EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0452

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/452 tat-18 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/486/PESK dwar il-Missjoni ta’ Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna (EUAM Ukraine)

ST/7095/2022/INIT

OJ L 92, 21.3.2022, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/452/oj

21.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 92/3


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/452

tat-18 ta’ Marzu 2022

li temenda d-Deċiżjoni 2014/486/PESK dwar il-Missjoni ta’ Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna (EUAM Ukraine)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-22 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/486/PESK (1), dwar il-Missjoni ta’ Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna (EUAM Ukraine).

(2)

Fit-23 ta’ Frar 2022 il-Federazzjoni Russa nediet aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata kontra l-Ukrajna, li l-Kunsill Ewropew ikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Frar 2022.

(3)

Din l-aggressjoni militari mill-Federazzjoni Russa rriżultat b’mod partikolari fi fluss ta’ refuġjati li ħarbu mill-Ukrajna lejn it-territorju ta’ Stati Membri ġirien.

(4)

L-EUAM Ukraine ma tistax tibqa’ timplimenta bis-sħiħ il-mandat tagħha fit-territorju tal-Ukrajna.

(5)

Sakemm ikunu prevalenti ċ-ċirkostanzi attwali fil-Ukrajna, jenħtieġ li l-EUAM Ukraine tipprovdi appoġġ lill-awtoritajiet tal-Ukrajna biex jiġi ffaċilitat il-fluss ta’ refuġjati mill-Ukrajna għal Stati Membri ġirien u d-dħul ta’ għajnuna umanitarja fl-Ukrajna.

(6)

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2014/486/PESK tiġi emendata skont dan.

(7)

L-EUAM Ukraine ser titwettaq fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej fid-Deċiżjoni 2014/486/PESK:

“Artikolu 2a

Kompiti temporanji

1.   Mit-18 ta’ Marzu 2022 sad-data li fiha l-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà jiddeċiedi mod ieħor, l-EUAM Ukraine għandu jkollha l-kompitu temporanju u addizzjonali li tagħti pariri lill-awtoritajiet tal-Ukrajna, b’mod partikolari lis-Servizz tal-Gwardji tal-Fruntiera tal-Ukrajna, is-Servizz Doganali u l-forzi tal-pulizija lokali, bil-għan li jiġi ffaċilitat il-fluss ta’ refuġjati mill-Ukrajna għall-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja u l-fluss ta’ għajnuna umanitarja lejn l-Ukrajna.

2.   Għall-għan li jingħata parir lill-awtoritajiet tal-Ukrajna, l-EUAM Ukraine għandha wkoll:

toħloq stampa tas-sitwazzjoni tat-traffiku tal-fruntiera bejn l-Ukrajna u l-Unjoni u tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni dwarha bejn l-Ukrajna, l-Istati Membri, u l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (“Frontex”);

tidentifika titjib possibbli, u tipprovdi lill-awtoritajiet tal-Ukrajna b’parir strateġiku, fir-rigward tal-faċilitazzjoni tal-qsim tal-fruntiera tal-Ukrajna mal-Unjoni mir-refuġjati u mill-għajnuna umanitarja;

tassisti, tappoġġa, timmonitorja, timmentorja u tagħti parir lill-awtoritajiet tal-Ukrajna dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-fruntieri fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri.

3.   Sabiex jiġu implimentati l-kompiti temporanji u addizzjonali stabbiliti f’dan l-Artikolu b’appoġġ għall-Ukrajna, elementi tal-EUAM Ukraine jistgħu jkunu temporanjament ibbażati fil-Polonja, fir-Rumanija jew fis-Slovakkja u għandhom iwettqu l-attivitajiet tagħhom fuq il-post fuq in-naħa Ukrena tal-punti ta’ qsim tal-fruntiera. Jistgħu jsiru arranġamenti għal dak il-għan bejn EUAM Ukraine u dawk l-Istati Membri.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J.-Y. LE DRIAN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/486/PESK tat-22 ta’ Lulju 2014 dwar il-Missjoni ta’ Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukraina (EUAM Ukraine) (ĠU L 217 23.7.2014, p. 42).


Top