Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R2085

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 tad-19 ta’ Novembru 2021 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 219/2007, (UE) Nru 557/2014, (UE) Nru 558/2014, (UE) Nru 559/2014, (UE) Nru 560/2014, (UE) Nru 561/2014 u (UE) Nru 642/2014

    ST/12156/2021/INIT

    ĠU L 427, 30.11.2021, p. 17–119 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 21/09/2023

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2085/oj

    30.11.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 427/17


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2021/2085

    tad-19 ta’ Novembru 2021

    li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 219/2007, (UE) Nru 557/2014, (UE) Nru 558/2014, (UE) Nru 559/2014, (UE) Nru 560/2014, (UE) Nru 561/2014 u (UE) Nru 642/2014

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 187 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 188 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

    Billi:

    (1)

    Sabiex jinkisbu l-akbar impatt possibbli tal-finanzjament tal-Unjoni u l-aktar kontribut effettiv għall-objettivi tal-politika tal-Unjoni, ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (ir-“Regolament Orizzont Ewropa”) stabbilixxa l-politika u l-qafas legali għas-sħubijiet Ewropej ma’ sħab tas-settur privat jew pubbliku. Is-sħubijiet Ewropej huma element ewlieni tal-approċċ ta’ politika ta’ Orizzont Ewropa -il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (“Orizzont Ewropa”). Dawn huma stabbiliti biex iwettqu l-prijoritajiet tal-Unjoni fil-mira ta’ Orizzont Ewropa u jiżguraw impatt ċar għall-Unjoni u għaċ-ċittadini tagħha, li jista’ jinkiseb b’mod aktar effettiv fi sħubija, permezz ta’ viżjoni strateġika li tkun kondiviża u rrispettata mis-sħab, aktar milli mill-Unjoni waħedha.

    (2)

    B’mod partikolari, is-sħubijiet Ewropej fil-pilastru “Sfidi Globali u Kompetittività Industrijali Ewropea” ta’ Orizzont Ewropa jaqdu rwol importanti fil-kisba tal-objettivi strateġiċi bħall-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjonijiet favur għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli u Ewropa ekoloġika u diġitali, u jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-irkupru mill-kriżi mingħajr preċedent li ġabet magħa l-pandemija tal-COVID-19. Is-sħubijiet Ewropej jindirizzaw sfidi transfruntieri kumplessi li jeħtieġu approċċ integrat. Dawn jagħmluha possibbli li jiġu indirizzati l-fallimenti fit-trasformazzjoni, sistemiċi u tas-suq deskritti fil-valutazzjonijiet tal-impatt li jakkumpanjaw dan ir-Regolament billi jgħaqqdu flimkien firxa wiesgħa ta’ atturi tul il-ktajjen tal-valur u l-ekosistemi biex jaħdmu lejn viżjoni komuni u jsarrfuha fi pjanijiet direzzjonali konkreti u f’implimentazzjoni koordinata tal-attivitajiet. Barra minn hekk, jippermettu li l-isforzi u r-riżorsi jiġu kkonċentrati fuq prijoritajiet komuni biex jiġu solvuti l-isfidi kumplessi.

    (3)

    Sabiex jitwettqu l-prijoritajiet u l-impatt, jenħtieġ li s-sħubijiet Ewropej jiġu żviluppati permezz ta’ involviment wiesa’ tal-partijiet ikkonċernati rilevanti madwar l-Ewropa, inkluż l-industrija, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, il-korpi b’missjoni ta’ servizz pubbliku fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali jew internazzjonali, u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħal fondazzjonijiet li jappoġġaw/jew iwettqu r-riċerka u l-innovazzjoni. Jenħtieġ li dawn ikunu wkoll waħda mill-miżuri biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn is-sħab tas-settur privat jew pubbliku fil-livell internazzjonali, inkluż billi jingħaqdu l-programmi ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni mal-investiment transfruntier fir-riċerka u fl-innovazzjoni, biex jinġiebu benefiċċji reċiproċi għan-nies u għan-negozji filwaqt li jiġi żgurat li l-Unjoni tkun tista’ ssostni l-interessi tagħha f’oqsma strateġiċi.

    (4)

    L-evalwazzjoni interim ta’ Orizzont 2020 stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew (4) żvelat li maż-żmien ġie introdott repertorju konsiderevoli ta’ strumenti u inizjattivi ta’ sħubija, b’seba’ forom ta’ implimentazzjoni u qrib 120 inizjattiva ta’ sħubija li joperaw fil-qafas ta’ Orizzont 2020. Minbarra l-kumplessità ġġenerata mill-proliferazzjoni ta’ strumenti u inizjattivi, ġie vvalutat li l-kapaċità tagħhom li jikkontribwixxu għall-politiki relatati fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali b’mod kumplessiv mhijiex biżżejjed minkejja l-fatt li dawn iġibu impatt pożittiv fil-progress favur l-objettivi tagħhom, pereżempju billi jistabbilixxu aġendi fit-tul, jistrutturaw il-kooperazzjoni fir-riċerka u fl-innovazzjoni bejn atturi li, kieku, ma jingħaqdux flimkien, u jingranaw investimenti addizzjonali. Għalhekk, il-valutazzjoni tal-impatt ta’ Orizzont Ewropa tidentifika l-ħtieġa li jiġi indirizzat u ssimplifikat ix-xenarju tal-finanzjament ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tas-sħubijiet, kif ukoll li s-sħubijiet jiġu orjentati mill-ġdid lejn impatt u implimentazzjoni aħjar b’rabta mal-prijoritajiet tal-Unjoni.

    (5)

    Sabiex jiġi indirizzat tali tħassib u biex tinkiseb ambizzjoni ogħla għall-investimenti Ewropej, jenħtieġ li Orizzont Ewropa jipproponi simplifikazzjoni u riforma kbar għall-politika tal-Kummissjoni dwar is-sħubijiet għar-riċerka u għall-innovazzjoni. Sabiex tirrifletti n-natura sistemika tagħha mmirata lejn il-kontribuzzjoni għat-“trasformazzjonijiet” madwar l-Unjoni kollha favur l-objettivi ta’ sostenibbiltà, jenħtieġ li Orizzont Ewropa tagħmel użu aktar effettiv minn dawk is-sħubiji b’approċċ aktar strateġiku, koerenti u xprunat mill-impatt.

    (6)

    Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jistabbilixxi l-qafas ġenerali għad-determinazzjoni ta’ jekk attività ekonomika tikkwalifikax bħala ambjentalment sostenibbli għall-finijiet tad-definizzjoni ta’ investimenti sostenibbli. Dan joħloq referenza komuni li l-investituri, il-banek, l-industrija u r-riċerkaturi jistgħu jużaw meta jinvestu fi proġetti u f’attivitajiet ekonomiċi li jkollhom impatt pożittiv sostanzjali fuq il-klima u fuq l-ambjent u ma jikkawżaw ebda ħsara sinifikanti fuq kwalunkwe wieħed minnhom. Huwa r-referenza għal investimenti ekoloġiċi fl-Unjoni.

    (7)

    Fejn rilevanti, jenħtieġ li s-sħubijiet Ewropej iqisu l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar imsemmi fl-Artikolu 3 u l-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” stabbilit fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852 bħala strument biex itejjeb il-prontezza tal-proġetti u l-aċċess għall-finanzjament ekoloġiku tagħhom li ser ikun kruċjali għall-adozzjoni mis-suq u għall-varar aktar mifrux ta’ teknoloġiji u soluzzjonijiet innovattivi li ser jipprovdu. L-evidenza xjentifika tinsab fil-qalba ta’ dawk il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar. Ir-riċerka u l-innovazzjoni, segwiti mis-sħubijiet Ewropej, jenħtieġ li jaqdu rwol importanti biex jgħinu lill-operaturi ekonomiċi jilħqu jew imorru lil hinn mill-istandards u mil-limiti stabbiliti f’ dak ir-Regolament, u biex iżommu dawk il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar aġġornati u konsistenti mal-objettivi stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 dwar il-“Patt Ekoloġiku Ewropew”.

    (8)

    Fuq il-bażi tar-Regolament Orizzont Ewropa, jenħtieġ li jkun possibbli li s-sħubijiet Ewropej jiġu stabbiliti bl-użu ta’ tliet forom differenti, jiġifieri “kofinanzjati”, “koprogrammati” u “istituzzjonalizzati”. L-istabbiliment ta’ sħubijiet Ewropej istituzzjonalizzati li huma impriżi konġunti bejn is-sħab tas-settur privat u dak pubbliku jenħtieġ li jinvolvi leġiżlazzjoni ġdida tal-Unjoni u l-istabbiliment ta’ strutturi ta’ implimentazzjoni dedikati skont l-Artikolu 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    (9)

    Ir-Regolament Orizzont Ewropa jiddefinixxi tmien oqsma prijoritarji, li fihom jistgħu jiġu proposti sħubijiet Ewropej istituzzjonalizzati stabbiliti taħt l-Artikoli 185 jew 187 TFUE. F’dawk l-oqsma prijoritarji, jitressqu diversi inizjattivi għal tali sħubijiet Ewropej istituzzjonalizzati u disgħa minnhom huma koperti b’dan ir-Regolament.

    (10)

    L-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni mwettqa mill-impriżi konġunti jenħtieġ li jiġu ffinanzjati minn Orizzont Ewropa kif previst fl-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament Orizzont Ewropa. Sabiex jiksbu impatt massimu, jenħtieġ li l-impriżi konġunti jiżviluppaw sinerġiji mill-qrib ma’ inizjattivi ta’ Orizzont Ewropa u programmi u strumenti ta’ finanzjament oħra tal-Unjoni, partikolarment ma’ dawk li jappoġġaw il-varar ta’ soluzzjonijiet innovattivi, l-edukazzjoni u l-iżvilupp reġjonali, sabiex tiżdied il-koeżjoni ekonomika u soċjali u jitnaqqsu l-iżbilanċi.

    (11)

    L-approċċ ta’ politika l-ġdid għas-sħubijiet Ewropej, u b’mod partikolari s-sħubijiet Ewropej istituzzjonalizzati, jitlob mod ġdid kif jiġi stabbilit il-qafas legali li joperaw fih. Filwaqt li l-istabbiliment ta’ impriżi konġunti fuq il-bażi tal-Artikolu 187 TFUE għall-fini ta’ Orizzont 2020 wera li huwa effettiv fir-rigward tal-implimentazzjoni, huwa neċessarju li dan jissaħħaħ. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu l-għan li jżid il-koerenza, l-effiċjenza, it-trasparenza, l-effettività u l-orjentazzjoni lejn l-impatt tal-implimentazzjoni permezz tat-tisrif tad-dispożizzjonijiet ta’ Orizzont Ewropa u tal-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni tal-programm fil-qafas ta’ Orizzont 2020 f’dispożizzjonijiet komuni fl-impriżi konġunti b’mod armonizzat. Għandu l-għan li jiffaċilita l-ħolqien ta’ kollaborazzjoni u sinerġiji bejn is-sħubijiet Ewropej, u b’hekk jagħmel użu sħiħ mill-interkonnessjonijiet tagħhom fil-livell organizzazzjonali. Jenħtieġ li l-impriżi konġunti jfittxu opportunitajiet biex jinvolvu rappreżentanti ta’ sħubijiet Ewropej oħra f’diskussjonijiet matul l-abbozzar tal-programmi ta’ ħidma tagħhom, jidentifikaw l-oqsma li fihom attivitajiet kumplementari jew konġunti jindirizzaw l-isfidi b’mod aktar effettiv u effiċjenti, jevitaw trikkib, jallinjaw it-twaqqit tal-attivitajiet tagħhom u jiżguraw l-aċċess għar-riżultati u għall-mezzi rilevanti l-oħra ta’ skambju tal-għarfien.

    (12)

    Wara l-identifikazzjoni tas-sinerġiji bejniethom, jenħtieġ li l-impriżi konġunti jkollhom l-għan li jiddeterminaw l-ishma tal-baġit li jenħtieġ li jintużaw għal attivitajiet komplementari jew konġunti bejn l-impriżi konġunti. Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu l-għan li jikseb effiċjenzi u armonizzazzjoni mtejba tar-regoli permezz ta’ kollaborazzjoni operazzjonali intensifikata u billi jesplora ekonomiji ta’ skala, inkluż l-istabbiliment ta’ arranġamenti tal-back office li jenħtieġ jipprovdi funzjonijiet ta’ appoġġ orizzontali lill-impriżi konġunti. Jenħtieġ li dawk l-arranġamenti tal-back office jagħmluha aktar faċli biex jinkiseb impatt u armonizzazzjoni akbar fuq punti komuni filwaqt li jinżamm ċertu grad ta’ flessibbiltà biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull impriża konġunta. Jenħtieġ li l-istruttura tiġi stabbilita bl-użu ta’ ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz li għandhom jiġu konklużi mill-impriżi konġunti. Jenħtieġ li l-arranġamenti tal-back office jkopru l-funzjonijiet ta’ koordinazzjoni u appoġġ amministrattiv f’oqsma li fihom l-iskrinjar tagħhom ikun irriżulta effiċjenti u kosteffettiv u jenħtieġ li jqisu safejn ikun possibbli l-konformità mar-rekwiżit ta’ responsabbiltà ta’ kull uffiċjal tal-awtorizzazzjoni individwali u l-armonizzazzjoni tar-regoli, inkluż id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Jenħtieġ li l-istruttura legali titfassal biex taqdi bl-aħjar mod il-ħtiġijiet komuni tal-impriżi konġunti, biex tiżgura l-kollaborazzjoni mill-qrib tagħhom u tesplora s-sinerġiji possibbli kollha fost is-sħubijiet Ewropej u, bħala konsegwenza, bejn id-diversi partijiet ta’ Orizzont Ewropa kif ukoll bejn il-programmi l-oħra ġestiti mill-impriżi konġunti.

    (13)

    Il-valutazzjonijiet tal-impatt rigward kull impriża konġunta li jakkumpanjaw il-proposta għal dan ir-Regolament ipprovdew evidenza li tiġġustifika l-implimentazzjoni ta’ sħubijiet Ewropej f’konformità mar-Regolament Orizzont Ewropa biss fejn partijiet oħra ta’ Orizzont Ewropa, inkluż forom oħra ta’ sħubija Ewropea, ma jiksbux l-objettivi jew ma jiġġenerawx l-impatti mistennija neċessarji, u fejn tali implimentazzjoni tkun iġġustifikata minn perspettiva fit-tul u minn grad għoli ta’ integrazzjoni.

    (14)

    Orizzont Ewropa jintroduċi approċċ aktar strateġiku, koerenti u xprunat mill-impatt għas-sħubijiet Ewropej, filwaqt li jibni fuq it-tagħlimiet meħuda mill-evalwazzjoni interim ta’ Orizzont 2020. Skont l-ambizzjoni l-ġdida, dan ir-Regolament għandu l-għan li jikseb użu aktar effettiv tas-sħubijiet Ewropej istituzzjonalizzati, b’mod partikolari billi jiffoka fuq objettivi, eżiti u impatt ċari li jistgħu jinkisbu sal-2030, u billi jiżgura kontribut ċar għall-prijoritajiet ta’ politika u għall-politiki relatati tal-Unjoni. Il-kollaborazzjoni mill-qrib u s-sinerġiji ma’ inizjattivi rilevanti oħra fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali u dak reġjonali, b’mod partikolari ma’ sħubijiet Ewropej oħra, huma kruċjali biex jinkiseb impatt xjentifiku, soċjoekonomiku u ambjentali akbar u biex jiġi żgurat l-użu tar-riżultati. Għal dan il-għan, l-impriżi konġunti jistgħu japplikaw dispożizzjonijiet ta’ Orizzont Ewropa li jippermettu tipi differenti ta’ sinerġiji, bħal finanzjament alternattiv, kumulattiv jew kombinat u trasferiment ta’ riżorsi. Fil-valutazzjoni tal-impatt ġenerali, jenħtieġ li jittieħed kont ta’ investimenti usa’ lil hinn mill-kontribuzzjonijiet mis-sħab u skattati mill-impriżi konġunti li jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tagħhom biex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni mis-suq ta’ soluzzjonijiet innovattivi.

    (15)

    Sabiex jiġi żgurat approċċ koerenti u jinqabdu l-impatti xjentifiċi, teknoloġiċi, ekonomiċi, soċjetali u ambjentali tas-sħubiji Ewropej fir-rigward tal-objettivi ta’ Orizzont Ewropa u l-prijoritajiet tal-Unjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi objettivi ġenerali kollettivi u objettivi speċifiċi komuni li jenħtieġ li jitwasslu mill-impriżi konġunti kollha. L-impriżi konġunti kollha jikkontribwixxu b’mod kollettiv għall-kisba ta’ dawk l-objettivi billi jilħqu l-objettivi individwali tagħhom. Barra minn hekk, il-partijiet komuni ta’ dan ir-Regolament jiddefinixxu objettivi operazzjonali komuni li joħorġu mill-objettivi stabbiliti għall-Programm Speċifiku li jimplimenta l-Orizzont Ewropa, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 (6) (il-‘Programm Speċifiku li jimplimenta l-Orizzont Ewropa”). L-impriżi konġunti kollha jenħtieġ li jwettqu l-kompiti tagħhom sabiex jissodisfaw il-prinċipji u l-kriterji stabbiliti għas-sħubiji Ewropej fir-Regolament Orizzont Ewropa (l-Artikolu 10 u l-Anness III) u jwasslu valur miżjud Ewropew meta mqabbel ma’ sejħiet fil-programm ta’ ħidma ewlieni ta’ Orizzont Ewropa. L-objettivi u l-kompiti tal-impriżi konġunti huma kkumplementati minn oħrajn addizzjonali speċifiċi għal kull impriża konġunta. Filwaqt li jittieħed kont tal-ispeċifiċitajiet u l-kuntesti ta’ politika tagħhom, l-allinjament tal-loġika ta’ intervent ta’ impriżi konġunti individwali ma’ Orizzont Ewropa jenħtieġ li jappoġġa l-valutazzjoni koordinata tal-progress tal-impriżi konġunti bħala parti mill-attivitajiet ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni ta’ Orizzont Ewropa.

    (16)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq il-prinċipji u l-kriterji stabbiliti fir-Regolament Orizzont Ewropa, inkluż l-aċċess miftuħ u t-trasparenza, effett ta’ ingranaġġ qawwi u impenji fit-tul tal-partijiet kollha involuti. Wieħed mill-objettivi ta’ dan ir-Regolament huwa li jiżgura t-trasparenza tal-impriżi konġunti u l-azzjonijiet tagħhom għal firxa wiesgħa ta’ entitajiet, inkluż parteċipanti ġodda li ser jiġu mmonitorjati wkoll fil-qafas tal-proċess strateġiku ta’ koordinazzjoni għas-sħubijiet Ewropej previst skont l-Artikolu 6(5) tal-Programm Speċifiku li jimplimenta Orizzont Ewropa. Tali sħubiji jenħtieġ li jkunu miftuħa għal kwalunkwe entità li tkun lesta u kapaċi taħdem lejn l-għan komuni, u jenħtieġ li jippromwovu parteċipazzjoni wiesgħa u attiva tal-partijiet ikkonċernati fl-attivitajiet, fis-sħubija u fil-governanza tagħhom, u jenħtieġ li jiżguraw li r-riżultati jkunu għall-benefiċċju tal-Ewropej kollha, b’mod partikolari permezz ta’ disseminazzjoni wiesgħa tar-riżultati u l-attivitajiet ta’ qabel il-varar madwar l-Unjoni. Fir-rigward ta’ membri privati u l-entitajiet kostitwenti jew affiljati tagħhom stabbiliti f’pajjiżi terzi, jenħtieġ li jiġu salvagwardjati l-interessi tal-Unjoni u tal-impriża konġunta għal raġunijiet ta’ sigurtà jew ordni pubbliku. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ titlob lill-membri privati biex jieħdu miżuri xierqa. Tali miżuri jistgħu jinkludu l-immaniġġjar xieraq ta’ informazzjoni kunfidenzjali jew il-limitazzjoni ta’ ċerti entitajiet f’attivitajiet operazzjonali speċifiċi tal-membru privat.

    (17)

    Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni koerenti tal-Artikolu 22(5) tar-Regolament Orizzont Ewropa, jenħtieġ li l-impriżi konġunti jiżguraw koerenza mal-approċċ meħud għal azzjonijiet iffinanzjati taħt il-programm ta’ ħidma ta’ Orizzont Ewropa fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dak l-ArtikoluRegolament Orizzont Ewropa, kif ukoll il-leġiżlazzjoni u l-gwida tal-Unjoni rilevanti għall-applikazzjoni tiegħu f’suġġetti simili fil-programm ta’ ħidma tal-impriża konġunta kkonċernata.

    (18)

    Fejn il-Kummissjoni jew l-Istati Membri jikkunsidraw li jillimitaw il-parteċipazzjoni f’azzjonijiet speċifiċi tal-impriża konġunta skont l-Artikolu 22(5) tar-Regolament Orizzont Ewropa, il-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-grupp rappreżentattiv tal-istati jenħtieġ li jfittxu pożizzjoni maqbula fuq bażi ta’ każ b’każ qabel l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma. Fil-każ ta’ impriżi konġunti b’Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi, l-applikazzjoni ta’ dak l-Artikolujenħtieġ li tiġi approvata mill-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi, wara t-talba mill-Kummissjoni, qabel l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma. Barra minn hekk, wara stedina mill-President, jenħtieġ li d-Direttur Eżekuttiv jinforma regolarment lill-konfigurazzjoni rilevanti tal-kumitat tal-programm Orizzont Ewropa, b’segwitu għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tinforma lill-Kumitat tal-Programm skont l-Artikolu 14(7) u l-Anness III tal-Programm Speċifiku li jimplimenta Orizzont Ewropa, u b’mod partikolari, qabel l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma tal-impriża konġunta kkonċernata, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 22(5) tar-Regolament Orizzont Ewropa.

    (19)

    L-Anness III tar-Regolament Orizzont Ewropa jeħtieġ li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji jew il-kontributi in natura minn membri għajr l-Unjoni jenħtieġ li jkunu tal-anqas ugwali għal 50 % u jistgħu jaslu sa 75 % tal-impenji baġitarji aggregati tal-impriża konġunta. Min-naħa l-oħra, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni, inkluż kwalunkwe fond addizzjonali minn pajjiżi assoċjati, jenħtieġ li ma taqbiżx il-50 % tal-impenji baġitarji aggregati ta’ kull impriża konġunta. Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kontribuzzjoni meħtieġa minn membri għajr l-Unjoni fl-istess livell jew f’livell ogħla mill-kontribuzzjoni tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Unjoni tkun f’pożizzjoni li tnaqqas il-kontribuzzjoni tagħha jekk membri għajr l-Unjoni jonqsu milli jissodisfaw l-impenji tagħhom.

    (20)

    F’konformità mal--Artikolu 10(1), punt (c), tar-Regolament Orizzont Ewropa, l-impriżi konġunti jridu jimplimentaw ġestjoni ċentrali tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji kollha permezz ta’ approċċ ikkoordinat. Għaldaqstant, jenħtieġ li kull stat parteċipanti jikkonkludi ftehim amministrattiv wieħed jew aktar mal-impriża konġunta li jistabbilixxi l-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni għall-pagament ta’ kontribuzzjonijiet u r-rappurtar dwarhom lill-applikanti li jinsabu f’dak l-istat parteċipanti. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza mal-prijoritajiet strateġiċi nazzjonali tagħhom, jenħtieġ li l-istati parteċipanti jingħataw id-dritt ta’ veto fuq l-użu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji nazzjonali tagħhom għall-applikanti stabbiliti f’dawk l-istati parteċipanti. Sabiex jiġi minimizzat il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji, tinkiseb simplifikazzjoni u tiġi żgurata implimentazzjoni aktar effiċjenti, jenħtieġ li kull stat parteċipanti jistinka biex jissinkronizza l-iskeda, ir-rappurtar u l-awditi ta’ pagamenti tiegħu, ma’ dawk tal-impriżi konġunti u biex jikkonverġi l-eliġibbiltà tal-kostijiet tiegħu mar-Regolament Orizzont Ewropa. Il-benefiċjarji li jinsabu fl-istati parteċipanti li fdaw l-attivitajiet ta’ pagament lill-impriża konġunta jenħtieġ li jiffirmaw ftehim ta’ għotja uniku mal-impriża konġunta skont ir-Regolament Orizzont Ewropa.

    (21)

    F’konformità mal-ambizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Orizzont Ewropa, waħda mill-prekondizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ sħubijiet Ewropej istituzzjonalizzati hija li jiġu żgurati l-kontribuzzjonijiet tas-sħab tul il-ħajja tal-impriżi konġunti. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li s-sħab privati jagħtu parti sinifikanti mill-kontribuzzjonijiet tagħhom fil-forma ta’ kontributi in natura għall-kostijiet operazzjonali tal-impriża konġunta. Jenħtieġ li l-impriżi konġunti jkunu jistgħu jidentifikaw miżuri biex jiffaċilitaw dawk il-kontribuzzjonijiet permezz tal-programmi ta’ ħidma tagħhom, b’mod partikolari billi jnaqqsu r-rati ta’ finanzjament. Jenħtieġ li dawk il-miżuri jkunu bbażati fuq il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ impriża konġunta u l-attivitajiet sottostanti. F’każijiet debitament ġustifikati, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu introdotti kundizzjonijiet addizzjonali li jirrikjedu l-parteċipazzjoni ta’ membru tal-impriża konġunta jew tal-entitajiet kostitwenti jew affiljati tiegħu, immirati lejn attivitajiet li fihom is-sħab industrijali tal-impriża konġunta jistgħu jaqdu rwol ewlieni, bħal dimostrazzjonijiet fuq skala kbira u proġetti ewlenin aktar qrib is-suq, u jikkontribwixxu aktar permezz ta’ rati ta’ finanzjament aktar baxxi. Jenħtieġ li l-livell ta’ parteċipazzjoni tal-membri jiġi mmonitorjat mid-direttur eżekuttiv sabiex il-bord ta’ tmexxija jingħata s-setgħa li jieħu azzjonijiet xierqa, filwaqt li jiġi żgurat bilanċ bejn l-impenn mis-sħab u l-aċċess miftuħ. F’każijiet debitament iġġustifikati, in-nefqa kapitali għal, pereżempju, dimostrazzjonijiet fuq skala kbira jew għal proġetti ewlenin, tista’ titqies bħala kost eliġibbli skont il-qafas legali applikabbli.

    (22)

    Jenħtieġ li jkun possibbli li, f’konformità mal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Orizzont Ewropa, il-kontribuzzjonijiet mill-programmi kofinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7)(FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew Plus stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8)(FSE+), il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) (FEMSA) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) (FAEŻR) jitqiesu bħala kontribuzzjoni tal-istati parteċipanti li huma Stati Membri għall-impriżi konġunti, dment li jkun hemm konformità mar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) u mar-regolamenti speċifiċi għall-fondi. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun possibbli li l-kontribuzzjonijiet mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) (il-‘Faċilità) jitqiesu bħala kontribuzzjoni tal-Istati Membri li huma stati parteċipanti għall-impriżi konġunti, dment li jkun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Faċilità u l-impenji stabbiliti fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza.

    (23)

    Skont il-prinċipju tal-kondiviżjoni ġusta tal-kontribuzzjonijiet fost il-membri tal-impriżi konġunti, jenħtieġ li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-kostijiet amministrattivi tal-impriżi konġunti jinqasmu b’mod ugwali bejn l-Unjoni u l-membri għajr l-Unjoni. Jenħtieġ li devjazzjonijiet minn dak il-prinċipju jitqiesu biss f’każijiet eċċezzjonali u debitament iġġustifikati bħal meta d-daqs jew l-istruttura tas-sħubija ta’ membru tal-impriża konġunta għajr l-Unjoni tkun tirriżulta f’kontribuzzjonijiet għal kull entità kostitwenti jew affiljata, b’mod partikolari intrapriżi żgħar u medji (SMEs), ta’ livell li tant ikun għoli li jipperikola serjament l-inċentiv li entità ssir jew tibqa’ entità kostitwenti jew affiljata tal-membru tal-impriża konġunta. F’dawn il-każijiet, jenħtieġ li l-perċentwal minimu tal-kontribuzzjoni finanzjarja annwali għall-kostijiet amministrattivi tal-impriża konġunta minn membri għajr l-Unjoni jkun ta’ 20 % tal-kostijiet amministrattivi annwali totali u jenħtieġ li l-kontribuzzjonijiet mill-SMEs jkunu ferm anqas minn dawk minn entitajiet kostitwenti jew affiljati akbar. Ladarba tintlaħaq massa kritika ta’ sħubija li tippermetti kontribuzzjoni ogħla minn 20 % tal-kostijiet amministrattivi annwali totali, jenħtieġ li l-kontribuzzjonijiet annwali għal kull entità kostitwenti jew affiljata jinżammu jew jiżdiedu bl-għan li gradwalment jiżdied is-sehem tal-membri għajr l-Unjoni fil-kontribuzzjoni ġenerali għall-kostijiet amministrattivi annwali tal-impriża konġunta. Jenħtieġ li l-membri tal-impriża konġunta għajr l-Unjoni jagħmlu ħilithom sabiex iżidu l-għadd ta’ entitajiet kostitwenti jew affiljati bl-għan li jżidu l-kontribuzzjoni tagħhom għal 50 % tal-kostijiet amministrattivi tal-impriża konġunta tul il-ħajja tagħha.

    (24)

    Ir-Regolament Orizzont Ewropa jirrikjedi li s-sħab juru l-impenn fit-tul tagħhom, inkluż permezz ta’ sehem minimu ta’ investimenti pubbliċi jew privati. Għaldaqstant, huwa neċessarju li f’dan ir-Regolament l-Unjoni tidentifika membri fundaturi stabbiliti fl-Istati Membri, fil-pajjiżi assoċjati ma’ Orizzont Ewropa jew fl-organizzazzjonijiet internazzjonali. Madankollu, fejn ikun neċessarju jenħtieġ li jkun possibbli li tiġi estiża l-bażi ta’ sħubija ta’ impriżi konġunti wara li jiġu stabbiliti b’membri assoċjati magħżula wara proċeduri miftuħa u trasparenti, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari l-iżviluppi teknoloġiċi ġodda jew l-assoċjazzjoni ta’ pajjiżi addizzjonali ma’ Orizzont Ewropa.

    (25)

    L-entitajiet legali interessati li jappoġġaw l-objettivi tal-impriżi konġunti fl-oqsma speċifiċi tar-riċerka tagħhom, mingħajr ma jsiru membri, jenħtieġ li jiġu offruti wkoll il-possibbiltà li jsiru sħab kontribwenti ta’ dawn l-impriżi konġunti.

    (26)

    F’konformità mal-Artikolu 16(5) tar-Regolament Orizzont Ewropa, l-allokazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji minn pajjiżi terzi assoċjati ma’ Orizzont Ewropa jenħtieġ li tqis il-livell ta’ parteċipazzjoni tal-entitajiet legali tal-pajjiżi terzi assoċjati. Skont dan, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-impriżi konġunti tista’ tiżdied b’kontribuzzjonijiet minn pajjiżi terzi assoċjati ma’ Orizzont Ewropa filwaqt li tqis il-livell ta’ parteċipazzjoni ta’ tali entitajiet legali u dment li l-ammont totali li bih tiżdied il-kontribuzzjoni tal-Unjoni jkun tal-inqas daqs il-kontribuzzjoni tal-membri għajr l-Unjoni, jew l-entitajiet kostitwenti jew affiljati tagħhom.

    (27)

    L-istabbiliment ta’ impriża konġunta jiżgura sħubija pubblika-privata ta’ benefiċċju reċiproku għall-membri involuti, inkluż billi tiġi promossa ċ-ċertezza dwar allokazzjonijiet baġitarji kbar għall-industriji rilevanti matul perijodu ta’ seba’ snin. Meta wieħed isir membru fundatur jew membru assoċjat, jew waħda mill-entitajiet kostitwenti jew affiljati tagħhom, il-membri jkunu jistgħu jiksbu influwenza, jew direttament jew permezz tar-rappreżentanti tal-industrija, fil-bord ta’ tmexxija tal-impriża konġunta. Il-bord ta’ tmexxija huwa l-korp deċiżjonali tal-impriża konġunta li jiddeċiedi dwar l-orjentazzjoni strateġika fit-tul tas-sħubija, kif ukoll dwar il-prijoritajiet annwali tagħha. Għaldaqstant, l-Unjoni, l-istati parteċipanti fejn rilevanti, il-membri fundaturi u l-membri assoċjati jenħtieġ li jkunu jistgħu jikkontribwixxu għall-aġenda u għall-iffissar tal-prijoritajiet tal-impriża konġunta permezz tal-adozzjoni u tal-emendar possibbli tal-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni, kif ukoll l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali, inkluż il-kontenut tas-sejħiet għal proposti, ir-rata ta’ finanzjament applikabbli għal kull suġġett ta’ sejħa, u r-regoli relatati tal-proċeduri ta’ sottomissjoni, ta’ evalwazzjoni, tal-għażla, ta’ għoti u ta’ rieżami.

    (28)

    Huwa xieraq li l-membri għajr l-Unjoni jimpenjaw ruħhom għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament permezz ta’ ittra ta’ impenn, jew ittra konġunta ta’ impenn li tindika l-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet tagħhom fejn xieraq, mingħajr ma jimponu kundizzjonijiet rigward l-adeżjoni tagħhom. Jenħtieġ li tali ittri ta’ impenn ikunu legalment validi matul il-ħajja tal-impriża konġunta u mmonitorjati mill-qrib mill-impriża konġunta u mill-Kummissjoni. Jenħtieġ li l-impriżi konġunti joħolqu ambjent legali u organizzazzjonali li jippermetti lill-membri jwettqu l-impenji tagħhom, filwaqt li jiżguraw l-attraenza għall-partijiet ikkonċernati kollha, l-aċċess miftuħ kontinwu tal-impriżi konġunti u t-trasparenza matul l-implimentazzjoni tagħhom, b’mod partikolari għall-iffissar tal-prijoritajiet u għall-parteċipazzjoni f’sejħiet għal proposti.

    (29)

    Simplifikazzjoni ulterjuri hija l-pedament ta’ Orizzont Ewropa. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li jkun hemm mekkaniżmu ta’ rapportar simplifikat għas-sħab, li ma għadhomx meħtieġa jirrapportaw dwar il-kostijiet mhux eliġibbli. Il-kontribut in natura għall-attivitajiet operazzjonali jenħtieġ li jitqiesu biss abbażi tal-kostijiet eliġibbli u jenħtieġ li jiġu rrapportati u awditjati f’konformità mal-mekkaniżmu applikabbli għall-ftehim ta’ għotja speċifiku. Tali kontabbiltà abbażi ta’ kostijiet eliġibbli biss jippermetti l-kalkolu awtomatizzat ta’ kontributi in natura għall-attivitajiet operazzjonali permezz tal-għodod tal-IT ta’ Orizzont Ewropa, inaqqas il-piż amministrattiv għas-sħab u jagħmel il-mekkaniżmu ta’ rapportar għall-kontribuzzjonijiet aktar effettiv. Jenħtieġ li l-kontributi in natura għall-attivitajiet operazzjonali jiġu mmonitorjati mill-qrib mill-impriżi konġunti u jenħtieġ li jitħejjew rapporti regolari u jsiru pubbliċi mid-direttur eżekuttiv sabiex jiġi stabbilit jekk il-progress fl-ilħuq tal-miri tal-kontributi in natura huwiex sodisfaċenti biżżejjed. Jenħtieġ li l-bord ta’ tmexxija jivvaluta kemm l-isforzi magħmula kif ukoll ir-riżultati miksuba mill-membri li jikkontribwixxu għal attivitajiet operazzjonali, kif ukoll fatturi oħra, bħal-livell ta’ parteċipazzjoni ta’ SMEs u l-attraenza tal-impriżi konġunti għal parteċipanti ġodda. Meta jkun neċessarju jenħtieġ li jieħu miżuri rimedjali u korrettivi xierqa filwaqt li jieħu kont tal-prinċipji ta’ aċċess miftuħ u trasparenza.

