EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1657

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1657 tas-26 ta’ Settembru 2022 dwar ir-rikonoxximent tal-iskema volontarja “Sustainable Biomass Program” biex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi, il-karburanti mill-bijomassa, il-karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-karburanti tal-karbonju riċiklat (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/6713

OJ L 249, 27.9.2022, p. 53–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/1657/oj

27.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 249/53


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1657

tas-26 ta’ Settembru 2022

dwar ir-rikonoxximent tal-iskema volontarja “Sustainable Biomass Program” biex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi, il-karburanti mill-bijomassa, il-karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-karburanti tal-karbonju riċiklat

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(4) u (5) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tistabbilixxi rekwiżiti għal ċerti karburanti, b’mod partikolari l-bijokarburanti, il-bijolikwidi, il-karburanti mill-bijomassa, il-karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-karburanti tal-karbonju riċiklat biex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jingħaddu lejn il-miri stabbiliti f’dik id-Direttiva jekk dawn ikunu ġew prodotti b’mod sostenibbli u jiffrankaw emissjonijiet sinifikanti ta’ gassijiet serra meta mqabbla mal-karburanti fossili. L-Artikolu 29 tad-Direttiva jistabbilixxi kriterji tas-sostenibbiltà u l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa. Barra minn hekk, l-Artikolu 26 tad-Direttiva u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/807 (2) jistabbilixxi l-kriterji biex jiġi ddeterminat liema materja prima għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa għandha riskju għoli ta’ bidla indiretta fl-użu tal-art, minn naħa waħda, u min-naħa l-oħra liema bijokarburanti, bijolikwidi jew karburanti mill-bijomassa għandhom riskju baxx ta’ bidla indiretta fl-użu tal-art. L-Artikolu 25(2) tad-Direttiva jistabbilixxi kriterji għall-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-karburanti tal-karbonju riċiklat li jintużaw fit-trasport. L-Artikolu 28(2) tad-Direttiva jirrikjedi lill-operaturi ekonomiċi jdaħħlu informazzjoni f’bażi tad-data tal-Unjoni dwar it-tranżazzjonijiet magħmula u l-karatteristiċi ta’ sostenibbiltà ta’ għadd ta’ karburanti rinnovabbli (il-bijokarburanti, il-bijogass u l-karburanti rinnovabbli u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika) u tal-karburanti tal-karbonju riċiklat użati fit-trasport.

(2)

Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tistabbilixxi wkoll ir-regoli għall-kalkolu tal-kontribut tal-elettriku rinnovabbli għall-miri tat-trasport. B’mod partikolari, l-Artikolu 27(3) ta’ dik id-Direttiva jistabbilixxi regoli dwar kif għandu jiġi kkalkulat dan il-kontribut, kemm meta l-elettriku jintuża direttament biex jagħti l-enerġija lill-vetturi elettriċi, kif ukoll meta jintuża biex jiġu prodotti l-karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika li jintużaw fit-trasport.

(3)

L-iskemi volontarji kellhom rwol importanti fil-forniment ta’ evidenza tal-konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà u l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-bijokarburanti u l-bijolikwidi. Skont id-Direttiva (UE) 2018/2001, l-iskemi volontarji jistgħu jintużaw biex tiġi ċċertifikata l-konformità tal-karburanti kollha prodotti mill-bijomassa, inkluż il-karburanti gassużi u solidi, mal-kriterji tas-sostenibbiltà stabbiliti f’dik id-Direttiva, u biex tiġi pprovduta data akkurata dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħhom, kif ukoll biex tiġi ċċertifikata l-konformità tal-karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika u tal-karburanti tal-karbonju riċiklat mal-kriterji tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħhom u biex tingħata prova tal-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(3) ta’ dik id-Direttiva rigward il-kalkolu tas-sehem tal-elettriku rinnovabbli fit-trasport. L-iskemi volontarji jistgħu jintużaw ukoll biex jintwera li l-operaturi ekonomiċi jdaħħlu informazzjoni akkurata fil-bażi tad-data tal-Unjoni jew dik nazzjonali dwar għadd ta’ karburanti rinnovabbli u l-karburanti tal-karbonju riċiklat użati fit-trasport f’konformità mal-Artikolu 28(4) tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Barra minn hekk, l-iskemi volontarji jistgħu jintużaw biex jiġu ċċertifikati bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti mill-bijomassa b’riskju baxx ta’ bidla indiretta fl-użu tal-art. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li l-iskemi volontarji nazzjonali jew internazzjonali jistgħu jservu dawn il-finijiet kollha jew xi wħud minnhom.

(4)

Skont l-Artikolu 30(9) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, meta operatur ekonomiku jagħti prova tal-konformità jew jipprovdi data dwar il-konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà u l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, miksuba f’konformità ma’ skema volontarja rikonoxxuta mill-Kummissjoni, sa fejn dan ikun kopert bid-deċiżjoni tar-rikonoxximent, Stat Membru ma għandux jirrikjedi li l-fornitur jipprovdi evidenza ulterjuri.

(5)

L-iskema volontarja “Sustainable Biomass Program” (“l-iskema SBP”) issottomettiet talba lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent, skont l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 fil-15 ta’ Ottubru 2020. It-talba wasslet għal valutazzjoni ta’ dik l-iskema min-naħa tal-Kummissjoni, u fiha ġew identifikati ċerti kwistjonijiet li jeħtieġu modifika. L-iskema SBP reġgħet issottomettiet it-talba tagħha fit-2 ta’ Diċembru 2021, fejn indirizzat il-kwistjonijiet li kienu ġew identifikati.

