EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0264

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/264 tal-23 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

ST/6493/2022/INIT

ĠU L 42I, 23.2.2022, p. 95–97 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/264/oj

23.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 42/95


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/264

tal-23 ta’ Frar 2022

li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-31 ta' Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/512/PESK (1).

(2)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 u l-25 ta' Ġunju 2021, il-Kunsill Ewropew appella lir-Russja biex tassumi bis-sħiħ ir-responsabbiltà tagħha fl-iżgurar tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehimiet ta' Minsk bħala l-kondizzjoni ewlenija għal kwalunkwe bidla sostanzjali fil-pożizzjoni tal-Unjoni. Huwa enfasizza l-ħtieġa għal rispons sod u koordinat mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għal kwalunkwe attività malizzjuża, illegali u ta' tfixkil mir-Russja, bl-użu sħiħ tal-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tal-Unjoni, u l-iżgurar ta' koordinazzjoni mas-sħab. Għal dak il-għan, il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-‘Rappreżentant Għoli’) biex jippreżentaw opzjonijiet għal miżuri restrittivi addizzjonali, inkluż sanzjonijiet ekonomiċi.

(3)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2021, il-Kunsill Ewropew enfasizza l-ħtieġa urġenti li r-Russja tnaqqas it-tensjoni kkawżata miż-żieda fil-preżenza militari tul il-fruntiera tagħha mal-Ukrajna u r-retorika aggressiva tagħha. Huwa tenna l-appoġġ sħiħ tiegħu għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna. Filwaqt li jinkoraġġixxi sforzi diplomatiċi u jappoġġa l-format tan-Normandija fil-kisba tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehimiet ta' Minsk, il-Kunsill Ewropew iddikjara li kwalunkwe aggressjoni militari ulterjuri kontra l-Ukrajna jkollha konsegwenzi enormi u gravi bħala rispons, inkluż miżuri restrittivi koordinati ma' sħab.

(4)

Fl-24 ta' Jannar 2022, il-Kunsill approva konklużjonijiet li fihom ikkundanna l-azzjonijiet aggressivi u t-theddid kontinwi tar-Russja kontra l-Ukrajna, u appella lir-Russja biex tnaqqas it-tensjoni, tirrispetta d-dritt internazzjonali u timpenja ruħha b'mod kostruttiv fi djalogu permezz tal-mekkaniżmi internazzjonali stabbiliti. Il-Kunsill afferma mill-ġdid l-impenn sħiħ tal-Unjoni għall-prinċipji ewlenin li fuqhom hija mibnija s-sigurtà Ewropea, minquxa fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u d-dokumenti kostituttivi tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, inkluż l-Att Finali ta' Ħelsinki u l-Karta ta' Pariġi. Dawn il-prinċipji fundamentali jinkludu, b’mod partikolari, l-ugwaljanza sovrana u l-integrità territorjali tal-Istati, l-invjolabbiltà tal-fruntieri, l-astensjoni mit-theddida jew l-użu tal-forza, u l-libertà tal-Istati li jagħżlu jew jibdlu l-arranġamenti tas-sigurtà tagħhom stess. Il-Kunsill iddikjara li dawk il-prinċipji la huma negozjabbli u lanqas soġġetti għal reviżjoni jew interpretazzjoni mill-ġdid u li l-ksur tagħhom mir-Russja huwa ostaklu għal spazju ta’ sigurtà komuni u indiviżibbli fl-Ewropa u jhedded il-paċi u l-istabbiltà fil-kontinent Ewropew. Filwaqt li jfakkar fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta’ Diċembru 2021, il-Kunsill tenna li kwalunkwe aggressjoni militari ulterjuri mir-Russja kontra l-Ukrajna jkollha konsegwenzi enormi u kost kbir, inkluż firxa wiesgħa ta’ miżuri restrittivi settorjali u individwali li jiġu adottati f’koordinazzjoni mas-sħab.

(5)

Fid-19 ta’ Frar 2022, ir-Rappreżentant Għoli ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni li tesprimi tħassib dwar l-akkumulazzjoni massiva tal-forzi armati Russi fl-Ukrajna u madwarha, u ħeġġet lir-Russja biex tinvolvi ruħha fi djalogu sinifikattiv u diplomazija, iżżomm lura u tnaqqas it-tensjoni billi tirtira sostanzjalment il-forzi militari mill-viċinanza tal-fruntieri tal-Ukrajna.

(6)

Fil-21 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ffirma digriet li jirrikonoxxi l-"indipendenza u s-sovranità" taż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts tal-Ukrajna ta’ Donetsk u Luhansk, u ordna lill-forzi armati Russi f’dawk iż-żoni.