    (30)

    Jenħtieġ li l-impriżi konġunti jipprovdu opportunità u inċentiv sistematiċi għall-membri għajr l-Unjoni biex jikkombinaw l-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni tagħhom ma’ dawk tal-impriża konġunta. Jenħtieġ li attivitajiet addizzjonali ma jirċevux appoġġ finanzjarju mill-impriża konġunta. Madankollu, dawn jistgħu jitqiesu bħala kontributi in natura tal-membri għal attivitajiet addizzjonali meta jikkontribwixxu għall-objettivi tal-impriża konġunta u jkunu direttament marbuta mal-attivitajiet tagħha, inkluż kostijiet mhux eliġibbli ta’ azzjonijiet indiretti ffinanzjati mill-impriża konġunta fejn dan ikun previst fil-pjan annwali ta’ attivitajiet addizzjonali. Dik ir-rabta tista’ tiġi stabbilita permezz tal-adozzjoni tar-riżultati minn azzjonijiet indiretti ffinanzjati mill-impriża konġunta jew mill-inizjattivi preċedenti tagħha, jew billi jintwera valur miżjud sinifikanti tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-kostijiet rispettivi jiġu ċċertifikati minn korp tal-awditjar indipendenti maħtur mill-entità kkonċernata soġġett għall-metodu ta’ valutazzjoni li jkun miftuħ għall-verifika mill-impriża konġunta f’każ ta’ inċertezza. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet aktar speċifiċi dwar l-ambitu tal-attivitajiet addizzjonali għal kull impriża konġunta, sakemm dan ikun neċessarju biex jinkisbu d-direzzjonalità u l-impatt mixtieqa. Jenħtieġ li jiġi deċiż ukoll mill-bordijiet ta’ tmexxija tal-impriżi konġunti jekk, għall-finijiet ta’ valorizzazzjoni ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, l-użu ta’ metodi ta’ simplifikazzjoni bħal somom f’daqqa jew kostijiet ta’ unità huwiex neċessarju biex jinkisbu simplifikazzjoni, kosteffettività u livell xieraq ta’ protezzjoni ta’ data kummerċjali kunfidenzjali.

    (31)

    Jenħtieġ li l-governanza tal-impriżi konġunti tiżgura li l-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħhom ikunu idonei biex iżommu l-pass ma’ ambjent soċjoekonomiku u teknoloġiku li qed jinbidel b’rata mgħaġġla u mal-isfidi globali. Jenħtieġ li l-impriżi konġunti jibbenefikaw minn għarfien espert, pariri u appoġġ mill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, sabiex jimplimentaw b’mod effettiv il-kompiti tagħhom u jiżguraw sinerġiji fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali. Għalhekk, jenħtieġ li l-impriżi konġunti jingħataw is-setgħa li jistabbilixxu korpi konsultattivi bil-ħsieb li jipprovdulhom pariri esperti u jwettqu kwalunkwe kompitu ieħor ta’ natura konsultattiva li jkun neċessarju għall-kisba tal-objettivi tal-impriżi konġunti. Fl-istabbiliment tal-korpi konsultattivi, jenħtieġ li l-impriżi konġunti jiżguraw rappreżentanza bilanċjata ta’ esperti fi ħdan l-ambitu tal-attivitajiet tal-impriża konġunta, inkluż fir-rigward tal-bilanċ bejn il-ġeneri. Jenħtieġ li l-parir ipprovdut minn dawk il-korpi kif ukoll minn dawk tal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali u ta’ partijiet ikkonċernati oħra ta’ impriżi konġunti jġib miegħu perspettivi xjentifiċi.

    (32)

    Jenħtieġ li l-impriżi konġunti jiżguraw li l-Istati Membri jkunu informati biżżejjed dwar l-attivitajiet tal-impriżi konġunti, ikunu jistgħu jipprovdu informazzjoni f’waqtha dwar l-attivitajiet imwettqa fl-Istati Membri u jkollhom l-opportunità li jikkontribwixxu għall-proċessi preparatorji u tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Tali djalogu mal-Istati Membri huwa partikolarment importanti fil-kuntest ta’ sinerġiji u tal-ħtieġa li jiġi żgurat l-allinjament tal-isforzi u l-attivitajiet fil-livell nazzjonali, reġjonali, tal-Unjoni u dak Ewropew biex jinħoloq impatt akbar. Jenħtieġ li l-impriżi konġunti mingħajr l-involviment dirett jew indirett tal-Istati Membri bħala membri jew entitajiet kostitwenti jistabbilixxu grupp tar-rappreżentanti tal-istat bil-għan li l-attivitajiet tal-impriżi konġunti jiġu allinjati mal-politiki u l-azzjonijiet meħuda fil-livell nazzjonali u dak reġjonali.

    (33)

    Jenħtieġ li l-impriżi konġunti jkunu jistgħu jistabbilixxu korp konsultattiv b’funzjoni konsultattiva xjentifika. Jenħtieġ li dak il-korp jew il-membri tiegħu jkunu f’pożizzjoni li jipprovdu pariri xjentifiċi indipendenti u appoġġ lill-impriża konġunta rispettiva. Jenħtieġ li l-pariri xjentifiċi jikkonċernaw, b’mod partikolari, programmi ta’ ħidma annwali u attivitajiet addizzjonali kif ukoll kwalunkwe aspett ieħor tal-kompiti tal-impriżi konġunti, kif neċessarju.

    (34)

    Bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-impriżi konġunti jkunu konxji tal-pożizzjonijiet u l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati mill-katina tal-valur kollha fl-oqsma rispettivi tagħhom, jenħtieġ li l-impriżi konġunti jkunu jistgħu jistabbilixxu l-gruppi ta’ partijiet ikkonċernati konsultattivi rispettivi tagħhom, li jiġu kkonsultati dwar kwistjonijiet orizzontali jew kwistjonijiet speċifiċi, skont il-ħtiġijiet ta’ kull impriża konġunta. Jenħtieġ li tali gruppi jkunu miftuħa għall-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati, inkluż gruppi ta’ interess organizzati u għal gruppi ta’ interess internazzjonali mill-Istati Membri, minn pajjiżi assoċjati jew minn pajjiżi oħra, attivi fil-qasam tal-impriżi konġunti.

    (35)

    Jenħtieġ li l-impriżi konġunti joperaw b’mod miftuħ u trasparenti, billi jipprovdu l-informazzjoni rilevanti kollha b’mod regolari u f’waqtu lill-korpi xierqa tagħhom kif ukoll billi jippromwovu l-attivitajiet tagħhom, inkluż attivitajiet ta’ informazzjoni u ta’ disseminazzjoni, lill-pubbliku usa’. Dan jinkludi informazzjoni f’waqtha, soġġetta għar-regoli ta’ kunfidenzjalità u bi tqassim skont il-pajjiż dwar l-applikazzjoni u l-parteċipazzjoni f’azzjonijiet indiretti ffinanzjati mill-impriża konġunta, dwar l-evalwazzjoni tar-riżultati ta’ kull sejħa għal proposti u l-implimentazzjoni tal-proġett, dwar sinerġiji ma’ programmi rilevanti oħra tal-Unjoni u sħubiji Ewropej oħra, dwar attivitajiet addizzjonali, dwar kontribuzzjonijiet finanzjarji u kontributi in natura imwiegħda u effettivament ipprovduti, dwar l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-impriża konġunta, u dwar ir-rabta bejn l-objettivi tal-impriża konġunta u l-kontributi in natura għal attivitajiet addizzjonali.

    (36)

    Jenħtieġ li l-impriżi konġunti jiġu implimentati bl-użu ta’ struttura u ta’ regoli li jtejbu l-effiċjenza u jiżguraw is-simplifikazzjoni. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-impriżi konġunti jadottaw regoli finanzjarji speċifiċi għall-ħtiġijiet tagħhom f’konformità mal-Artikolu 71 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

    (37)

    Jenħtieġ li l-implimentazzjoni tal-impriżi konġunti tkun ibbażata fuq il-kriterji stabbiliti għas-sħubijiet Ewropej istituzzjonalizzati fir-Regolament Orizzont Ewropa. Jenħtieġ li dan jiġi appoġġat bl-użu ta’ mezzi elettroniċi ġestiti mill-Kummissjoni. Informazzjoni relatata ma’ azzjonijiet indiretti ffinanzjati mill-impriżi konġunti, inkluż ir-riżultati, hija essenzjali għall-finijiet tal-iżvilupp, tal-implimentazzjoni, tal-monitoraġġ u tal-evalwazzjoni ta’ politiki jew tal-programmi tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-impriżi konġunti jiżguraw li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni jkollhom aċċess għall-informazzjoni kollha relatata mal-azzjonijiet indiretti li jiffinanzjaw, inkluż il-kontribuzzjonijiet u r-riżultati tal-benefiċjarji li jipparteċipaw f’azzjonijiet indiretti. Tali drittijiet ta’ aċċess jenħtieġ li jkunu limitati għal użu mhux kummerċjali u mhux kompetittiv u jenħtieġ li jikkonformaw mar-regoli ta’ kunfidenzjalità applikabbli. Il-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tal-korpi, tal-uffiċċji jew tal-aġenziji tal-Unjoni jenħtieġ li jingħata aċċess għal din l-informazzjoni soġġett għal standards adegwati dwar is-sigurtà tal-IT u s-sigurtà tal-informazzjoni u f’konformità mal-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità.

    (38)

    Jenħtieġ li l-parteċipazzjoni f’azzjonijiet indiretti ffinanzjati mill-impriżi konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa tikkonforma mar-regoli stabbiliti fir-Regolament Orizzont Ewropa. Jenħtieġ li l-impriżi konġunti jiżguraw applikazzjoni konsistenti ta’ dawk ir-regoli fuq il-bażi tal-miżuri rilevanti adottati mill-Kummissjoni. Jenħtieġ li l-impriżi konġunti jużaw il-mudell korporattiv tal-ftehim ta’ għotja mħejji mill-Kummissjoni. Fir-rigward tal-perijodu biex jiġu kkontestati t-trasferimenti tas-sjieda tar-riżultati msemmija fl-Artikolu 40(4) tar-Regolament Orizzont Ewropa, jenħtieġ li jittieħed kont tad-durata taċ-ċikli ta’ innovazzjoni fl-oqsma koperti mill-impriżi konġunti rispettivi.

    (39)

    Wieħed mill-finijiet ewlenin tal-impriżi konġunti huwa li jrawmu l-kapaċitajiet ekonomiċi tal-Unjoni u b’mod partikolari t-tmexxija xjentifika u teknoloġika tagħha. Barra minn hekk, l-irkupru ta’ wara l-COVID-19 jenfasizza l-ħtieġa li jsir investiment f’teknoloġiji ewlenin bħall-5G, l-intelliġenza artifiċjali (IA), il-cloud, iċ-ċibersigurtà u t-teknoloġija ekoloġika u biex jiġu valorizzati dawk it-teknoloġiji fl-Unjoni. Jenħtieġ li l-impriżi konġunti jikkontribwixxu għat-trawwim tax-xjenza miftuħa f’konformità mal-Artikoli 14 u 39 tar-Regolament Orizzont Ewropa. Ir-riżultati ġġenerati mill-parteċipanti kollha ser jaqdu rwol importanti f’dan ir-rigward u l-parteċipanti kollha ser jibbenefikaw mill-finanzjament tal-Unjoni permezz tar-riżultati ġġenerati fil-proġett u mid-drittijiet ta’ aċċess għalihom, anki dawk il-parteċipanti li ma jkunux irċevew finanzjament mill-Unjoni. Għalhekk, biex jiġu protetti l-interessi tal-Unjoni, jenħtieġ li d-dritt għal impriżi konġunti li joġġezzjonaw għal trasferimenti tas-sjieda ta’ riżultati jew għal għotjiet ta’ liċenzja esklużiva rigward ir-riżultati japplika wkoll għal parteċipanti li ma jkunux irċevew finanzjament mill-Unjoni. Fl-eżerċitar ta’ dan id-dritt ta’ kontestazzjoni u f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, jenħtieġ li l-impriża konġunta ssib bilanċ ġust bejn l-interessi tal-Unjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fir-rigward tar-riżultati tal-parteċipanti li ma jkunux irċevew finanzjament mill-Unjoni, filwaqt li jittieħed kont tal-fatt li dawk il-parteċipanti ma jkunu rċevew l-ebda finanzjament mill-Unjoni għall-azzjoni li minnha ġew iġġenerati r-riżultati.

    (40)

    Jenħtieġ li l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiġi ġestita f’konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u mar-regoli dwar ġestjoni indiretta stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    (41)

    Għall-fini ta’ simplifikazzjoni, jenħtieġ li l-piż amministrattiv jitnaqqas għall-partijiet kollha. Jenħtieġ li jiġu evitati awditi doppji u ammonti ta’ dokumentazzjoni u rapportar sproporzjonati. Jenħtieġ li l-awditi ta’ benefiċjarji tal-fondi tal-Unjoni skont dan ir-Regolament jitwettqu f’konformità mar-Regolament Orizzont Ewropa u ma’ programmi ta’ finanzjament rilevanti oħra tal-Unjoni.

    (42)

    Jenħtieġ li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-membri l-oħra tal-impriżi konġunti jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati tul iċ-ċiklu tan-nefqa kollu kemm hu, inkluż il-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, l-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod ħażin u, fejn xieraq, pieni amministrattivi u finanzjarji f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Fid-dawl tan-natura speċifika tal-azzjonijiet implimentati minn xi wħud mill-impriżi konġunti li jirrikjedu li dawn jitneħħew gradwalment fuq diversi snin, jenħtieġ li jkun possibbli li l-impenji baġitarji pluriennali jinqasmu mill-Kummissjoni u mill-impriża konġunta rilevanti f’pagamenti parzjali annwali. F’dan ir-rigward, l-impenji baġitarji tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa, tal-Impriża Konġunta Ferrovjarja tal-Ewropa u tal-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 jistgħu jinqasmu f’pagamenti annwali. Sal-31 ta’ Diċembru 2024, l-ammont kumulattiv ta’ dawk l-impenji baġitarji jenħtieġ li ma jaqbiżx il-50 % tal-kontribuzzjoni massima rispettiva tal-Unjoni. Mill-1 ta’ Jannar 2025, tal-anqas 20 % tal-baġit kumulattiv tas-snin residwi jenħtieġ li jkun kopert minn pagamenti annwali.

    (43)

    Fid-dawl tan-natura speċifika u tal-istatus attwali tal-impriżi konġunti, jenħtieġ li dawn jibqgħu soġġetti għal kwittanza separata. Jenħtieġ li l-awditjar tal-kontijiet u tal-legalità u tar-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti jitwettaq mill-Qorti tal-Awdituri.

    (44)

    F’konformità mal--Artikolu 10(2), punt (c), tar-Regolament Orizzont Ewropa, jenħtieġ li l-impriżi konġunti jkollhom approċċ ċar taċ-ċiklu tal-ħajja. Sabiex l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu protetti b’mod adegwat, jenħtieġ li l-impriżi konġunti jiġu stabbiliti għal perijodu li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2031 biex ikunu jistgħu jeżerċitaw ir-responsabbiltajiet tagħhom fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ għotjiet sakemm jitlestew l-aħħar azzjonijiet indiretti mnedija. Jenħtieġ li l-impriżi konġunti jiġu ffinanzjati mill-programmi tal-Unjoni taħt il-qafas finanzjarju pluriennali (“QFP 2021-2027”). Jenħtieġ li l-impriżi konġunti jkunu jistgħu jniedu sejħiet għal proposti sal-31 ta’ Diċembru 2028, f’każijiet debitament ġustifikati relatati mad-disponibbiltà tal-baġit li jifdal li jirriżultaw mill-QFP 2021-2027.

    (45)

    Fil-kuntest tal-prijorità tal-Kummissjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew appoġġat mill-komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni tal-11 ta’ Ottubru 2018 dwar Bijoekonomija tal-Unjoni sostenibbli għall-Ewropa: Tisħiħ tal-konnessjoni bejn l-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent, tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar Pjaneta Nadif għal Kulħadd: Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima, tal-11 ta’ Marzu 2020 dwar Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari: Għal Ewropea aktar nadifa u kompetittiva, tal-20 ta’ Mejju 2020 dwar Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna, tal-20 ta’ Mejju 2020 dwar Strateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent u tas-17 ta’ Ottubru 2020 dwar l-Israteġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà: Lejn Ambjent Ħieles mit-Tossiċità,, jenħtieġ li s-settur Ewropew b’bażi bijoloġika, inkluż SMEs, reġjuni u produtturi primarji, isiru newtrali għall-klima, aktar ċirkolari u aktar sostenibbli filwaqt li jibqgħu kompetittivi fuq skala globali. Ekosistema tal-innovazzjoni b’bażi bijoloġika b’saħħitha, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva tista’ tnaqqas id-dipendenza fuq materja prima u riżorsi minerali fossili mhux rinnovabbli u tħaffef is-sostituzzjoni tagħhom. Tista’ tiżviluppa prodotti, materjali, proċessi u nutrijenti rinnovabbli b’bażi bijoloġika mill-iskart u mill-bijomassa permezz tal-innovazzjoni mmexxija mis-sostenibbiltà u miċ-ċirkolarità. Tali ekosistema tista’ toħloq ukoll valur mill-materja prima lokali, inkluż l-iskart, ir-residwi u l-flussi sekondarji, biex iġġib impjiegi, tkabbir ekonomiku u żvilupp madwar l-Unjoni, mhux biss f’żoni urbani iżda wkoll f’territorji rurali u kostali fejn tiġi prodotta l-bijomassa u li spiss ikunu reġjuni periferali li rarament jibbenefikaw mill-iżvilupp industrijali.

    (46)

    L-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi bijoloġika stabbilita fil-qafas ta’ Orizzont 2020 iffokat fuq l-użu sostenibbli tar-riżorsi, speċjalment f’setturi intensivi fir-riżorsi u b’impatt għoli bħall-agrikoltura, il-manifattura tat-tessuti u l-kostruzzjoni, b’mod partikolari mmirata lejn l-operaturi, il-manifatturi, l-impjanti u l-fabbriki lokali. L-evalwazzjoni interim tagħha ppubblikata f’Ottubru 2017 inkludiet sett b’saħħtu ta’ 34 rakkomandazzjoni li huma riflessi fit-tfassil tal-Impriża Konġunta Ewropa Ċirkolari b’Bażi Bijoloġika stabbilita b’dan ir-Regolament. L-Impriża Konġunta Ewropa Ċirkolari b’Bażi Bijoloġika mhijiex kontinwazzjoni diretta tal-Impriża Konġunta dwar l-Industriji B’bażi Bijoloġika iżda, pjuttost, programm li jibni fuq il-kisbiet tal-inizjattiva preċedenti u jindirizza n-nuqqasijiet tiegħu. Skont ir-rakkomandazzjonijiet, jenħtieġ li l-Impriża Konġunta Ewropa Ċirkolari b’Bażi Bijoloġika tinvolvi firxa usa’ ta’ partijiet ikkonċernati inkluż is-settur primarju (jiġifieri l-agrikoltura, l-akkwakultura, is-sajd u l-forestrija) kif ukoll fornituri ta’ skart, residwi u flussi sekondarji, awtoritajiet reġjonali u investituri biex tipprevjeni fallimenti tas-suq u proċessi b’bażi bijoloġika mhux sostenibbli. Sabiex tilħaq l-objettivi tagħha, jenħtieġ li tiffinanzja biss proġetti li jirrispettaw il-prinċipji taċ-ċirkolarità, tas-sostenibbiltà u tal-limiti planetarji.

    (47)

    Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta Ewropa Ċirkolari b’Bażi Bijoloġika tistabbilixxi Gruppi ta’ Varar li jenħtieġ li jservu bħala korpi konsultattivi u jipparteċipaw b’mod attiv fid-diskussjonijiet strateġiċi li jistabbilixxu l-aġenda għas-sħubija. Huwa kruċjali li dawn il-korpi konsultattivi jiġu inklużi fl-istruttura ta’ governanza biex jiġu żgurati parteċipazzjoni usa’ u investiment privat ogħla fis-settur ċirkolari b’bażi bijoloġika. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Gruppi ta’ Varar jipprovdu appoġġ għal-laqgħat strateġiċi tal-Bord ta’ Tmexxija fejn il-mexxejja industrijali u r-rappreżentanti tal-partijiet ikkonċernati flimkien ma’ rappreżentanti ta’ livell għoli tal-Kummissjoni jingħaqdu mal-Bord ta’ Tmexxija permanenti biex jiddiskutu u jistabbilixxu d-direzzjoni strateġika tas-sħubija.

    (48)

    Jenħtieġ li l-objettiv ewlieni tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa jkun li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-impronta ekoloġika tal-avjazzjoni billi taċċellera l-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-avjazzjoni newtrali għall-klima għall-aktar varar bikri possibbli tagħhom, u għalhekk tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-għanijiet ambizzjużi ta’ mitigazzjoni tal-impatt ambjentali tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u r-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”), jiġifieri tnaqqis ta’ 55 % fl-emissjonijiet sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990, u newtralità klimatika sal-2050 f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi adottat fl-ambitu tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (15). Dan l-objettiv jista’ jinkiseb biss permezz tal-aċċellerazzjoni u tal-ottimizzazzjoni tal-proċessi ta’ riċerka u innovazzjoni fl-ajrunawtika u billi tittejjeb il-kompetittività globali tal-industrija tal-avjazzjoni tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa tiżgura wkoll li avjazzjoni aktar nadifa tibqa’ sikura, sigura u effiċjenti għat-trasportazzjoni ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija bl-ajru.

    (49)

    L-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa tibni fuq l-esperjenza miksuba mill-Impriżi Konġunti Clean Sky u Clean Sky 2. Jenħtieġ li s-sħubija Ewropea l-ġdida tkun aktar ambizzjuża billi tiffoka fuq l-iżvilupp ta’ dimostraturi rivoluzzjonarji. Skont is-sejbiet tal-evalwazzjoni interim tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2, jenħtieġ li inizjattiva ġdida tiżgura li kull dimostratur ikun fit-triq kritika għall-iżvilupp tal-programmi tal-inġenji tal-ajru li jmiss sabiex it-teknoloġiji żviluppati verament jaqdu l-prijorità ewlenija tal-aktar varar bikri possibbli. Għalhekk, jenħtieġ li l-impriża konġunta l-ġdida tiffoka fuq iż-żieda fil-viżibbiltà tal-objettivi ta’ sfruttament individwali tagħha u fuq it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ, ġestjoni u rapportar tal-impriża konġunta biex tirrifletti l-kumplessità tal-isforz ta’ riċerka u innovazzjoni meħtieġ biex is-sħubija Ewropea tilħaq l-objettivi tagħha.

    (50)

    Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa tibni fuq tmexxija b’saħħitha mill-industrija tal-avjazzjoni Ewropea u bażi ta’ sħubija diversa, li tiġbor flimkien spettru wiesa’ ta’ partijiet ikkonċernati u ideat madwar l-Ewropa. Bil-ħsieb li tidentifika l-aktar approċċi promettenti u l-entitajiet li kapaċi jwettquhom, il-Kummissjoni nediet sejħa għal espressjoni ta’ ideat u ta’ membri potenzjali. Jenħtieġ li l-Bord ta’ Tmexxija jkun jista’ jagħżel membri assoċjati fuq il-bażi tar-riżultati ta’ dik is-sejħa u sejħiet futuri sabiex jipprevedi espansjoni rapida tal-grupp ta’ membri.

    (51)

    Sabiex jiġi mmassimizzat u aċċellerat l-impatt tal-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni mwettqa mill-Impriżi Konġunti Avjazzjoni Nadifa u Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 dwar it-tnaqqis effettiv tal-emissjonijiet u d-diġitalizzazzjoni tal-industrija tal-avjazzjoni, jenħtieġ li dawk l-impriżi konġunti jfittxu kollaborazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA) fil-ħidma tas-sħubija Ewropea, li jiżgura skambju bikri ta’ għarfien dwar it-teknoloġiji ġodda żviluppati. Dik il-kollaborazzjoni ser tkun kruċjali biex tiġi aċċellerata l-adozzjoni mis-suq, billi jiġi ffaċilitat il-proċess ta’ ċertifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi li jirriżultaw kif meħtieġ bir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16).

    (52)

    Sabiex jiġu mmassimizzati s-sinerġiji bejn il-programmi fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali u dak reġjonali, jenħtieġ li l-membri tal-grupp tar-rappreżentanti tal-istati tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa jesploraw il-possibbiltajiet li jipprovdu appoġġ finanzjarju fil-livell nazzjonali għal proposti eċċellenti li ma ntagħżlux għal finanzjament mill-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa minħabba abbonamenti eċċessivi.

    (53)

    L-Ewropa qed taffaċċja l-isfida li jkollha taqdi rwol ewlieni fl-aċċellerazzjoni tat-trasformazzjoni ambjentali tal-ġenerazzjoni li jmiss tal-inġenji tal-ajru u fl-internalizzazzjoni tal-kostijiet soċjetali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-mudell tan-negozju tat-trasport bl-ajru filwaqt li tkompli tiżgura kondizzjonijiet ekwivalenti għall-prodotti Ewropej fis-suq globali. Għalhekk, jenħtieġ li l-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa tappoġġa lir-rappreżentanti Ewropej fl-istandardizzazzjoni internazzjonali u fl-isforzi leġiżlattivi internazzjonali.

    (54)

    L-interess fl-idroġenu evolva b’mod drammatiku f’dawn l-aħħar ħames snin, filwaqt li l-Istati Membri kollha ffirmaw u rratifikaw il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (Ftehim ta’ Pariġi) fil-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21). Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, għandu l-għan li jittrasforma l-Unjoni f’soċjetà ġusta u għanja, b’ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva, li fiha sa mhux aktar tard mill-2050 ma jkun hemm l-ebda emissjoni netta ta’ gassijiet serra. L-oqsma prijoritarji jinkludu idroġenu nadif, ċelloli tal-fjuwil, fjuwils alternattivi oħra u ħżin tal-enerġija. L-idroġenu huwa prominenti fil-komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni tat-8 ta’ Lulju 2020 tdwar Strateġija għall-idroġenu għal Ewropa newtrali għall-klima u dwar Nixprunaw Ekonomija Newtrali għall-Klima: Strateġija tal-UE dwar l-Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija, kif ukoll għat-tnedija tal-Alleanza Ewropea għall-Idroġenu Nadif li tiġbor flimkien il-partijiet ikkonċernati kollha biex jidentifikaw il-ħtiġijiet tat-teknoloġija, l-opportunitajiet ta’ investiment u l-ostakli regolatorji għall-bini ta’ ekosistema tal-idroġenu nadif fl-Unjoni li jikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-dipendenza attwali fuq il-fjuwils fossili u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fis-setturi rilevanti. L-Impriża Konġunta dwar l-Idroġenu Nadif tista’ tippermetti l-adozzjoni tar-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) minn oqfsa ta’ investiment, bħall-Alleanza Ewropea għall-Idroġenu Nadif u l-Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEI) dwar l-Idroġenu.

    (55)

    Attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni ddedikati relatati mal-applikazzjonijiet tal-idroġenu ilhom appoġġati mill-2008, prinċipalment permezz tal-Impriżi Konġunti taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu, jiġifieri Impriża Konġunta FCH u Impriża Konġunta FCH 2, taħt is-Seba’ Programm Kwadru stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) u Orizzont 2020 kif ukoll permezz ta’ proġetti kollaborattivi tradizzjonali, li jkopru l-istadji/l-oqsma kollha tal-katina tal-valur tal-idroġenu. Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif issaħħaħ u tintegra l-kapaċità xjentifika tal-Unjoni biex taċċellera l-iżvilupp u t-titjib ta’ applikazzjonijiet avvanzati tal-idroġenu nadif lesti għas-suq, fl-użi finali għall-enerġija, it-trasport, il-bini u l-industrija. Dak ser ikun possibbli biss jekk ikun ikkombinat mat-tisħiħ tal-kompetittività tal-katina tal-valur tal-idroġenu nadif tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-SMEs.

    (56)

    Sabiex jinkisbu l-objettivi xjentifiċi tal-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif, jenħtieġ li s-setturi kollha kkonċernati mill-ekonomija tal-idroġenu jingħataw il-possibbiltà li jinvolvu ruħhom fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni tagħha. L-azzjonijiet imwettqa mill-Impriża Konġunta dwar l-Idroġenu Nadif jenħtieġ li jqisu t-trajettorji teknoloġiċi fixkiela alternattivi għat-teknoloġiji ewlenin. Jenħtieġ li s-settur pubbliku jkun involut, speċjalment l-awtoritajiet reġjonali u nazzjonali, b’dawn tal-aħħar li jkunu responsabbli għall-istabbiliment ta’ politiki u miżuri dwar il-klima relatati mal-mekkaniżmi tas-suq, biex jitneħħew id-diskrepanzi bejn l-iżvilupp tat-teknoloġija lesta għas-suq u l-adozzjoni fuq skala kbira.

    (57)

    L-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif tinkludi l-komunità tar-riċerka bħala membru tal-assoċjazzjoni ta’ Hydrogen Europe Research, u b’hekk jenħtieġ li ma jiġix stabbilit korp li jipprovdi pariri xjentifiċi.

    (58)

    Peress li l-idroġenu jista’ jintuża bħala fjuwil jew trasportatur tal-enerġija u għal ħżin tal-enerġija, huwa essenzjali li s-sħubija għall-idroġenu nadif tistabbilixxi kollaborazzjoni strutturata ma’ ħafna sħubijiet oħra Ewropej, b’mod partikolari għall-użu finali. Jenħtieġ li s-sħubija Ewropea għall-idroġenu nadif tinteraġixxi b’mod partikolari mat-trasport bit-triq u fuq l-ilma b’emissjonijiet żero, mas-sistema ferrovjarja Ewropea, mal-avjazzjoni nadifa, mal-proċessi għall-pjaneta u mas-sħubijiet Ewropej tal-azzar nadif. Għal dak il-għan, jenħtieġ li tiġi stabbilita struttura li tirrapporta lill-Bord ta’ Tmexxija sabiex jiġu żgurati l-kooperazzjoni u s-sinerġiji bejn dawk is-sħubiji fid-dominju tal-idroġenu. L-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif tkun l-unika sħubija ffokata fuq l-indirizzar tat-teknoloġiji tal-produzzjoni tal-idroġenu. Jenħtieġ li l-kollaborazzjoni ma’ sħubijiet tal-użu finali tiffoka b’mod partikolari fuq id-dimostrazzjoni tat-teknoloġija u fuq il-kodefinizzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet.

    (59)

    Il-ferroviji jikkontribwixxu għaż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport (SETA) u jirrappreżentaw element fundamentali tal-politika tal-Unjoni dwar l-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli fit-tul. F’termini ta’ daqs ekonomiku, il-valur miżjud gross dirett tas-settur ferrovjarju Ewropew huwa ta’ EUR 69 biljun u l-valur indirett jammonta għal EUR 80 biljun. 1,3 miljun persuna kienu impjegati direttament fis-settur ferrovjarju u aktar minn miljun persuna indirettament.

    (60)

    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-10 ta’ Marzu 2020 dwar Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa tissottolinja li l-industriji tal-mobilità sostenibbli u intelliġenti, bħall-industrija ferrovjarja, għandhom kemm ir-responsabbiltà kif ukoll il-potenzjal li jixprunaw it-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika, jappoġġaw il-kompetittività industrijali tal-Ewropa u jtejbu l-konnettività. Għalhekk, jenħtieġ li t-trasport bit-triq, bil-ferrovija, bl-avjazzjoni u fuq l-ilma jikkontribwixxi għal tnaqqis ta’ 90 % fl-emissjonijiet tat-trasport sal-2050. Bħala kwistjoni ta’ prijorità, jenħtieġ li parti sostanzjali mill-75 % tal-merkanzija interna li illum il-ġurnata tinġarr bit-triq tibda tiġi ttrasportata bil-ferroviji u fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni.

    (61)

    L-Impriża Konġunta Shift2Rail ġiet stabbilita fl-2014 biex tmexxi l-attivitajiet ta’ riċerka, żvilupp u validazzjoni tal-inizjattiva Shift2Rail preċedenti billi tikkombina l-finanzjament mis-settur pubbliku u dak privat ipprovdut mill-membri tagħha u billi tiddependi fuq riżorsi tekniċi interni u esterni. Hija stabbiliet forom ġodda ta’ kollaborazzjoni, konsistenti mar-regoli tal-kompetizzjoni, bejn il-partijiet ikkonċernati mill-katina tal-valur ferrovjarja kollha u minn barra s-settur ferrovjarju tradizzjonali, u ġabet magħha l-esperjenza u l-għarfien espert tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji dwar kwistjonijiet relatati mal-interoperabbiltà u s-sikurezza.

    (62)

    Jenħtieġ li l-objettiv tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea jkun li tipprovdi network ferrovjarju Ewropew integrat b’kapaċità għolja billi telimina l-ostakli għall-interoperabbiltà u tipprovdi soluzzjonijiet għal integrazzjoni sħiħa, li jkopru l-ġestjoni tat-traffiku, il-vetturi, l-infrastruttura u s-servizzi, bil-għan li l-proġetti u l-innovazzjonijiet jintużaw b’mod aktar rapidu. Jenħtieġ li dik tisfrutta l-potenzjal enormi għad-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni biex jitnaqqsu l-kostijiet tal-ferroviji, tiżdied il-kapaċità tagħha u jissaħħu l-flessibbiltà u l-affidabbiltà tagħhom, u jenħtieġ li tkun ibbażata fuq arkitettura tas-sistema funzjonali ta’ referenza solida kondiviża mis-settur, f’koordinazzjoni mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji.

    (63)

    Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea tiddefinixxi fil-Pjan Regolatorju tagħha l-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni ta’ prijorità, u l-arkitettura ġenerali tas-sistema u l-approċċ operazzjonali armonizzat, inkluż l-attivitajiet ta’ dimostrazzjoni fuq skala kbira u oqsma ewlenin, meħtieġa biex tiġi aċċellerata l-penetrazzjoni ta’ innovazzjonijiet teknoloġiċi integrati, interoperabbli u standardizzati neċessarji biex tiġi appoġġata ż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea.

    (64)

    Il-ferroviji huma sistema kumplessa, b’interazzjonijiet mill-qrib ħafna bejn il-maniġers tal-infrastruttura, l-impriżi ferrovjarji (operaturi tal-ferroviji) u t-tagħmir rispettiv tagħhom (infrastruttura u materjal fuq ir-roti). Huwa impossibbli li tinkiseb innovazzjoni mingħajr speċifikazzjonijiet u strateġija komuni fis-sistema ferrovjarja kollha. Għalhekk, jenħtieġ li l-Pilastru tas-Sistema tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea, li ser jiġbor l-input mill-partijiet ikkonċernati rilevanti kemm minn barra kif ukoll fi ħdan l-impriża konġunta, jippermetti lis-settur jikkonverġi fuq kunċett operazzjonali u arkitettura tas-sistema uniċi, inkluż id-definizzjoni tas-servizzi, tal-blokok funzjonali u tal-interfaċċi, li jifformaw il-bażi tal-operazzjonijiet ta’ sistema ferrovjarja. Jenħtieġ li dan jipprovdi l-qafas ġenerali biex jiġi żgurat li r-riċerka tkun immirata lejn ir-rekwiżiti tal-klijenti u l-ħtiġijiet operazzjonali li huma miftiehma b’mod komuni u kondiviżi. L-eżitu tal-Pilastru tas-Sistema jenħtieġ li jappoġġa l-interoperabbiltà għan-network ferrovjarju kollu, inkluż in-network ewlieni u komprensiv tat-TEN-T, u l-linji ewlenin u l-linji reġjonali mhux inklużi fit-TEN-T. Il-mudell ta’ governanza u l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea jenħtieġ li jirriflettu r-rwol ewlieni tal-Kummissjoni fl-unifikazzjoni u l-integrazzjoni tas-sistema ferrovjarja tal-Ewropa, speċjalment fit-twettiq rapidu u effettiv tal-kunċett operazzjonali u l-arkitettura tas-sistema uniċi, filwaqt li jiġu involuti s-sħab privati fi rwoli konsultattivi u ta’ appoġġ tekniku.

