EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0480

Deċiżjoni (UE) 2022/480 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Marzu 2022 dwar it-twaqqif ta’ kumitat ta’ inkjesta biex jinvestiga l-użu tal-Pegasus u ta’ software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza ekwivalenti, u d-definizzjoni tas-suġġett tal-inkjesta, kif ukoll ir-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni numerika u l-mandat tal-Kumitat

OJ L 98, 25.3.2022, p. 72–75 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/480/oj

25.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 98/72


DEĊIŻJONI (UE) 2022/480 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Marzu 2022

dwar it-twaqqif ta’ kumitat ta’ inkjesta biex jinvestiga l-użu tal-Pegasus u ta’ software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza ekwivalenti, u d-definizzjoni tas-suġġett tal-inkjesta, kif ukoll ir-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni numerika u l-mandat tal-Kumitat

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra t-talba ppreżentata minn 290 Membru biex jitwaqqaf kumitat ta’ inkjesta biex janalizza u jinvestiga allegazzjonijiet ta’ kontravenzjonijiet, jew amministrazzjoni ħażina, fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-użu tal-Pegasus u ta’ software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza ekwivalenti li jiġi installat fuq apparati mobbli permezz tal-isfruttament ta’ vulnerabbiltajiet fl-IT (“software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza ekwivalenti”),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Konferenza tal-Presidenti,

wara li kkunsidra l-Artikolu 226 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tad-19 ta’ April 1995 dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ inkjesta tal-Parlament Ewropew (1),

wara li kkunsidra r-rabta tal-Unjoni Ewropea mal-valuri u l-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u tal-istat tad-dritt kif minquxa fil-preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u b’mod partikolari fl-Artikoli 2, 6 u 21 ta’ dan it-Trattat,

wara li kkunsidra l-Artikolu 4(2) tat-TUE, li jirriafferma l-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri fiż-żamma tal-ordni pubbliku u fis-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali,

wara li kkunsidra l-Artikoli 16 u 223 tat-TFUE,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”), u b’mod partikolari l-Artikoli 7, 8, 11, 21 u 47 tagħha, li jirrikonoxxu d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji speċifiċi minquxa fiha, bħar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja u l-protezzjoni tad-data personali, il-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, id-dritt għan-nondiskriminazzjoni, kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, u li japplikaw bis-sħiħ għall-Istati Membri meta jkunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, u l-Artikolu 52(1) tagħha li jippermetti limitazzjonijiet partikolari fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (2),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (3),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (4),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/797 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha (5) kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/796 tas-17 ta’ Mejju 2021 (6),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-tranżitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju (7),

wara li kkunsidra l-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b’suffraġju universali dirett (8),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, u b’mod partikolari l-Artikoli 8, 9, 13 u 17 tagħha, u l-Protokolli ta’ din il-Konvenzjoni,

wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-12 ta’ Marzu 2014 dwar il-programm ta’ sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u dwar il-kooperazzjoni transatlantika fil-Ġustizzja u l-Intern (10) u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu rigward it-tisħiħ tas-sigurtà tal-IT fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE,

wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi rivelazzjonijiet reċenti żvelaw li diversi pajjiżi, inklużi Stati Membri, użaw is-software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza Pegasus fuq ġurnalisti, politiċi, uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, diplomatiċi, avukati, negozjanti, atturi tas-soċjetà ċivili u atturi oħra, u li prattiki bħal dawn huma estremament allarmanti filwaqt li jidhru li jikkonfermaw il-perikli tal-użu ħażin tat-teknoloġija ta’ sorveljanza biex jimminaw id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;

1.

Jiddeċiedi li jwaqqaf kumitat ta’ inkjesta biex jinvestiga l-allegazzjonijiet ta’ kontravenzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, jew ta’ amministrazzjoni ħażina fl-implimentazzjoni tagħha, fir-rigward tal-użu tal-Pegasus u ta’ software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza ekwivalenti, bla preġudizzju għall-ġuriżdizzjoni tal-qrati nazzjonali jew tal-Unjoni;

2.