(6)

L-iskema SBP tkopri t-tipi ta’ materja prima li ġejjin: (a) il-materjal linjoċellulożiku dderivat mill-art forestali u mill-art mhux forestali; (b) ir-residwi tal-ipproċessar mill-industriji relatati mal-foresti u mal-agrikoltura (barra mill-art forestali u agrikola). Ir-residwi agrikoli mill-art agrikola huma esklużi. L-iskema SBP tkopri l-karburanti mill-bijomassa (pellets u laqx tal-injam) prodotti minn materjal linjoċellulożiku forestali u minn dak mhux forestali, u r-residwi tal-ipproċessar tal-industrija relatata mal-foresti u mal-agrikoltura għall-produzzjoni tas-sħana u tal-elettriku. Il-“bijolikwidi”, il-“bijokarburanti”, il-“bijogass”, il-“karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika” u l-“karburanti tal-karbonju riċiklat” jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema SBP. L-iskema SBP għandha kopertura ġeografika globali u tinkludi l-katina kollha tal-kustodja.

(7)

Fil-valutazzjoni tal-iskema SBP, il-Kummissjoni sabet li din tkopri b’mod adegwat il-kriterji tas-sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 29(6) sa (7) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, fiha data akkurata dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-finijiet tal-Artikolu 29(10) ta’ dik id-Direttiva u tapplika l-istess metodoloġija tal-bilanċ tal-massa f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 30(1) u (2) ta’ dik id-Direttiva. Din il-valutazzjoni ma tqisx l-atti ta’ implimentazzjoni li jmiss li għandhom jiġu adottati f’konformità mal-Artikolu 29(8) u l-Artikolu 30(8) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, dwar il-forniment ta’ gwida biex tintwera l-konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 29(6) u (7) ta’ dik id-Direttiva u dwar ir-regoli għall-verifika tal-kriterji tas-sostenibbiltà u l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-kriterji ta’ riskju baxx ta’ bidla indiretta fl-użu tal-art. Għaldaqstant, l-iskema SBP se tiġi rivalutata meta dawn l-atti ta’ implimentazzjoni jiġu adottati.

(8)

Il-valutazzjoni tal-iskema SBP sabet li din tilħaq l-istandards adegwati ta’ affidabbiltà, trasparenza u awditjar indipendenti u li tikkonforma mar-rekwiżiti metodoloġiċi stabbiliti fl-Anness VI tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

(9)

Jenħtieġ li l-iskema SBP rikonoxxuta tkun disponibbli fit-taqsima ddedikata għall-iskemi volontarji fuq is-sit web EUROPA tal-Kummissjoni.

(10)

Sabiex tkun tista’ ssir l-applikazzjoni f’waqtha tal-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(11)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijokarburanti, tal-Bijolikwidi u tal-Karburanti mill-Bijomassa stabbilit bl-Artikolu 34(2) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iskema volontarja “Sustainable Biomass Program”, sottomessa għar-rikonoxximent tal-Kummissjoni fit-2 ta’ Diċembru 2021, turi, għall-karburanti awditjati bħala parti mill-iskema, l-elementi li ġejjin:

(a)

il-konformità tal-konsenji tal-karburanti mill-bijomassa mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 29(6) sa (7) u (10) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

L-iskema volontarja “Sustainable Biomass Program” fiha wkoll data akkurata dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-fini tal-Artikolu 29(10) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, u b’hekk tiżgura li t-tagħrif rilevanti kollu mogħti mill-operaturi ekonomiċi li jkunu jinsabu iktar ’il fuq fil-katina tal-kustodja jitgħadda lill-operaturi ekonomiċi li jkunu jinsabu iktar ’l isfel f’din il-katina.

Meta l-kontenut tal-iskema volontarja “Sustainable Biomass Program”, kif sottomessa fit-2 ta’ Diċembru 2021 lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent, jinbidel b’mod li jista’ jaffettwa l-bażi ta’ din id-Deċiżjoni, dawn il-bidliet għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-bidliet innotifikati bil-ħsieb li tistabbilixxi jekk l-iskema tkunx għadha tkopri b’mod adegwat il-kriterji ta’ sostenibbiltà li għalihom tkun ġiet rikonoxxuta.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-28 ta’ Settembru 2027.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni tista’ tħassar din id-Deċiżjoni, inter alia, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

jekk ikun intwera biċ-ċar li l-iskema volontarja “Sustainable Biomass Program” ma tkunx implimentat elementi kkunsidrati bħala importanti għal din id-Deċiżjoni jew jekk ikun twettaq ksur gravi u strutturali ta’ dawk l-elementi;

(b)

jekk l-iskema volontarja “Sustainable Biomass Program” tonqos milli tissottometti rapporti annwali lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

(c)

jekk l-iskema volontarja “Sustainable Biomass Program” ma timplimentax standards ta’ awditjar indipendenti u rekwiżiti oħra speċifikati fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 29(8) jew l-Artikolu 30(8) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jew titjib għal elementi oħra tal-iskema kkunsidrati bħala importanti għal rikonoxximent kontinwu.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Settembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/807 tat-13 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-determinazzjoni ta' materja prima b'riskju għoli ta' tibdil indirett fl-użu tal-art li għaliha qed tiġi osservata espansjoni sinifikanti taż-żona ta' produzzjoni f'art b'ħażna kbira ta' karbonju u ċ-ċertifikazzjoni ta' bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti mill-bijomassa b'riskju baxx ta' tibdil indirett fl-użu tal-art (ĠU L 133, 21.5.2019, p. 1).


Top