    (65)

    Sabiex jiġi żgurat li r-riżultati tar-riċerka dwar livelli ta’ tħejjija teknoloġika (TRLs) baxxi jintużaw b’mod effettiv f’TRLs ogħla, u b’mod partikolari mill-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea, jenħtieġ li l-uffiċċju tal-programm tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea jimplimenta tali attivitajiet.

    (66)

    Fejn neċessarju, sabiex jiġu żgurati tranżizzjoni u espansjoni rapidi tas-sħubija, jenħtieġ li l-Bord ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea jkun jista’ jagħżel il-membri assoċjati fuq il-bażi tar-riżultati ta’ sejħa għal espressjoni ta’ interess imnedija mill-Kummissjoni.

    (67)

    Fil-kuntest tal-prijoritajiet tal-Kummissjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, b’mod partikolari l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 3, u l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni tad-9 ta’ Marzu 2020 intitolata ‘Lejn Strateġija Komprensiva mal-Afrika’, l-Unjoni ħadet impenn li tikkontribwixxi biex tiżgura ħajjiet b’saħħithom u tippromwovi l-benessri għal kulħadd, li tibni sħubija saħansitra aktar b’saħħitha bejn iż-żewġ kontinenti u li tappoġġa l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni fl-Afrika. Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 tindirizza n-nuqqas ta’ dijanjostika, trattamenti u vaċċini xierqa, fost l-hekk imsejħa teknoloġiji oħra tas-saħħa, biex jiġu indirizzati mard infettiv, bħall-HIV, il-malarja u t-tuberkulożi, iżda wkoll mard infettiv ieħor relatat mal-faqar u li ma jingħatax biżżejjed attenzjoni, li huwa prevalenti fl-Afrika, speċjalment fl-Afrika sub-Saħarjana. Il-pandemija tal-COVID-19 żvelat li biż-żieda fil-konnettività bejn reġjuni differenti fid-dinja, permezz tal-kummerċ dinji u t-turiżmu, il-mard infettiv jista’ jinfirex malajr madwar id-dinja kollha. Għalhekk, l-iżvilupp ta’ teknoloġiji tas-saħħa huwa kruċjali biex jiġi limitat it-tixrid ta’ mard infettiv, kif ukoll biex dan jiġi miġġieled ladarba jinfirex, biex tiġi protetta s-saħħa taċ-ċittadini fil-pajjiżi kkonċernati u fl-Unjoni. Sabiex tinkiseb tmexxija aktar b’saħħitha fis-saħħa globali mill-inizjattiva attwali tal-EDCTP2, jenħtieġ li l-ambitu tas-sħubija jiġi estiż biex ikopri r-rispons għal theddid ta’ mard infettiv emerġenti, il-problemi dejjem tikber ta’ reżistenza għall-antimikrobiċi u komorbiditajiet ta’ mard mhux komunikabbli.

    (68)

    L-indirizzar ta’ mard infettiv li jaffettwa l-Afrika sub-Saħarjana b’għodod teknoloġiċi moderni jeħtieġ l-involviment ta’ sett kbir ta’ atturi u ta’ impenji fit-tul. Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 isservi bħala pont għall-bini ta’ networks u ta’ kooperazzjoni produttivi u sostenibbli bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar u bejn in-Nofsinhar u n-Nofsinhar, filwaqt li tibni relazzjonijiet ma’ diversi organizzazzjonijiet tas-settur privat u pubbliku biex jissaħħu l-kollaborazzjonijiet bejn il-proġetti u l-istituzzjonijiet. Jenħtieġ li l-programm jgħin ukoll biex jiġu stabbiliti kollaborazzjonijiet ġodda bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar u bejn in-Nofsinhar u n-Nofsinhar biex jitwettqu studji fuq diversi pajjiżi u fuq diversi siti fl-Afrika sub-Saħarjana. Barra minn hekk, jenħtieġ li konferenza internazzjonali regolari, il-Forum tas-Sħubija għall-Provi Kliniċi bejn Pajjiżi Ewropej u Pajjiżi li qed Jiżviluppaw (EDCTP), tipprovdi pjattaforma għal xjenzati u għan-networks rilevanti mill-Ewropa, mill-Afrika, u minn imkejjen oħra biex jikkondividu s-sejbiet u l-ideat, u jistabbilixxu rabtiet kollaborattivi.

    (69)

    Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 tibni fuq l-esperjenza miksuba matul il-programmi EDCTP u EDCTP2, filwaqt li tikseb riżultati billi tisfrutta l-investimenti tal-Unjoni, tal-Istati Membri, tal-pajjiżi assoċjati u tal-pajjiżi Afrikani li ma setgħux jinkisbu minn pajjiżi individwali jew mill-programm qafas ta’ riċerka tal-Unjoni waħdu. Jenħtieġ li l-Assoċjazzjoni tal-EDCTP, li tirrappreżenta lill-istati li jipparteċipaw fil-programm, tikkontribwixxi b’attivitajiet addizzjonali u tista’ tikkontribwixxi finanzjarjament għall-Programm EDCTP3 u l-implimentazzjoni tiegħu. Jenħtieġ li tipprovdi parteċipazzjoni u involviment sinifikanti tal-pajjiżi sub-Saħarjani fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, li huma essenzjali biex jiġi indirizzat il-piż tal-mard fil-pajjiżi sub-Saħarjani. Jenħtieġ li l-impriża konġunta tinkludi finanzjaturi tar-riċerka internazzjonali oħra, bħal għaqdiet filantropiċi, l-industrija farmaċewtika u pajjiżi terzi oħra, li jenħtieġ li jikkontribwixxu għas-sħubija bħala sħab kontribwenti fuq bażi ad hoc. Barra minn hekk, biex jiżdied l-impatt tal-programm, jenħtieġ li l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 ikollha, għal sejħiet speċifiċi, il-possibbiltà li tidentifika entitajiet legali li jistgħu jipparteċipaw f’azzjonijiet indiretti. Jenħtieġ li jkun possibbli li fil-programm ta’ ħidma jiġi previst li tali entitajiet legali ma jkunux eliġibbli għal finanzjament mill-impriża konġunta.

    (70)

    L-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 tinkludi l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati bħala membri tal-Assoċjazzjoni EDCTP, u b’hekk jenħtieġ li ma jiġix stabbilit grupp rappreżentattiv tal-istati.

    (71)

    Huwa essenzjali li l-attivitajiet ta’ riċerka ffinanzjati mill-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 jew li b’xi mod ieħor huma koperti mill-programm ta’ ħidma tagħha, ikunu f’konformità sħiħa mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u mal-Protokolli Supplimentari tagħha, mal-prinċipji etiċi inklużi fid-Dikjarazzjoni ta’ Helsinki tal-2008 tal-Assoċjazzjoni Medika Dinjija, mal-istandards ta’ prassi klinika tajba adottati mill-Konferenza Internazzjonali dwar l-Armonizzazzjoni tal-Ħtiġiet Tekniċi għar-Reġistrazzjoni ta’ Farmaċewtiċi għall-Użu mill-Bniedem, mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni u mar-rekwiżiti lokali dwar l-etika tal-pajjiżi fejn għandhom jitwettqu l-attivitajiet ta’ riċerka. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 tirrikjedi li l-innovazzjonijiet u l-interventi żviluppati fuq il-bażi tar-riżultati tal-azzjonijiet indiretti appoġġati mill-programm ikunu affordabbli u aċċessibbli għal popolazzjonijiet vulnerabbli.

    (72)

    Sabiex l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 tirnexxi u tinċentiva l-parteċipazzjoni fis-sħubija, jenħtieġ li l-finanzjament tal-impriża konġunta jkun ristrett għall-entitajiet legali stabbiliti fl-Istati Membri jew fil-pajjiżi assoċjati jew stabbiliti fl-istati kostitwenti tal-Assoċjazzjoni tal-EDCTP, f’konformità mar-Regolament Orizzont Ewropa. Jenħtieġ li l-entitajiet stabbiliti fl-Afrika sub-Saħarjana u pajjiżi terzi oħra jkunu jistgħu jipparteċipaw fis-sejħiet mingħajr ma jirċievu finanzjament. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li entitajiet stabbiliti f’pajjiżi oħra li ma jkunux membri tal-Assoċjazzjoni tal-EDCTP3 ikunu eliġibbli għal finanzjament f’suġġetti speċifiċi ta’ sejħa jew f’każ ta’ sejħa li tindirizza emerġenza tas-saħħa pubblika, fejn dan ikun previst fil-programm ta’ ħidma. Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 tieħu l-miżuri xierqa kollha, inkluż dawk kuntrattwali, biex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Jenħtieġ li titfittex il-konklużjoni ta’ ftehimiet dwar ix-xjenza u t-teknoloġija ma’ pajjiżi terzi. Qabel il-konklużjoni tagħhom, fejn entitajiet stabbiliti f’pajjiż terz mingħajr tali ftehim jipparteċipaw b’finanzjament f’azzjoni indiretta, jenħtieġ li l-Impriża Konġunta EDCTP3 tapplika miżuri alternattivi għas-salvagwardja tal-interessi tal-Unjoni, jiġifieri jenħtieġ li l-koordinatur finanzjarju tal-azzjoni jkun stabbilit fi Stat Membru jew f’pajjiż assoċjat u l-ammont ta’ prefinanzjament kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ftehim ta’ għotja jenħtieġ li jiġu adattati biex jieħdu kont b’mod adegwat tar-riskji finanzjarji.

    (73)

    Fil-kuntest tal-prijoritajiet tal-Kummissjoni ta’ “Ekonomija għas-servizz tan-nies” u ta’ “Ewropa lesta għall-era diġitali”, l-industrija Ewropea, li tinkludi l-SMEs, jenħtieġ li ssir aktar ekoloġika, aktar ċirkolari u aktar diġitali filwaqt li tibqa’ kompetittiva fuq skala globali. Il-Kummissjoni enfasizzat ir-rwol tal-apparati mediċi u tat-teknoloġiji diġitali fl-indirizzar tal-isfidi emerġenti u l-użu ta’ servizzi tas-saħħa elettronika biex tiġi pprovduta kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja, flimkien ma’ sejħa biex tiġi żgurata l-provvista ta’ mediċini affordabbli biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-Unjoni, filwaqt li tiġi appoġġata industrija farmaċewtika Ewropea innovattiva u fuq quddiem nett fid-dinja. L-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva għandha l-għan li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-industrija tas-saħħa tal-Unjoni, pedament tal-ekonomija bbażata fuq l-għarfien tal-Unjoni, għal attività ekonomika akbar fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji tas-saħħa, b’mod partikolari ta’ soluzzjonijiet integrati tas-saħħa, u b’hekk isservi bħala għodda biex tiżdied it-tmexxija teknoloġika u titrawwem it-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetajiet tagħna. Tali prijoritajiet politiċi jistgħu jintlaħqu billi jinġiebu flimkien l-atturi kruċjali, jiġifieri akkademji, kumpaniji ta’ diversi daqsijiet u utenti finali tal-innovazzjonijiet tas-saħħa, taħt il-kappa ta’ sħubija pubblika-privata fir-riċerka u l-innovazzjoni fis-saħħa. Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva tgħin biex jintlaħqu l-objettivi tal-“Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer” u tal-“Pjan ta’ Azzjoni Ewropew “Saħħa Waħda” kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi”. Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva tkun konformi mal kommunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Marzu 2020 dwar Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa, tal-10 ta’ Marzu 2020 dwar Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali u tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar l-Istrateġija Farmaċewtika għall-Ewropa.

    (74)

    L-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva tibni fuq l-esperjenza miksuba mill-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 (Impriża Konġunta IMI2) inkluż il-ħidma li saret minn dik l-inizjattiva preċedenti għall-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19. Skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni interim tal-Impriża Konġunta IMI2, inizjattiva suċċessur jeħtieġ li “tippermetti l-involviment attiv ta’ setturi oħra tal-industrija mal-industrija farmaċewtika sabiex jiġi sfruttat l-għarfien espert tagħhom fl-iżvilupp ta’ interventi ġodda tal-kura tas-saħħa”. Għalhekk, is-setturi tal-industrija jeħtieġ li jkopru s-setturi tal-bijofarmaċewtika, tal-bijoteknoloġija u tat-teknoloġija medika, inkluż kumpaniji attivi fil-qasam diġitali. Jenħtieġ li l-ambitu tal-impriża konġunta jkopri l-prevenzjoni, id-dijanjożi, it-trattament u l-ġestjoni tal-mard u jrid jiġi stabbilit filwaqt li jittieħed kont tal-piż għoli għall-pazjenti jew għas-soċjetà minħabba s-severità tal-marda jew in-numru ta’ persuni affettwati, kif ukoll l-impatt ekonomiku għoli tal-marda għall-pazjenti u għas-sistemi tal-kura tas-saħħa. L-azzjonijiet iffinanzjati jridu jagħti rispons lill-ħtiġijiet tas-saħħa pubblika tal-Unjoni, jappoġġaw l-iżvilupp ta’ innovazzjonijiet futuri tas-saħħa li jkunu sikuri, iffokati fuq in-nies, effettivi, kosteffettivi u affordabbli għall-pazjenti u għas-sistemi tal-kura tas-saħħa.

    (75)

    Sabiex tiġi żgurata l-aħjar opportunità għall-ġenerazzjoni ta’ ideat xjentifiċi ġodda u attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni ta’ suċċess, jenħtieġ li l-atturi ewlenin fl-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva jkunu riċerkaturi minn diversi tipi ta’ entitajiet, pubbliċi u privati. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-utenti finali bħaċ-ċittadini tal-Unjoni, il-professjonisti fil-kura tas-saħħa u l-fornituri tal-kura tas-saħħa jipprovdu input fit-tfassil strateġiku u fl-attivitajiet tal-impriża konġunta, li jiżgura li din tindirizza l-ħtiġijiet tagħhom. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u tal-Unjoni kollha, il-korpi tal-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa u l-kontribwenti għall-kura tas-saħħa jipprovdu wkoll input bikri għall-attivitajiet tas-sħubija, filwaqt li jiġi żgurat in-nuqqas ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ interess, sabiex tiżdied il-probabbiltà li r-riżultati tal-azzjonijiet iffinanzjati jissodisfaw ir-rekwiżiti neċessarji għall-adozzjoni u b’hekk jiksbu l-impatti mistennija. Jenħtieġ li tali input kollu jgħin biex l-isforzi tar-riċerka jiġu mmirati aħjar lejn oqsma ta’ ħtiġijiet mhux issodisfati.

    (76)

    L-isfidi u t-theddidiet attwali għas-saħħa huma globali. Għalhekk, jenħtieġ li l-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni minn atturi akkademiċi, industrijali u regolatorji internazzjonali, sabiex tibbenefika minn aċċess usa’ għad-data u l-għarfien espert, biex twieġeb għat-theddidiet emerġenti għas-saħħa u tikseb l-impatt soċjetali neċessarju, b’mod partikolari eżiti tas-saħħa mtejba għaċ-ċittadini tal-Unjoni. Fl-istess ħin, jenħtieġ li ħafna mill-attivitajiet tas-sħubija jitwettqu fl-Istati Membri u fil-pajjiżi assoċjati ma’ Orizzont Ewropa.

    (77)

    Jenħtieġ li l-objettivi tas-sħubija jiffokaw fuq il-qasam prekompetittiv, u b’hekk joħolqu spazju sikur għal kollaborazzjoni effiċjenti bejn kumpaniji attivi f’teknoloġiji tas-saħħa differenti. Sabiex tiġi riflessa n-natura integrattiva tal-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva, tgħin biex tkisser is-silos bejn is-setturi tal-industrija tas-saħħa u ssaħħaħ il-kollaborazzjonijiet bejn l-industrija u l-akkademja, jenħtieġ li l-maġġoranza tal-proġetti ffinanzjati mill-Impriża Konġunta jkunu transsettorjali.

    (78)

    It-terminu Teknoloġiji Diġitali Ewlenin jirreferi għal komponenti u sistemi elettroniċi li jirfdu s-setturi ekonomiċi ewlenin kollha. Il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li tali teknoloġiji jiġu ġestiti fl-Ewropa, b’mod partikolari fil-kuntest tat-twettiq tal-prijoritajiet tal-politika Ewropea bħat-tmexxija diġitali. L-importanza tal-qasam u l-isfidi li jiffaċċjaw il-partijiet ikkonċernati fl-Unjoni jeħtieġu azzjoni urġenti sabiex ma titħalla l-ebda ħolqa dgħajfa fil-ktajjen tal-innovazzjoni u tal-valur tal-Ewropa. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu fil-livell tal-Unjoni li jikkombina u jiffoka l-għoti ta’ appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-komponenti u s-sistemi elettroniċi mill-Istati Membri, mill-Unjoni u mis-settur privat.

    (79)

    Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin tindirizza suġġetti ddefiniti b’mod ċar li jippermettu lill-industriji Ewropej b’mod ġenerali jfasslu, jimmanifatturaw u jużaw l-aktar teknoloġiji innovattivi fil-komponenti u fis-sistemi elettroniċi. Appoġġ finanzjarju strutturat u koordinat fil-livell Ewropew huwa neċessarju biex jgħin lit-timijiet tar-riċerka u lill-industriji Ewropej iżommu l-punti b’saħħithom attwali tagħhom li jqegħduhom fuq quddiem nett fil-kuntest internazzjonali kompetittiv ħafna u jnaqqsu d-distakk fit-teknoloġiji li huma kritiċi għal trasformazzjoni diġitali fl-Ewropa li tirrifletti l-valuri ewlenin tal-Unjoni inkluż il-privatezza u l-fiduċja, is-sigurtà u s-sikurezza. Il-kollaborazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati tal-ekosistema, li jirrappreżentaw is-segmenti kollha tal-ktajjen tal-valur, hija essenzjali għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda u għall-adozzjoni rapida tal-innovazzjoni mis-suq. L-aċċess miftuħ u l-flessibbiltà biex jiġu integrati l-partijiet ikkonċernati rilevanti, inkluż b’mod partikolari l-SMEs, f’oqsma emerġenti jew kontigwi tat-teknoloġija, jew fit-tnejn, huma vitali wkoll.

    (80)

    Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin tikkombina l-mezzi finanzjarji u tekniċi li huma essenzjali biex jiġi ġestit il-pass dejjem aktar mgħaġġel tal-innovazzjoni f’dan il-qasam, biex jiġu ġġenerati esternalitajiet importanti għas-soċjetà, u biex jinqasam it-teħid tar-riskju billi l-istrateġiji u l-investimenti jiġu allinjati lejn interess Ewropew komuni. Għalhekk, il-membri tal-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin jenħtieġ li jkunu l-Unjoni, l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati ma’ Orizzont Ewropa fuq bażi volontarja, u assoċjazzjonijiet bħala membri privati li jirrappreżentaw l-entitajiet kostitwenti tagħhom. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri ser tiffaċilita allinjament koerenti ma’ programmi u strateġiji nazzjonali, tnaqqas id-duplikazzjoni u l-frammentazzjoni tal-isforzi filwaqt li tiżgura sinerġiji bejn il-partijiet ikkonċernati u l-attivitajiet kollha.

    (81)

    Fl-implimentazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tal-istati parteċipanti lill-parteċipanti nazzjonali tagħhom f’azzjonijiet indiretti, jenħtieġ li l-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin tieħu kont tal-fatt li l-istati parteċipanti jridu jirrispettaw regoli baġitarji nazzjonali stretti. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li l-istati parteċipanti jagħtu impenji finanzjarji indikattivi qabel l-adozzjoni ta’ kull programm ta’ ħidma annwali u jenħtieġ li jikkonkludu ftehimiet legalment vinkolanti mal-impriża konġunta, filwaqt li jimpenjaw lill-istati parteċipanti għall-arranġamenti ta’ pagament tal-kontribuzzjoni tagħhom għal azzjonijiet indiretti matul il-ħajja tal-impriża konġunta. Jenħtieġ li tali ftehimiet jiġu konklużi fil-kuntest tal-proċedura baġitarja annwali u tal-programmazzjoni tal-impriża konġunta. Jenħtieġ li l-Bord ta’ Tmexxija jadotta l-programm ta’ ħidma annwali filwaqt li jittieħed kont debitu ta’ dawk l-impenji indikattivi. Jenħtieġ li l-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi jagħżel il-proposti. Huwa biss wara dawk l-istadji, u f’konformità mar-regoli finanzjarji tal-impriża konġunta, li l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni jenħtieġ li jagħmel l-impenji baġitarji u legali għal dawk l-azzjonijiet indiretti.

    (82)

    Bħala kontinwazzjoni tal-prattika stabbilita fl-Impriża Konġunta ECSEL, hija neċessarja deroga mill-Artikolu 34 tar-Regolament Orizzont Ewropa sabiex ikunu permessi rati ta’ finanzjament differenti skont it-tip ta’ parteċipant, jiġifieri SMEs u entitajiet legali mingħajr skop ta’ qligħ, u t-tip ta’ azzjoni, li għandha tiġi applikata b’mod invarjabbli fost il-benefiċjarji mill-istati parteċipanti kollha. Jenħtieġ li dik tiżgura bilanċ ġust bejn il-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati fl-azzjonijiet iffinanzjati mill-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin u t-trawwim ta’ livell ta’ involviment akbar tal-SMEs kif irrakkomandat fl-evalwazzjoni interim tal-Impriża Konġunta ECSEL.

    (83)

    L-impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin tinkludi l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati bħala membri tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi, u b’hekk jenħtieġ li ma jiġix stabbilit grupp rappreżentattiv tal-istat.

    (84)

    Il-qafas legali tal-Ajru Uniku Ewropew tal-Unjoni stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) jfittex li jirriforma s-sistema Ewropea għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) permezz ta’ azzjonijiet istituzzjonali, operazzjonali, teknoloġiċi u regolatorji bil-għan li jtejjeb il-prestazzjoni tagħha f’termini ta’ kapaċità, sikurezza, effiċjenza u impatt ambjentali.

    (85)

    Il-proġett ta’ Riċerka u Żvilupp ATM tal-Ajru Uniku Ewropew (il-“proġett SESAR”) stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 (19) għandu l-għan li jimmodernizza l-ATM u jiġbor flimkien l-innovazzjoni teknoloġika u operazzjonali b’appoġġ għall-Ajru Uniku Ewropew. Għandu l-għan li jipprovdi soluzzjonijiet teknoloġiċi għal ATM bi prestazzjoni għolja sal-2035 biex jippermetti funzjonament mhux konġestjonat, saħansitra aktar sikur u aktar ekoloġiku u li ma jagħmilx ħsara lill-klima tas-settur tat-trasport bl-ajru, f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Liġi Ewropea dwar il-Klima. Il-proġett SESAR jinkludi tliet proċessi kollaborattivi relatati ma’ xulxin, kontinwi u li qed jevolvu li jiddefinixxu, jiżviluppaw u jvaraw sistemi teknoloġiċi innovattivi u proċeduri operazzjonali li huma l-bażi tal-ajru diġitali Ewropew definit fil-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/320/KE (20).

    (86)

    Il-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM huwa l-għodda ta’ ppjanar għall-modernizzazzjoni tal-ATM madwar l-Ewropa, li jgħaqqad l-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni tal-ATM ma’ xenarji ta’ attivitajiet ta’ varar biex jinkisbu l-objettivi ta’ prestazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew.

    (87)

    L-Impriża Konġunta SESAR ġiet stabbilita bl-objettiv li timmaniġġja l-fażijiet ta’ definizzjoni u żvilupp tal-proġett SESAR, billi tikkombina l-finanzjament mis-settur pubbliku u dak privat ipprovdut mill-membri tagħha u billi tiddependi fuq riżorsi tekniċi interni u esterni, kif ukoll teżegwixxi u taġġorna, meta neċessarju, il-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM. Hija stabbiliet forma ġdida u effiċjenti ta’ kollaborazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati f’settur fejn il-progress huwa possibbli biss meta l-partijiet ikkonċernati kollha jimplimentaw soluzzjonijiet ġodda b’mod sinkronizzat. Minħabba l-istabbiliment b’suċċess tal-isem tal-marka SESAR, jenħtieġ li l-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 il-ġdida tkompli tagħmel użu minnha.

    (88)

    Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 tibni fuq l-esperjenza tal-Impriża Konġunta SESAR u tkompli r-rwol ta’ koordinazzjoni tagħha għar-riċerka dwar l-ATM fl-Unjoni. Jenħtieġ li l-objettivi ewlenin tal-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 ikunu li ssaħħaħ u tintegra aktar il-kapaċità ta’ riċerka u innovazzjoni fl-Ewropa, li tgħin biex taċċellera d-diġitalizzazzjoni tas-settur u tagħmlu aktar reżiljenti u skalabbli għall-varjazzjonijiet fit-traffiku. Jenħtieġ li ssaħħaħ, permezz tal-innovazzjoni, il-kompetittività tat-trasport bl-ajru u tas-servizzi tal-ATM bl-ekwipaġġ u mingħajr ekwipaġġ, biex tappoġġa l-irkupru ekonomiku u t-tkabbir. Jenħtieġ li tiżviluppa u taċċellera l-adozzjoni mis-suq ta’ soluzzjonijiet innovattivi biex jiġi stabbilit l-ispazju tal-Ajru Uniku Ewropew bħala l-ajru l-aktar effiċjenti u ekoloġiku għat-titjiriet fid-dinja.

    (89)

    Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 il-ġdida tkun tista’ tiżviluppa u tivvalida l-input tekniku li jassisti lill-Kummissjoni fl-attivitajiet regolatorji dwar l-ATM, per eżempju fit-tħejjija tad-dokumentazzjoni teknika kollha għall-proġetti komuni stabbiliti skont Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew, fit-twettiq ta’ studji tekniċi jew fl-appoġġ għal attivitajiet ta’ standardizzazzjoni. Jenħtieġ li tiżgura wkoll l-intendenza tal-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM approvat bid-Deċiżjoni 2009/320/KE, inkluż il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-aġġornament tiegħu. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha voti fi proporzjon għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-baġit, u tal-anqas 25 % tal-voti. Din l-istruttura tiżgura li l-Kummissjoni żżomm kapaċità b’saħħitha li tmexxi, minn perspettiva ta’ politika, il-ħidma mwettqa mill-Impriża Konġunta fir-rigward ta’ dawk il-kompiti permezz tal-mekkaniżmi ta’ superviżjoni msaħħa stabbiliti għal tali korpi.

    (90)

    Jenħtieġ li l-parteċipazzjoni fl-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 tkun miftuħa għall-aktar firxa u rappreżentazzjoni wiesgħa possibbli ta’ partijiet ikkonċernati mill-Istati Membri u mill-pajjiżi kollha assoċjati ma’ Orizzont Ewropa, inkluż SMEs, permezz ta’ forom differenti ta’ parteċipazzjoni. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-parteċipazzjoni tiżgura bilanċ xieraq bejn il-manifatturi tat-tagħmir kemm għall-avjazzjoni bl-ekwipaġġ kif ukoll għal dik mingħajr ekwipaġġ, għall-utenti tal-ispazju tal-ajru, għall-fornituri ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, għall-ajruporti, għall-assoċjazzjonijiet tal-persunal militari u professjonali, u toffri opportunitajiet lill-SMEs, lill-akkademja u lill-organizzazzjonijiet tar-riċerka. Bil-ħsieb li tidentifika l-aktar approċċi promettenti u l-entitajiet li kapaċi jwettquhom, il-Kummissjoni nediet sejħa għal espressjoni ta’ interess għal membri potenzjali. Jenħtieġ li l-Bord ta’ Tmexxija jkun jista’ jagħżel membri assoċjati fuq il-bażi tar-riżultati ta’ dik is-sejħa sabiex jipprevedi espansjoni rapida tal-grupp ta’ membri.

    (91)

    L-imposti fuq ir-rotot jiġġarrbu kompletament mill-utenti tal-ispazju tal-ajru, li jikkontribwixxu b’mod indirett għall-isforzi ta’ riċerka u żvilupp iffinanzjati mill-partijiet ikkonċernati ewlenin tal-ATM bħall-fornituri ta’ servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru jew l-industrija tal-manifattura li tibni u tgħammar l-inġenji tal-ajru użati mill-utenti tal-ispazju tal-ajru. Għalhekk, jenħtieġ li l-utenti tal-ispazju tal-ajru jingħataw rappreżentanza xierqa fi ħdan il-Bord ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3.

    (92)

    Sabiex jiġi żgurat li r-riżultati tar-riċerka esploratorja dwar l-ATM (livelli baxxi ta’ TRLs) jintużaw b’mod effettiv f’Livelli ogħla ta’ TRLs, u b’mod partikolari mill-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3, jenħtieġ li l-uffiċċju tal-programm tal-impriża konġunta jimmaniġġja tali attivitajiet.

    (93)

    L-Aġenzija EUROCONTROL għandha infrastruttura xierqa u s-servizzi ta’ appoġġ amministrattiv, tal-IT, tal-komunikazzjonijiet u tal-loġistika neċessarji. Jenħtieġ li l-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 tibbenefika minn tali infrastruttura u servizzi minn EUROCONTROL. F’dan il-kuntest, hemm xi sinerġiji potenzjali li jistgħu jinkisbu mill-ġbir flimkien ta’ riżorsi amministrattivi ma’ Impriżi Konġunti oħra permezz ta’ back office komuni. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li l-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 tagħżel li ma tibqax taħdem bl-arranġamenti tal-back office stabbiliti b’dan ir-Regolament.

    (94)

    Għall-fini li tinħoloq bażi wiesgħa għall-partijiet ikkonċernati biex jiġu żgurati l-objettivi ta’ sħubija tan-Networks u tas-Servizzi Intelliġenti, ġiet stabbilita l-Assoċjazzjoni għall-Industrija tan-Netwerks u s-Servizzi Intelliġenti tas-6G (6G-IA) li tibni fuq l-assoċjazzjoni predeċessura. Filwaqt li l-assoċjazzjoni tal-industrija l-ġdida, fl-ewwel snin wara l-istabbiliment tagħha, hija mistennija jkollha biss għadd limitat ta’ entitajiet kostitwenti u affiljati, hija għandha l-objettiv li tinkludi membri ġodda minn kostitwenzi ta’ partijiet ikkonċernati attivi fil-katina tal-valur tan-Networks u tas-Servizzi Intelliġenti. Filwaqt li jitqies id-daqs modest mistenni tagħha u l-impatt fuq l-SMEs li ser ikunu l-entitajiet kostitwenti tagħha, mhuwiex sostenibbli li l-assoċjazzjoni tikkontribwixxi għal 50 % tal-kostijiet amministrattivi tal-Impriża Konġunta Networks Servizzi Intelliġenti tul il-ħajja tagħha, b’mod partikolari fl-ewwel snin wara l-istabbiliment tagħha. Barra minn hekk, il-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 u l-impatti tagħha fuq l-ekonomija ħolqu sfidi għall-atturi ekonomiċi Ewropej inkluż fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi żgurat li s-sħab privati tal-impriża konġunta jkunu kapaċi jissodisfaw l-impenji tagħhom, filwaqt li l-kundizzjonijiet jibqgħu attraenti u sħab ġodda jiġu inċentivati biex jissieħbu mal-assoċjazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-perċentwal minimu tal-kontribuzzjoni finanzjarja annwali għall-kostijiet amministrattivi minn membri għajr l-Unjoni jkun ta’ 20 % tal-kostijiet amministrattivi annwali totali. B’mod partikolari, jenħtieġ li jkun possibbli li l-entitajiet kostitwenti li jkunu SMEs jikkontribwixxu anqas minn intrapriżi akbar. Jenħtieġ li l-membri tal-impriża konġunta għajr l-Unjoni jagħmlu ħilithom biex iżidu l-għadd ta’ entitajiet kostitwenti jew affiljati sabiex iżidu l-kontribuzzjoni tagħhom għal 50 % tal-kostijiet amministrattivi tal-impriża konġunta tul il-ħajja tagħha.

    (95)

    Fil-kuntest tal-prijoritajiet tal-Kummissjoni għall-2019-2024 “Ewropa lesta għall-era diġitali”, “Ekonomija għas-servizz tan-nies” u tal-objettivi ta’ politika stabbiliti fil-kuntest tal-komunikazzjoni tagħha “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa”, l-Ewropa jeħtieġ li tiżviluppa infrastrutturi diġitali kritiċi bbażati fuq networks tal-5G u tibni l-kapaċitajiet teknoloġiċi tagħha lejn is-6G sal-2030. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza strateġika ta’ Sħubija Ewropea għal Networks u Servizzi Intelliġenti biex tipprovdi servizzi siguri bbażati fuq il-konnettività lill-konsumaturi u lin-negozji. Dawk il-prijoritajiet jistgħu jinkisbu billi jinġabru flimkien l-atturi ewlenin, jiġifieri l-industrija, l-akkademja u l-awtoritajiet pubbliċi, taħt il-kappa ta’ sħubija Ewropea li tibni fuq il-kisbiet tal-inizjattiva tas-Sħubija Pubblika Privata tal-5G, li żviluppat b’suċċess it-teknoloġija u l-istandards tal-5G.

    (96)

    L-Impriża Konġunta Networks u Servizzi Intelliġenti hija mfassla biex tindirizza kwistjonijiet ta’ politika fil-qasam tal-infrastruttura diġitali, biex tappoġġa l-varar tal-infrastruttura 5G fl-ambitu tal-programm Diġitali Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2 (FNE2) stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) u biex testendi l-ambitu tat-teknoloġija ta’ riċerka u innovazzjoni għan-networks tas-6G. Jenħtieġ li, b’involviment mill-qrib tal-Istati Membri, issaħħaħ ir-rispons għall-politika tal-Unjoni u għall-ħtiġijiet soċjali rigward l-effiċjenza enerġetika tan-network, taċ-ċibersigurtà, tat-tmexxija teknoloġika, tal-privatezza u tal-etika u jenħtieġ li testendi l-ambitu ta’ riċerka u innovazzjoni min-networks għall-provvista ta’ servizzi bbażati fuq il-cloud kif ukoll komponenti u apparati li jippermettu servizzi għaċ-ċittadini u firxa wiesgħa ta’ setturi ekonomiċi bħall-kura tas-saħħa, it-trasport, il-manifattura u l-media.

    (97)

    L-objettivi tal-ordni pubbliku relatati ma’ Networks u Servizzi Intelliġenti ma jistgħux jiġu indirizzati biss mill-industrija u mill-Kummissjoni. L-indirizzar tagħhom minn perspettiva olistika u koordinata jirrikjedi b’mod partikolari l-involviment strateġiku tal-Istati Membri bħala parti mill-istruttura ta’ governanza. Għalhekk, jenħtieġ li l-Bord ta’ Tmexxija jieħu kont bis-sħiħ tal-opinjonijiet tal-grupp tar-rappreżentanti tal-istati, b’mod partikolari fir-rigward tal-gwida strateġika dwar il-programmi ta’ ħidma u d-deċiżjonijiet ta’ finanzjament.

    (98)

    L-infrastrutturi avvanzati tal-5G ser ikunu l-bażi għall-iżvilupp tal-ekosistemi għat-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi u, fil-pass li jmiss, għall-pożizzjoni tal-Ewropa sabiex tadotta t-teknoloġija tas-6G. Il-Programm Diġitali FNE2 kif ukoll il-Programm Ewropa Diġitali (DEP) stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22) u InvestEU stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23) joffru opportunitajiet għall-iżvilupp ta’ ekosistemi diġitali bbażati fuq il-5G u aktar tard fuq is-6G. Meta jitqies is-sett wiesa’ ta’ partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati involuti f’tali proġetti ta’ varar, huwa essenzjali li jiġu kkoordinati l-istabbiliment ta’ aġenda strateġika, il-kontribut għall-programmazzjoni u l-informazzjoni u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati relatati ma’ tali programmi. Bħala bażi strateġika għal dawk il-kompiti, jenħtieġ li l-Impriża Konġunta Networks u Servizzi Intelliġenti tikkoordina l-iżvilupp ta’ Aġendi Strateġiċi ta’ Varar għall-oqsma rilevanti tat-tnedija, bħas-sistemi tal-5G tul it-toroq u tul il-binarji ferrovjarji. Jenħtieġ li, fost l-oħrajn dawk l-aġendi jappoġġaw l-istabbiliment ta’ pjanijiet direzzjonali għall-varar, l-għażliet ewlenin għall-mudelli ta’ kooperazzjoni u kwistjonijiet strateġiċi oħra.

