EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0882

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/882 tat-3 ta’ Ġunju 2022 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

ST/8658/2022/INIT

OJ L 153, 3.6.2022, p. 88–91 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/882/oj

3.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/88


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/882

tat-3 ta’ Ġunju 2022

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-15 ta' Ottubru 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/642/PESK (1) dwar miżuri restrittivi kontra l-Belarussja.

(2)

Fl-24 ta' Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar operazzjoni militari fl-Ukrajna, u l-forzi armati Russi bdew attakk fuq l-Ukrajna, inkluż mit-territorju tal-Belarussja. Dak l-attakk huwa ksur sfaċċat tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

(3)

Fit-2 ta' Marzu 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/356 (2), li emendat it-titolu tad-Deċiżjoni 2012/642/PESK u introduċiet aktar miżuri restrittivi b'reazzjoni għall-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

(4)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta' Marzu 2022, il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-Unjoni tibqa' lesta li taġixxi bil-ħeffa b'aktar sanzjonijiet robusti kkoordinati kontra r-Russja u l-Belarussja biex ixxekkel b'mod effettiv il-kapaċitajiet tar-Russja biex tkompli l-gwerra ta’ aggressjoni.

(5)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, huwa xieraq li tiġi estiża l-lista ta' istituzzjonijiet ta' kreditu Belarussi u s-sussidjarji Belarussi tagħhom soġġetti għal miżuri restrittivi fir-rigward tal-forniment ta' servizzi ta' messaġġi finanzjarji speċjalizzati. Huwa wkoll xieraq li tiġi estiża l-lista ta' entitajiet soġġetti għal restrizzjonijiet fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' oġġetti u teknoloġija b'użu doppju u oġġetti u teknoloġija li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib militari u teknoloġiku tal-Belarussja, jew għall-iżvilupp tas-settur tad-difiża u tas-sigurtà tagħha.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2012/642/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2012/642 PESK hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2y huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2y

1.   Għandu jkun ipprojbit il-forniment ta' servizzi ta’ messaġġi finanzjarji speċjalizzati, li jintużaw għall-iskambju ta’ data finanzjarja, lill-persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness V jew lil kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbilit fil-Belarussja li aktar minn 50 % tad-drittijiet proprjetarji tagħhom huma direttament jew indirettament proprjetà ta' xi waħda mill-entitajiet elenkati fl-Anness V.

2.   Għal kull persuna ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness V, il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 għandha tapplika mid-data imsemmija għaliha f’dak l-Anness. Il-projbizzjoni għandha tapplika minn dik l-istess data għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbilit fil-Belarussja li aktar minn 50 % tad-drittijiet proprjetarji tagħhom huma direttament jew indirettament proprjetà ta' xi waħda mill-entitajiet elenkati fl-Anness V.”;

(2)

L-Annessi II u V għad-Deċiżjoni 2012/642/PESK huma emendati kif jinsabu fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

C. COLONNA


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK tal-15 ta' Ottubru 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (ĠU L 285, 17.10.2012, p. 1). Issa intitolata d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/356 tat-2 ta' Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (ĠU L 67, 2.3.2022, p. 103).


ANNESS

(1)

L-Anness II għad-Deċiżjoni 2012/642/PESK huwa sostitwit b'dan li ġej:

“ANNESS II

LISTA TA' PERSUNI ĠURIDIĊI, ENTITAJIET JEW KORPI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2d

Ministeru għad-Difiża tal-Belarussja

140 Repair Plant JSC

558 Aircraft Repair Plant JSC

2566 Radioelectronic Armament Repair Plant JSC

AGAT - Control Systems - Managing Company of Geoinformation Control Systems Holding JSC

AGAT - Electromechanical Plant OJSC

AGAT - SYSTEM

ATE - Engineering LLC

BelOMO Holding

Belspetsvneshtechnika SFTUE

Beltechexport CJSC

BSVT-New Technologies

Id-Dipartiment għall-Affarijiet Interni tal-Kumitat Eżekuttiv tar-Reġjun ta' Gomel

Truppi Interni tal-Ministeru għall-Affarijiet Interni tar-Repubblika tal-Belarussja

KGB Alpha

Kidma Tech OJSC

Minotor-Service

Minsk Wheeled Tractor Plant

Oboronnye Initsiativy LLC

OJS KB Radar Managing Company

Peleng JSC

L-Awtorità tal-Istat għall-Industrija Militari tar-Repubblika tal-Belarussja

Il-Kumitat għas-Sigurtà tal-Istat tar-Repubblika tal-Belarussja

Transaviaexport Airlines JSC

Volatavto OJSC;

(2)

L-Anness V għad-Deċiżjoni 2012/642/PESK huwa sostitwit b'dan li ġej:

“ANNESS V

LISTA TA' PERSUNI ĠURIDIĊI, ENTITAJIET JEW KORPI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2Y

Isem il-persuna ġuridika, entità jew korp

Data tal-applikazzjoni

Belagroprombank

20 ta’ Marzu 2022

Bank Dabrabyt

20 ta’ Marzu 2022

Development Bank of the Republic of Belarus (Bank għall-Iżvilupp tar-Repubblika tal-Belarussja)

20 ta’ Marzu 2022

Belinvestbank (Bank Belarussu għall-Iżvilupp u r-Rikostruzzjoni)

l-14 ta’ Ġunju 2022


Top