Jiddeċiedi li l-kumitat ta’ inkjesta għandu:

jinvestiga l-ambitu tal-allegazzjonijiet ta’ kontravenzjonijiet, fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew amministrazzjoni ħażina tagħha li jirriżultaw mill-użu tal-Pegasus u ta’ software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza ekwivalenti, jiġbor informazzjoni dwar kemm l-Istati Membri, inklużi l-Ungerija u l-Polonja, iżda mhux dawn biss, jew pajjiżi terzi jużaw sorveljanza intrużiva b’mod li jikser id-drittijiet u l-libertajiet minquxa fil-Karta, kif ukoll jivvaluta l-livell ta’ riskju li dan joħloq għall-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE, bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

għat-twettiq tal-kompiti tiegħu, jiġbor u janalizza informazzjoni biex jaċċerta:

l-użu u l-funzjonament tal-Pegasus u ta’ software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza ekwivalenti u l-allegat impatt negattiv tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta, f’każijiet fejn l-Istati Membri kienu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni;

il-qafas legali eżistenti li fi ħdanu l-Istati Membri akkwistaw u użaw il-Pegasus u software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza ekwivalenti;

jekk l-awtoritajiet tal-Istati Membri użawx il-Pegasus u software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza ekwivalenti għal finijiet politiċi, ekonomiċi jew oħrajn mhux ġustifikati biex iwettqu spjunaġġ fuq ġurnalisti, politiċi, uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, diplomatiċi, avukati, negozjanti, atturi tas-soċjetà ċivili jew atturi oħra, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni u tal-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE, jew tad-drittijiet minquxa fil-Karta;

jekk l-użu, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, tal-Pegasus u ta’ software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza ekwivalenti kellux impatt negattiv fuq il-proċessi demokratiċi fl-Istati Membri matul elezzjonijiet fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew;

l-allegazzjonijiet ta’ kontravenzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE jew amministrazzjoni ħażina mill-Istati Membri, li huma riżultat tal-użu tal-Pegasus u ta’ software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza ekwivalenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u l-projbizzjoni ta’ smigħ, tappjar, ħżin jew tipi oħra ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet u t-traffiku tad-data relatata tal-persuni;

jekk l-użu tal-Pegasus u ta’ software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza ekwivalenti mill-Istati Membri kkostitwiex, irriżultax jew kixifx ksur tad-Direttiva (UE) 2016/680 u tar-Regolament (UE) 2016/679;

jekk il-Kummissjoni kellhiex evidenza tal-użu tal-Pegasus u ta’ software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza ekwivalenti fuq persuni;

jekk l-Istati Membri żgurawx biżżejjed salvagwardji istituzzjonali u legali biex jiġi evitat l-użu illegali ta’ software ta’ spjunaġġ, u jekk persuni li jissuspettaw li d-drittijiet tagħhom inkisru bl-użu ta’ software ta’ spjunaġġ għandhomx aċċess għal rimedju effettiv;

l-allegat nuqqas tal-Istati Membri li jaġixxu fir-rigward tal-involviment ta’ entitajiet fl-UE fl-iżvilupp, it-tixrid jew il-finanzjament tal-Pegasus u ta’ software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza ekwivalenti, inkluża l-katina tal-provvista f’termini ta’ teknoloġija u l-isfruttament tagħha, sakemm dan ikun jikser id-dritt tal-Unjoni, inkluż ir-Regolament (UE) 2021/821, u inkluż meta software ta’ sorveljanza li jkun kummerċjalizzat għal ċertu skop (pereżempju l-ġlieda kontra t-terroriżmu) jintuża f’kuntest ieħor;

ir-rwol tal-gvern tal-Iżrael u ta’ pajjiżi terzi oħra fil-forniment tal-Pegasus u ta’ software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza ekwivalenti lill-Istati Membri;

jekk l-użu tal-Pegasus jew ta’ software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza ekwivalenti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri rriżultax fit-trasferiment ta’ data personali lil pajjiżi terzi, b’mod partikolari lill-Grupp NSO, iżda mhux lilu biss, kif ukoll lil gvernijiet ta’ pajjiżi terzi;

