EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0227

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/227 tas-17 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2011/101/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe

ST/5640/2022/INIT

OJ L 38, 18.2.2022, p. 5–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/227/oj

18.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 38/5


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/227

tas-17 ta’ Frar 2022

li temenda d-Deċiżjoni 2011/101/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ Frar 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/101/PESK (1) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe.

(2)

Abbażi ta’ rieżami tad-Deċiżjoni 2011/101/PESK, il-miżuri restrittivi jenħtieġ li jiġġeddu sal-20 ta’ Frar 2023. Jenħtieġ li l-Kunsill iżommhom taħt rieżami kostanti fid-dawl tal-iżviluppi politiċi u dawk fil-qasam tas-sigurtà fiż-Żimbabwe.

(3)

Jenħtieġ li tliet persuni jitħassru mil-lista ta’ persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi kif tinsab fl-Anness I għad-Deċiżjoni 2011/101/PESK, u l-Anness II għad-Deċiżjoni 2011/101/PESK għandu jitħassar.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2011/101/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2011/101/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 10

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-20 ta’ Frar 2023.

3.   Din id-Deċiżjoni għandha tinżamm taħt rieżami kostanti u għandha tiġġedded, jew tiġi emendata kif adatt, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma ntlaħqux.”;

(2)

l-Anness I huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni;

(3)

l-Anness II huwa mħassar.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 17 ta’ Frar 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J.-Y. LE DRIAN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/101/PESK tal-15 ta’ Frar 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe (ĠU L 42, 16.2.2011, p. 6).


ANNESS

Fl-Anness I għad-Deċiżjoni 2011/101/PESK, parti “I. Persuni”, jitħassru l-entrati għall-persuni li ġejjin:

“2.

MUGABE, Grace

Imwielda fit-23.7.1965

Passaport AD001159

ID 63-646650Q70

Eks Segretarja tal-Lega tan-nisa ta’ ZANU-PF (Zimbabwe African National Union – Patriotic Front), involuta f’attivitajiet li jimminaw serjament id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt. Ħadet taħt idejha l-Iron Mask Estate fl-2002; allegata li tikseb b’mod illeċitu profitti kbar mit-tħaffir għad-djamanti.

5.

CHIWENGA, Constantine

Viċi President

Eks Kmandant tal-Forzi ta’ Difiża taż-Żimbabwe, Ġeneral irtirat, imwieled fil-25.8.1956

Passaport AD000263

ID 63-327568M80

Viċi President u eks Kmandant tal-Forzi ta’ Difiża taż-Żimbabwe. Membru tal-Kmand Operattiv Konġunt u kompliċi fil-formazzjoni jew id-direzzjoni tal-politika repressiva tal-istat. Uża l-armata għall-akkwisti ta’ azjendi agrikoli. Matul l-elezzjonijiet tal-2008 kien arkitett prinċipali tal-vjolenza assoċjata mal-proċess tal-ballottaġġ Presidenzjali.

7.

SIBANDA, Phillip Valerio (magħruf ukoll bħala Valentine)

Kmandant tal-Forzi ta’ Difiża taż-Żimbabwe

Eks Kmandant tal-Armata Nazzjonali taż-Żimbabwe, Ġeneral, imwieled fil-25.8.1956 jew l-24.12.1954

ID 63-357671H26

Kmandant tal-Forzi ta’ Difiża taż-Żimbabwe u eks Kmandant tal-Armata Nazzjonali taż-Żimbabwe. Membru anzjan tal-armata b’rabtiet mal-Gvern u kompliċi fil-formazzjoni jew id-direzzjoni tal-politika oppressiva tal-istat.”


Top