    (99)

    L-Artikolu 20(3) tar-Regolament Orizzont Ewropa jipprevedi li, fejn xieraq, il-Kummissjoni jew il-korp ta’ finanzjament għandu jwettaq skrutinju tas-sigurtà għal proposti li jqajmu kwistjonijiet ta’ sigurtà.

    (100)

    Skont il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2019 u r-Rakkomandazzjoni tas-26 ta’ Marzu 2019 dwar iċ-Ċibersigurtà tan-networks tal-5G għal azzjoni koordinata fil-livell tal-Unjoni, il-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-Istati Membri dwar is-Sigurtà tan-Networks u tal-Informazzjoni ppubblika s-sett ta’ għodod tal-UE ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju li jikkonċernaw iċ-ċibersigurtà tan-networks tal-5G ta’ Jannar 2020 (is-sett ta’ għodod). Is-sett ta’ għodod jinkludi sett ta’ miżuri strateġiċi u tekniċi kif ukoll azzjonijiet ta’ appoġġ sabiex jitnaqqsu r-riskji ewlenin taċ-ċibersigurtà tan-networks tal-5G, li ġew identifikati fir-rapport ta’ valutazzjoni tar-riskju kkoordinat tal-Unjoni, u jenħtieġ li tiġi pprovduta gwida għall-għażla ta’ miżuri li jingħataw prijorità fil-pjanijiet ta’ mitigazzjoni fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-Unjoni. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Jannar 2020 dwar l-Implimentazzjoni tas-sett ta’ għodod tal-UE tapprova l-miżuri u l-gwida kollha stabbiliti fis-sett ta’ għodod u tenfasizza l-ħtieġa għal restrizzjonijiet, inklużi l-esklużjonijiet neċessarji, fir-rigward tal-fornituri meqjusa li huma ta’ riskju għoli fuq il-bażi tal-fatturi speċifikati fil-valutazzjoni tar-riskju koordinata tal-UE kif ukoll miżuri sabiex tiġi evitata d-dipendenza fuq dawk il-fornituri. Hija tidentifika wkoll sett ta’ azzjonijiet speċifiċi għall-Kummissjoni, b’mod partikolari li tiżgura li l-parteċipazzjoni fil-programmi ta’ finanzjament tal-UE f’oqsma tat-teknoloġija rilevanti tkun kondizzjonali għall-konformità mar-rekwiżiti tas-sigurtà, billi jsir użu sħiħ mill-kundizzjonijiet tas-sigurtà u billi dawn jiġu implimentati b’mod ulterjuri. Għalhekk, jenħtieġ li l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament tintroduċi dispożizzjonijiet xierqa sabiex jiġu riflessi l-miżuri ta’ sigurtà permezz ta’ azzjonijiet iffinanzjati mill-Impriża Konġunta SNS u, fuq il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet tagħha, minn korpi ta’ finanzjament oħrajn li jimplimentaw programmi oħrajn tal-Unjoni fil-qasam tan-networks u tas-servizzi intelliġenti.

    (101)

    L-impriżi konġunti fil-qafas ta’ Orizzont 2020 ġew stabbiliti għal perijodu sal-31 ta’ Diċembru 2024. Jenħtieġ li l-impriżi konġunti jipprovdu appoġġ kontinwu għall-programmi ta’ riċerka rispettivi billi jimplimentaw l-azzjonijiet li jifdal li nbdew jew li tkomplew skont ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007, (UE) Nru 557/2014 (24), (UE) Nru 558/2014 (25), (UE) Nru 559/2014 (26), (UE) Nru 560/2014 (27), (UE) Nru 561/2014 (28) u (UE) Nru 642/2014 (29) u f’konformità ma’ dawk ir-Regolamenti sal-istralċ tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li fl-interess taċ-ċertezza u ċ-ċarezza tad-dritt, dawk ir-Regolamenti jitħassru.

    (102)

    Jenħtieġ li l-Unjoni taġixxi biss meta jkun hemm vantaġġ li jista’ jintwera li l-azzjoni fil-livell tal-Unjoni tkun aktar effettiva mill-azzjoni meħuda fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali. L-impriżi konġunti jiffokaw fuq oqsma fejn ikun hemm valur miżjud evidenti fil-ħidma fil-livell tal-Unjoni minħabba l-iskala, il-veloċità u l-ambitu tal-isforzi meħtieġa sabiex l-Unjoni tilħaq l-objettivi fit-tul tat-Trattat tagħha u tilħaq il-prijoritajiet u l-impenji tal-politika strateġika tagħha. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-impriżi konġunti proposti jitqiesu bħala komplementari għall-attivitajiet nazzjonali u subnazzjonali fl-istess qasam u jenħtieġ li jsaħħuhom.

    (103)

    Minħabba li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost, minħabba li jevitaw duplikazzjoni żejda, iżommu massa kritika u jiżguraw li l-finanzjament pubbliku jintuża bl-aħjar mod, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

    (104)

    Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-għoti ta’ appoġġ fl-oqsma ta’ politika rilevanti, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    L-EWWEL PARTI

    DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

    TITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi disa’ impriżi konġunti skont it-tifsira tal-Artikolu 187 TFUE għall-implimentazzjoni ta’ sħubijiet Ewropej istituzzjonalizzati msemmija fl-Artikolu 10(1), punt (c), tar-Regolament Orizzont Ewropa. Dan jiddetermina l-objettivi u l-kompiti, is-sħubija, l-organizzazzjoni u regoli operatorji oħrajn tagħhom.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    1.

    “membru għajr l-Unjoni” tfisser kwalunkwe stat parteċipanti, membru privat jew organizzazzjoni internazzjonali li hija membru ta’ impriża konġunta;

    2.

    “membru fundatur” tfisser kwalunkwe entità legali stabbilita fi Stat Membru, pajjiż assoċjat ma’ Orizzont Ewropa, jew organizzazzjoni internazzjonali li hija identifikata bħala membru ta’ impriża konġunta f’dan ir-Regolament jew f’wieħed mill-Annessi tiegħu;

    3.

    “membru assoċjat” tfisser kwalunkwe entità legali stabbilita fi Stat Membru, pajjiż assoċjat ma’ Orizzont Ewropa, jew organizzazzjoni internazzjonali li taderixxi ma’ impriża konġunta billi tiffirma ittra ta’ impenn f’konformità mal-Artikolu 6(3) u soġġetta għal approvazzjoni f’konformità mal-Artikolu 7;

    4.

    “stat parteċipanti” tfisser kwalunkwe Stat Membru jew pajjiż assoċjat ma’ Orizzont Ewropa man-notifika tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-attivitajiet tal-impriża konġunta rilevanti permezz ta’ ittra ta’ impenn;

    5.

    “membru privat” tfisser kwalunkwe entità legali stabbilita skont id-dritt pubbliku jew privat li hija membru ta’ impriża konġunta għajr l-Unjoni, l-istati parteċipanti jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

    6.

    “entitajiet kostitwenti” tfisser l-entitajiet li jikkostitwixxu membru privat ta’ impriża konġunta, fejn il-membru privat huwa assoċjazzjoni skont l-istatuti ta’ dak il-membru;

    7.

    “sieħeb kontribwenti” tfisser kwalunkwe pajjiż, organizzazzjoni internazzjonali jew entità legali għajr membru ta’ impriża konġunta, jew entità kostitwenti ta’ membru jew ta’ entità affiljata ta’ wieħed minnhom, li tappoġġa l-objettivi ta’ impriża konġunta fil-qasam speċifiku tar-riċerka tagħha u li l-applikazzjoni tagħha ġiet approvata f’konformità mal-Artikolu 9;

    8.

    “kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet operazzjonali” tfisser kontribuzzjonijiet minn membri privati, mill-entitajiet kostitwenti jew mill-entitajiet affiljati ta’ waħda minnhom, minn organizzazzjonijiet internazzjonali u minn sħab kontribwenti, li jikkonsistu fil-kostijiet eliġibbli mġarrba minnhom fl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet indiretti li minnhom titnaqqas il-kontribuzzjoni ta’ dik l-impriża konġunta u tal-istati parteċipanti ta’ dik l-impriża konġunta għal dawk il-kostijiet;

    9.

    “attività addizzjonali” tfisser attività, inkluż fil-pjan tal-attivitajiet addizzjonali annwali annessi mal-parti ewlenija tal-programm ta’ ħidma, li ma tirċevix appoġġ finanzjarju mill-impriża konġunta iżda tikkontribwixxi għall-objettivi tagħha u hija marbuta direttament mal-użu tar-riżultati minn proġetti ta’ dik l-impriża konġunta jew tal-inizjattivi preċedenti tagħha jew li għandha valur miżjud sinifikanti tal-Unjoni;

    10.

    “kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet addizzjonali” tfisser kontribuzzjonijiet mill-membri privati, mill-entitajiet kostitwenti jew mill-entitajiet affiljati ta’ waħda minnhom, u minn organizzazzjonijiet internazzjonali, li jikkonsistu fil-kostijiet imġarrba minnhom fl-implimentazzjoni ta’ attivitajiet addizzjonali wara li titnaqqas kwalunkwe kontribuzzjoni għal dawk il-kostijiet mill-Unjoni u mill-istati parteċipanti ta’ dik l-impriża konġunta;

    11.

    “inizjattiva preċedenti” tfisser kwalunkwe sħubija f’wieħed mill-oqsma koperti minn impriża konġunta li rċeviet appoġġ finanzjarju minn wieħed mill-programmi qafas preċedenti tal-Unjoni għar-riċerka;

    12.

    “Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni” tfisser id-dokument li jkopri d-durata ta’ Orizzont Ewropa li jidentifika l-prijoritajiet ewlenin u t-teknoloġiji u l-innovazzjonijiet essenzjali meħtieġa sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ impriża konġunta;

    13.

    “programm ta’ ħidma” tfisser id-dokument imsemmi fl-Artikolu 2, punt (25), tar-Regolament Orizzont Ewropa;

    14.

    “kunflitt ta’ interess” tfisser sitwazzjoni li tinvolvi attur finanzjarju jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 61 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046;

    15.

    “parteċipant ġdid” tfisser entità li, għall-ewwel darba, hija benefiċjarju ta’ għotja mogħtija minn impriża konġunta individwali jew l-inizjattiva preċedenti tagħha u li mhijiex membru fundatur ta’ dik l-impriża konġunta jew l-inizjattiva preċedenti tagħha.

    Artikolu 3

    Stabbiliment

    1.   L-impriżi konġunti li ġejjin huma stabbiliti bħala korpi tal-Unjoni għal perijodu li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2031 u ffinanzjati taħt il-QFP 2021-2027:

    (a)

    l-Impriża Konġunta Ewropa Ċirkolari b’Bażi Bijoloġika;

    (b)

    l-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa;

    (c)

    l-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif;

    (d)

    l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea;

    (e)

    l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3;

    (f)

    l-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva;

    (g)

    l-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin;

    (h)

    l-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3;

    (i)

    l-Impriża Konġunta Networks u Servizzi Intelliġenti.

    2.   Il-korpi tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom kollettivament jissejħu “l-impriżi konġunti”.

    3.   Sabiex jittieħed kont tad-durata ta’ Orizzont Ewropa, is-sejħiet għal proposti tal-impriżi konġunti għandhom jitnedew sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2027. F’każijiet debitament iġġustifikati, is-sejħiet għal proposti jistgħu jitnedew sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2028.

    4.   L-impriżi konġunti għandu jkollhom personalità ġuridika. F’kull wieħed mill-Istati Membri, dawn għandhom igawdu mill-aktar kapaċità ġuridika estensiva mogħtija lill-persuni ġuridiċi skont il-liġijiet ta’ dak l-Istat Membru. Huma jistgħu, b’mod partikolari, jakkwistaw jew jiddisponu minn proprjetà mobbli u immobbli u jistgħu jkunu parti għal proċedimenti ġudizzjarji.

    5.   Is-sede tal-impriżi konġunti għandha tkun fi Brussell, il-Belġju.

    6.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Ewwel Parti u fit-Tielet Parti għandhom japplikaw għall-impriżi konġunti kollha. Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fit-Tieni Parti għandhom japplikaw għall-impriżi konġunti individwali, kif xieraq.

    7.   Għall-finijiet tal-Ewwel u tat-Tielet Partijiet u sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, referenza għal impriża jew għal korp konġunt individwali għandha tindika referenza għal kull impriża konġunta jew għal kull korp ekwivalenti tal-impriżi konġunti individwali u għall-kompetenzi tiegħu fir-rigward ta’ korpi oħra tal-istess impriża konġunta.

    TITOLU II

    FUNZJONAMENT TAL-IMPRIŻI KONĠUNTI

    KAPITOLU 1

    Objettivi u kompiti

    Artikolu 4

    Objettivi u prinċipji

    1.   L-impriżi konġunti msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament għandhom jikkontribwixxu għall-objettivi ġenerali u speċifiċi tar-Regolament Orizzont Ewropa kif stabbilit fl-Artikolu 3 tiegħu.

    2.   Permezz tal-involviment u tal-impenn ta’ sħab fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ programm ta’ attivitajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni mal-valur miżjud Ewropew, l-impriżi konġunti għandhom jilħqu b’mod kollettiv l-objettivi ġenerali li ġejjin:

    (a)

    it-tisħiħ u l-integrazzjoni tal-kapaċitajiet xjentifiċi, innovattivi u teknoloġiċi tal-Unjoni u l-faċilitazzjoni ta’ rabtiet kollaborattivi madwar l-Unjoni sabiex jiġu appoġġati l-ħolqien u d-disseminazzjoni ta’ għarfien ġdid ta’ kwalità għolja u ħiliet, b’mod partikolari bil-ħsieb li jingħelbu l-isfidi globali, it-tisħiħ u l-iżgurar tal-kompetittività tal-Unjoni, il-valur miżjud Ewropew, ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà u l-kontribut għal Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) msaħħa;

    (b)

    l-iżgurar ta’ tmexxija globali mmexxija mis-sostenibbiltà u r-reżiljenza tal-ktajjen tal-valur tal-Unjoni f’teknoloġiji u industriji ewlenin f’konformità mal-istrateġiji industrijali u tal-SMEs għall-Ewropa, il-Patt Ekoloġiku Ewropew u politiki rilevanti oħra tal-Unjoni;

    (c)

    l-iżviluppar u l-aċċellerazzjoni tal-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi madwar l-Unjoni li jindirizzaw sfidi klimatiċi, ambjentali, tas-saħħa, diġitali u sfidi globali oħrajn li jikkontribwixxu għall-prijoritajiet strateġiċi tal-Unjoni, l-aċċellerazzjoni tat-tkabbir ekonomiku tal-Unjoni u t-trawwim tal-ekosistema tal-innovazzjoni, filwaqt li jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u tinkiseb in-newtralità fil-klima fl-Unjoni sa mhux aktar tard mill-2050, f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi, biex b’hekk tittejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej.

    3.   L-impriżi konġunti għandhom iwettqu l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

    (a)

    itejbu l-massa kritika u l-kapaċitajiet u l-kompetenzi xjentifiċi u teknoloġiċi fir-riċerka u l-innovazzjoni kollaborattivi, transsettorjali, transpolitiċi, transfruntiera u interdixxiplinari madwar l-Unjoni kif ukoll jiffaċilitaw l-integrazzjoni tagħhom fl-ekosistemi Ewropej;

    (b)

    jaċċelleraw it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali kif ukoll it-trasformazzjonijiet ekonomiċi, soċjali u soċjetali f’oqsma u f’setturi ta’ importanza strateġika għall-prijoritajiet tal-Unjoni, b’mod partikolari sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2030 f’konformità mal-miri klimatiċi u tal-enerġija stabbiliti f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Liġi Ewropea dwar il-Klima;

    (c)

    isaħħu l-kapaċitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni u l-prestazzjoni ta’ ktajjen tal-valur tal-ekosistema innovattiva u ekonomika Ewropej eżistenti u ġodda, inkluż f’negozji ġodda u SMEs;

    (d)

    jaċċelleraw it-tnedija, l-adozzjoni u d-disseminazzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi, teknoloġiji, servizzi u ħiliet f’ekosistemi ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni Ewropej imsaħħin u ekosistemi industrijali inkluż permezz ta’ involviment u ta’ kokreazzjoni wesgħin u bikrin mal-utenti finali, inkluż SMEs u negozji ġodda, ċittadini u mal-korpi regolatorji u tal-istandardizzazzjoni;

    (e)

    jiksbu titjib ambjentali, tal-enerġija, ta’ ffrankar tar-riżorsi, soċjetali, ta’ ċirkolarità u fil-produttività fi prodotti, teknoloġiji, applikazzjonijiet u f’servizzi ġodda billi jisfruttaw il-kapaċitajiet u r-riżorsi tal-Unjoni.

    4.   L-impriżi konġunti għandu jkollhom ukoll l-objettivi addizzjonali stabbiliti fit-Tieni Parti.

    5.   Fl-implimentazzjoni tar-Regolament Orizzont Ewropa, l-impriżi konġunti għandhom jirrispettaw il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 7 ta’ dak ir-Regolament.

    6.   L-impriżi konġunti għandhom jaderixxu mal-kundizzjonijiet u mal-kriterji għas-sħubijiet Ewropej stabbiliti fl-Artikolu 10 ta’ u fl-Anness III għar-Regolament Orizzont Ewropa.

    Artikolu 5

    Objettivi u kompiti operazzjonali

    1.   L-impriżi konġunti għandhom jaderixxu mal-objettivi operazzjonali li ġejjin f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Anness III għar-Regolament Orizzont Ewropa, u jikkontribwixxu għall-objettivi operazzjonali ta’ Orizzont Ewropa stabbiliti fil-Programm Speċifiku li jimplimenta Orizzont Ewropa:

    (a)

    isaħħu u jxerrdu l-eċċellenza, inkluż billi jrawmu parteċipazzjoni usa’ u jixprunaw rabtiet kollaborattivi fl-Unjoni kollha;

    (b)

    isaħħu l-eċċellenza xjentifika, inkluż billi jikkunsidraw, fejn rilevanti, sejbiet tar-riċerka bażika u fil-fruntieri tal-ogħla livell fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħhom;

    (c)

    jistimolaw l-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni fl-SMEs u jikkontribwixxu għall-ħolqien u għall-espansjoni ta’ kumpaniji innovattivi, b’mod partikolari negozji ġodda, SMEs, u f’każijiet eċċezzjonali kumpaniji żgħar b’kapitalizzazzjoni medja;

    (d)

    isaħħu r-rabta bejn ir-riċerka, l-innovazzjoni, u fejn xieraq, l-edukazzjoni, it-taħriġ u politiki oħrajn, inklużi l-komplementarjetajiet mal-politiki u mal-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni nazzjonali, reġjonali u tal-Unjoni;

    (e)

    isaħħu l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, inkluż l-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-ġeneri fil-kontenut tar-riċerka u l-innovazzjoni;

    (f)

    iżidu r-rabtiet ta’ kollaborazzjoni fir-riċerka u fl-innovazzjoni Ewropej u fis-setturi u fid-dixxiplini kollha, inklużi x-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi;

    (g)

    isaħħu l-kooperazzjoni internazzjonali b’appoġġ għall-objettivi tal-politika tal-Unjoni u l-impenji internazzjonali;

    (h)

    iżidu s-sensibilizzazzjoni pubblika u l-aċċettazzjoni, jirrispondu għad-domanda u jħeġġu d-diffużjoni u l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet ġodda billi jinvolvu, fejn xieraq, liċ-ċittadini u lill-utenti finali fil-proċessi ta’ kodisinn u ta’ kokreazzjoni;

    (i)

    iħeġġu l-isfruttament tar-riżultati ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni u jiddisseminaw u jisfruttaw b’mod attiv ir-riżultati, b’mod partikolari għall-ingranaġġ ta’ investimenti privati u għall-iżvilupp tal-politika;

    (j)

    iħaffu t-trasformazzjoni industrijali u r-reżiljenza fil-ktajjen tal-valur kollha, inkluż permezz ta’ ħiliet imtejba għall-innovazzjoni u l-avvanzar tat-teknoloġija diġitali;

    (k)

    jappoġġaw l-implimentazzjoni xjentifika bbażata fuq l-evidenza ta’ politiki tal-Unjoni relatati, kif ukoll attivitajiet regolatorji, ta’ standardizzazzjoni u ta’ investiment sostenibbli fil-livelli nazzjonali, Ewropej u globali.

    2.   L-impriżi konġunti għandhom iwettqu l-kompiti li ġejjin billi jadottaw approċċ sistemiku sabiex jintlaħqu l-objettivi:

    (a)

    jipprovdu appoġġ finanzjarju, prinċipalment fil-forma ta’ għotjiet, għal azzjonijiet indiretti ta’ riċerka u innovazzjoni, magħżula wara sejħiet miftuħa, trasparenti u kompetittivi ħlief f’każijiet debitament ġustifikati speċifikati fil-programm ta’ ħidma tagħhom sabiex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet addizzjonali li jeħtieġu l-parteċipazzjoni ta’ membri tal-impriża konġunta jew tal-entitajiet kostitwenti jew affiljati tagħhom;

    (b)

    jiżviluppaw kooperazzjoni mill-qrib u jiżguraw koordinazzjoni ma’ sħubijiet Ewropej oħrajn, inkluż billi, fejn xieraq, jallokaw parti mill-baġit tal-impriża konġunta għal sejħiet konġunti;

    (c)

    ifittxu u jimmassimizzaw sinerġiji ma’ attivitajiet u ma’ programmi rilevanti, u, fejn xieraq, possibbiltajiet għal aktar finanzjament minn attivitajiet u programmi rilevanti, fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali u reġjonali, b’mod partikolari ma’ dawk li jappoġġaw l-iskjerar u l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi, it-taħriġ, l-edukazzjoni u l-iżvilupp reġjonali, bħall-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni, jew il-Pjanijiet nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza;

    (d)

    jiżguraw li l-operazzjonijiet tagħhom jikkontribwixxu għall-ippjanar pluriennali strateġiku, għar-rapportar, għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni u għal rekwiżiti oħrajn ta’ Orizzont Ewropa stabbiliti fl-Artikoli 50 u 52 tar-Regolament Orizzont Ewropa, bħall-implimentazzjoni tal-qafas komuni ta’ feedback dwar il-politika;

    (e)

    jippromwovu l-involviment tal-SMEs u n-negozji ġodda fl-attivitajiet tagħhom u jiżguraw l-għoti ta’ informazzjoni f’waqtha lilhom, f’konformità mal-objettivi ta’ Orizzont Ewropa;

    (f)

    jiżviluppaw approċċ immirat fi ħdan l-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u Innovazzjoni tagħhom biex jimplimentaw miżuri biex jattiraw parteċipanti ġodda, b’mod partikolari SMEs, istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u organizzazzjonijiet ta’ riċerka, għall-espansjoni tan-networks kollaborattivi;

    (g)

    jimmobilizzaw ir-riżorsi tas-settur pubbliku u privat meħtieġa sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti f’dan ir-Regolament;

    (h)

    jimmonitorjaw il-progress fil-kisba tal-objettivi stabbiliti f’dan ir-Regolament, kif ukoll f’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 50 ta’ u fl-Annessi III u V għar-Regolament Orizzont Ewropa;

    (i)

    jiddefinixxu u jimplimentaw il-programm ta’ ħidma tagħhom;

    (j)

    jikkollegaw mal-aktar firxa estensiva tal-partijiet ikkonċernati inklużi, iżda mhux limitati għal, aġenziji deċentralizzati, organizzazzjonijiet ta’ riċerka u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għola, utenti finali u awtoritajiet pubbliċi, b’mod partikolari għall-fini li jiġu ddefiniti l-prijoritajiet u l-attivitajiet ta’ kull impriża konġunta kif ukoll sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, il-ftuh, l-inklużività, u jkunu ta’ benefiċċju għas-soċjetà;

    (k)

    iwettqu attivitajiet ta’ informazzjoni, ta’ komunikazzjoni, ta’ pubbliċità u ta’ disseminazzjoni u ta’ użu billi japplikaw mutatis mutandis l-Artikolu 51 tar-Regolament Orizzont Ewropa, inkluż billi jagħmlu l-informazzjoni dettaljata u koerenti dwar ir-riżultati mill-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni ffinanzjati disponibbli u aċċessibbli f’waqtha f’bażi ta’ data elettronika komuni ta’ Orizzont Ewropa;

    (l)

    jipprovdu lill-Kummissjoni bl-appoġġ tekniku, xjentifiku u amministrattiv neċessarju sabiex twettaq il-kompiti tagħha għall-finijiet li jiġu żgurati l-funzjonament u l-iżvilupp xierqa fl-Unjoni tal-oqsma speċifiċi indirizzati mill-impriża konġunta;

    (m)

    jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ interfaċċa aktar effettiva bejn il-politika u x-xjenza, għat-trawwim tax-xjenza miftuħa billi jiġi żgurat użu aħjar tar-riżultati u għall-indirizzar tal-ħtiġijiet tal-politika, kif ukoll għall-promozzjoni ta’ sfruttament, ta’ disseminazzjoni u ta’ adozzjoni aktar mgħaġġla tar-riżultati f’konformità mal-Artikoli 14 u 39 tar-Regolament Orizzont Ewropa;

    (n)

    jidentifikaw u jirrapportaw, f’konformità mal-qafas komuni ta’ feedback dwar il-politika u mal-istrateġiji u mal-azzjonijiet sabiex jiġu appoġġati l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-għarfien rilevanti miksub mill-ġestjoni ta’ proġetti ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni u mir-riżultati tagħhom lill-Kummissjoni sabiex iservu bħala input għall-monitoraġġ, għall-evalwazzjoni u għar-rettifika, fejn neċessarju, ta’ miżuri ta’ politika eżistenti jew għat-tfassil ta’ inizjattivi u ta’ deċiżjonijiet ta’ politika ġodda;

    (o)

    jappoġġaw lill-Kummissjoni fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ kriterji tekniċi ta’ skrinjar robusti bbażati fuq ix-xjenza skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/852 dwar investimenti sostenibbli, permezz ta’ monitoraġġ u permezz ta’ valutazzjoni tal-implimentazzjoni tagħhom fis-settur ekonomiku li joperaw fih, sabiex jipprovdu feedback ad hoc għat-tfassil tal-politika, meta jkun meħtieġ;

    (p)

    jikkunsidraw il-prinċipju la tagħmilx ħsara sinifikanti skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852 għall-attivitajiet tal-impriżi konġunti li jaqgħu fl-ambitu ta’ dak ir-Regolament u jqisu d-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament sabiex itejbu l-aċċess għal finanzjament sostenibbli, fejn rilevanti;

    (q)

    iwettqu kwalunkwe kompitu ieħor neċessarju sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    3.   Minbarra l-kompiti stabbiliti f’dan l-Artikolu u fit-Tieni Parti, l-impriżi konġunti jistgħu jiġu fdati bl-implimentazzjoni ta’ kompiti addizzjonali li jeħtieġu finanzjament kumulattiv, komplementari jew ikkombinat bejn il-programmi tal-Unjoni.

    KAPITOLU 2

    Membri, sħab kontribwenti u kontribuzzjonijiet

    Artikolu 6

    Membri

    1.   Il-membri tal-impriżi konġunti msemmija fl-Artikolu 3 għandhom ikunu l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin, kif speċifikat fit-Tieni Parti:

    (a)

    stati parteċipanti;

    (b)

    membri fundaturi;

    (c)

    membri assoċjati.

    2.   Is-sħubija ta’ impriża konġunta ma tistax tiġi ttrasferita lil parti terza mingħajr il-qbil minn qabel tal-bord ta’ tmexxija msemmi fil-Kapitolu 3, Taqsima 1 ta’ dan it-Titolu.

    3.   Ittra ta’ impenn għandha tiġi ffirmata mill-membri fundaturi u mill-membri assoċjati u għandha tagħti dettalji dwar l-ambitu tas-sħubija f’termini ta’ kontenut, attivitajiet u d-durata tagħha, kif ukoll il-kontribuzzjonijiet tal-membri fundaturi u tal-membri assoċjati għall-impriża konġunta, inkluż indikazzjoni tal-attivitajiet addizzjonali previsti msemmija fl-Artikolu 11(1), punt (b).

    Artikolu 7

    Għażla tal-membri assoċjati

    1.   L-impriżi konġunti jistgħu jniedu sejħiet miftuħa u trasparenti għal espressjoni ta’ interess bil-ħsieb li jagħżlu membri assoċjati bil-potenzjal li jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-impriżi konġunti. Impriżi konġunti li l-membri fundaturi tagħhom huma elenkati fl-Annessi I, II u III għandhom iniedu sejħiet bħal dawn. Is-sejħa għal espressjoni ta’ interess għandha tistabbilixxi l-kapaċitajiet ewlenin meħtieġa sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-impriża konġunta u tista’ titlob lill-applikanti biex jipprovdu indikazzjoni tal-kontribuzzjonijiet potenzjali tagħhom. Is-sejħiet kollha għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-impriża konġunta u jiġu kkomunikati permezz tal-mezzi xierqa kollha, inkluż, fejn applikabbli, il-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati, sabiex tiġi żgurata l-aktar parteċipazzjoni wiesgħa possibbli fl-interess tal-kisba tal-objettivi tal-impriża konġunta.

    2.   Id-direttur eżekuttiv għandu jivvaluta l-applikazzjonijiet għas-sħubija bl-assistenza ta’ esperti indipendenti u, fejn xieraq, ta’ korpi rilevanti tal-impriża konġunta, fuq il-bażi ta’ għarfien, ta’ esperjenza u ta’ valur miżjud ddokumentati tal-applikant fil-kisba tal-objettivi tal-impriża konġunta, tas-solidità finanzjarja u tal-impenn fit-tul tal-applikant għal kontribuzzjonijiet finanzjarji u in natura għall-impriża konġunta, u b’kunsiderazzjoni tal-kunflitti ta’ interess potenzjali.

    3.   Il-bord ta’ tmexxija għandu jivvaluta u japprova jew jirrifjuta applikazzjonijiet għas-sħubija.

    Artikolu 8

    Tibdil fis-sħubija jew terminazzjoni tagħha

    1.   Kwalunkwe membru ta’ impriża konġunta jista’ jtemm is-sħubija tiegħu ta’ dik l-impriża konġunta. It-terminazzjoni għandha ssir effettiva u irrevokabbli sitt xhur wara n-notifika lid-direttur eżekuttiv tal-impriża konġunta, li għandu jinforma lill-membri l-oħrajn. Mid-data tat-terminazzjoni, il-membru għandu jiġi rrilaxxat minn kwalunkwe obbligu għajr dawk approvati jew imġarrba mill-impriża konġunta qabel it-terminazzjoni tas-sħubija, sakemm ma jkunx hemm qbil reċiproku mod ieħor.

    2.   Kull membru privat għandu jinforma f’waqtu lill-impriża konġunta dwar kwalunkwe fużjoni jew akkwiżizzjoni bejn il-membri li x’aktarx taffettwa l-impriża konġunta jew kwalunkwe akkwiżizzjoni ta’ membru minn entità li ma tkunx membru tal-impriża konġunta.

    3.   Il-bord ta’ tmexxija għandu jiddeċiedi jekk itemmx is-sħubija ta’ kwalunkwe membru msemmi fil-paragrafu 2, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-kontinwità tal-operat u li jiġi protett l-interess tal-Unjoni jew tal-impriża konġunta. It-terminazzjoni għandha ssir effettiva u irrevokabbli mhux aktar tard minn sitt xhur mid-deċiżjoni tal-bord ta’ tmexxija jew fid-data speċifikata f’dik id-deċiżjoni, skont liema minnhom tiġi l-ewwel. Il-membru jew il-membri kkonċernati ma għandhomx jipparteċipaw fil-vot tal-bord ta’ tmexxija.

    4.   Kull membru privat għandu jinforma f’waqtu lill-impriża konġunta bi kwalunkwe tibdil sinifikanti ieħor fis-sjieda, fil-kontroll jew fil-kompożizzjoni tiegħu. Meta l-Kummissjoni tqis li t-tibdil x’aktarx jaffettwa l-interess tal-Unjoni jew tal-impriża konġunta għal raġunijiet ta’ sigurtà jew ta’ ordni pubbliku, tista’ tipproponi lill-bord ta’ tmexxija sabiex itemm is-sħubija tal-membru privat ikkonċernat. Il-bord ta’ tmexxija għandu jiddeċiedi dwar it-terminazzjoni tas-sħubija tal-membru privat ikkonċernat. Il-membru privat ikkonċernat ma għandux jipparteċipa fil-vot tal-bord ta’ tmexxija.

    5.   It-terminazzjoni għandha ssir effettiva u irrevokabbli mhux aktar tard minn sitt xhur mid-deċiżjoni tal-bord ta’ tmexxija jew fid-data speċifikata f’dik id-deċiżjoni, skont liema minnhom tiġi l-ewwel.

    6.   Il-bord ta’ tmexxija jista’ jtemm is-sħubija ta’ kwalunkwe membru li jonqos milli jissodisfa l-obbligi tiegħu skont dan ir-Regolament. Il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 28(6) tapplika mutatis mutandis.

    7.   Fejn xieraq, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-membri privati biex jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li l-interess tal-Unjoni u tal-impriża konġunta minħabba raġunijiet ta’ sigurtà jew ordni pubbliku jkunu salvagwardati.

    8.   Meta jkun hemm tibdil fis-sħubija jew terminazzjoni, l-impriża konġunta għandha tippubblika minnufih fuq is-sit web tagħha lista aġġornata tal-membri tagħha, flimkien mad-data meta tali tibdil għandu jsir effettiv.

    9.   Fejn xieraq u soġġett għall-Artikolu 16(3), il-bord ta’ tmexxija għandu jiddeċiedi dwar ridistribuzzjoni tad-drittijiet tal-vot fil-bord ta’ tmexxija minħabba l-bidla fis-sħubija jew minħabba t-terminazzjoni.

    Artikolu 9

    Sħab kontribwenti

    1.   Kwalunkwe sieħeb kontribwenti kandidat kif iddefinit fl-Artikolu 2, punt (7), għandu jippreżenta ittra ta’ approvazzjoni lill-bord ta’ tmexxija. L-ittra ta’ approvazzjoni għandha tispeċifika l-ambitu tas-sħubija f’termini ta’ suġġett, ta’ attivitajiet u d-durata tagħhom u tagħti dettalji dwar il-kontribuzzjoni tal-applikant lill-impriża konġunta.

    2.   Il-bord ta’ tmexxija għandu jivvaluta l-ittra ta’ approvazzjoni u għandu japprova jew jirrifjuta l-applikazzjoni.

    3.   Is-sħab kontribwenti ma għandux ikollhom drittijiet tal-vot fil-bord ta’ tmexxija ta’ impriża konġunta.

    Artikolu 10

    Kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni

    1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni lill-impriżi konġunti, inkluż l-approprjazzjonijiet taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), għandha tkopri l-kostijiet amministrattivi u operazzjonali sal-ammonti massimi speċifikati fit-Tieni Parti, dment li dak l-ammont ikun mill-inqas daqs il-kontribuzzjoni tal-membri għajr l-Unjoni jew tal-entitajiet kostitwenti jew affiljati tagħhom.

    2.   L-ammont tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni speċifikat fit-Tieni Parti jista’ jiżdied b’kontribuzzjonijiet minn pajjiżi terzi assoċjati ma’ Orizzont Ewropa f’konformità mal-Artikolu 16(5) tar-Regolament Orizzont Ewropa u dment li l-ammont totali li bih tiżdied il-kontribuzzjoni tal-Unjoni jkun tal-inqas daqs il-kontribuzzjoni tal-membri għajr l-Unjoni, jew l-entitajiet kostitwenti jew affiljati tagħhom.