jekk l-użu tal-Pegasus jew ta’ software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza ekwivalenti, li jinvolvi direttament jew indirettament entitajiet marbuta mal-UE, ikkontribwiex għal spjunaġġ illegali fuq ġurnalisti, politiċi, uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, diplomatiċi, avukati, negozjanti, atturi tas-soċjetà ċivili jew atturi oħra f’pajjiżi terzi u jekk dan wassalx għal ksur jew abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, li huma ta’ tħassib serju fir-rigward tal-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-UE, u jekk tali użu kienx bi ksur tal-valuri minquxa fl-Artikolu 21 tat-TUE u fil-Karta, anki b’kunsiderazzjoni dovuta tal-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u drittijiet oħra minquxa fid-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

jekk kienx hemm biżżejjed raġunijiet biex il-Kunsill jadotta miżuri restrittivi jew sanzjonijiet fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-UE kontra pajjiż terz wieħed jew aktar fejn deċiżjoni, adottata f’konformità mal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-TUE kienet tipprevedi l-interruzzjoni jew it-tnaqqis tar-relazzjoni ekonomika jew finanzjarja, f’konformità mal-Artikolu 215(1) tat-TFUE;

jekk l-użu tal-Pegasus jew ta’ software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza ekwivalenti minn pajjiżi terzi kellux impatt fuq id-drittijiet fundamentali żgurati mid-dritt tal-Unjoni u jekk kienx hemm biżżejjed raġunijiet biex il-Kunsill jirrivaluta kwalunkwe ftehim ta’ kooperazzjoni internazzjonali fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja konkluż ma’ pajjiżi terzi skont l-Artikolu 218 tat-TFUE;

jagħmel kwalunkwe rakkomandazzjoni li jidhirlu li tkun meħtieġa f’dan ir-rigward;

jagħmel rakkomandazzjonijiet għall-protezzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-Membri u l-persunal tagħha kontra tali software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza;

3.

Jiddeċiedi li l-kumitat ta’ inkjesta għandu jippreżenta r-rapport finali tiegħu fi żmien 12-il xahar mill-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni;

4.

Jiddeċiedi li l-kumitat ta’ inkjesta għandu jqis f’ħidmietu kwalunkwe żvilupp rilevanti li jfeġġ matul il-mandat tal-kumitat u li jkun fil-kompetenza tiegħu;

5.

Jissottolinja li sabiex jiġu żgurati kooperazzjoni tajba u fluss tajjeb ta’ informazzjoni bejn il-kumitat ta’ inkjesta u l-kumitati u s-sottokumitati permanenti rilevanti, il-President u r-Rapporteur tal-kumitat ta’ inkjesta jistgħu jiġu involuti f’dibattiti rilevanti tal-kumitati u s-sottokumitati permanenti, u viċi versa, b’mod partikolari għas-seduti ta’ smigħ tal-kumitat ta’ inkjesta;

6.

Jiddeċiedi li kwalunkwe rakkomandazzjoni mfassla mill-kumitat ta’ inkjesta għandha tiġi riferuta lill-kumitati u s-sottokumitati permanenti rilevanti fl-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom kif definiti fl-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura;

7.

Jiddeċiedi li l-kumitat ta’ inkjesta għandu jkollu 38 Membru;

8.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tiżgura li din id-deċiżjoni tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.


(1)  ĠU L 113, 19.5.1995, p. 1.

(2)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

(3)  ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

(4)  ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89.

(5)  ĠU L 129 I, 17.5.2019, p. 13.

(6)  ĠU L 174 I, 18.5.2021, p. 1.

(7)  ĠU L 206, 11.6.2021, p. 1.

(8)  ĠU L 278, 8.10.1976, p. 5.

(9)  https://www.ohchr.org/Documents/Publications/GuidingPrinciplesBusinessHR_EN.pdf

(10)  ĠU C 378, 9.11.2017, p. 104.


Top