EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1277

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1277 tal-21 ta’ Lulju 2022 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja

ST/11127/2022/INIT

OJ L 194, 21.7.2022, p. 15–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/1277/oj

21.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 194/15


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/1277

tal-21 ta’ Lulju 2022

li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 30(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-31 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK.

(2)

Il-Kunsill jibqa’ mħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja. Wara aktar minn għaxar snin, il-kunflitt fis-Sirja għadu ‘l bogħod milli jintemm u r-reġim Sirjan qed ikompli jsegwi l-politika tiegħu ta’ repressjoni. Barra minn hekk, ir-reġim Sirjan jipprovdi appoġġ, inkluż appoġġ militari, lill-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna.

(3)

Minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill iqis li erba’ persuni u entità waħda jenħtieġ li jinżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness I għad-Deċiżjoni 2013/255/PESK.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2013/255/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness I għad-Deċiżjoni 2013/255/PESK huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BEK


(1)  ĠU L 147, 1.6.2013, p. 14.


ANNESS

L-Anness I għad-Deċiżjoni 2013/255/PESK huwa emendat kif ġej:

(1)

L-entrati li ġejjin jinżdiedu mal-lista li tinsab fit-Taqsima A (Persuni):

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“323.

Saleh AL-ABDULLAH

(صالح عبدالله )

Data tat-twelid: 1967

Post tat-twelid: Safita, Tartous, Sirja

Pożizzjoni: Brigadier Ġeneral

Sess: raġel

Saleh AL-ABDULLAH huwa l-kmandant tas-16-il Brigata affiljata mal-kmand tal-forzi Russi fis-Sirja mill-2020. Qabel kien id-deputat tal-Brigadier Ġeneral Suhail al-Hassan, fil-25 Diviżjoni tal-Armata Sirjana. Huwa involut fir-reklutaġġ ta’ membri fis-16-il Brigata biex jiġġieldu fl-Ukrajna flimkien mar-Russja.

F’din il-kapaċità, Saleh AL-ABDULLAH huwa membru tal-Forzi Armati Sirjani fil-grad ta’ “kurunell” u l-ekwivalenti jew ogħla fil-kariga wara Mejju 2011.

21.7.2022

324.

Ahmed KHALIL KHALIL

(magħruf ukoll bħala Ahmed KHALIL)

(احمد خليل خليل)

Sess: raġel

Ahmed KHALIL KHALIL huwa l-koproprjetarju ta’ Sanad Protection and Security Services, kumpanija tas-sigurtà privata Sirjana stabbilita fl-2017 u ssorveljata minn Wagner Group fis-Sirja, attiva fil-protezzjoni tal-interessi Russi (fosfati, gass u s-sigurtà tas-siti taż-żejt) fis-Sirja. L-isfruttament tar-riżorsi naturali jipprovdi dħul lir-reġim Sirjan. Barra minn hekk, il-kumpanija hija attiva fir-reklutaġġ ta’ merċenarji Sirjani fil-Libja u fl-Ukrajna.

Għaldaqstant, Ahmed KHALIL KHALIL jappoġġa lir-reġim Sirjan u jibbenefika minnu.

21.7.2022

325.

Nasser Deeb DEEB

(magħruf ukoll bħala Nasser Dhib, Nasser Dib, Nasser Deeb)

(ناصر ديب )

Sess: raġel

Nasser Deeb DEEB huwa l-koproprjetarju ta’ Sanad Protection and Security Services, kumpanija tas-sigurtà privata Sirjana stabbilita fl-2017 u ssorveljata minn Wagner Group fis-Sirja, attiva fil-protezzjoni tal-interessi Russi (fosfati, gass u s-sigurtà tas-siti taż-żejt) fis-Sirja. L-isfruttament tar-riżorsi naturali jipprovdi dħul lir-reġim Sirjan. Barra minn hekk, huwa wkoll koproprjetarju tal-kumpanija Ella Services flimkien ma’ Khodr Ali Taher.

F’din il-kapaċità, Nasser Deeb DEEB jappoġġa lir-reġim Sirjan u jibbenefika minnu.

21.7.2022

326.

Issam SHAMMOUT

(magħruf ukoll bħala Mohammed Issam Shammout, Mohamed Essam Shammout, Muhammad Issam Shammout, Muhammad Essam Shammout)

(محمد عصام شموط)

Data tat-twelid: 1971

Post tat-twelid: Damasku, Sirja

Sess: raġel

Issam SHAMMOUT huwa s-sid u l-president tal-bord tad-diretturi tal-linja tal-ajru “Cham Wings” u l-kap ta’ Shammout Group, attiv fis-setturi tal-karozzi, tal-azzar, tal-avjazzjoni, tat-trasportazzjoni tal-merkanzija, tal-kostruzzjoni, u tal-proprjetà immobbli.

F’din il-kapaċità, Issam SHAMMOUT huwa negozjant ewlieni li jopera fis-Sirja.

21.7.2022”

(2)

L-entrata li ġejja tinżdied mal-lista li tinsab fit-Taqsima B (Entitajiet):

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“82.

Sanad Protection and Security Services

(شركة سند للحرسات والخدمات الأمنية)

Tip ta’ entità: Kumpanija b’Responsabbiltà Limitata

Data tal-ħolqien: 22 ta’ Ottubru 2017

Kwartieri Ġenerali: Damasku

Sanad Protection and Security Services hija kumpanija tas-sigurtà privata Sirjana stabbilita fl-2017 u ssorveljata minn Wagner Group fis-Sirja, attiva fil-protezzjoni tal-interessi Russi (fosfati, gass u s-sigurtà tas-siti taż-żejt) fis-Sirja. L-isfruttament tar-riżorsi naturali jipprovdi dħul lir-reġim Sirjan. Barra minn hekk, il-kumpanija hija attiva fir-reklutaġġ ta’ merċenarji Sirjani fil-Libja u fl-Ukrajna. Għaldaqstant, il-kumpanija tappoġġa lir-reġim Sirjan u tibbenefika minnu.

21.7.2022”


Top