(7)

Fit-22 ta’ Frar 2022, ir-Rappreżentant Għoli ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni li tikkundanna dak l-att illegali, li jkompli jdgħajef is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna u huwa ksur serju tad-dritt internazzjonali u tal-ftehimiet internazzjonali, inkluż il-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Ħelsinki, il-Karta ta' Pariġi u l-Memorandum ta' Budapest, kif ukoll tal-Ftehimiet ta' Minsk u tar-Riżoluzzjoni 2202 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. Ir-Rappreżentant Għoli ħeġġeġ lir-Russja, bħala parti fil-konflitt, biex treġġa' lura dak ir-rikonoxximent, tonora l-impenji tagħha, tirrispetta d-dritt internazzjonali u terġa' lura għad-diskussjonijiet fil-format tan-Normandija u l-Grupp ta' Kuntatt Trilaterali. Huwa ħabbar li l-Unjoni ser twieġeb għal dan l-aħħar ksur mir-Russja billi tadotta miżuri restrittivi addizzjonali b’urġenza.

(8)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill jikkunsidra adatt il-fatt li għandhom jittieħdu miżuri restrittivi ulterjuri b'reazzjoni għall-azzjonijiet tar-Russja li qed jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna.

(9)

B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġu imposti restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-suq kapitali, b’mod partikolari billi jiġi pprojbit il-finanzjament tar-Russja, tal-Gvern tagħha u tal-Bank Ċentrali tagħha.

(10)

Tenħtieġ aktar azzjoni mill-Unjoni biex ċerti miżuri jiġu implimentati.

(11)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2014/512/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2014/512/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu li ġej jiddaħħal wara l-Artikolu 1:

“Artikolu 1a

1.   Il-bejgħ jew ix-xiri b'mod dirett jew indirett, il-provvista b'mod dirett jew indirett ta' servizzi ta' investiment, jew l-assistenza fil-ħruġ, jew kwalunkwe negozju ieħor ma’ titoli trasferibbli u strumenti tas-suq tal-flus maħruġa wara sat-9 ta’ Marzu 2022 [ĠU: jekk jogħġbok daħħal hawn data li tkun 14-il jum wara d-dħul fis-seħħ tal-att emendatorju] minn:

(a)

ir-Russja u l-Gvern tagħha;

(b)

il-Bank Ċentrali Russu; jew,

(c)

persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxi f'isem ,jew fuq ordni ta', entità msemmija fil-punt (b),

għandhom ikunu pprojbiti.

2.   Għandu jkun ipprojbit li jsir b'mod dirett jew indirett, jew li jkun parti minn kwalunkwe arranġament li jsir, kwalunkwe self jew kreditu ġdid lil kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp imsemmi fil-paragrafu 1 wara sat-23 ta’ Frar 2022. Din il-projbizzjoni ma għandhiex tapplika għal self jew kreditu li jkollu objettiv speċifiku u dokumentat biex jipprovdi finanzjament għal importazzjonijiet jew esportazzjonijiet mhux projbiti ta’ merkanzija u servizzi mhux finanzjarji bejn l-Unjoni u kwalunkwe Stat terz, inkluż l-infiq għal merkanzija u servizzi minn Stat terz ieħor li jkun neċessarju għall-eżekuzzjoni tal-kuntratti ta’ esportazzjoni jew importazzjoni.

3.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 2 ma għandiex tapplika għal użu ta’ kreditu disponibbli jew ħlasijiet magħmulin skont kuntratt konkluż qabel sat-23 ta’ Frar 2022 dment li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-termini u kondizzjonijiet kollha ta' dan l-użu ta' kreditu disponibbli jew ta' dawn il-ħlasijiet:

(i)

ġew miftiehma qabel sat-23 ta’ Frar 2022; u

(ii)

ma ġewx modifikati f'dik id-data jew warajha; u

(b)

qabel sat-23 ta’ Frar 2022 tkun ġiet iffissata data ta' skadenza kuntrattwali għar-rimborż sħiħ tal-fondi kollha li kienu saru disponibbli u għall-kanċellament tal-impenji, drittijiet u obbligi kollha taħt il-kuntratt.

It-termini u l-kondizzjonijiet tal-użu ta' kreditu disponibbli u ħlasijiet imsemmijin fil-punt (a) jinkludu dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-tul tal-perijodu tar-rimborż għal kull użu ta' kreditu disponibbli jew ħlas, ir-rata ta' imgħax applikata jew il-metodu tal-kalkolu tar-rata ta' imgħax, u l-ammont massimu.’;

(2)

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 1, il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(a)

entitajiet imsemmijin fil-punti (b) jew (c) tal-Artikolu 1(1) u fil-punti (c) jew (d) tal-Artikolu 1(2), fil-punti (a), (b) jew (c) tal-Artikolu 1a(1), jew elenkati fl-Anness I, II, III jew IV;".

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Frar 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J.-Y. LE DRIAN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta' Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 13).


Top