EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0351

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/351 tal-1 ta' Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

OJ L 65, 2.3.2022, p. 5–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/351/oj

2.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 65/5


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/351

tal-1 ta' Marzu 2022

li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-31 ta' Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/512/PESK (1).

(2)

L-Unjoni tibqa' soda fl-appoġġ tagħha għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna.

(3)

Fl-24 ta' Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar operazzjoni militari fl-Ukrajna u l-forzi armati Russi bdew attakk fuq l-Ukrajna. Dak l-attakk huwa ksur sfaċċat tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

(4)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta' Frar 2022, il-Kunsill Ewropew ikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna. Bl-azzjonijiet militari illegali tagħha, ir-Russja qed tikser b'mod serju d-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u qed iddgħajjef is-sigurtà u l-istabbiltà Ewropea u globali. Il-Kunsill Ewropew appella għat-tħejjija u l-adozzjoni urġenti ta' pakkett ta' sanzjonijiet individwali u ekonomiċi ulterjuri. Il-Kunsill Ewropew appella lir-Russja u lill-formazzjonijiet armati appoġġati mir-Russja biex iwaqqfu l-kampanja ta’ diżinformazzjoni tagħhom.

(5)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill issottolinja l-ħtieġa li tissaħħaħ aktar ir-reżiljenza tal-Unjoni u tal-Istati Membri kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jiġġieldu t-theddid ibridu, inkluż id-diżinformazzjoni, filwaqt li jiġi żgurat l-użu koordinat u integrat ta’ għodod eżistenti u dawk ġodda possibbli għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri, u reazzjonijiet possibbli fil-qasam tat-theddid ibridu inkluż, fost l-oħrajn, għal indħil barrani u operazzjonijiet ta' influwenza, li jistgħu jkopru miżuri preventivi kif ukoll l-impożizzjoni ta’ spejjeż fuq atturi statali u mhux statali ostili.

(6)

Il-Federazzjoni Russa impenjat ruħha f’kampanja sistematika u internazzjonali ta’ manipulazzjoni tal-media u distorsjoni tal-fatti sabiex issaħħaħ l-istrateġija tagħha ta’ destabbilizzazzjoni tal-pajjiżi ġirien tagħha u tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. B’mod partikolari, il-propaganda mmirat ripetutament u konsistentement lill-partiti politiċi Ewropej, speċjalment matul il-perijodi elettorali, kif ukoll immirat lis-soċjetà ċivili, dawk il-persuni li jfittxu l-ażil, il-minoranzi etniċi Russi, il-minoranzi tal-ġeneru u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fl-Unjoni u fl-Istati Membri tagħha.

(7)

Sabiex tiġġustifika u tappoġġa l-aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, il-Federazzjoni Russa impenjat ruħha f’azzjonijiet ta’ propaganda kontinwi u miftiehma mmirati lejn is-soċjeta' ċivili fl-Unjoni u l-pajjiżi ġirien, filwaqt li fixklet u mmanipulat il-fatti b'mod gravi.

(8)

Dawk l-azzjonijiet ta’ propaganda saru permezz ta' għadd ta’ mezzi tal-media taħt il-kontroll permanenti dirett jew indirett tat-tmexxija tal-Federazzjoni Russa. Tali azzjonijiet jikkostitwixxu theddida sinifikanti u diretta għall-ordni pubbliku u s-sigurtà tal-Unjoni.

(9)

Dawk il-mezzi tal-media huma essenzjali u strumentali biex imexxu 'l quddiem u jappoġġaw l-aggressjoni kontra l-Ukrajna, u għad-destabbilizzazzjoni tal-pajjiżi ġirien tagħha.

(10)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, u b’reazzjoni għall-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, huwa meħtieġ, b’mod konsistenti mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b’mod partikolari mad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni kif rikonoxxut fl-Artikolu 11 tagħha, li jiġu introdotti aktar miżuri restrittivi biex jiġu sospiżi b’mod urġenti l-attivitajiet tax-xandir ta' tali mezzi tal-media fl-Unjoni jew diretti lejn l-Unjoni. Dawn il-miżuri jenħtieġ li jinżammu sakemm tintemm l-aggressjoni kontra l-Ukrajna, u sakemm il-Federazzjoni Russa, u l-mezzi tal-media assoċjati tagħha, jieqfu jwettqu azzjonijiet ta’ propaganda kontra l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

(11)

B’mod konsistenti mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b’mod partikolari mad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà ta’ intrapriża u d-dritt għall-proprjetà kif rikonoxxut fl-Artikoli 11, 16 u 17 tagħha, dawn il-miżuri ma jżommux lil dawk il-mezzi tal-midja u l-persunal tagħhom milli jwettqu attivitajiet oħra fl-Unjoni minbarra x-xandir, bħar-riċerka u l-intervisti. B’mod partikolari, dawn il-miżuri ma jimmodifikawx l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji msemmija fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, inkluż fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u fil-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri, fl-oqsma ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom.

(12)

Tenħtieġ aktar azzjoni mill-Unjoni biex ċerti miżuri jiġu implimentati.

(13)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2014/512/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2014/512/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu li ġej jiddaħħal wara l-Artikolu 4f:

"Artikolu 4g

1.   Għandu jkun ipprojbit għall-operaturi li jxandru, jew li jippermettu, jiffaċilitaw jew jikkontribwixxu b’xi mod ieħor għax-xandir ta', kwalunkwe kontenut mill-persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness IX, inkluż permezz ta’ trażmissjoni jew distribuzzjoni bi kwalunkwe mezz bħal kejbil, satellita, IP-TV, fornituri ta’ servizzi tal-internet, pjattaformi jew applikazzjonijiet ta’ video-sharing tal-internet, kemm jekk ġodda kif ukoll jekk installati minn qabel.

2.   Kwalunkwe liċenzja jew awtorizzazzjoni għax-xandir, trażmissjoni u arranġament ta’ distribuzzjoni mal-persuni ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi elenkati fl-Anness IX għandhom jiġu sospiżi.”;

(2)

it-test li jidher fl-Anness għal din id-Deċiżjoni huwa miżjud bħala l-Anness IX għad-Deċiżjoni 2014/512/PESK.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J.-Y. LE DRIAN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta' Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 13).


ANNESS

"ANNESS IX

LISTA TA' PERSUNI ĠURIDIĊI, ENTITAJIET JEW KORPI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 4g

RT- Russia Today English

RT- Russia Today UK

RT - Russia Today Germany

RT - Russia Today France

RT- Russia Today Spanish

Sputnik

"

Top