    3.   Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għandha titħallas mill-approprjazzjonijiet fil-baġit ġenerali tal-Unjoni allokati għall-Programm Speċifiku li jimplimenta Orizzont Ewropa, f’konformità mal- Artikolu 62(1), punt (c)(iv), u mal-Artikolu 154 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 fil-każ ta’ korpi msemmija fl-Artikolu 71 ta’ dak ir-Regolament.

    4.   Fondi addizzjonali tal-Unjoni li jikkomplementaw il-kontribuzzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jiġu fdati lill-impriżi konġunti f’konformità mal- Artikolu 62(1), punt (c)(iv), u mal-Artikolu 154 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    5.   Għal kontribuzzjonijiet li jikkorrispondu għal kompiti addizzjonali fdati lil Impriża Konġunta f’konformità mal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu jew l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-Regolament, huma applikabbli r-rekwiżiti tal-Artikolu 155 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    6.   Il-kontribuzzjonijiet addizzjonali mill-programmi tal-Unjoni li jikkorrispondu għal kompiti addizzjonali fdati lil impriża konġunta skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu jew l-Artikolu 5(3) ma għandhomx jingħaddu fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima tal-Unjoni speċifikata fit-Tieni Parti.

    Artikolu 11

    Kontribuzzjonijiet minn membri għajr l-Unjoni u sħab kontribwenti

    1.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fit-Tieni Parti, il-kontribuzzjonijiet tal-membri privati għandhom jikkonsistu f’kontribuzzjonijiet finanzjarji u fi kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

    (a)

    kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet operazzjonali;

    (b)

    kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet addizzjonali, approvati mill-bord ta’ tmexxija f’konformità mal-Artikolu 17(2), punt (n).

    2.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fit-Tieni Parti, il-membri privati għandhom jirrapportaw sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju ta’ kull sena lill-bord ta’ tmexxija rispettiv tagħhom fuq il-valur tal-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, punt (b), magħmula f’kull waħda mis-snin finanzjarji preċedenti. Għall-finijiet tal-valorizzazzjoni ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, il-kostijiet għandhom jiġu ddeterminati f’konformità mal-prattiki kontabilistiċi tal-kostijiet tas-soltu tal-entitajiet ikkonċernati, skont l-istandards kontabilistiċi applikabbli tal-pajjiż fejn tkun stabbilita l-entità, u skont l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà u l-Istandards Internazzjonali ta’ Rapportar Finanzjarju applikabbli. Il-kostijiet għandhom jiġu ċċertifikati minn korp tal-awditjar indipendenti maħtur mill-entità kkonċernata u ma għandhomx jiġu awditjati mill-impriża konġunta kkonċernata jew minn kwalunkwe korp tal-Unjoni. Il-metodu ta’ evalwazzjoni jista’ jiġi vverifikat mill-impriża konġunta jekk miċ-ċertifikazzjoni tirriżulta xi inċertezza. F’każijiet debitament speċifikati, il-bord ta’ tmexxija jista’ jawtorizza l-użu ta’ somom f’daqqa jew ta’ kostijiet unitarji għall-valwazzjoni ta’ dawk il-kontribuzzjonijiet.

    3.   Il-kontribuzzjonijiet mill-istati parteċipanti għandhom jikkonsistu f’kontribuzzjonijiet finanzjarji. L-Istati parteċipanti għandhom jirrapportaw sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena lill-bord ta’ tmexxija dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji magħmula fis-sena finanzjarja preċedenti.

    4.   Il-kontribuzzjonijiet minn organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jikkonsistu f’kontribuzzjonijiet finanzjarji u f’kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet operazzjonali, sakemm mhux speċifikat mod ieħor fit-Tieni Parti.

    5.   Il-kontribuzzjonijiet mis-sħab kontribwenti għandhom jikkorrispondu għall-ammonti li jieħdu impenn għalihom fl-ittra ta’ approvazzjoni meta jsiru sieħeb kontribwenti u għandhom jikkonsistu f’kontribuzzjonijiet finanzjarji u f’kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet operazzjonali.

    6.   Il-Kummissjoni tista’ ttemm, tnaqqas b’mod proporzjonali jew tissospendi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni lil impriża konġunta jew tagħti bidu għall-proċedura ta’ stralċ imsemmija fl-Artikolu 45 fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

    (a)

    meta l-impriża konġunta kkonċernata tonqos milli tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-inkarigu tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni;

    (b)

    meta l-membri għajr l-Unjoni jew l-entitajiet kostitwenti jew affiljati tagħhom jonqsu milli jikkontribwixxu, jikkontribwixxu biss parzjalment, ma jirrispettawx il-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafu 2 fir-rigward tal-kontribuzzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu;

    (c)

    bħala riżultat tal-evalwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 171(2).

    7.   Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ttemm, tnaqqas b’mod proporzjonali jew tissospendi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni ma għandhiex tfixkel ir-rimborż tal-kostijiet eliġibbli diġà mġarrba mill-membri għajr l-Unjoni qabel ma d-deċiżjoni tiġi nnotifikata lill-impriża konġunta.

    8.   Skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 28(6), kwalunkwe membru tal-impriża konġunta għajr l-Unjoni li jonqos milli jissodisfa l-impenji tiegħu rigward il-kontribuzzjonijiet imsemmija f’dan ir-Regolament għandu jiġi skwalifikat milli jivvota fil-bord ta’ tmexxija sakemm jiġu ssodisfati l-obbligi tiegħu. Meta kwalunkwe membru bħal dan jonqos milli jissodisfa l-obbligi tiegħu malli jiskadi perijodu addizzjonali ta’ sitt xhur, is-sħubija tiegħu għandha tiġi rrevokata, sakemm il-bord ta’ tmexxija ma jiddeċidix mod ieħor f’każijiet debitament ġustifikati. L-entità kkonċernata ma għandhiex tipparteċipa fil-vot tal-bord ta’ tmexxija.

    Artikolu 12

    Ġestjoni ta’ kontribuzzjonijiet mill-istati parteċipanti

    1.   Kull stat parteċipanti għandu jagħmel impenn indikattiv tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji nazzjonali tagħhom lill-impriża konġunta. Tali impenn għandu jsir qabel l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma.

    Minbarra l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 22 tar-Regolament Orizzont Ewropa, il-programm ta’ ħidma jista’ jinkludi, bħala anness, kriterji ta’ eliġibbiltà fir-rigward tal-entitajiet legali nazzjonali.

    Kull stat parteċipanti għandu jafda lill-impriża konġunta bl-evalwazzjoni tal-proposti skont ir-Regolamwnt Orizzont Ewropa.

    L-għażla ta’ proposti għandha tkun ibbażata fuq il-lista ta’ klassifikazzjoni pprovduta mill-kumitat ta’ evalwazzjoni. Il-korp responsabbli għall-għażla jista’ jiddevja minn dik il-lista f’każijiet debitament ġustifikati kif stabbilit fil-programm ta’ ħidma biex jiżgura l-konsistenza ġenerali tal-approċċ ta’ portafoll.

    Kull stat parteċipanti għandu dritt ta’ veto fuq il-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw l-użu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji nazzjonali tiegħu stess lill-impriża konġunta għall-applikanti stabbiliti f’dawk l-istati parteċipanti, abbażi ta’ prijoritajiet strateġiċi nazzjonali.

    2.   Kull stat parteċipanti għandu jikkonkludi ftehim amministrattiv wieħed jew aktar mal-impriża konġunta li jistabbilixxi l-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni għall-pagament ta’ kontribuzzjonijiet, u r-rappurtar dwarhom, lill-applikanti stabbiliti f’dak l-istat parteċipanti. Dan il-ftehim għandu jinkludi l-iskeda, il-kondizzjonijiet ta’ pagament, ir-rekwiżiti ta’ rappurtar u ta’ awditjar.

    Kull stat parteċipanti għandu jagħmel ħiltu biex jissinkronizza l-iskeda ta’ pagamenti, ir-rappurtar u l-awditi tiegħu ma’ dawk tal-Impriża Konġunta u jikkonvergi r-regoli dwar l-eliġibbiltà tal-kostijiet mar-regoli ta’ Orizzont Ewropa.

    3.   Fil-ftehim imsemmi fil-paragrafu 2, kull stat parteċipanti jista’ jafda lill-impriża konġunta bil-pagament tal-kontribuzzjoni tagħha lill-benefiċjari tagħha. Wara l-għażla ta’ proposti. l-istat parteċipanti għandu jimpenja l-ammont neċessarju għall-pagamenti. L-awtoritajiet tal-awditjar tal-istat parteċipanti jistgħu jawditjaw il-kontribuzzjonijiet nazzjonali rispettivi.

    KAPITOLU 3

    Organizzazzjoni tal-impriżi konġunti

    Artikolu 13

    Sinerġiji u effiċjenzi fl-arranġamenti tal-back office

    1.   L-impriżi konġunti għandhom, fi żmien sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, joperaw arranġamenti tal-back office billi jikkonkludu ftehimiet fil-livell ta’ servizz, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fit-Tieni Parti u soġġett għall-ħtieġa li jiġi ggarantit livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-interess finanzjarju tal-Unjoni meta l-kompiti ta’ implimentazzjoni baġitarja jiġu fdati lil impriżi konġunti. Tali arranġamenti għandhom jinkludu tal-anqas l-oqsma li ġejjin, soġġetti għall-konferma tal-vijabbiltà u wara l-iskrinjar tar-riżorsi:

    (a)

    appoġġ għar-riżorsi umani;

    (b)

    appoġġ legali;

    (c)

    teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni;

    (d)

    kontabbiltà (eskluż it-teżor);

    (e)

    komunikazzjoni;

    (f)

    loġistika, avvenimenti u ġestjoni tas-swali tal-laqgħat;

    (g)

    appoġġ għall-istrateġija ta’ awditjar u ta’ kontra l-frodi.

    2.   L-arranġamenti tal-back office msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu pprovduti minn impriża konġunta magħżula waħda jew aktar lill-oħrajn kollha. L-arranġamenti interrelatati għandhom jinżammu fi ħdan l-istess impriża konġunta sa fejn ikun xieraq għall-implimentazzjoni effiċjenti u effettiva tal-kompiti kkonċernati sabiex tiġi żgurata struttura organizzattiva koerenti.

    3.   Il-ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jippermettu t-trasferiment tal-approprjazzjonijiet jew l-irkupru tal-kostijiet għall-forniment tas-servizzi komuni bejn l-impriżi konġunti.

    4.   Mingħajr preġudizzju għall-assenjar mill-ġdid għal kompiti oħra fi ħdan l-impriża konġunta, jew għal arranġamenti amministrattivi oħrajn, li ma jaffettwawx kuntratti ta’ impjieg, il-persunal assenjat għall-funzjonijiet ittrasferiti għall-għan tal-arranġamenti tal-back office, ospitat minn impriża konġunta oħra, jista’ jiġi ttrasferit lil dik l-impriża konġunta. Meta membru tal-persunal ikkonċernat jesprimi r-rifjut tiegħu bil-miktub, il-kuntratt ta’ dak il-membru tal-persunal jista’ jiġi tterminat mill-impriża konġunta skont il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (30) (CEOS).

    5.   Il-persunal imsemmi fil-paragrafu 4, li jiġi ttrasferit lill-impriża konġunta li tkun qed tospita l-arranġamenti tal-back office, għandu jżomm l-istess tip ta’ kuntratt u grupp ta’ funzjoni u grad, u għandu jitqies li jkun serva s-servizz kollu tiegħu f’dik l-impriża konġunta.

    Artikolu 14

    Korpi tal-impriżi konġunti

    1.   Kull impriża konġunta għandu jkollha bord ta’ tmexxija, direttur eżekuttiv u, ħlief f’impriżi konġunti fejn l-istati huma rappreżentati fil-Bord ta’ Tmexxija, grupp ta’ rappreżentanti tal-istati.

    2.   Impriża konġunta jista’ jkollha wkoll korp konsultattiv xjentifiku, grupp ta’ partijiet ikkonċernati u kwalunkwe korp ieħor f’konformità mad-dispożizzjonijiet fit-Tieni Parti.

    3.   Meta jwettaq il-kompiti tiegħu, kull korp tal-impriżi konġunti għandu jsegwi biss l-objettivi stabbiliti f’dan ir-Regolament u għandu jaġixxi biss fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet tal-impriża konġunta li għall-fini tagħhom tkun ġiet stabbilita.

    4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, il-korpi ta’ żewġ impriżi konġunti jew aktar jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu kooperazzjoni strutturata, inkluż permezz ta’ laqgħat regolari jew permezz ta’ kumitati konġunti.

    Taqsima 1

    Bord ta’ Tmexxija

    Artikolu 15

    Kompożizzjoni tal-bord ta’ tmexxija

    1.   Il-bord ta’ tmexxija għandu jkun magħmul minn tal-anqas żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni f’isem l-Unjoni u min-numru ta’ rappreżentanti minn kull wieħed mill-membri tal-impriża konġunta għajr l-Unjoni kif stabbilit fit-Tieni Parti fir-rigward ta’ kull impriża konġunta.

    2.   Fejn, f’konformità mal-Artikolu 6(1), punt (b), il-membri tal-impriża konġunta jinkludu stati parteċipanti, rappreżentant wieħed ta’ kull stat parteċipanti għandu jinħatar fil-bord ta’ tmexxija.

    Artikolu 16

    Funzjonament tal-bord ta’ tmexxija

    1.   Ir-rappreżentanti tal-membri fil-bord ta’ tmexxija għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jadottaw deċiżjonijiet b’kunsens. Fin-nuqqas ta’ kunsens, għandu jittieħed vot. Deċiżjoni għandha titqies adottata b’maġġoranza ta’ mill-inqas 75 % tal-voti inkluż il-voti tar-rappreżentanti li jkunu assenti, iżda esklużi l-astenzjonijiet.

    L-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-bord ta’ tmexxija tista’ tkun soġġetta wkoll għal kwalunkwe regola speċifika rilevanti stabbilita fit-Tieni Parti.

    2.   Il-preżenza tal-Kummissjoni, ta’ mill-inqas 50 % tal-membri privati u, jekk applikabbli, ta’ mill-inqas 50 % tad-delegati tal-istati parteċipanti hija meħtieġa biex il-bord ta’ tmexxija jkun jista’ jivvota.

    3.   L-Unjoni għandu jkollha 50 % tad-drittijiet tal-vot, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fit-Tieni Parti. Id-drittijiet tal-vot tal-Unjoni għandhom ikunu indiviżibbli.

    Id-drittijiet tal-vot tal-membri għajr l-Unjoni għandhom ikunu soġġetti għar-regoli speċifiċi stabbiliti fit-Tieni Parti. Sakemm mhux speċifikat mod ieħor fit-Tieni Parti, kull wieħed mir-rappreżentanti tal-membri għajr l-Unjoni għandu jkollu numru ugwali ta’ voti.

    4.   Il-President tal-bord ta’ tmexxija għandu jinħatar fuq bażi annwali b’rotazzjoni mill-Unjoni u mir-rappreżentanti l-oħrajn, f’sekwenza, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fit-Tieni Parti.

    5.   Il-bord ta’ tmexxija għandu jorganizza l-laqgħat ordinarji tiegħu tal-anqas darbtejn fis-sena. Laqgħat straordinarji jistgħu jissejħu fuq talba tal-President, tad-direttur eżekuttiv, tal-Kummissjoni jew ta’ maġġoranza tar-rappreżentanti tal-membri għajr l-Unjoni jew tal-istati parteċipanti. Il-laqgħat tal-bord ta’ tmexxija għandhom jissejħu mill-President u għandhom isiru fis-sede tal-impriża konġunta kkonċernata, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-bord ta’ tmexxija f’każijiet debitament ġustifikati. L-aġenda tal-laqgħat u d-deċiżjonijiet għandha tkun disponibbli għall-pubbliku fi żmien xieraq fuq is-sit web tal-impriża konġunta rispettiva.

    6.   Id-Direttur eżekuttiv għandu jattendi l-laqgħat u għandu jkollu d-dritt li jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet iżda ma għandux ikollu drittijiet tal-vot.

    7.   Il-president u l-viċi president tal-grupp rappreżentattiv tal-istati għandu jkollhom status ta’ osservatur fil-laqgħat tal-bord ta’ tmexxija. Il-Presidenti tal-korpi l-oħrajn tal-impriża konġunta kkonċernata għandu jkollhom id-dritt li jattendu l-laqgħat tal-bord ta’ tmexxija bħala osservaturi kull meta jiġu diskussi kwistjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-kompiti tagħhom. L-osservaturi jistgħu jieħdu sehem f’deliberazzjonijiet iżda ma għandu jkollhom l-ebda dritt tal-vot.

    8.   Persuni oħrajn, b’mod partikolari rappreżentanti ta’ sħubijiet Ewropej oħrajn, aġenziji eżekuttivi jew regolatorji, awtoritajiet reġjonali fi ħdan l-Unjoni u pjattaformi teknoloġiċi Ewropej jistgħu jiġu mistiedna wkoll jattendu mill-President bħala osservaturi fuq bażi ta’ każ b’każ soġġetti għar-regoli dwar il-kunfidenzjalità u l-kunflitt ta’ interess.

    9.   Ir-rappreżentanti tal-membri ma għandhomx ikunu responsabbli personalment għal azzjonijiet meħuda fil-kapaċità tagħhom bħala rappreżentanti tal-bord ta’ tmexxija ħlief f’każijiet ta’ negliġenza gravi jew imġiba ħażina volontarja.

    10.   Il-bord ta’ tmexxija għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess.

    11.   Ir-rappreżentanti tal-membri u l-osservaturi għandhom ikunu marbuta bid-dispożizzjonijiet ta’ kodiċi ta’ kondotta li għandu jistabbilixxi l-obbligi tagħhom biex jissalvagwardjaw l-integrità u r-reputazzjoni tal-impriża konġunta kkonċernata u tal-Unjoni.

    Artikolu 17

    Kompiti tal-bord ta’ tmexxija

    1.   Il-bord ta’ tmexxija huwa l-korp deċiżjonali ta’ kull impriża konġunta. Għandu jkollu r-responsabbiltà ġenerali għall-orjentazzjoni strateġika, il-koerenza mal-objettivi u l-politiki rilevanti tal-Unjoni, u l-operazzjonijiet ta’ dik l-impriża konġunta u għandu jissorvelja l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħha.

    Il-Kummissjoni, fir-rwol tagħha fil-bord ta’ tmexxija, għandha tfittex li tiżgura l-koordinazzjoni u l-koerenza bejn l-attivitajiet tal-impriżi konġunti u l-attivitajiet rilevanti tal-programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni bl-għan li tippromwovi sinerġiji u komplementarjetajiet filwaqt li tevita duplikazzjonijiet meta tidentifika l-prijoritajiet koperti bir-riċerka kollaborattiva.

    2.   Il-bord ta’ tmexxija għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:

    (a)

    jieħu miżuri biex jimplimenta l-objettivi ġenerali, speċifiċi u operazzjonali tal-impriża, jivvaluta l-effettività u l-impatt tagħhom, jiżgura monitoraġġ mill-qrib u f’waqtu tal-progress tal-programm ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni tal-impriża konġunta u tal-azzjonijiet individwali fir-rigward tal-prijoritajiet tal-Unjoni u tal-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni, inkluż b’rabta mal-komplementarjetà mal-programmi reġjonali u nazzjonali, u jieħu miżuri korrettivi fejn meħtieġa sabiex jiżgura li l-impriża konġunta tilħaq l-objettivi tagħha;

    (b)

    jivvaluta, jaċċetta jew jirrifjuta applikazzjonijiet għal sħubija f’konformità mal-Artikolu 7;

    (c)

    jivvaluta, jaċċetta jew jirrifjuta applikazzjonijiet ta’ sħab kontribwenti prospettivi f’konformità mal-Artikolu 9;

    (d)

    jiddeċiedi dwar it-terminazzjoni tas-sħubija fl-impriża konġunta fir-rigward ta’ kwalunkwe membru li ma jissodisfax l-obbligi tiegħu skont dan ir-Regolament jew f’konformità mal-Artikolu 8(2) u (3);

    (e)

    jadotta r-regoli finanzjarji tal-impriża konġunta f’konformità mal-Artikolu 27;

    (f)

    jadotta l-baġit annwali u l-pjan ta’ stabbiliment tal-persunal inkluż in-numru ta’ pożizzjonijiet permanenti u temporanji skont il-grupp ta’ funzjoni u skont il-grad kif ukoll in-numru ta’ persunal bil-kuntratt u ta’ esperti nazzjonali sekondati espressi f’ekwivalenti full-time;

    (g)

    jiddeċiedi dwar id-distribuzzjoni tal-kostijiet amministrattivi fost il-membri għajr l-Unjoni, meta dawn il-membri jonqsu milli jilħqu ftehim f’konformità mal-Artikolu 28(2), filwaqt li jqisu l-iżbilanċi possibbli fl-impenji amministrattivi tagħhom meta mqabbla mal-parteċipazzjoni tagħhom;

    (h)

    jeżerċita, f’konformità mal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu u fir-rigward tal-persunal tal-impriża konġunta, is-setgħat mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea stabbiliti bir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (ir-“Regolamenti tal-Persunal”) lill-Awtorità tal-Ħatra u mis-CEOS lill-Awtorità bis-Setgħa li Tikkonkludi Kuntratt ta’ Impjieg (“is-setgħat tal-awtorità tal-ħatra”);

    (i)

    jaħtar, jagħti s-sensja, jestendi l-mandat, jipprovdi gwida u jissorvelja l-prestazzjoni tad-direttur eżekuttiv;

    (j)

    jadotta l-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni fil-bidu tal-impriża konġunta u jaġġornaha matul id-durata ta’ Orizzont Ewropa, fejn neċessarju. L-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni għandha tidentifika l-impatt immirat tas-sħubija, il-portafoll previst tal-attivitajiet, l-eżiti mistennija li jistgħu jitkejlu, ir-riżorsi, ir-riżultati, u l-objettivi intermedji f’perijodu ta’ żmien definit. Għandu jidentifika wkoll is-sħubijiet Ewropej l-oħra li magħhom l-impriża konġunta għandha tistabbilixxi kollaborazzjoni formali u regolari u l-possibbiltajiet għal sinerġiji bejn l-azzjonijiet tal-impriża konġunta u l-inizjattivi u l-politiki nazzjonali jew reġjonali bbażati fuq informazzjoni riċevuta mill-istati parteċipanti jew mill-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati kif ukoll għal sinerġiji ma’ programmi u politiki oħrajn tal-Unjoni;

    (k)

    jadotta l-programm ta’ ħidma u l-istimi tan-nefqa korrispondenti kif proposti mid-direttur eżekuttiv, wara li jqis l-opinjoni tal-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati, sabiex jimplimenta l-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni, inkluż l-attivitajiet amministrattivi, il-kontenut tas-sejħiet għal proposti, il-kondizzjonijiet possibbli biex jiġu ttrattati proposti ex aequo skont l-Artikolu 28(3) ta’ Orizzont Ewropa u l-programmi ta’ ħidma tiegħu, l-oqsma ta’ riċerka soġġetti għal sejħiet konġunti u għal kooperazzjoni ma’ sħubijiet oħra u s-sinerġiji ma’ programmi oħra tal-Unjoni, ir-rata ta’ finanzjament applikabbli, u r-regoli relatati għall-proċeduri ta’ preżentazzjoni, ta’ evalwazzjoni, ta’ selezzjoni, ta’ għoti u ta’ rieżami, b’attenzjoni partikolari għall-feedback għar-rekwiżiti ta’ politika;

    (l)

    fejn xieraq, jillimita l-parteċipazzjoni f’azzjonijiet speċifiċi fil-programm ta’ ħidma f’konformità mal-Artikolu 22(5) tar-Regolament Orizzont Ewropa u f’konformità mal-pożizzjoni maqbula fuq bażi ta’ każ b’każ bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-grupp rappreżentattiv tal-istati, sakemm mhux speċifikat mod ieħor fit-Tieni Parti;

    (m)

    jadotta miżuri biex jattira parteċipanti ġodda, b’mod partikolari SMEs, istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u organizzazzjonijiet ta’ riċerka, fl-attivitajiet u l-azzjonijiet tal-impriża konġunta, inkluż fejn applikabbli billi tħeġġiġhom isiru membri privati jew entitajiet kostitwenti tal-membri privati;

    (n)

    japprova l-pjan annwali tal-attivitajiet addizzjonali, stabbilit f’anness tal-parti ewlenija tal-programm ta’ ħidma, fuq il-bażi ta’ proposta mill-membri għajr l-Unjoni u wara li jkun ikkonsulta lill-korp konsultattiv xjentifiku jew lil tali korp kif stabbilit fit-Tieni Parti u wara li jqis l-opinjoni tal-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati;

    (o)

    jipprovdi orjentazzjoni strateġika fir-rigward tal-kollaborazzjoni ma’ sħubijiet Ewropej oħrajn f’konformità mal-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni;

    (p)

    jivvaluta u japprova r-rapport annwali konsolidat tal-attività, li jinkludi n-nefqa korrispondenti u l-baġit iddedikat għal sejħiet konġunti ma’ sħubijiet Ewropej oħrajn;

    (q)

    jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali tal-impriża konġunta;

    (r)

    jagħmel arranġamenti, kif xieraq, għall-istabbiliment ta’ kapaċità tal-awditjar intern tal-impriża konġunta;

    (s)

    japprova l-istruttura organizzazzjonali tal-uffiċċju tal-programm fuq rakkomandazzjoni tad-direttur eżekuttiv;

    (t)

    japprova l-politika ta’ komunikazzjoni tal-impriża konġunta fuq rakkomandazzjoni mid-direttur eżekuttiv;

    (u)

    sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fit-Tieni Parti, japprova l-lista ta’ azzjonijiet magħżula għall-finanzjament;

    (v)

    jadotta regoli ta’ implimentazzjoni sabiex jagħtu effett lir-Regolamenti tal-Persunal u s-CEOS f’konformità mal-Artikolu 110(2) tar-Regolamenti tal-Persunal;

    (w)

    jadotta regoli dwar is-sekondar ta’ esperti nazzjonali għall-impriżi konġunti jew l-użu ta’ trainees;

    (x)

    jistabbilixxi, kif meħtieġ, gruppi konsultattivi jew ta’ ħidma, inkluż f’kollaborazzjoni ma’ impriżi konġunti oħrajn, minbarra l-korpi tal-impriża konġunta msemmija fl-Artikolu 14, għal perijodu determinat ta’ żmien u sabiex jissodisfaw għan speċifiku;

    (y)

    jippreżenta lill-Kummissjoni, fejn xieraq, talbiet biex jiġi emendat dan ir-Regolament;

    (z)

    jitlob parir xjentifiku jew analiżi dwar kwistjonijiet speċifiċi lill-korp konsultattiv xjentifiku konġunt jew lill-membri tiegħu, inkluż fir-rigward ta’ żviluppi f’setturi kontigwi;

    (a1)

    jadotta, sa tmiem l-2023, pjan għall-eliminazzjoni gradwali tal-impriża konġunta mill-finanzjament ta’ Orizzont Ewropa fuq rakkomandazzjoni tad-direttur eżekuttiv;

    (b1)

    jiżgura t-twettiq ta’ kwalunkwe kompitu li ma jkunx assenjat speċifikament lil korp partikolari ta’ impriża konġunta, soġġett għall-possibbiltà li l-bord ta’ tmexxija jista’ jassenja tali kompitu lil korp ieħor tal-impriża konġunta kkonċernata.

    3.   Il-bord ta’ tmexxija ta’ impriża konġunta jista’ jkun soġġett ukoll għal regoli speċifiċi stabbiliti fit-Tieni Parti.

    4.   Il-bord ta’ tmexxija għandu jadotta, f’konformità mal-Artikolu 110(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq l-Artikolu 6 tas-CEOS, li tiddelega s-setgħat rilevanti tal-awtorità tal-ħatra lid-direttur eżekuttiv u li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom tista’ tiġi sospiża dik id-delega tas-setgħat. Id-direttur eżekuttiv għandu jkun awtorizzat li jissottodelega dawk is-setgħat.

    5.   Il-bord ta’ tmexxija għandu jagħti l-akbar kunsiderazzjoni lill-opinjonijiet tal-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati, jekk ikun hemm, qabel ma jsir il-vot. Il-bord ta’ tmexxija għandu jinforma mingħajr dewmien bla bżonn lill-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati bis-segwitu li jkun ta għal tali opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew proposti, jew għandu jagħti raġunijiet jekk ma jiġux segwiti.

    Taqsima 2

    Direttur Eżekuttiv

    Artikolu 18

    Ħatra, tneħħija jew estensjoni tal-mandat tad-direttur eżekuttiv

    1.   Il-Kummissjoni għandha tipproponi lista ta’ kandidati, preferibbilment mill-inqas tlieta, għal direttur eżekuttiv wara konsultazzjoni mal-membri għajr l-Unjoni tal-impriża konġunta. Għall-finijiet ta’ tali konsultazzjoni, kull tip ta’ membru għajr l-Unjoni tal-impriża konġunta għandhom jaħtru rappreżentant wieħed kif ukoll osservatur wieħed f’isem il-bord ta’ tmexxija.

    2.   Id-direttur eżekuttiv għandu jinħatar mill-bord ta’ tmexxija fuq il-bażi tal-mertu u tal-ħiliet, mil-lista ta’ kandidati proposta mill-Kummissjoni, wara proċedura ta’ għażla miftuħa u trasparenti li għandha tirrispetta l-prinċipju tal-bilanċ bejn il-ġeneri.

    3.   Id-direttur eżekuttiv għandu jkun membru tal-persunal u għandu jinħatar bħala aġent temporanju tal-impriża konġunta skont l-Artikolu 2, punt (a), tas-CEOS.

    Għall-fini tal-konklużjoni tal-kuntratt tad-direttur eżekuttiv, l-impriża konġunta għandha tkun rappreżentata mill-President tal-bord ta’ tmexxija.

    4.   Il-mandat tad-direttur eżekuttiv għandu jkun ta’ erba’ snin. Sa tmiem dak il-perijodu, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-membri għajr l-Unjoni, għandha twettaq valutazzjoni tal-prestazzjoni tad-direttur eżekuttiv u tal-kompiti u tal-isfidi futuri tal-impriża konġunta.

    5.   Il-bord ta’ tmexxija tal-impriża konġunta, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni li tqis il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, jista’ jestendi l-mandat tad-direttur eżekuttiv darba, għal perijodu ta’ mhux aktar minn tliet snin.

    6.   Direttur eżekuttiv li l-mandat tiegħu jkun ġie estiż ma jistax jipparteċipa fi proċedura ta’ selezzjoni oħra għall-istess pożizzjoni.

    7.   Direttur eżekuttiv jista’ jitneħħa biss fuq deċiżjoni tal-bord ta’ tmexxija li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, wara li jikkonsulta lill-grupp tar-rappreżentanti tal-istati u lill-membri għajr l-Unjoni tal-impriża konġunta.

    Artikolu 19

    Kompiti tad-direttur eżekuttiv

    1.   Id-direttur eżekuttiv għandu jkun il-kap eżekuttiv responsabbli għall-ġestjoni ta’ kuljum tal-impriża konġunta f’konformità mad-deċiżjonijiet tal-bord ta’ tmexxija. Huwa għandu jipprovdi lill-bord ta’ tmexxija bl-informazzjoni kollha neċessarja għat-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu. Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tal-bord ta’ tmexxija, id-direttur eżekuttiv la għandu jfittex u lanqas jieħu struzzjonijiet minn xi gvern jew minn xi korp ieħor.

    2.   Id-direttur eżekuttiv għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-impriża konġunta. Huwa għandu jkun responsabbli quddiem il-bord ta’ tmexxija tal-impriża konġunta.

    3.   Id-direttur eżekuttiv għandu jimplimenta l-baġit tal-impriża konġunta u għandu jiżgura l-koordinazzjoni bejn il-korpi u s-servizzi differenti tal-impriża konġunta.

    4.   Id-direttur eżekuttiv għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin għall-impriża konġunta:

    (a)

    jiżgura ġestjoni sostenibbli u effiċjenti tal-impriża konġunta u implimentazzjoni effiċjenti tal-programm ta’ ħidma;

    (b)

    iħejji u jippreżenta għall-adozzjoni lill-bord ta’ tmexxija l-abbozz tal-baġit annwali u l-pjan ta’ stabbiliment tal-persunal;

    (c)

    iħejji u, wara li jkun qies l-opinjoni tal-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati jew tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi, kif xieraq, jippreżenta għall-adozzjoni lill-bord ta’ tmexxija l-programm ta’ ħidma u l-istimi tan-nefqa korrispondenti għall-impriża konġunta, sabiex tiġi implimentata l-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni;

    (d)

    jippreżenta għal opinjoni lill-bord ta’ tmexxija l-kontijiet annwali tal-impriża konġunta;

    (e)

    iħejji u jippreżenta għal valutazzjoni u approvazzjoni lill-bord ta’ tmexxija r-rapport konsolidat tal-attività annwali, inkluż informazzjoni dwar in-nefqa korrispondenti u l-kontribuzzjonijiet mill-membri għajr l-Unjoni msemmija fl-Artikolu 11(1);

    (f)

    jimmonitorja l-kontribuzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11(1), jirrapporta regolarment lill-bord ta’ tmexxija dwar il-progress fl-ilħuq tal-miri u jipproponi miżuri ta’ rimedju jew korrettivi, fejn neċessarju;

    (g)

    jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ miżuri biex jiġu attirati parteċipanti ġodda, b’mod partikolari SMEs, istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u organizzazzjonijiet ta’ riċerka;

    (h)

    jistabbilixxi kollaborazzjoni formali u regolari mas-sħubijiet Ewropej identifikati fl-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni u f’konformità mal-orjentazzjoni strateġika pprovduta mill-bord ta’ tmexxija;

    (i)

    wara stedina mill-President, jinforma regolarment lill-konfigurazzjoni rilevanti tal-kumitat tal-programm Orizzont Ewropa b’segwitu għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tinforma lill-Kumitat tal-Programm skont l-Artikolu 14(7) u l-Anness III għall-Programm Speċifiku li jimplimenta Orizzont Ewropa, u b’mod partikolari, qabel l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma tal-impriża konġunta, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 22(5) tar-Regolament Orizzont Ewropa;

    (j)

    jippreżenta għall-approvazzjoni tal-bord ta’ tmexxija jew lill-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi kif xieraq il-lista ta’ azzjonijiet li għandhom jintgħażlu għall-finanzjament mill-impriża konġunta;

    (k)

    jivvaluta l-applikazzjonijiet għal membri assoċjati mal-impriża konġunta wara sejħa miftuħa għal espressjoni ta’ interess u jippreżenta proposti għal membri assoċjati lill-bord ta’ tmexxija;

    (l)

    jinforma regolarment lill-korpi l-oħrajn tal-impriża konġunta dwar il-kwistjonijiet kollha rilevanti għar-rwol tagħhom;

    (m)

    jiffirma ftehimiet ta’ għotja u deċiżjonijiet individwali fil-mandat tiegħu f’isem l-impriża konġunta;

    (n)

    jiffirma kuntratti ta’ akkwist f’isem l-impriża konġunta;

    (o)

    jiżgura l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-programm tal-progress meta mqabbel mal-indikaturi tal-impatt rilevanti u mal-objettivi speċifiċi tal-impriża konġunta kif definiti fit-Tieni Parti, taħt is-superviżjoni tal-bord ta’ tmexxija u f’koordinazzjoni ma’ korpi konsultattivi fejn rilevanti, u f’konformità mal-Artikolu 171;

    (p)

    jimplimenta l-politika ta’ komunikazzjoni tal-impriża konġunta;

    (q)

    jorganizza, jidderieġi u jissorvelja l-operazzjonijiet u l-persunal tal-impriża konġunta fil-limiti tad-delegazzjonijiet mill-bord ta’ tmexxija;

    (r)

    jistabbilixxi u jiżgura l-funzjonament ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti u jirrapporta kwalunkwe tibdil sinifikanti fiha lill-bord ta’ tmexxija;

    (s)

    jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-membri l-oħra billi japplika miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra permezz ta’ kontrolli effettivi u, jekk jinstabu irregolaritajiet, billi jirkupra ammonti li tħallsu bi żball u, fejn xieraq, jimponi penali amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi;

    (t)

    jiżgura t-twettiq ta’ valutazzjonijiet tar-riskju u ta’ ġestjoni tar-riskju għall-impriża konġunta;

    (u)

    jieħu kwalunkwe miżura oħra neċessarja għall-valutazzjoni tal-progress tal-impriża konġunta fil-kisba tal-objettivi tagħha;

    (v)

    iħejji u jippreżenta għall-adozzjoni lill-bord ta’ tmexxija pjan għat-tneħħija gradwali tal-impriża konġunta mill-finanzjament ta’ Orizzont Ewropa;

    (w)

    iwettaq kwalunkwe kompitu ieħor fdat jew iddelegat lilu mill-bord ta’ tmexxija jew kif jista’ jkun meħtieġ minn dan ir-Regolament;

    (x)

    ikollu s-setgħa li jiddelega s-setgħat tiegħu lil membri oħrajn tal-persunal soġġett għar-regoli li għandhom jiġu adottati f’konformità mal-Artikolu 17(4).

