.

(2)   ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.

(3)  Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew (KE) Nru 2157/1999 tat-23 ta’ Settembru 1999 dwar is-setgħat tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (BĊE/1999/4) (ĠU L 264, 12.10.1999, p. 21).

(4)  Regolament (UE) 2022/1917 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-29 ta’ Settembru 2022 dwar proċeduri ta’ ksur f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku u li jħassar id-Deċiżjoni BĊE/2010/10 (BĊE/2022/31) (ara paġna 6 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  Regolament (UE) Nru 1409/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-28 ta’ Novembru 2013 dwar l-istatistika tal-ħlasijiet (BĊE/2013/43) (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 18).

(6)  Regolament (UE) Nru 1011/2012 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-17 ta’ Ottubru 2012 dwar statistika fuq investimenti f’titoli (BĊE/2012/24) (ĠU L 305, 1.11.2012, p. 6).

(7)  Regolament (UE) Nru 1333/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar l-istatistika tas-swieq monetarji (BĊE/2014/48) (ĠU L 359, 16.12.2014, p. 97).

(8)  Deċiżjoni BĊE/2010/10 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Awwissu 2010 dwar nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti għar-rappurtar tal-istatistika (ĠU L 226, 28.8.2010, p. 48).

(9)  Regolament (KE) Nru 2423/2001 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Novembru 2001 dwar il-karta tal-bilanċ ikkonsolidata tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2001/13) (ĠU L 333, 17.12.2001, p. 1).

(10)   ĠU C 195, 31.7.2004, p. 8.

(11)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2531/98 tat-23 Novembru 1998 li għandu x’jaqsam mal-applikazzjoni ta’ riservi minimi tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 318, 27.11.1998, p. 1).


Top