    5.   Id-direttur eżekuttiv jista’ jkun soġġett ukoll għal kwalunkwe regola speċifika stabbilita fit-Tieni Parti.

    6.   Id-direttur eżekuttiv għandu jistabbilixxi uffiċċju tal-programm għall-eżekuzzjoni taħt ir-responsabbiltà tiegħu, tal-kompiti ta’ appoġġ kollha tal-impriża konġunta li jirriżultaw minn dan ir-Regolament. L-uffiċċju tal-programm għandu jkun magħmul mill-persunal tal-impriża konġunta u għandu b’mod partikolari jwettaq il-kompiti li ġejjin:

    (a)

    jipprovdi appoġġ fl-istabbiliment u fil-ġestjoni ta’ sistema kontabilistika xierqa f’konformità mar-regoli finanzjarji għall-impriża konġunta;

    (b)

    jiġġestixxi l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma tal-impriża konġunta matul iċ-ċiklu ta’ implimentazzjoni;

    (c)

    jipprovdi lill-membri tal-impriża konġunta u l-korpi tagħha l-informazzjoni rilevanti u f’waqtha kollha u l-appoġġ neċessarju għalihom sabiex iwettqu dmirijiethom;

    (d)

    jaġixxi bħala s-segretarjat tal-korpi tal-impriża konġunta u jipprovdi appoġġ lil gruppi konsultattivi stabbiliti mill-bord ta’ tmexxija, jekk ikun hemm.

    Taqsima 3

    Korpi konsultattivi

    Artikolu 20

    Il-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati

    1.   Ħlief f’każijiet fejn l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati jipparteċipaw f’impriża konġunta bħala membri jew entitajiet kostitwenti ta’ membri, l-impriżi konġunti għandhom jistabbilixxu grupp ta’ rappreżentanti tal-istati kif speċifikat fit-Tieni Parti soġġetti għad-dispożizzjonijiet f’dan l-Artikolu.

    2.   Il-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati għandu jikkonsisti f’mhux aktar minn żewġ rappreżentanti u żewġ membri supplenti minn kull Stat Membru u minn kull pajjiż assoċjat. Il-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati għandu jeleġġi president u viċi president minn fost il-membri tiegħu.

    3.   Il-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati għandu jiltaqa’ tal-anqas darbtejn fis-sena. Il-laqgħat għandhom jissejħu mill-President jew minn tal-anqas terz tal-membri tal-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati. Il-President tal-bord ta’ tmexxija u d-direttur eżekuttiv jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jattendu l-laqgħat bħala osservaturi fuq talba tal-president tal-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati bil-għan li jagħtu informazzjoni dwar kwistjonijiet speċifiċi.

    4.   Il-laqgħat tal-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati jistgħu jiġu rregolati bi kwalunkwe dispożizzjoni speċifika rilevanti stabbilita fit-Tieni Parti.

    5.   Il-President tal-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati jista’ jistieden persuni oħra sabiex jattendu l-laqgħat tiegħu bħala osservaturi, b’mod partikolari rappreżentanti tal-awtoritajiet federali jew reġjonali rilevanti fl-Unjoni, rappreżentanti ta’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka, assoċjazzjonijiet tal-SMEs jew l-industrija u rappreżentanti ta’ korpi oħrajn tal-impriża konġunta.

    6.   L-aġenda u d-dokumenti ta’ sostenn tal-laqgħat tal-grupp ta’ rappreżentanti tal-istat għandhom jiġu ċċirkolata biżżejjed minn qabel sabiex tiġi żgurata rappreżentanza xierqa minn kull Stat Membru u pajjiż assoċjat. L-aġenda għandha tiġi ċċirkolata wkoll għal informazzjoni lill-bord ta’ tmexxija b’mod f’waqtu.

    7.   Il-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati għandu jiġi kkonsultat u, b’mod partikolari, għandu jirrevedi l-informazzjoni u jipprovdi opinjonijiet dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-progress tal-programm tal-impriża konġunta u l-kisba tal-miri u l-impatti mistennija tiegħu bħala parti minn Orizzont Ewropa, inkluż l-informazzjoni dwar is-sejħiet għal proposti u proposti riċevuti kif ukoll dwar il-proċess ta’ evalwazzjoni tal-proposti;

    (b)

    l-aġġornament tal-Aġenda tal-Innovazzjoni u r-Riċerka Strateġiċi jew ekwivalenti f’konformità mal-ippjanar strateġiku ta’ Orizzont Ewropa u ma’ strumenti ta’ finanzjament oħrajn tal-Unjoni u tal-Istati Membri;

    (c)

    ir-rabtiet ma’ Orizzont Ewropa u ma’ inizjattivi oħra tal-Unjoni, nazzjonali u, fejn rilevanti, reġjonali, inklużi fondi tal-politika ta’ koeżjoni f’konformità mal-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti;

    (d)

    abbozzi ta’ programmi ta’ ħidma, inkluż il-kontenut ta’ sejħiet għal proposti, speċjalment dwar temi ta’ riċerka aktar baxxi tat-TRL inklużi fl-abbozz ta’ programm ta’ ħidma u dwar l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà;

    (e)

    l-involviment tal-SMEs, in-negozji ġodda, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka u l-miżuri meħuda għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ parteċipanti ġodda;

    (f)

    azzjonijiet meħuda għat-tixrid u l-isfruttament tar-riżultati tul il-katina tal-valur;

    (g)

    rapport annwali tal-attività.

    8.   Għall-fini li titfittex il-pożizzjoni maqbula msemmija fl-Artikolu 17(2), punt (l), il-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati għandu jinkludi biss lill-Istati Membri. Ir-regoli ta’ proċedura tal-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati għandhom jispeċifikaw aktar il-proċedura biex jintlaħaq qbil dwar dik il-pożizzjoni.

    9.   Fejn applikabbli, il-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati għandu jirrapporta wkoll b’mod regolari lill-bord ta’ tmexxija, u jaġixxi bħala interfaċċa mal-impriża konġunta dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-istatus tal-programmi ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni nazzjonali jew reġjonali rilevanti u l-identifikazzjoni ta’ oqsma potenzjali ta’ kooperazzjoni, inkluż azzjonijiet konkreti meħuda jew previsti għall-varar u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji rilevanti u ta’ soluzzjonijiet innovattivi;

    (b)

    miżuri speċifiċi meħuda fil-livell nazzjonali jew reġjonali fir-rigward ta’ avvenimenti ta’ disseminazzjoni, ta’ workshops tekniċi dedikati u ta’ attivitajiet ta’ komunikazzjoni;

    (c)

    miżuri speċifiċi fil-livell nazzjonali jew reġjonali fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ skjerament fir-rigward ta’ kull impriża konġunta rispettiva;

    (d)

    politiki u inizjattivi nazzjonali jew reġjonali bl-għan li jiġu żgurati komplementaritajiet fir-rigward tal-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni u l-programmi ta’ ħidma annwali tal-impriża konġunta.

    10.   Il-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati għandu jippreżenta, fl-aħħar ta’ kull sena kalendarja, rapport li jiddeskrivi l-politiki nazzjonali jew reġjonali fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-impriża konġunta u jidentifika modi speċifiċi ta’ kooperazzjoni mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-impriża konġunta.

    11.   Il-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati jista’ joħroġ, fuq inizjattiva proprja, opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew proposti lill-bord ta’ tmexxija jew lid-direttur eżekuttiv dwar kwistjonijiet tekniċi, maniġerjali u finanzjarji kif ukoll dwar programmi ta’ ħidma u dokumenti oħra, b’mod partikolari meta dawk il-kwistjonijiet jaffettwaw l-interessi nazzjonali jew reġjonali.

    12.   Il-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati għandu jirċievi informazzjoni f’waqtha u rilevanti fuq bażi regolari inkluż diżaggregazzjoni skont il-pajjiż, fost data oħra dwar l-applikazzjoni u l-parteċipazzjoni f’azzjonijiet indiretti ffinanzjati mill-impriża konġunta, dwar ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet ta’ kull sejħa għal proposti u l-implimentazzjoni tal-proġetti, dwar sinerġiji ma’ programmi rilevanti oħrajn tal-Unjoni u sħubijiet Ewropej oħrajn, dwar attivitajiet addizzjonali, dwar kontribuzzjonijiet finanzjarji u in natura li għalihom ittieħed impenn jew li ġew attwalment ipprovduti u dwar l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-impriża konġunta.

    13.   Il-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess b’kunsiderazzjoni xierqa għall-Artikoli 33 u 42.

    14.   Impriża konġunta waħda jew aktar jistgħu jistabbilixxu grupp konġunt ta’ rappreżentanti tal-istati f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti stabbiliti fit-Tieni Parti.

    Artikolu 21

    Parir xjentifiku

    1.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fit-Tieni Parti, l-impriżi konġunti għandhom ifittxu parir xjentifiku indipendenti permezz ta’:

    (a)

    korp konsultattiv xjentifiku li għandu jiġi stabbilit mill-impriża konġunta f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti stabbiliti fit-Tieni Parti, u soġġett għad-dispożizzjonijiet f’dan l-Artikolu; jew

    (b)

    talbiet ad hoc għal għarfien espert indipendenti mill-bord ta’ tmexxija lill-impriża konġunta dwar kwistjonijiet speċifiċi.

    2.   Għandu jkun hemm rappreżentanza bbilanċjata ta’ esperti fost il-membri tal-korp konsultattiv xjentifiku, fl-ambitu tal-attivitajiet tal-impriża konġunta, inkluż fir-rigward tal-bilanċ bejn il-ġeneri u ġeografiku. Kollettivament, il-membri tal-korp konsultattiv xjentifiku għandu jkollhom il-kompetenzi u l-għarfien espert neċessrji li jkopru l-qasam tekniku sabiex jagħmlu rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq ix-xjenza lill-impriża konġunta, filwaqt li jqisu l-impatt klimatiku, ambjentali u soċjoekonomiku ta’ tali rakkomandazzjonijiet u l-objettivi tal-impriża konġunta.

    3.   Il-membri tal-korp konsultattiv xjentifiku, kif ukoll l-osservaturi mistiedna, għandhom ikunu soġġetti għall-obbligu tas-segretezza professjonali li, bis-saħħa tat-Trattati u tar-regoli li jimplimentawhom, japplika għall-membri kollha tal-istituzzjonijiet u għall-persunal tagħhom, kif ukoll għar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà rigward il-protezzjoni ta’ informazzjoni sensittiva mhux klassifikata u informazzjoni klassifikata tal-Unjoni, stabbiliti fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (31) u (UE, Euratom) 2015/444 (32) rispettivament.

    4.   Il-bord ta’ tmexxija għandu jistabbilixxi l-kriterji speċifiċi u l-proċess ta’ selezzjoni għall-kompożizzjoni tal-korp konsultattiv xjentifiku tal-impriża konġunta u għandu jaħtar il-membri tiegħu. Il-bord ta’ tmexxija għandu jqis il-kandidati potenzjali proposti mill-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati.

    5.   Il-korp konsultattiv xjentifiku għandu jeleġġi l-President tiegħu minn fost il-membri tiegħu.

    6.   Il-korp konsultattiv xjentifiku għandu jiltaqa’ tal-anqas darbtejn fis-sena u l-laqgħat għandhom jissejħu mill-President. Il-President jista’ jistieden persuni oħra sabiex jattendu l-laqgħat tiegħu bħala osservaturi. Il-korp konsultattiv xjentifiku għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess. L-aġenda tal-laqgħat għandha tkun disponibbli għall-pubbliku b’mod f’waqtu fuq is-sit web tal-impriża konġunta rispettiva.

    7.   Il-korp konsultattiv xjentifiku għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:

    (a)

    jagħti pariri dwar il-prijoritajiet xjentifiċi li għandhom jiġu indirizzati fil-programmi ta’ ħidma inkluż dwar l-ambitu tas-sejħiet għal proposti, f’konformità mal-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni u l-ippjanar strateġiku ta’ Orizzont Ewropa;

    (b)

    jagħti pariri dwar il-kisbiet xjentifiċi li għandhom jiġu deskritti fir-rapport annwali tal-attività;

    (c)

    jissuġġerixxi, fid-dawl tal-progress tal-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni u azzjonijiet individwali, miżuri korrettivi jew orjentazzjonijiet mill-ġdid lill-bord ta’ tmexxija, fejn neċessarju;

    (d)

    jipprovdi pariri indipendenti u analiżi xjentifika dwar kwistjonijiet speċifiċi kif mitlub mill-bord ta’ tmexxija, b’mod partikolari fir-rigward ta’ żviluppi f’setturi kontigwi jew biex jappoġġa l-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet ta’ membri assoċjati potenzjali u sħab kontribwenti;

    (e)

    fejn speċifikat fit-Tieni Parti, jevalwa r-riżultati minn azzjonijiet ta’ teknoloġija u ta’ innovazzjoni li huma ffinanzjati mill-impriża konġunta u jirrapporta lill-bord ta’ tmexxija;

    (f)

    fejn speċifikat fit-Tieni Parti, jipparteċipa f’kumitati għall-integrazzjoni tas-settur stabbiliti speċifikament bejn sħubiji Ewropej fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa sabiex jippermettu sinerġiji;

    (g)

    iwettaq kwalunkwe kompitu ieħor, kif speċifikat fit-Tieni Parti.

    8.   Wara kull laqgħa tal-korp konsultattiv xjentifiku, il-President tiegħu għandu jippreżenta lill-bord ta’ tmexxija rapport li jiddeskrivi l-opinjonijiet tal-korp u tal-membri tiegħu dwar il-kwistjonijiet diskussi matul il-laqgħa. Sa fejn ikun possibbli, ir-rapport għandu jkun disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-impriża konġunta rispettiva.

    9.   Il-korp konsultattiv xjentifiku jista’, fuq inizjattiva tiegħu stess, jagħti pariri lill-bord ta’ tmexxija sabiex jikkonsulta dwar punti speċifiċi mhux koperti mill-kompiti stabbiliti fil-paragrafu 7. Sa fejn ikun possibbli, ir-rapport għandu jkun disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-impriża konġunta rispettiva.

    10.   Il-korp konsultattiv xjentifiku għandu jiġi infurmat bir-raġunijiet f’każ li ma jiġix segwit il-parir tiegħu dwar il-programm ta’ ħidma u l-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u Innovazzjoni.

    Artikolu 22

    Il-grupp tal-partijiet ikkonċernati

    1.   L-impriżi konġunti jistgħu jistabbilixxu grupp tal-partijiet ikkonċernati f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti fit-Tieni Parti u soġġetti għal dan l-Artikolu.

    2.   Il-grupp tal-partijiet ikkonċernati għandu jkun miftuħ għall-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati kollha, inklużi gruppi organizzati, attivi fil-qasam tal-impriża konġunta, gruppi ta’ interess internazzjonali mill-Istati Membri, pajjiżi assoċjati jew pajjiżi oħra.

    3.   Il-bord ta’ tmexxija għandu jistabbilixxi l-kriterji speċifiċi u l-proċess tal-għażla għall-kompożizzjoni tal-grupp tal-partijiet ikkonċernati u għandu jimmira għal rappreżentanza bbilanċjata f’termini ta’ distribuzzjoni ġeografika, ġeneru, settur u għarfien espert tal-partijiet ikkonċernati. Fejn rilevanti, il-bord ta’ tmexxija għandu jqis il-kandidati potenzjali proposti mill-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati.

    4.   Il-grupp tal-partijiet ikkonċernati għandu jiġi informat b’mod regolari dwar l-attivitajiet tal-impriża konġunta u għandu jkun mistieden sabiex jipprovdi kummenti dwar l-inizjattivi ppjanati tal-impriża konġunta.

    5.   Il-laqgħat tal-grupp tal-partijiet ikkonċernati għandhom jissejħu mid-direttur eżekuttiv.

    6.   Id-direttur eżekuttiv jista’ jagħti pariri lill-bord ta’ tmexxija sabiex jikkonsulta lill-grupp tal-partijiet ikkonċernati dwar kwistjonijiet speċifiċi. Meta ssir tali konsultazzjoni, għandu jiġi ppreżentat rapport lill-bord ta’ tmexxija u lill-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati wara d-diskussjoni rilevanti fil-grupp tal-partijiet ikkonċernati u jkunu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-impriża konġunta rispettiva.

    KAPITOLU 4

    Dispożizzjonijiet finanzjarji u operazzjonali

    Taqsima 1

    Dispożizzjonijiet ġenerali

    Artikolu 23

    Applikazzjoni koerenti ta’ limitazzjoni għall-parteċipazzjoni

    L-impriża konġunta għandha tiżgura koerenza mal-approċċ meħud għal azzjonijiet iffinanzjati taħt il-programm ta’ ħidma Orizzont Ewropa adottat skont l-Artikolu 13(2), punt (b), tal-Programm Speċifiku li jimplimenta Orizzont Ewropa rigward l-applikazzjoni tal-Artikolu 22(5) tar-Regolament Orizzont Ewropa, kif ukoll il-leġiżlazzjoni u l-gwida tal-Unjoni rilevanti għall-applikazzjoni tiegħu f’suġġetti simili fil-programm ta’ ħidma tal-impriża konġunta kkonċernata.

    Artikolu 24

    Regoli applikabbli għall-attivitajiet iffinanzjati mill-impriżi konġunti

    1.   Ir-Regolament Orizzont Ewropa għandu japplika għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-impriżi konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa. F’konformità ma’ dak ir-Regolament, kull impriża konġunta għandha titqies bħala korp ta’ finanzjament u għandha tipprovdi appoġġ finanzjarju għal azzjonijiet indiretti skont l-Artikolu 6 ta’ dak ir-Regolament.

    2.   L-azzjonijiet iffinanzjati mill-impriżi konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa jistgħu jkunu soġġetti wkoll għal kwalunkwe dispożizzjoni speċifika stabbilita fit-Tieni Parti.

    3.   B’deroga mill-Artikolu 40(4), punt (a), tar-Regolament Orizzont Ewropa, id-dritt ta’ oġġezzjoni għandu japplika wkoll għall-parteċipanti li jiġġeneraw ir-riżultati li ma jkunux irċevew finanzjament minn impriża konġunta.

    Artikolu 25

    Ippjanar operazzjonali u finanzjarju

    1.   Id-direttur eżekuttiv għandu jippreżenta għall-adozzjoni abbozz ta’ programm ta’ ħidma lill-bord ta’ tmexxija.

    2.   Il-programm ta’ ħidma għandu jiġi adottat sal-aħħar tas-sena qabel dik tal-implimentazzjoni tiegħu. Il-programm ta’ ħidma u s-sejħiet għal proposti għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-impriża konġunta u fuq is-sit web ta’ Orizzont Ewropa, u, sabiex tiġi appoġġata l-koordinazzjoni mal-istrateġija ġenerali ta’ Orizzont Ewropa, għandu jiġi kondiviż mal-konfigurazzjoni rilevanti tal-Kumitat tal-Programm għall-informazzjoni.

    3.   Id-direttur eżekuttiv għandu jħejji abbozz ta’ baġit annwali għas-sena ta’ wara u jippreżentah lill-bord ta’ tmexxija għall-adozzjoni.

    4.   Il-baġit annwali għal sena partikolari għandu jiġi adottat mill-bord ta’ tmexxija sa tmiem is-sena qabel dik tal-implimentazzjoni tiegħu.

    5.   Il-baġit annwali għandu jiġi adattat sabiex iqis l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni kif stabbilit fil-baġit tal-Unjoni u, fejn applikabbli, l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji minn membri għajr l-Unjoni u mis-sħab kontribwenti, jekk ikun hemm.

    Artikolu 26

    Rappurtar operazzjonali u finanzjarju

    1.   Id-direttur eżekuttiv għandu jipprovdi lill-bord ta’ tmexxija rapport annwali konsolidat tal-attività dwar it-twettiq ta’ dmirijietu f’konformità mar-regoli finanzjarji tal-impriża konġunta. Ir-rapport konsolidat ta’ attività annwali għandu jiġi ppubblikat f’waqtu fuq is-sit web tal-impriża konġunta rispettiva.

    2.   Ir-rapport annwali konsolidat tal-attività għandu jinkludi, fost affarijiet oħra, informazzjoni dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:

    (a)

    ir-riċerka, l-innovazzjoni u azzjonijiet oħrajn imwettqa u n-nefqa korrispondenti;

    (b)

    il-proposti mressqa, inkluż diżaggregazzjoni skont il-pajjiż fejn tkun stabbilita l-entità legali, u skont it-tip ta’ parteċipanti, b’mod partikolari l-SMEs u l-parteċipanti ġodda;

    (c)

    l-azzjonijiet indiretti magħżula għall-finanzjament, inkluż diżaggregazzjoni skont it-tip ta’ parteċipant, inkluż l-SMEs, u skont il-pajjiż u li tindika l-kontribuzzjoni tal-impriża konġunta rispettiva għall-parteċipanti u għall-azzjonijiet individwali;

    (d)

    informazzjoni dwar l-aċċess miftuħ tal-impriżi konġunti, inkluż il-monitoraġġ ta’ rabtiet kollaborattivi;

    (e)

    l-attivitajiet addizzjonali mwettqa mill-membri għajr l-Unjoni, inkluż diżaggregazzjoni skont il-pajjiż fejn huma stabbiliti l-membri privati, l-entitajiet kostitwenti tagħhom jew l-entitajiet affiljati ta’ xi wieħed minnhom;

    (f)

    il-kollaborazzjoni ma’ sħubijiet Ewropej oħrajn, inkluż sejħiet konġunti, u sinerġiji bejn l-azzjonijiet tal-impriża konġunta u l-inizjattivi u l-politiki nazzjonali jew reġjonali.

    3.   L-uffiċjal tal-kontabilità tal-impriża konġunta għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri f’konformità mar-regoli finanzjarji tal-impriża konġunta.

    4.   Id-direttur eżekuttiv għandu jibgħat ir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri f’konformità mar-regoli finanzjarji tal-impriża konġunta.

    5.   Il-proċedura ta’ kwittanza għandha titwettaq f’konformità mar-regoli finanzjarji tal-impriża konġunta.

    Taqsima 2

    Dispożizzjonijiet finanzjarji

    Artikolu 27

    Regoli finanzjarji

    1.   L-impriżi konġunti għandhom jadottaw ir-regoli finanzjarji tagħhom f’konformità mal-Artikolu 71 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    2.   Ir-regoli finanzjarji għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-impriża konġunta rispettiva.

    Artikolu 28

    Sorsi ta’ finanzjament

    1.   Kull impriża konġunta għandha tiġi ffinanzjata b’mod konġunt mill-Unjoni, mill-membri għajr l-Unjoni u mis-sħab kontribwenti permezz ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji u kontribuzzjonijiet in natura għall-attivitajiet operazzjonali.

    2.   Il-membri għajr l-Unjoni għandhom jaqblu dwar kif għandhom jaqsmu bejniethom il-kontribuzzjoni kollettiva tagħhom f’konformità mar-regoli finanzjarji applikabbli.

    3.   Il-kostijiet operazzjonali ta’ impriża konġunta għandhom ikunu koperti permezz ta’:

    (a)

    kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni;

    (b)

    kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-membri privati jew mill-entitajiet kostitwenti jew affiljati tagħhom, mis-sħab kontribwenti jew minn organizzazzjoni internazzjonali li hija membru ta’ impriża konġunta;

    (c)

    fejn applikabbli, kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-istati parteċipanti;

    (d)

    kontribuzzjonijiet in natura ddefiniti fl-Artikolu 2, punt (8);

    4.   F’konformità mal-Artikoli 10 u 11, ir-riżorsi ta’ impriża konġunta mdaħħlin fil-baġit tagħha għandhom ikunu magħmula mill-kontribuzzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri għall-impriża konġunta għall-kostijiet amministrattivi, maqsuma b’mod ugwali fuq bażi annwali bejn l-Unjoni u l-membri għajr l-Unjoni, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fit-Tieni Parti minħabba n-natura speċifika tas-sħubija ta’ impriża konġunta;

    (b)

    il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri jew tas-sħab kontribwenti għall-impriża konġunta għall-kostijiet operazzjonali;

    (c)

    kwalunkwe dħul iġġenerat mill-impriża konġunta;

    (d)

    kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja, riżorsa u dħul ieħor.

    Kwalunkwe mgħax li jirriżulta mill-kontribuzzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu għandu jitqies bħala dħul tagħha.

    5.   Kwalunkwe parti mhux użata tal-kontribuzzjoni għall-kostijiet amministrattivi tista’ ssir disponibbli sabiex tkopri l-kostijiet operazzjonali tal-impriża konġunta kkonċernata.

    6.   Jekk membru għajr l-Unjoni tal-impriża konġunta jkun inadempjenti fl-impenn tiegħhu rigward il-kontribuzzjoni tiegħhu, id-direttur eżekuttiv għandu jinformah bil-miktub u għandu jistabbilixxi perijodu raġonevoli li fih tali inadempjenza jenħtieġ li tiġi rrimedjata. Meta, mal-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-membru għajr l-Unjoni kkonċernat ikun għadu inadempjenti, id-direttur eżekuttiv għandu jinforma lill-Kummissjoni, u lill-istati parteċipanti fejn applikabbli, fid-dawl tal-miżuri potenzjali skont l-Artikolu 11(8) u jinforma lill-membru kkonċernat li huwa skwalifikat milli jivvota fil-bord ta’ tmexxija f’konformità ma’ dak l-Artikolu.

    7.   Ir-riżorsi tal-impriża konġunta u l-attivitajiet tagħha għandhom jintużaw għat-twettiq tal-objettivi u tal-kompiti tagħha.

    8.   L-impriża konġunta għandha tkun is-sid tal-assi kollha ġġenerati minnha jew ittrasferiti lilha għat-twettiq tal-objettivi u tal-kompiti tagħha.

    9.   Ħlief meta l-impriża konġunta tiġi stralċata, kwalunkwe dħul żejjed fuq in-nefqa ma għandux jitħallas lill-membri ta’ dik l-impriża konġunta, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-bord ta’ tmexxija.

    Artikolu 29

    Impenji finanzjarji

    1.   L-impenji finanzjarji ta’ impriża konġunta ma għandhomx jaqbżu l-ammont ta’ riżorsi finanzjarji disponibbli jew impenjati għall-baġit tagħha mill-membri u mis-sħab kontribwenti tagħha.

    2.   L-impenji baġitarji tal-impriżi konġunti msemmija fl-Artikolu 3(1), punti (b), (d) u (h), jistgħu jinqasmu f’pagamenti parzjali annwali. Sal-31 ta’ Diċembru 2024, l-ammont kumulattiv ta’ dawk l-impenji baġitarji f’pagamenti parzjali ma għandux jaqbeż il-50 % tal-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni stabbilita fl-Artikolu 10. Minn Jannar 2025, tal-anqas 20 % tal-baġit kumulattiv tas-snin residwi ma għandux ikun kopert minn pagamenti parzjali annwali.

    Artikolu 30

    Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-membri

    1.   L-impriża konġunta għandha tagħti lill-persunal tal-Kummissjoni u lil persuni oħrajn awtorizzati mill-impriża konġunta rispettiva jew mill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Qorti tal-Awdituri, aċċess għas-siti u għall-bini tagħha u għall-informazzjoni kollha, inkluż informazzjoni f’format elettroniku, li tkun meħtieġa sabiex jitwettqu l-awditi tagħhom.

    2.   L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) għandu s-setgħa li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inkluż verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, f’konformità mad-dispożizzjonijiet u mal-proċeduri stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (33) u mar-Regolament (KE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (34) u bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta ma’ ftehim, ma’ deċiżjoni jew ma’ kuntratt iffinanzjat skont dan ir-Regolament.

    3.   L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) għandu s-setgħa, f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (35), ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament.

    4.   Minkejja l-paragrafi 1 sa 3, il-ftehimiet, id-deċiżjonijiet u l-kuntratti li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li jagħtu s-setgħa b’mod espliċitu lill-Kummissjoni, lill-impriża konġunta rispettiva, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-UPPE u lill-OLAF sabiex iwettqu tali awditi, kontrolli fuq il-post u investigazzjonijiet f’konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom.

    5.   Kull impriża konġunta għandha tiżgura li l-interessi finanzjarji tal-membri tagħha jkunu protetti b’mod adegwat billi twettaq jew tikkummissjona kontrolli interni u esterni xierqa.

    6.   Kull impriża konġunta għandha taderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (36). Kull impriża konġunta għandha tadotta l-miżuri neċessarji sabiex tiffaċilita l-investigazzjonijiet interni mmexxija mill-OLAF.

    7.   L-impriża konġunta għandha tagħti lil kull qorti nazzjonali tal-awdituri, fuq talba tagħhom, aċċess għall-informazzjoni kollha relatata mal-kontribuzzjonijiet nazzjonali tal-istat parteċipanti rispettiv, inkluż informazzjoni f’format elettroniku, meħtieġa sabiex iwettqu l-awditi tagħhom.

    Artikolu 31

    Awditi ex post

    L-awditi tan-nefqa fuq azzjonijiet indiretti għandhom jitwettqu f’konformità mal-Artikolu 53 tar-Regolament Orizzont Ewropa bħala parti mill-azzjonijiet indiretti ta’ Orizzont Ewropa, b’mod partikolari f’konformità mal-istrateġija tal-awditi imsemmija fl-Artikolu 53(2) ta’ dak ir-Regolament.

    Artikolu 32

    Awditjar intern

    1.   L-awditur intern tal-Kummissjoni għandu jeżerċita l-istess setgħat fuq l-impriżi konġunti bħal dawk eżerċitati fir-rigward tal-Kummissjoni u għandu jagħmel ħiltu biex inaqqas il-piż amministrattiv tal-impriża konġunta.

    2.   Il-bord ta’ tmexxija jista’ jistabbilixxi kapaċità tal-awditjar intern f’konformità mar-regoli finanzjarji tal-impriża konġunta kkonċernata.

    Taqsima 3

    Dispożizzjonijiet operazzjonali

    Artikolu 33

    Kunfidenzjalità

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 34 u 36, kull impriża konġunta għandha tiżgura l-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali li d-divulgazzjoni tagħha lil hinn mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u minn korpi, minn uffiċċji jew minn aġenziji oħrajn tal-Unjoni tista’ tkun ta’ ħsara għall-interessi tal-membri tagħha jew tal-parteċipanti fl-attivitajiet tal-impriża konġunta rispettiva. Tali informazzjoni kunfidenzjali tinkludi iżda mhijiex limitata għal informazzjoni personali, kummerċjali, sensittiva mhux klassifikata u klassifikata.

    Artikolu 34

    Trasparenza

    Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (37) għandu japplika għal dokumenti miżmuma minn impriża konġunta.

    Artikolu 35

    Proċessar ta’ data personali

    Meta l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament tirrikjedi l-proċessar ta’ data personali, din għandha tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (38).

    Artikolu 36

    Aċċess għar-riżultati u għall-informazzjoni dwar il-proposti

    1.   L-impriża konġunta għandha tipprovdi lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-korpi, lill-uffiċċji jew lill-aġenziji tal-Unjoni, kif ukoll lill-awtoritajiet tal-istati parteċipanti fejn applikabbli, aċċess għall-informazzjoni kollha relatata mal-azzjonijiet indiretti li tiffinanzja. Tali informazzjoni għandha tinkludi kontribuzzjonijiet u riżultati tal-benefiċjarji li jipparteċipaw f’azzjonijiet indiretti tal-impriża konġunta jew kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa neċessarja għall-iżvilupp, għall-implimentazzjoni, għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni tal-politiki jew tal-programmi tal-Unjoni jew tal-istati parteċipanti, fejn applikabbli. Tali drittijiet ta’ aċċess huma limitati għal użu mhux kummerċjali u mhux kompetittiv u għandhom jikkonformaw mar-regoli ta’ kunfidenzjalità applikabbli.

    2.   Għall-finijiet tal-iżvilupp, tal-implimentazzjoni, tal-monitoraġġ u tal-evalwazzjoni tal-politiki jew tal-programmi tal-Unjoni, l-impriża konġunta għandha tipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni inkluża fil-proposti ppreżentati. Dan għandu japplika mutatis mutandis għall-istati parteċipanti fejn applikabbli fir-rigward ta’ proposti li jinkludu applikanti stabbiliti fit-territorji tagħhom, limitati għal użu mhux kummerċjali u mhux kompetittiv u f’konformità mar-regoli ta’ kunfidenzjalità applikabbli.

    KAPITOLU 5

    Persunal u responsabbiltà

    Taqsima 1

    Persunal, privileġġi u immunitajiet

    Artikolu 37

    Persunal

    1.   Ir-Regolamenti tal-Persunal u s-CEOS u r-regoli adottati b’mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-fini tal-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal u tas-CEOS għandhom japplikaw għall-persunal tal-impriżi konġunti.

    2.   Ir-riżorsi tal-persunal għandhom jiġu ddeterminati fil-pjan ta’ stabbiliment tal-persunal ta’ kull impriża konġunta li jindika n-numru ta’ pożizzjonijiet temporanji skont il-grupp ta’ funzjoni u skont il-grad u n-numru ta’ persunal bil-kuntratt espress f’ekwivalenti full-time, f’konformità mal-baġit annwali tagħha.

    3.   Il-persunal tal-impriża konġunta għandu jikkonsisti f’persunal temporanju u f’persunal bil-kuntratt.

    4.   Il-kostijiet kollha relatati mal-persunal għandhom jiġġarrbu mill-impriża konġunta.

    Artikolu 38

    Esperti nazzjonali sekondati u trainees

    1.   Impriża konġunta tista’ tagħmel użu minn esperti nazzjonali sekondati u minn trainees mhux impjegati direttament minnha. L-għadd ta’ esperti nazzjonali sekondati espress f’ekwivalenti full-time għandu jiżdied mal-informazzjoni dwar ir-riżorsi tal-persunal kif imsemmi fl-Artikolu 37(2) f’konformità mal-baġit annwali tal-impriża konġunta kkonċernata.

    2.   Il-bord ta’ tmexxija tal-impriża konġunta kkonċernata għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi regoli dwar is-sekondar ta’ esperti nazzjonali fl-impriża konġunta rispettiva u dwar l-impjieg ta’ trainees.

    Artikolu 39

    Privileġġi u Immunitajiet

    Il-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE u mat-TFUE, għandu japplika għall-impriżi konġunti u għall-persunal tagħhom.

    Taqsima 2

    Responsabbiltà

    Artikolu 40

    Responsabbiltà tal-impriżi konġunti

    1.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali ta’ impriża konġunta għandha tkun irregolata bid-dispożizzjonijiet kuntrattwali rilevanti u bid-dritt applikabbli għall-ftehim, għad-deċiżjoni jew għall-kuntratt inkwistjoni.

    2.   Meta r-responsabbiltà tkun ta’ natura mhux kuntrattwali, impriża konġunta għandha, f’konformità mal-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kwalunkwe dannu kkawżat mill-persunal tagħha fit-twettiq ta’ dmirijietu.

    3.   Kwalunkwe pagament minn impriża konġunta fir-rigward tar-responsabbiltà msemmija fil-paragrafi 1 u 2 u l-kostijiet u l-ispejjeż imġarrba b’rabta ma’ din għandhom jitqiesu bħala nefqa tal-impriża konġunta u għandhom ikunu koperti mir-riżorsi tagħha.

    4.   L-impriżi konġunti għandhom ikunu unikament responsabbli sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom.

    Artikolu 41

    Responsabbiltà tal-membri u assigurazzjoni

    1.   L-obbligazzjoni finanzjarja tal-membri ta’ impriża konġunta għad-djun tagħha għandha tkun limitata għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom magħmula lill-impriża konġunta.

    2.   L-impriżi konġunti għandhom jagħmlu u jżommu assigurazzjoni xierqa.

    Artikolu 42

    Kunflitti ta’ interess

    1.   L-impriża konġunta, il-korpi u l-persunal tagħha għandhom jevitaw kwalunkwe kunflitt ta’ interess fit-twettiq tal-attivitajiet tagħhom.

    2.   Il-bord ta’ tmexxija għandu jadotta regoli għall-prevenzjoni, għall-evitar u għall-ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interess fir-rigward tal-persunal tal-impriża konġunta, tal-membri u ta’ persuni oħra li jservu lill-bord ta’ tmexxija u fil-korpi jew fil-gruppi l-oħrajn tal-impriża konġunta, f’konformità mar-regoli finanzjarji tal-impriża konġunta u mar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward tal-persunal.

    KAPITOLU 6

    Riżoluzzjoni ta’ tilwim

    Artikolu 43

    Ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u d-dritt applikabbli

    1.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġuriżdizzjoni:

    (a)

    skont kwalunkwe klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fi ftehimiet jew f’kuntratti konklużi minn impriża konġunta, jew fid-deċiżjonijiet tagħha;

    (b)

    f’tilwim relatat ma’ kumpens għal dannu kkawżat mill-persunal tal-impriża konġunta fit-twettiq ta’ dmirijietu;

    (c)

    fi kwalunkwe tilwima bejn l-impriża konġunta u l-persunal tagħha fil-limiti u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal u fis-CEOS.

    2.   Fir-rigward ta’ kwalunkwe kwistjoni mhux koperta minn dan ir-Regolament jew minn atti legali oħrajn tal-Unjoni, għandha tapplika l-liġi tal-Istat fejn tinsab is-sede tal-impriża konġunta.

    Artikolu 44

    Ilmenti lill-Ombudsman

    Id-deċiżjonijiet meħuda minn impriża konġunta fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament jistgħu jifformaw is-suġġett ta’ lment lill-Ombudsman f’konformità mal-Artikolu 228 TFUE.

    KAPITOLU 7

    Stralċ

    Artikolu 45

    Stralċ

    1.   Impriżi konġunti għandhom jiġu stralċati fi tmiem il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 3.

    2.   Minbarra l-paragrafu 1, il-proċedura ta’ stralċ ta’ impriża konġunta għandha tiġi skattata awtomatikament meta l-Unjoni jew il-membri kollha għajr l-Unjoni jirtiraw mill-impriża konġunta.

    3.   Għall-fini tat-tmexxija tal-proċedimenti ta’ stralċ ta’ impriża konġunta, il-bord ta’ tmexxija għandu jaħtar likwidatur wieħed jew aktar, li għandhom jikkonformaw mad-deċiżjonijiet tal-bord ta’ tmexxija.

    4.   Matul il-proċedura ta’ stralċ, l-assi tal-impriża konġunta għandhom jintużaw sabiex ikopru l-obbligazzjonijiet tagħha u n-nefqa relatata mal-istralċ tagħha. Kwalunkwe eċċess għandu jitqassam fost il-membri tal-impriża konġunta fiż-żmien tal-istralċ fi proporzjon mal-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom għall-impriża konġunta. Kull surplus ta’ dan it-tip distribwit lill-Unjoni għandu jiġi rritornat fil-baġit tal-Unjoni.

    5.   Għandha tiġi stabbilita proċedura ad hoc sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni xierqa ta’ kwalunkwe ftehim konkluż jew deċiżjoni adottata mill-impriża konġunta li tkun qed tiġi stralċata kif ukoll kwalunkwe kuntratt ta’ akkwist li d-durata tiegħu testendi lil hinn mid-durata tal-impriża konġunta.

    PARTI TNEJN

    DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI TA’ IMPRIŻI KONĠUNTI INDIVIDWALI

    TITOLU I

    IMPRIŻA KONĠUNTA EWROPA ĊIRKOLARI B’BAŻI BIJOLOĠIKA

    Artikolu 46

    Objettivi addizzjonali tal-Impriża Konġunta Ewropa Ċirkolari b’Bażi Bijoloġika

    1.   Minbarra l-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5, l-Impriża Konġunta Ewropa Ċirkolari b’Bażi Bijoloġika għandu jkollha l-objettivi ġenerali li ġejjin:

    (a)

    tħaffef il-proċess ta’ innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi b’bażi bijoloġika;

    (b)

    tħaffef il-varar mis-suq tas-soluzzjonijiet maturi u innovattivi eżistenti b’bażi bijoloġika;

    (c)

    tiżgura livell għoli ta’ prestazzjoni ambjentali ta’ sistemi industrijali b’bażi bijoloġika.

    2.   L-Impriża Konġunta Ewropa Ċirkolari b’Bażi Bijoloġika għandu jkollha wkoll l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

    (a)

    iżżid l-intensità ta’ attivitajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni interdixxiplinari sabiex jinkisbu l-benefiċċji tal-avvanz fix-xjenzi tal-ħajja u f’dixxiplini xjentifiċi oħrajn għall-iżvilupp u għad-dimostrazzjoni ta’ soluzzjonijiet sostenibbli b’bażi bijoloġika;

    (b)

    iżżid u tintegra l-kapaċità ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni tal-partijiet ikkonċernati madwar l-Unjoni sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-bijoekonomija lokali, inkluż f’reġjuni b’kapaċità sottożviluppata;

    (c)

    iżżid il-kapaċità tar-riċerka u l-innovazzjoni għall-indirizzar tal-isfidi ambjentali u l-iżvilupp ta’ innovazzjonijiet b’bażi bijoloġika aktar sostenibbli billi tiżgura li l-kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà u prestazzjoni ambjentali jiġu integrati tul il-katina kollha tal-innovazzjoni u f’soluzzjonijiet innovattivi futuri;

    (d)

    issaħħaħ l-integrazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni b’bażi bijoloġika fl-industrija tal-Unjoni b’bażi bijoloġika u żżid l-involviment tal-atturi tar-riċerka u l-innovazzjoni inkluż il-fornituri tal-materja prima fil-ktajjen tal-valur b’bażi bijoloġika;

    (e)

    tnaqqas ir-riskju għall-investiment fir-riċerka u fl-innovazzjoni f’kumpaniji u fi proġetti b’bażi bijoloġika;

    (f)

    tiżgura li jitqiesu ċ-ċirkolarità u l-kunsiderazzjonijiet ambjentali, inkluż il-kontribuzzjonijiet lejn in-newtralità klimatika u l-objettivi ta’ tniġġis żero, fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni b’bażi bijoloġika u tiffaċilita l-aċċettazzjoni soċjetali.

    Artikolu 47

    Kompiti addizzjonali tal-Impriża Konġunta Ewropa Ċirkolari b’Bażi Bijoloġika

    Minbarra l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 5, l-Impriża Konġunta Ewropa Ċirkolari b’Bażi Bijoloġika għandha twettaq il-kompiti li ġejjin:

    (a)

    tiżgura li l-objettivi tagħha jintlaħqu permezz tal-programmazzjoni tal-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni tas-sħab pubbliċi u privati;

    (b)

    timmobilizza finanzjament pubbliku u privat għall-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni tagħha;

    (c)

    tappoġġa proġetti multidixxiplinari ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni b’impatt għoli li jtejbu l-innovazzjoni fl-industrija b’bażi bijoloġika sabiex jintlaħqu l-objettivi tagħha;

    (d)

    tintensifika l-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni tagħha tul il-katina ta’ innovazzjoni kollha minn livelli baxxi sa għoljin ta’ TRLs;

    (e)

    timmobilizza u tintegra atturi ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni, inkluż fornituri tal-materja prima, minn żoni rurali, kostali, urbani u minn reġjuni b’potenzjal mhux sfruttat għall-iżvilupp tal-katina tal-valur b’bażi bijoloġika sabiex jikkooperaw f’attivitajiet ta’ proġetti;

    (f)

    tiżgura li l-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni tagħha jiffokaw fuq kwistjonijiet ta’ interess pubbliku, speċifikament fuq il-prestazzjoni ambjentali u klimatika tal-industrija b’bażi bijoloġika, kemm f’termini ta’ fehim tal-problemi rilevanti kif ukoll f’termini ta’ żvilupp ta’ soluzzjonijiet għalihom;

    (g)

    tippromwovi l-komunikazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn l-atturi ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni u l-partijiet ikkonċernati industrijali fiha sabiex toħloq sensibilizzazzjoni dwar l-għarfien u t-teknoloġija li qed jevolvu malajr, tiffaċilita l-kollaborazzjoni transdixxiplinari u transsettorjali u tiffaċilita l-adozzjoni mis-suq ta’ soluzzjonijiet innovattivi b’bażi bijoloġika;

    (h)

    timmobilizza l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali li jistgħu joħolqu kundizzjonijiet aktar favorevoli għall-adozzjoni mis-suq ta’ innovazzjonijiet b’bażi bijoloġika;

    (i)

    tappoġġa r-riflessjoni lejn l-iżvilupp ta’ standards sabiex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni mis-suq ta’ innovazzjonijiet b’bażi bijoloġika;

    (j)

    tistabbilixxi kriterji ta’ sostenibbiltà u parametri referenzjarji tal-prestazzjoni xjentifikament robusti, tapplikahom u tissorveljahom fl-attivitajiet kollha tagħha, u tippromwovihom lil hinn mill-inizjattiva għall-industrija b’bażi bijoloġika;

    (k)

    tikkomunika u tippromwovi soluzzjonijiet innovattivi b’bażi bijoloġika ma’ dawk li jfasslu l-politika, mal-industrija, mal-NGOs, mas-soċjetà ċivili u mal-konsumaturi b’mod ġenerali.

    Artikolu 48

    Membri

    Il-membri tal-Impriża Konġunta Ewropa Ċirkolari b’Bażi Bijoloġika għandhom ikunu:

    (a)

    l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni;

    (b)

    il-Konsorzju tal-Industriji b’Bażi Bijoloġika, organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ irreġistrata skont il-liġi tal-Belġju, man-notifika tad-deċiżjoni tagħha li taderixxi mal-Impriża Konġunta Ewropa Ċirkolari b’Bażi Bijoloġika permezz ta’ ittra ta’ impenn, li ma għandux ikun fiha kundizzjonijiet dwar l-adeżjoni tagħha għajr dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament;

    (c)

    il-membri assoċjati magħżula f’konformità mal-Artikolu 7, soġġetti għal deċiżjoni tal-bord ta’ tmexxija.

    Artikolu 49

    Kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni

    Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-Impriża Konġunta Ewropa Ċirkolari b’Bażi Bijoloġika, inkluż l-approprjazzjonijiet taż-ŻEE, sabiex jiġu koperti l-kostijiet amministrattivi u operazzjonali, għandha tkun sa EUR 1 000 000 000, inkluż sa EUR 23 500 000 għall-kostijiet amministrattivi.

    Artikolu 50

    Kontribuzzjonijiet minn membri għajr l-Unjoni

    Il-membri tal-Impriża Konġunta Ewropa Ċirkolari b’Bażi Bijoloġika għajr l-Unjoni għandhom jagħmlu mod jew jistabbilixxu arranġamenti sabiex l-entitajiet kostitwenti jew affiljati tagħhom jagħmlu kontribuzzjoni totali ta’ mill-inqas EUR 1 000 000 000, inkluż sa EUR 23 500 000 għall-kostijiet amministrattivi, matul il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 3.

    Artikolu 51

    Ambitu tal-attivitajiet addizzjonali

    1.   Minkejja s-setgħa ta’ deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija dwar il-pjan ta’ attivitajiet addizzjonali skont l-Artikolu 17(2), punt (n), u fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2, punti (9) u (10), il-Konsorzju tal-Industriji b’Bażi Bijoloġika jew l-entitajiet kostitwenti jew affiljati tiegħu għandhom kull sena jagħmlu proposta għall-attivitajiet addizzjonali. L-attivitajiet addizzjonali huma dawk direttament marbutin ma’ proġetti u ma’ attivitajiet tal-Impriża Konġunta Ewropa Ċirkolari b’Bażi Bijoloġika, inkluż b’mod partikolari:

    (a)

    investimenti f’faċilitajiet ġodda li juru katina tal-valur ġdida, inkluż investimenti f’tagħmir, f’għodod u f’infrastruttura ta’ akkumpanjament durabbli, b’mod partikolari relatati mal-varar reġjonali u mal-verifika tas-sostenibbiltà tagħha;

    (b)

    investimenti f’impjant ta’ produzzjoni jew f’inizjattiva ewlenija ġdida, innovattiva u sostenibbli;

    (c)

    investimenti f’riċerka u f’innovazzjoni ġodda u f’infrastruttura ġġustifikata, inkluż faċilitajiet, għodod, tagħmir durabbli, jew impjanti pilota (ċentri ta’ riċerka);

    (d)

    attivitajiet ta’ standardizzazzjoni;

    (e)

    attivitajiet ta’ komunikazzjoni, ta’ disseminazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni.

    2.   L-investimenti marbuta direttament mal-proġetti huma b’mod partikolari:

    (a)

    investimenti mhux eliġibbli meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ proġett tal-Impriża Konġunta Ewropa Ċirkolari b’Bażi Bijoloġika matul id-durata ta’ dak il-proġett;

    (b)

    investiment li jsir b’mod parallel ma’ proġett tal-Impriża Konġunta Ewropa Ċirkolari b’Bażi Bijoloġika, li jikkomplementa r-riżultati tal-proġett u li jwassal għal TRL ogħla;

    (c)

    investimenti meħtieġa għall-varar tar-riżultati ta’ proġett tal-Impriża Konġunta Ewropa Ċirkolari b’Bażi Bijoloġika wara l-għeluq tal-proġett sal-istralċ tal-Impriża Konġunta Ewropa Ċirkolari b’Bażi Bijoloġika. F’każijiet ġustifikati, jista’ jitqies l-investiment relatat mal-varar tar-riżultati tal-proġetti mill-inizjattiva preċedenti (l-Impriża Konġunta BBI).

    Artikolu 52

    Korpi tal-Impriża Konġunta Ewropa Ċirkolari b’Bażi Bijoloġika

    Il-korpi tal-Impriża Konġunta Ewropa Ċirkolari b’Bażi Bijoloġika għandhom ikunu:

    (a)

    il-Bord ta’ Tmexxija;

    (b)

    id-Direttur Eżekuttiv;

    (c)

    il-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati;

    (d)

    il-Kumitat Xjentifiku;

    (e)

    il-Gruppi ta’ Varar.

    Artikolu 53

    Kompożizzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija

    Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkun magħmul minn dawn li ġejjin:

    (a)

    ħames rappreżentanti tal-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni; u

    (b)

    ħames rappreżentanti tal-membri għajr l-Unjoni, li tal-anqas wieħed minnhom jenħtieġ li jirrappreżenta lill-SMEs.

    Artikolu 54

    Funzjonament tal-Bord ta’ Tmexxija

    1.   Il-membri għajr l-Unjoni għandu jkollhom kollettivament 50 % tad-drittijiet tal-vot.

    2.   B’deroga mill-Artikolu 16(4), il-Bord ta’ Tmexxija għandu jeleġġi l-President tiegħu għal perijodu ta’ sentejn.

    3.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jsejjaħ il-laqgħat ordinarji tiegħu erba’ darbiet fis-sena.

    4.   Minbarra l-laqgħat imsemmija fil-paragrafu 2, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jsejjaħ ukoll laqgħa strateġika tal-anqas darba fis-sena bl-objettivi primarji li jiġu identifikati l-isfidi u l-opportunitajiet għal industrija sostenibbli b’bażi bijoloġika u li tiġi pprovduta orjentazzjoni strateġika addizzjonali għall-Impriża Konġunta Ewropa Ċirkolari b’Bażi Bijoloġika.

    5.   Uffiċjali kapijiet eżekuttivi addizzjonali jew uffiċjali b’setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ kumpaniji Ewropej ewlenin b’bażi bijoloġika u l-Kummissjoni għandhom jiġu mistiedna għal-laqgħa strateġika.

    Artikolu 55

    Il-Kumitat Xjentifiku

    1.   Il-Kumitat Xjentifiku għandu jkun il-korp konsultattiv xjentifiku tal-Impriża Konġunta Ewropa Ċirkolari b’Bażi Bijoloġika msemmija fl-Artikolu 21(1).

    2.   Il-Kumitat Xjentifiku ma għandux ikollu aktar minn 15-il membru permanenti.

    3.   Il-president tal-Kumitat Xjentifiku għandu jiġi elett għal perijodu ta’ sentejn.

    4.   Il-Kumitat Xjentifiku għandu jistabbilixxi task force magħmula minn esperti bil-profili xierqa li tikkontribwixxi għall-iżgurar ta’ ffukar suffiċjenti fuq l-aspetti kollha ta’ sostenibbiltà tal-programm ta’ ħidma. Kull meta jkun possibbli, il-parir tal-Kumitat Xjentifiku dwar il-programm ta’ ħidma għandu jinkludi aspetti relatati maċ-ċirkolarità, mas-sostenibbiltà ambjentali, mal-preservazzjoni u mat-titjib tal-bijodiversità, kif ukoll ma’ aspetti usa’ tas-sostenibbiltà tas-sistemi b’bażi bijoloġika u tal-ktajjen tal-valur relatati.

    Artikolu 56

    Il-Gruppi ta’ Varar

    1.   Għandu jiġi stabbilit Grupp ta’ Varar wieħed jew aktar skont l-Artikolu 22. Ir-rwol tal-Gruppi ta’ Varar huwa li jagħtu pariri lill-Bord ta’ Tmexxija fuq kwistjonijiet kritiċi għall-adozzjoni mis-suq ta’ innovazzjoni b’bażi bijoloġika u li jippromwovu l-varar ta’ soluzzjonijiet ċirkolari sostenibbli b’bażi bijoloġika.

    2.   Il-kompożizzjoni tal-Gruppi ta’ Varar għandha tiżgura ffukar tematiku xieraq u rappreżentattività ta’ firxa wiesgħa tal-partijiet ikkonċernati tal-innovazzjoni b’bażi bijoloġika. Kwalunkwe parti kkonċernata għajr il-membri tal-Konsorzju tal-Industriji b’Bażi Bijoloġika, l-entitajiet kostitwenti jew affiljati tagħhom tista’ tesprimi l-interess tagħha li ssir membru ta’ Grupp ta’ Varar. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jistabbilixxi d-daqs u l-kompożizzjoni previsti tal-Gruppi ta’ Varar, id-durata tal-mandati u l-possibbiltà ta’ tiġdid tal-membri tiegħu, u jagħżel il-membri tagħhom.

    3.   Il-Gruppi ta’ Varar għandhom jiltaqgħu tal-anqas darba fis-sena. Fl-ewwel laqgħa, il-Gruppi ta’ Varar għandhom jadottaw ir-regoli ta’ proċedura tagħhom. Dawk ir-regoli ta’ proċedura għandhom jiġu approvati mill-Bord ta’ Tmexxija. Il-laqgħat straordinarji tal-Gruppi ta’ Varar għandhom jissejħu fuq talba tal-Bord ta’ Tmexxija, tal-president jew ta’ maġġoranza tal-Grupp ta’ Varar rilevanti.

    4.   Il-Gruppi ta’ Varar għandhom jagħżlu president, u viċi president għal kull lenti tematika, għal perijodu ta’ sentejn. Il-president jikkoordina l-attivitajiet u jirrappreżenta l-Grupp ta’ Varar. Il-president jista’ jiġi mistieden bħala osservatur għal-laqgħat tal-Kumitat Xjentifiku u tal-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati.

    5.   Il-Gruppi ta’ Varar għandhom jipprovdu rakkomandazzjonijiet dwar il-kwistjonijiet relatati mal-użu tal-innovazzjoni b’bażi bijoloġika fuq talba mill-Bord ta’ Tmexxija. Il-Gruppi ta’ Varar jistgħu wkoll joħorġu rakkomandazzjonijiet lill-Bord ta’ Tmexxija fi kwalunkwe ħin fuq inizjattiva tagħhom stess.

    TITOLU II

    IMPRIŻA KONĠUNTA AVJAZZJONI NADIFA

    Artikolu 57

    Objettivi addizzjonali tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa

    1.   Minbarra l-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5, l-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa għandu jkollha l-objettivi ġenerali li ġejjin:

    (a)

    li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-impronta ekoloġika tal-avjazzjoni billi tħaffef l-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-avjazzjoni b’impatt newtrali fuq il-klima għall-varar mill-aktar fis possibbli, u għalhekk tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-kisba tal-għanijiet ġenerali tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, b’mod partikolari fir-rigward tal-mira ta’ tnaqqis nett fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni kollha b’mill-inqas 55 % sal-2030, meta mqabbla mal-livelli tal-1990, u fir-rigward ta’ perkors lejn l-ilħuq tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050;

    (b)

    li tiżgura li l-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni relatati mal-ajrunawtika, b’attenzjoni speċjali fuq inizjattivi ta’ teknoloġija rivoluzzjonarja, jikkontribwixxu għall-kompetittività sostenibbli globali tal-industrija tal-avjazzjoni tal-Unjoni, u li tiżgura li t-teknoloġiji tal-avjazzjoni b’impatt newtrali fuq il-klima jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti tas-sikurezza u tas-sigurtà tal-avjazzjoni, u li l-avjazzjoni tibqa’ mezz sigur, affidabbli, kosteffettiv u effiċjenti ta’ trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija;

    (c)

    li tavvanza l-kapaċità Ewropea ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni fl-avjazzjoni.

    2.   L-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa għandu jkollha wkoll l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

    (a)

    li tintegra u turi innovazzjonijiet teknoloġiċi fixkiela tal-inġenji tal-ajru li kapaċi jnaqqsu l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra b’mhux anqas minn 30 % sal-2030, meta mqabbla mat-teknoloġija tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku fl-2020 filwaqt li twitti t-triq għal avjazzjoni b’impatt newtrali fuq il-klima sal-2050;

    (b)

    li tiżgura li l-prontezza teknoloġika u industrijali potenzjali tal-innovazzjonijiet tista’ tappoġġa t-tnedija ta’ prodotti u ta’ servizzi fixkiela ġodda sal-2035, bl-għan li tissostitwixxi 75 % tal-flotta operattiva sal-2050 u tiżviluppa sistema tal-avjazzjoni Ewropea innovattiva, affidabbli, sikura u kosteffettiva li tkun kapaċi tilħaq l-objettiv ta’ newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050;

    (c)

    li tespandi u trawwem l-integrazzjoni tal-ktajjen tal-valur tar-riċerka u tal-innovazzjonijiet fl-avjazzjoni b’impatt newtrali fuq il-klima, billi tinkludi d-dinja akkademika, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, l-industrija u l-SMEs, u anke billi tibbenefika mill-isfruttament ta’ sinerġiji ma’ programmi nazzjonali u Ewropej relatati oħra u billi tappoġġa l-adozzjoni ta’ ħiliet marbuta mal-industrija fil-katina tal-valur kollha.

    Artikolu 58

    Kompiti addizzjonali tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa

    Minbarra l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 5, l-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa għandha twettaq ukoll il-kompiti li ġejjin:

    (a)

    tippubblika fuq is-sit web tagħha u fuq is-siti web rilevanti tal-Kummissjoni l-informazzjoni kollha neċessarja għat-tħejjija u għall-preżentazzjoni tal-proposti għal sejħiet miftuħa tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa;

    (b)

    timmonitorja u tivvaluta l-progress teknoloġiku lejn il-kisba tal-objettivi ġenerali u speċifiċi li jinsabu fl-Artikolu 57;

    (c)

    tiffaċilita l-aċċess sħiħ għad-data u l-informazzjoni għall-monitoraġġ indipendenti tal-impatt tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-avjazzjoni, imwettaq taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni;

    (d)

    tassisti lill-Kummissjoni, fuq talba tagħha, fl-istabbiliment u fil-koordinazzjoni tal-iżvilupp ta’ regolamenti u ta’ standards li jappoġġaw l-adozzjoni mis-suq ta’ soluzzjonijiet tal-avjazzjoni nadifa, b’mod partikolari billi twettaq studji u simulazzjonijiet u tipprovdi pariri tekniċi, filwaqt li tqis il-ħtieġa li jiġu eliminati l-ostakli għad-dħul fis-suq.

    Artikolu 59

    Membri

    1.   Il-membri tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa għandhom ikunu:

    (a)

    l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni;

    (b)

    il-membri fundaturi elenkati fl-Anness I, man-notifika tad-deċiżjoni tagħhom li jaderixxu mal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa permezz ta’ ittra ta’ impenn, li ma għandux ikun fiha kundizzjonijiet dwar l-adeżjoni tagħhom għajr dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament;

    (c)

    il-membri assoċjati li jintgħażlu f’konformità mal-Artikolu 7 soġġett għal deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija.

    2.   Minbarra l-Artikolu 7(1), il-Bord ta’ Tmexxija jista’, matul l-ewwel sitt xhur wara l-istabbiliment ta’ Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa, jagħżel membri assoċjati minn lista miġbura wara sejħa miftuħa għal espressjoni ta’ interess imnedija mill-Kummissjoni qabel l-istabbiliment tagħha. Il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(2) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

    Artikolu 60

    Kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni

    Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa, inkluż il-approprjazzjonijiet taż-ŻEE, sabiex jiġu koperti l-kostijiet amministrattivi u l-kostijiet operazzjonali, għandha tkun sa EUR 1 700 000 000, inkluż sa EUR 39 223 000 għall-kostijiet amministrattivi.

    Artikolu 61

    Kontribuzzjonijiet minn membri għajr l-Unjoni

    Il-membri tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa għajr l-Unjoni għandhom jagħmlu mod jew jistabbilixxu arranġamenti sabiex l-entitajiet kostitwenti tagħhom jew dawk affiljati magħhom jagħmlu kontribuzzjoni totali ta’ mill-inqas EUR 2 400 000 000, inkluż sa EUR 39 223 000 għall-kostijiet amministrattivi, matul il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 3.

    Artikolu 62

    Ambitu tal-attivitajiet addizzjonali

    1.   Għall-fini tal-Artikolu 11(1), punt (b), l-attivitajiet addizzjonali jistgħu jinkludu:

    (a)

    attivitajiet koperti taħt l-azzjonijiet indiretti tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa iżda mhux iffinanzjati taħt tali azzjonijiet indiretti;

    (b)

    attivitajiet marbutin direttament mal-programm ta’ ħidma tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa;

    (c)

    attivitajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni li jibnu fuq attivitajiet iffinanzjati mill-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa jew l-inizjattiva preċedenti tagħha;

    (d)

    l-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni ta’ proġetti b’rabta ċara mal-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni, u kofinanzjati fil-qafas ta’ programmi nazzjonali jew reġjonali fl-Unjoni;

    (e)

    proġetti privati ta’ riċerka u innovazzjoni li jikkumplementaw proġetti dwar l-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni kif ukoll attivitajiet li jikkontribwixxu għall-adozzjoni ta’ ħiliet speċifiċi għall-industrija tul il-katina tal-valur;

    (f)

    attivitajiet li jwasslu jew għall-varar jew għall-adozzjoni tar-riżultati tal-proġett mill-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa jew l-inizjattivi preċedenti tagħha, jew mit-tnejn, li ma rċevew l-ebda finanzjament mill-Unjoni;

    (g)

    attivitajiet Ewropej ta’ standardizzazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni relatati ma’ soluzzjonijiet tal-avjazzjoni nadifa mill-proġetti tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa jew mill-inizjattivi preċedenti tagħha.

    2.   L-attivitajiet addizzjonali għandu jkollhom riżultati ddefiniti b’mod ċar.

    Artikolu 63

    Korpi tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa

    Il-korpi tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa għandhom ikunu:

    (a)

    il-Bord ta’ Tmexxija;

    (b)

    id-Direttur Eżekuttiv;

    (c)

    il-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati;

    (d)

    il-Kumitat Tekniku;

    (e)

    il-Korp Konsultattiv Xjentifiku Ewropew għall-Avjazzjoni Nadifa.

    Artikolu 64

    Kompożizzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija

    Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkun magħmul minn dawn li ġejjin:

    (a)

    żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni f’isem l-Unjoni;

    (b)

    ħmistax-il rappreżentant tal-membri għajr l-Unjoni magħżula mill-membri fundaturi u mill-membri assoċjati u minn fosthom li jiżguraw rappreżentazzjoni bbilanċjata tal-katina tal-valur ajrunawtika bħall-integraturi tal-inġenji tal-ajru, il-manifatturi tal-magni u l-manifatturi tat-tagħmir. Il-bord ta’ tmexxija għandu jistabbilixxi fir-regoli ta’ proċedura tiegħu mekkaniżmu ta’ rotazzjoni għall-allokazzjoni tas-siġġijiet tal-membri għajr l-Unjoni waqt li jqis il-bilanċ bejn il-ġeneri. Ir-rappreżentanti magħżula għandhom jinkludu tal-anqas rappreżentant wieħed tal-SMEs Ewropej, tal-anqas żewġ rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet ta’ riċerka u tal-anqas rappreżentant wieħed tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja.

    Artikolu 65

    Funzjonament tal-Bord ta’ Tmexxija

    1.   Il-membri għajr l-Unjoni għandu jkollhom kollettivament 50 % tad-drittijiet tal-vot.

    2.   B’deroga mill-Artikolu 16(4), il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkun ippresedut mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni u jkun kopresedut minn rappreżentant mill-membri għajr l-Unjoni.

    3.   Il-presidenti tal-Korp Konsultattiv Xjentifiku Ewropew għall-Avjazzjoni Nadifa, tal-Kumitat Tekniku u tal-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati u rappreżentant wieħed mill- EASA għandhom jattendu l-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija bħala osservaturi.

    4.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jiżgura rabta u koordinazzjoni diretti bejn l-attivitajiet tal-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati jew ta’ korpi konsultattivi oħrajn. Għal dak l-għan, il-Bord ta’ Tmexxija jista’ jiddelega wkoll membru sabiex isegwi l-attivitajiet ta’ dawk il-korpi.

    Artikolu 66

    Kompiti addizzjonali tal-Bord ta’ Tmexxija

    1.   Minbarra l-kompiti elenkati fl-Artikolu 17, il-Bord ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:

    (a)

    jissorvelja r-rilevanza għall-avjazzjoni nadifa tal-istrateġiji għall-attivitajiet addizzjonali tal-membri għajr l-Unjoni;

    (b)

    jippromwovi l-adozzjoni mis-suq ta’ teknoloġiji u ta’ soluzzjonijiet sabiex jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u jiżgura l-kisba tal-objettivi speċifiċi tal-Impriża Konġunta stabbiliti fl-Artikolu 57;

    (c)

    ifittex sinerġiji bejn l-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ dimostrazzjoni fil-livell reġjonali, nazzjonali jew tal-Unjoni li huma relatati mal-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni u mal-programm ta’ ħidma tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa;

    (d)

    jissorvelja l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-progress tal-programm meta mqabbel mal-indikaturi tal-impatt u mal-objettivi speċifiċi tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa stabbiliti fl-Artikolu 57(2);

    (e)

    jiżgura t-tmexxija u l-ġestjoni kontinwi tat-tranżizzjoni tal-prijoritajiet tekniċi tal-programm Clean Sky 2 u tal-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni sat-tlestija tagħhom, f’konformità mal-objettivi tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa u jiżgura, fejn rilevanti, it-trasferiment tar-riżultati għall-programm Avjazzjoni Nadifa.

    2.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jivvaluta u jiddeċiedi b’rabta mal-implimentazzjoni tal-programm u mal-ilħuq tal-objettivi tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa, inkluż dwar:

    (a)

    l-ippjanar pluriennali strateġiku ta’ sejħiet għal Avjazzjoni Nadifa u l-allinjament tagħhom mal-objettivi ta’ Orizzont Ewropa u mal-programmi ta’ ħidma relatati u mal-prijoritajiet tekniċi u mal-azzjonijiet ta’ riċerka;

    (b)

    ir-reviżjonijiet jew l-ottimizzazzjoni tal-ambitu tekniku tal-programm sabiex il-programm ta’ ħidma u l-objettivi tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa jiġu allinjati mal-programmi ta’ ħidma ġenerali relatati ma’ Orizzont Ewropa u ma’ sħubijiet Ewropej oħrajn;

    (c)

    ir-rakkomandazzjonijiet minn korpi konsultattivi u azzjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 58 sabiex jiżdiedu l-penetrazzjoni tas-suq u l-impatt tas-soluzzjonijiet tal-avjazzjoni nadifa f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u ma’ azzjonijiet ta’ politika relatati miegħu biex itejbuh.

    Artikolu 67

    Kompiti addizzjonali tad-Direttur Eżekuttiv

    Minbarra l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 19, id-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:

    (a)

    jieħu azzjoni xierqa sabiex jimmaniġġja l-interazzjonijiet bejn il-proġetti appoġġati mill-impriża konġunta, filwaqt li jevita d-duplikazzjoni bla bżonn bejniethom u jsaħħaħ is-sinerġiji fil-programm kollu;

    (b)

    jiżgura li jintlaħqu l-iskadenzi għat-trażmissjoni tal-informazzjoni neċessarja lid-diversi korpi tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa;

    (c)

    jiffaċilita l-koordinazzjoni mill-Kummissjoni f’konformità mal-parir tal-korpi konsultattivi bejn l-attivitajiet tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa u l-attivitajiet rilevanti ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni skont Orizzont Ewropa bl-għan li jiġi evitat it-trikkib u jiġu promossi s-sinerġiji;

    (d)

    jiżgura li l-Impriża Konġunta tiffaċilita l-aċċess sħiħ għad-data u għall-informazzjoni għall-monitoraġġ indipendenti tal-impatt ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni fl-avjazzjoni mwettqa taħt is-superviżjoni diretta tal-Kummissjoni u jieħu kwalunkwe azzjoni xierqa meħtieġa sabiex jiżgura l-indipendenza ta’ dak il-proċess mill-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa nnifisha, bħal permezz ta’ akkwist pubbliku, evalwazzjonijiet indipendenti, rieżamijiet jew analiżi ad hoc. Ir-rapport ta’ monitoraġġ u ta’ valutazzjoni tal-programm għandu jiġi ppreżentat lill-Bord ta’ Tmexxija darba fis-sena;

    (e)

    jassisti lill-Bord tat-Tmexxija fl-adattamenti tal-kontenut tekniku u tal-allokazzjonijiet tal-baġit tal-programm ta’ ħidma matul l-implimentazzjoni tal-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni sabiex jiġu mmassimizzati l-kisbiet tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa.

    Artikolu 68

    Il-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati

    1.   Il-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati għandu jorganizza laqgħat ta’ koordinazzjoni mal-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati ta’ impriżi konġunti rilevanti oħrajn bħall-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3, tal-anqas darbtejn fis-sena, bl-għan li joħloq interfaċċa bejn l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali u l-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa u jagħti pariri lill-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa fuq din il-bażi.

    2.   Minbarra l-Artikolu 20, il-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati għandu jkollu wkoll il-kompiti addizzjonali li ġejjin:

    (a)

    jipproponi miżuri sabiex itejjeb il-komplementarjetà bejn l-azzjonijiet ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni dwar l-Avjazzjoni Nadifa u l-programmi ta’ riċerka nazzjonali li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni, kif ukoll ma’ inizjattivi u ma’ proġetti internazzjonali u nazzjonali oħrajn;

    (b)

    jippromwovi miżuri speċifiċi fil-livell nazzjonali jew reġjonali li jimmiraw sabiex iżidu l-involviment tal-SMEs fir-Riċerka u fl-Innovazzjoni dwar l-Avjazzjoni Nadifa, inkluż permezz ta’ avvenimenti ta’ disseminazzjoni, workshops tekniċi dedikati u komunikazzjoni, u kwalunkwe azzjoni oħra li timmira lejn il-promozzjoni tal-kooperazzjoni u l-varar ta’ teknoloġiji ajrunawtiċi;

    (c)

    jippromwovi l-investiment fir-riċerka u fl-innovazzjoni mill-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni bħall-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fondi Soċjali Ewropej, il-Fondi għal Tranżizzjoni Ġusta, u l-Fondi tan-Next Generation EU fil-kuntest tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa.

    Artikolu 69

    Il-Kumitat Tekniku

    1.   Il-Kumitat Tekniku għandu jkun magħmul kif ġej:

    (a)

    sa massimu ta’ erba’ rappreżentanti tal-Kummissjoni u ta’ korpi tal-Unjoni, kif deċiż mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Bord ta’ Tmexxija;

    (b)

    rappreżentant wieħed minn kull membru għajr l-Unjoni;

    (c)

    rappreżentant wieħed tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal- EASA.

    2.   Il-Kumitat Tekniku għandu jkun kopresedut minn rappreżentant tal-membri fundaturi, b’rotazzjoni kull sentejn, u mill-Kummissjoni. Għandu jirrapporta lill-Bord ta’ Tmexxija u s-segretarjat tiegħu għandu jiġi pprovdut mill-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa.

    3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun osservatur permanenti fil-Kumitat Tekniku. Ir-rappreżentanti tal-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati u tal-Korp Konsultattiv Xjentifiku Ewropew għall-Avjazzjoni Nadifa jistgħu jattendu bħala osservaturi fuq stedina tal-president, jew fuq talba tagħhom stess, f’liema każ l-attendenza tagħhom għandha tkun soġġetta għall-qbil tal-president u tar-rappreżentanti tal-Impriża Konġunta.

    4.   Il-Kumitat Tekniku għandu jipproponi r-regoli ta’ proċedura tiegħu u għandu jippreżentahom għall-adozzjoni mill-Bord ta’ Tmexxija.

    5.   Il-Kumitat Tekniku għandu jiżviluppa u jżomm aġġornati l-pjan direzzjonali teknoloġiku u l-istrateġija tal-programm. Għandu jipproponi u jħejji għall-adozzjoni mill-Bord ta’ Tmexxija, kif xieraq, l-ambitu u l-programmazzjoni tal-azzjonijiet ta’ riċerka, tal-istrateġija teknika u tal-pjan direzzjonali ġenerali tar-riċerka tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa. Membru tal-Bord ta’ Tmexxija jista’ jiġi ddelegat sabiex isegwi l-attivitajiet fih.

    6.   Il-Kumitat Tekniku għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:

    (a)

    iħejji proposti għall-emenda tal-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni kif meħtieġ għad-deliberazzjoni u għat-teħid ta’ deċiżjoni finali mill-Bord ta’ Tmexxija;

    (b)

    iħejji proposti għall-prijoritajiet tekniċi u għall-azzjonijiet ta’ riċerka li għandhom jiġu inklużi fil-programm ta’ ħidma u s-suġġetti ta’ riċerka għal sejħiet miftuħin għal proposti;

    (c)

    jipprovdi informazzjoni dwar azzjonijiet ta’ riċerka ppjanati jew li jkunu għaddejjin f’livelli nazzjonali, reġjonali jew oħrajn mhux tal-Unjoni u jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar l-azzjonijiet neċessarji sabiex jiġu massimizzati s-sinerġiji possibbli tal-programm tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa;

    (d)

    jipproponi għad-deliberazzjoni u għat-teħid ta’ deċiżjoni finali mill-Bord ta’ Tmexxija reviżjonijiet jew ottimizzazzjoni tal-ambitu tekniku tal-programm sabiex jallinja l-programm ta’ ħidma u l-objettivi tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa mal-programmi ta’ ħidma ġenerali relatati ma’ Orizzont Ewropa u ma’ sħubijiet Ewropej oħrajn, kif identifikat fl-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni;

    (e)

    jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar il-massimizzazzjoni tal-impatt f’konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u mal-adozzjoni potenzjali mis-suq tar-riżultati tal-programm minn azzjonijiet indiretti ffinanzjati mill-Impriża Konġunta.

    Artikolu 70

    Il-Korp Konsultattiv Xjentifiku Ewropew għall-Avjazzjoni Nadifa

    1.   Il-Korp Konsultattiv Xjentifiku Ewropew għall-Avjazzjoni Nadifa għandu jkun il-korp konsultattiv xjentifiku tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa stabbilit f’konformità mal-Artikolu 21(1), punt (a), u mal-Artikolu 21(4).

    2.   Il-Korp Konsultattiv Xjentifiku Ewropew għall-Avjazzjoni Nadifa ma għandux ikollu aktar minn 15-il membru permanenti u dawk il-membri ma għandhomx ikunu membri ta’ xi korp ieħor taħt din l-Impriża Konġunta.

    3.   Il-president tal-Korp Konsultattiv Xjentifiku Ewropew għall-Avjazzjoni Nadifa għandu jiġi elett għal sentejn.

    4.   Rappreżentant tal- EASA għandu jkun membru permanenti tal-Korp Konsultattiv Xjentifiku Ewropew għall-Avjazzjoni Nadifa.

    5.   Fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, il-Korp Konsultattiv Xjentifiku Ewropew għall-Avjazzjoni Nadifa għandu jikkoopera mal-fora Ewropej rilevanti tal-partijiet ikkonċernati tal-avjazzjoni, bħall-Kunsill Konsultattiv għar-Riċerka Ajrunawtika fl-Ewropa (ACARE).

    6.   Il-Korp Konsultattiv Xjentifiku Ewropew għall-Avjazzjoni Nadifa għandu, skont l-Artikolu 21(7), punt (f), jorganizza laqgħat ta’ koordinazzjoni mal-korpi konsultattivi ta’ impriżi konġunti rilevanti oħra bħall-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3, bl-għan li jippromwovi sinerġiji u kooperazzjoni fost l-inizjattivi rilevanti tal-Unjoni dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-avjazzjoni u li jipprovdi pariri għal dak il-għan lill-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa fuq din il-bażi.

    7.   Il-Korp Konsultattiv Xjentifiku Ewropew għall-Avjazzjoni Nadifa għandu jagħti pariri u jappoġġa wkoll lill-Kummissjoni u lill-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa dwar inizjattivi li jippromwovu r-riċerka dwar l-avjazzjoni fis-sistemi edukattivi Ewropej, u jipprovdi rakkomandazzjonijiet dwar l-iżvilupp tal-ħiliet u tal-kompetenzi ajrunawtiċi u l-kurrikuli aġġornati dwar l-inġinerija ajrunawtika.

    Artikolu 71

    Ċertifikazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda

    1.   L- EASA tista’ tiġi mistiedna mill-applikanti, mill-benefiċjarji jew mid-Direttur Eżekuttiv sabiex tagħti pariri dwar proġetti individwali u attivitajiet ta’ dimostrazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-konformità mal-istandards dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni, l-interoperabbiltà u l-ambjent, sabiex jiġi żgurat li dawn iwasslu għal żvilupp f’waqtu ta’ standards rilevanti, ta’ kapaċità ta’ ttestjar u ta’ rekwiżiti regolatorji għall-iżvilupp ta’ prodotti u għall-varar ta’ teknoloġiji ġodda.

    2.   L-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni u s-servizzi pprovduti għandhom ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet dwar it-tariffi u l-imposti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1139.

    Artikolu 72

    Deroga mir-regoli għall-parteċipazzjoni

    Meta jkun debitament ġustifikat fid-deskrizzjoni tas-suġġetti rilevanti fil-programm ta’ ħidma, entità legali waħda stabbilita fi Stat Membru jew f’pajjiż assoċjat jew f’konsorzji li ma jissodisfawx il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament Orizzont Ewropa għandha tkun eliġibbli sabiex tipparteċipa f’azzjonijiet indiretti ffinanzjati mill-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa.

    TITOLU III

    IMPRIŻA KONĠUNTA IDROĠENU NADIF

    Artikolu 73

    Objettivi addizzjonali tal-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif

    1.   Minbarra l-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5, l-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif għandu jkollha l-objettivi ġenerali li ġejjin:

    (a)

    li tikkontribwixxi għall-objettivi stabbiliti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Settembru 2020 dwar it-Tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030: Ninvestu f’futur newtrali għall-klima għall-benefiċċju tal-popli tagħna, il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Liġi Ewropea dwar il-Klima billi żżid l-ambizzjoni tal-Unjoni li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal tal-anqas 55 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2030, u għan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050;

    (b)

    li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Kummissjoni tal-2020 għall-Idroġenu għal Ewropa newtrali għall-klima;

    (c)

    li ssaħħaħ il-kompetittività tal-katina tal-valur tal-idroġenu nadif tal-Unjoni, bil-ħsieb li tappoġġa, b’mod partikolari lill-SMEs, l-aċċellerazzjoni tad-dħul fis-suq ta’ soluzzjonijiet nodfa innovattivi u kompetittivi;

    (d)

    li tistimola r-riċerka u l-innovazzjoni dwar il-produzzjoni, id-distribuzzjoni, il-ħżin u l-applikazzjonijiet għal użu finali tal-idroġenu nadif.

    2.   L-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif għandu jkollha wkoll l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

    (a)

    li ttejjeb, permezz tar-riċerka u tal-innovazzjoni, inkluż l-attivitajiet relatati ma’ TRLs aktar baxxi, il-kosteffettività, l-effiċjenza, l-affidabbiltà, il-kwantità u l-kwalità ta’ soluzzjonijiet tal-idroġenu nadif, inkluż il-produzzjoni, id-distribuzzjoni, il-ħżin u l-użi finali żviluppati fl-Unjoni;

    (b)

    li ssaħħaħ l-għarfien u l-kapaċità tal-atturi xjentifiċi u industrijali tul il-katina tal-valur tal-idroġenu tal-Unjoni waqt li tappoġġa l-adozzjoni ta’ ħiliet marbuta mal-industrija;

    (c)

    li twettaq dimostrazzjonijiet ta’ soluzzjonijiet tal-idroġenu nadif bil-ħsieb tal-użu lokali, reġjonali u fl-Unjoni kollha, li jkollhom l-għan li jinvolvu lill-partijiet kollha kkonċernati fl-Istati Membri kollha u jindirizzaw il-produzzjoni rinnovabbli, id-distribuzzjoni, il-ħżin, u l-użu għall-industriji tat-trasport u li jużaw ħafna enerġija kif ukoll għal applikazzjonijiet oħra;

    (d)

    li żżid is-sensibilizzazzjoni pubblika u privata, l-aċċettazzjoni, u l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet tal-idroġenu nadif, b’mod partikolari permezz ta’ kooperazzjoni ma’ sħubijiet Ewropej oħrajn fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa.

    Artikolu 74

    Kompiti addizzjonali tal-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif

    Minbarra l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 5, l-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif għandha twettaq il-kompiti li ġejjin:

    (a)

    li tivvaluta u timmonitorja l-progress teknoloġiku u l-ostakli teknoloġiċi, ekonomiċi u soċjetali għad-dħul fis-suq, inkluż fis-swieq emerġenti tal-idroġenu;

    (b)

    li, minkejja l-prerogattivi tal-politika tal-Kummissjoni, taħt il-gwida u s-superviżjoni tal-politika tal-Kummissjoni, tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ regolamenti u ta’ standards bl-għan li jiġu eliminati l-ostakli għad-dħul fis-suq u jiġu appoġġati l-interkambjabbiltà, l-interoperabbiltà, u l-kummerċ fis-suq intern u globalment;

    (c)

    li tappoġġa lill-Kummissjoni, inkluż permezz ta’ għarfien espert tekniku, fl-inizjattivi internazzjonali tagħha dwar l-istrateġija tal-idroġenu, bħas-Sħubija Internazzjonali dwar l-Ekonomija tal-Idroġenu (IPHE), il-Missjoni Innovazzjoni u l-Inizjattiva dwar l-Idroġenu tal-Forum Ministerjali dwar l-Enerġija Nadifa.

    Artikolu 75

    Membri

    Il-membri tal-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif għandhom ikunu:

    (a)

    l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni;

    (b)

    Hydrogen Europe AISBL, organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ irreġistrata skont il-liġi Belġjana (ir-“Raggruppament tal-Industrijali”), man-notifika tad-deċiżjoni tagħha li taderixxi mal-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif permezz ta’ ittra ta’ impenn, li ma għandux ikun fiha kundizzjonijiet dwar l-adeżjoni tagħha għajr dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament;

    (c)

    Hydrogen Europe Research AISBL, organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ irreġistrata skont il-liġi Belġjana (ir-“Raggruppament tar-Riċerka”), man-notifika tad-deċiżjoni tagħha li taderixxi mal-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif permezz ta’ ittra ta’ impenn li ma għandux ikun fiha kundizzjonijiet dwar l-adeżjoni tagħha għajr dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    Artikolu 76

    Kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni

    Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif, inkluż l-approprjazzjonijiet taż-ŻEE, sabiex jiġu koperti l-kostijiet amministrattivi u operazzjonali, għandha tkun sa EUR 1 000 000 000, inkluż sa EUR 30 193 000 għall-kostijiet amministrattivi.

    Artikolu 77

    Kontribuzzjonijiet minn membri għajr l-Unjoni

    Il-membri tal-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif għajr l-Unjoni għandhom jagħmlu mod jew jistabbilixxu arranġamenti sabiex l-entitajiet kostitwenti tagħhom jew dawk affiljati magħhom jagħmlu kontribuzzjoni totali ta’ mill-inqas EUR 1 000 000 000, inkluż sa EUR 30 193 000 għall-kostijiet amministrattivi, matul il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 3.

    Artikolu 78

    Ambitu tal-attivitajiet addizzjonali

    1.   Għall-fini tal-Artikolu 11(1), punt (b), l-attivitajiet addizzjonali jistgħu jinkludu attivitajiet marbutin direttament mal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif u li jikkontribwixxu għall-objettivi tagħha, inkluż dawn li ġejjin:

    (a)

    provi prekummerċjali u testijiet fuq il-post;

    (b)

    prova tal-kunċett;

    (c)

    titjib tal-linji ta’ produzzjoni eżistenti għall-espansjoni;

    (d)

    studji tal-każ fuq skala kbira;

    (e)

    attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni dwar it-teknoloġiji tal-idroġenu u l-miżuri ta’ sikurezza;

    (f)

    l-adozzjoni tar-riżultati minn proġetti għal prodotti, aktar sfruttament u attivitajiet fil-katina tar-riċerka jew f’TRLs ogħla jew f’oqsma paralleli ta’ attività;

    (g)

    l-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni ta’ proġetti b’rabta ċara mal-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni, u kofinanzjati fil-qafas ta’ programmi nazzjonali jew reġjonali fl-Unjoni.

    2.   Attivitajiet addizzjonali tal-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif għandu jkollhom l-għan li jiżguraw sinerġiji mal-Alleanza għall-Idroġenu Nadif, mal-Isfida tal-Missjoni Innovazzjoni “Idroġenu Rinnovabbli u Nadif”, mal-Fond għall-Innovazzjoni tal-Unjoni Ewropea, mal-pjattaforma għall-Istrateġija ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti (S3) tar-Reġjuni tal-H2 u mal-proġett pilota tal-ERA dwar l-idroġenu ekoloġiku.

    Artikolu 79

    Korpi tal-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif

    Il-korpi tal-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif għandhom ikunu dawn li ġejjin:

    (a)

    il-Bord ta’ Tmexxija;

    (b)

    id-Direttur Eżekuttiv;

    (c)

    il-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati; u

    (d)

    il-grupp tal-partijiet ikkonċernati.

    Artikolu 80

    Kompożizzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija

    Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkun magħmul minn dawn li ġejjin:

    (a)

    rappreżentanti tal-Kummissjoni f’isem l-Unjoni;

    (b)

    sitt rappreżentanti tar-Raggruppament Industrijali, b’kont meħud tar-rappreżentanza ġeografika, tal-ġeneri, tad-daqs tal-kumpaniji u tas-setturi;

    (c)

    rappreżentant wieħed tar-Raggruppament tar-Riċerka.

    Artikolu 81

    Funzjonament tal-Bord ta’ Tmexxija

    1.   Minbarra r-regoli tal-votazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 16(3), ir-Raggruppament Industrijali għandu jkollu 43 % tad-drittijiet tal-vot u r-Raggruppament tar-Riċerka għandu jkollu 7 % tad-drittijiet tal-vot fil-Bord ta’ Tmexxija.

    2.   Il-president tal-Bord ta’ Tmexxija għandu jkun rappreżentant tal-membri privati u għandu jinħatar mill-Bord ta’ Tmexxija.

    Artikolu 82

    Kompiti addizzjonali tal-Bord ta’ Tmexxija

    Minbarra l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 17, il-Bord ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:

    (a)

    irawwem sinerġiji ma’ attivitajiet u ma’ programmi rilevanti fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali jew reġjonali, b’mod partikolari ma’ dawk li jappoġġaw il-varar ta’ soluzzjonijiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni, l-infrastruttura, l-edukazzjoni u l-iżvilupp reġjonali dwar l-użu tal-idroġenu nadif;

    (b)

    jipprovdi, skont l-Artikolu 5(2), punt (b), u l-Artikolu 17(n), orjentazzjoni strateġika fir-rigward tal-kollaborazzjoni ma’ sħubijiet Ewropej oħrajn, inkluż is-sħubijiet lejn trasport bit-triq mingħajr emissjonijiet, trasport fuq l-ilma mingħajr emissjonijiet, is-sistema ferrovjarja Ewropea, avjazzjoni nadifa, proċessi għall-pjaneta u għall-azzar nadif f’konformità mal-Aġendi Strateġiċi ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni rispettivi tagħhom jew ma’ dokument ekwivalenti ieħor;

    (c)

    iħeġġeġ l-adozzjoni mis-suq ta’ teknoloġiji u ta’ soluzzjonijiet sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

    (d)

    jiżgura li l-opinjonijiet u l-pariri indipendenti tal-komunità xjentifika usa’ dwar l-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni, dwar il-programmi ta’ ħidma u dwar l-iżviluppi f’setturi kontigwi jinġabru permezz ta’ workshop konsultattiv xjentifiku indipendenti bħala parti mill-forum tas-sħubija Ewropea għall-Idroġenu Nadif.

    Artikolu 83

    Kompiti addizzjonali tad-Direttur Eżekuttiv

    Minbarra l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 19, id-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:

    (a)

    jipproponi u jimplimenta attivitajiet li jsaħħu s-sinerġiji ma’ attivitajiet u ma’ programmi rilevanti fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali jew reġjonali;

    (b)

    jappoġġa u jikkontribwixxi għal inizjattivi oħrajn tal-Unjoni relatati mal-idroġenu, soġġett għall-approvazzjoni mill-Bord ta’ Tmexxija;

    (c)

    ilaqqa’, soġġett għall-approvazzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija, forum annwali tas-sħubija Ewropea għall-Idroġenu Nadif, inkluż il-workshop konsultattiv xjentifiku indipendenti msemmi fl-Artikolu 82(d); il-forum tas-sħubija, fejn possibbli, għandu jsir b’mod konġunt u b’mod paralleli mal-Forum Ewropew dwar l-Idroġenu tal-Alleanza għall-Idroġenu Nadif.

    Artikolu 84

    Il-grupp tal-partijiet ikkonċernati

    1.   Il-grupp tal-partijiet ikkonċernati għandu jikkonsisti f’rappreżentanti ta’ setturi li jiġġeneraw, iqassmu, jaħżnu, jeħtieġu jew jużaw idroġenu nadif madwar l-Unjoni, inkluż ir-rappreżentanti ta’ sħubijiet Ewropej rilevanti oħrajn, kif ukoll rappreżentanti tas-Sħubija Interreġjonali Ewropea tal-Widien tal-Idroġenu u tal-komunità xjentifika.

    2.   Minbarra l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 22, il-grupp tal-partijiet ikkonċernati għandu jkollu l-kompiti li ġejjin:

    (a)

    jipprovdi input dwar il-prijoritajiet strateġiċi u teknoloġiċi li għandhom jiġu indirizzati mill-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif kif stabbiliti fl-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni jew fi kwalunkwe dokument ekwivalenti ieħor u fi pjanijiet direzzjonali teknoloġiċi dettaljati assoċjati, b’kont meħud tal-progress u tal-ħtiġijiet f’setturi kontigwi;

    (b)

    jipprovdi suġġerimenti sabiex ikunu jistgħu jseħħu sinerġiji konkreti bejn l-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif u s-setturi kontigwi jew kwalunkwe settur li miegħu sinerġiji jitqiesu ta’ valur miżjud;

    (c)

    jipprovdi input għall-forum tas-sħubija Ewropea għall-Idroġenu Nadif u għall-Forum Ewropew dwar l-Idroġenu tal-Alleanza għall-Idroġenu Nadif.

    TITOLU IV

    IMPRIŻA KONĠUNTA SISTEMA FERROVJARJA EWROPEA

    Artikolu 85

    Objettivi addizzjonali tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea

    1.   Minbarra l-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5, l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea għandu jkollha l-objettivi ġenerali li ġejjin:

    (a)

    tikkontribwixxi għall-kisba taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea;

    (b)

    tiżgura tranżizzjoni rapida lejn sistema ferrovjarja Ewropea aktar attraenti, faċli għall-utent, kompetittiva, affordabbli, b’manutenzjoni faċli, effiċjenti u sostenibbli, integrata fis-sistema usa’ tal-mobilità;

    (c)

    tappoġġa l-iżvilupp ta’ industrija ferrovjarja Ewropea b’saħħitha u kompetittiva globalment.

    2.   Minbarra l-objettivi stabbiliti fil-paragrafu 1, l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea għandu jkollha l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

    (a)

    tiffaċilita attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni biex twassal network ferrovjarju Ewropew integrat skont id-disinn, filwaqt li telimina l-ostakli għall-interoperabbiltà u tipprovdi soluzzjonijiet għal integrazzjoni sħiħa, tkopri l-ġestjoni tat-traffiku, il-vetturi, l-infrastruttura li tinkludi wkoll l-integrazzjoni ma’ qisien standard nazzjonali bħall-wisa’ bejn il-linji ferrovjarji ta’ 1 520, 1 000 jew 1 668 mm, u s-servizzi, u tipprovdi l-aħjar tweġiba għall-ħtiġijiet tal-passiġġieri u tan-negozji, taċċellera l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi b’appoġġ taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea, filwaqt li żżid il-kapaċità u l-affidabbiltà u tnaqqas il-kostijiet tat-trasport ferrovjarju;

    (b)

    tagħti sistema ferrovjarja sostenibbli u reżiljenti billi tiżviluppa sistema ferrovjarja mingħajr emissjonijiet u silenzjuża u infrastruttura reżiljenti għall-klima, tapplika l-ekonomija ċirkolari għas-settur ferrovjarju, tuża proċessi, teknoloġiji, disinji u materjali innovattivi bi prova fiċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tas-sistemi ferrovjarji u tiżviluppa soluzzjonijiet innovattivi oħrajn għat-trasport bis-superfiċje ggwidat;

    (c)

    tiżviluppa, permezz tal-Pilastru tas-Sistema tagħha, kunċett operazzjonali unifikat u arkitettura ta’ sistema funzjonali, sikura u sigura, b’kont debitu għall-aspetti taċ-ċibersigurtà, iffukat fuq in-network ferrovjarju Ewropew li għalih tapplika d-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (39), għal sistemi Ewropej integrati ta’ ġestjoni, ta’ kmand, ta’ kontroll u ta’ sinjalar tat-traffiku ferrovjarju, inkluż operazzjoni ferrovjarja awtomatizzata li għandha tiżgura li r-riċerka u l-innovazzjoni jkunu mmirati lejn ir-rekwiżiti tal-klijenti u l-ħtiġijiet operazzjonali maqbula b’mod komuni u kondiviżi, u hija miftuħa għall-evoluzzjoni;

    (d)

    tiffaċilita attivitajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni relatati mas-servizzi tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija u tat-trasport intermodali sabiex tipprovdi trasport ferrovjarju tal-merkanzija ekoloġiku, kompetittiv u integrat bis-sħiħ fil-katina tal-valur loġistika, bl-awtomatizzazzjoni u bid-diġitalizzazzjoni tal-ferroviji tal-merkanzija fil-qalba tiegħu;

    (e)

    tiżviluppa proġetti ta’ dimostrazzjoni fi Stati Membri interessati;

    (f)

    tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ industrija ferrovjarja Ewropea b’saħħitha u kompetittiva globalment;

    (g)

    tippermetti, tippromwovi u tisfrutta sinerġiji ma’ politiki, programmi, inizjattivi, strumenti jew fondi oħra tal-Unjoni sabiex timmassimizza l-impatt u l-valur miżjud tagħha.

    3.   Fit-twettiq tal-attivitajiet tagħha, l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea għandha tfittex involviment ġeografikament ibbilanċjat tal-membri u tas-sħab fl-attivitajiet tagħha. Għandha tistabbilixxi wkoll il-konnessjonijiet internazzjonali neċessarji fir-rigward tar-riċerka u tal-innovazzjoni ferrovjarji, f’konformità mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni.

    Artikolu 86

    Kompiti addizzjonali tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea

    1.   Minbarra l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 5, l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea flimkien mal-Kummissjoni għandha tħejji u, wara konsultazzjoni mal-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati, tippreżenta għall-adozzjoni mill-Bord ta’ Tmexxija, il-Pjan Regolatorju, żviluppat f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fis-sistema ferrovjarja u fl-industrija tal-provvista tal-ferroviji.

    2.   Il-Kummissjoni tista’ tibda t-tħejjija tal-Pjan Regolatorju qabel l-istabbiliment tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea, f’konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.

    3.   Il-Pjan Regolatorju għandu jikkostitwixxi pjan direzzjonali komuni li jħares ’il quddiem ibbażat fuq perspettiva tas-sistema. Għandu jidentifika l-oqsma ta’ intervent fl-ambitu tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea. L-objettivi stabbiliti fil-Pjan Regolatorju għandhom ikunu mmexxija mill-prestazzjoni u msejsa fuq l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 85.

    4.   Il-Pjan Regolatorju għandu jiġi adottat mill-Bord ta’ Tmexxija u approvat mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 16 bl-eċċezzjoni tat-taqsima tal-Pjan Regolatorju relatata mal-Pilastru tas-Sistema li għandha tiġi adottata f’konformità mal-Artikolu 93(4). Qabel l-approvazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-Pjan Regolatorju lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. Sussegwentement, kwalunkwe modifika għandha tiġi kkomunikata lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew.

    5.   Il-Pjan Regolatorju għandu jikkostitwixxi l-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea skont it-tifsira tal-Artikolu 2, punt (12). Dan għandu jipprovdi gwida għall-kompiti aktar speċifiċi tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea, jiġifieri:

    (a)

    tiżviluppa fil-Pilastru tas-Sistema tagħha perspettiva tas-sistema li tirrifletti l-ħtiġijiet tal-industrija tal-manifattura ferrovjarja, il-komunità operattiva ferrovjarja, l-Istati Membri u partijiet ikkonċernati privati u pubbliċi ferrovjarji oħra, inkluż korpi li jirrappreżentaw il-klijenti, bħall-passiġġieri u l-merkanzija u l-persunal, kif ukoll atturi rilevanti barra mis-settur ferrovjarju tradizzjonali. Il-“perspettiva tas-sistema” għandha tinkludi:

    (i)

    l-iżvilupp tal-kunċett operazzjonali u ta’ arkitettura tas-sistema, li jinkludu d-definizzjoni tas-servizzi, tal-blokok funzjonali u tal-interfaċċi, li jifformaw il-bażi tal-operazzjonijiet tas-sistema ferrovjarja;

    (ii)

    l-iżvilupp ta’ speċifikazzjonijiet assoċjati inkluż interfaċċi, speċifikazzjonijiet tar-rekwiżiti funzjonali u speċifikazzjonijiet tar-rekwiżiti tas-sistema sabiex jikkontribwixxu għall-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi ta’ Interoperabilità (TSI) stabbiliti skont id-Direttiva (UE) 2016/797 jew proċessi ta’ standardizzazzjoni li jwasslu għal livelli ogħla ta’ diġitalizzazzjoni u ta’ awtomatizzazzjoni;

    (iii)

    l-iżgurar tal-manutenzjoni tas-sistema, u li jiġu kkoreġuti l-iżbalji fiha u li tkun tista’ tadatta maż-żmien u tiżgura kunsiderazzjonijiet ta’ migrazzjoni minn arkitetturi attwali;

    (iv)

    l-iżgurar li l-interfaċċi neċessarji ma’ modalitajiet oħra, kif ukoll mal-metro u trammijiet jew sistemi ferrovjarji ħfief, jiġu vvalutati u vvalidati, b’mod partikolari għall-flussi tal-merkanzija u tal-passiġġieri.

    (b)

    tiffaċilita l-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni neċessarji sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea, inkluż attivitajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni ffokati fuq il-ferroviji b’TRL baxx. F’dak ir-rigward, l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea għandha:

    (i)

    tiddefinixxi u torganizza l-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ innovazzjoni, ta’ dimostrazzjoni, ta’ validazzjoni u ta’ studju li jitwettqu taħt l-awtorità tagħha, filwaqt li tiġi evitata l-frammentazzjoni ta’ attivitajiet bħal dawn;

    (ii)

    tisfrutta l-opportunitajiet ta’ standardizzazzjoni u ta’ modularità, u tiffaċilita l-interfaċċi ma’ modalitajiet u ma’ sistemi oħrajn;

    (iii)

    tiżviluppa proġetti ta’ dimostrazzjoni;

    (iv)

    tiżviluppa kooperazzjoni mill-qrib u tiżgura koordinazzjoni ma’ attivitajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni relatati Ewropej, nazzjonali u internazzjonali fis-settur ferrovjarju u lil hinn minnu, kif ikun neċessarju, b’mod partikolari fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa, sabiex b’hekk l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea tkun tista’ taqdi rwol ewlieni fir-riċerka u fl-innovazzjoni relatati mal-ferroviji filwaqt li tibbenefika wkoll mill-avvanzi xjentifiċi u teknoloġiċi milħuqa f’setturi oħrajn;

    (v)

    tiżgura, permezz tal-kooperazzjoni msemmija fil-punt (iv), it-traduzzjoni tar-riċerka fi sforz ta’ żvilupp effettiv u fl-iżvilupp ta’ innovazzjonijiet pijunieri u, fl-aħħar mill-aħħar, f’innovazzjoni ffokata fuq is-suq permezz ta’ dimostrazzjoni u tnedija;

    (c)

    twettaq kwalunkwe kompitu neċessarju sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 85.

    Artikolu 87

    Membri

    1.   Il-membri tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea għandhom ikunu:

    (a)

    l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni;

    (b)

    il-membri fundaturi elenkati fl-Anness II, man-notifika tad-deċiżjoni tagħhom li jaderixxu mal-Impriża Konġunta permezz ta’ ittra ta’ impenn, li ma għandux ikun fiha kondizzjonijiet rigward l-adeżjoni tagħhom għajr dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament;

    (c)

    il-membri assoċjati li għandhom jintgħażlu f’konformità mal-Artikolu 7. Il-lista tal-membri assoċjati għandha tiġi approvata mill-Kummissjoni.

    2.   Minbarra l-Artikolu 7(1), il-Bord ta’ Tmexxija jista’, matul l-ewwel sitt xhur wara l-istabbiliment tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea, jagħżel membri assoċjati minn lista miġbura wara sejħa miftuħa għal espressjoni ta’ interess imnedija mill-Kummissjoni qabel l-istabbiliment tagħha. Il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(2) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

    Artikolu 88

    Kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni

    Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea, inkluż l-approprjazzjonijiet taż-ŻEE, sabiex jiġu koperti l-kostijiet amministrattivi u l-kostijiet operazzjonali għandha tkun sa EUR 600 000 000, inkluż tal-anqas EUR 50 000 000 għall-Pilastru tas-Sistema u sa EUR 24 000 000 għall-kostijiet amministrattivi.

    Artikolu 89

    Kontribuzzjonijiet minn membri għajr l-Unjoni

    Il-membri tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea għajr l-Unjoni għandhom jagħmlu mod jew jistabbilixxu arranġamenti sabiex l-entitajiet kostitwenti tagħhom jew dawk affiljati magħhom jagħmlu kontribuzzjoni totali ta’ mill-inqas EUR 600 000 000, inkluż sa EUR 24 000 000 għall-kostijiet amministrattivi, matul il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 3.

    Artikolu 90

    Ambitu tal-attivitajiet addizzjonali

    1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 11(1), punt (b), l-attivitajiet addizzjonali jistgħu jinkludu:

    (a)

    attivitajiet koperti taħt l-azzjonijiet indiretti tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea iżda mhux iffinanzjati taħt tali azzjonijiet indiretti;

    (b)

    attivitajiet marbutin direttament mal-programm ta’ ħidma tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea;

    (c)

    attivitajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni li jibnu fuq attivitajiet iffinanzjati mill-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea jew mill-Impriża Konġunta Shift2Rail;

    (d)

    attivitajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni komplementarji ffinanzjati mill-membri għajr l-Unjoni, li jkollhom valur miżjud ċar tal-Unjoni u li jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea;

    (e)

    attivitajiet iffinanzjati mill-membri għajr l-Unjoni fi proġetti ffinanzjati minn programmi nazzjonali jew minn programmi reġjonali li jikkomplementaw attivitajiet iffinanzjati mill-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea;

    (f)

    adozzjoni tar-riżultati tal-attivitajiet iffinanzjati taħt l-Impriżi Konġunti Shift2Rail u dik tas-Sistema Ferrovjarja Ewropea, aktar użu, attivitajiet ta’ dimostrazzjoni, standardizzazzjoni u żvilupp ta’ rakkomandazzjonijiet għal strateġiji ta’ tranżizzjoni mingħajr xkiel, mogħdijiet ta’ migrazzjoni u aġġornamenti tat-TSI, attivitajiet ta’ awtorizzazzjoni u ċertifikazzjoni Ewropej li mhumiex marbuta ma’ użu usa’.

    2.   Fir-rigward tal-attivitajiet iffinanzjati mill-membri għajr l-Unjoni fi proġetti ffinanzjati minn sħubijiet Ewropej oħra jew minn programmi oħrajn tal-Unjoni jew minn sforzi u investimenti oħrajn ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni li jkollhom valur miżjud sinifikanti tal-Unjoni u li jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea u tal-attivitajiet komplementari tagħha ffinanzjati minnha, il-valur ta’ tali attivitajiet għandu jiġi rrapportat, filwaqt li jiġu indikati t-tip, il-livell u s-sors tal-finanzjament tal-Unjoni sabiex jiġi evitat l-għadd doppju.

    Artikolu 91

    Korpi tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea

    1.   Il-korpi tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea għandhom ikunu:

    (a)

    il-Bord ta’ Tmexxija;

    (b)

    id-Direttur Eżekuttiv;

    (c)

    il-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati;

    (d)

    il-grupp ta’ tmexxija tal-Pilastru tas-Sistema;

    (e)

    il-Grupp ta’ Varar.

    2.   L-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea tista’ tistabbilixxi grupp ta’ tmexxija xjentifiku jew tfittex parir xjentifiku minn esperti akkademiċi indipendenti jew minn korpi konsultattivi xjentifiċi kondiviżi.

    Artikolu 92

    Kompożizzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija

    Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkun magħmul minn dawn li ġejjin:

    (a)

    żewġ rappreżentanti mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni;

    (b)

    rappreżentant wieħed minn kull wieħed mill-membri għajr l-Unjoni.

    Artikolu 93

    Funzjonament tal-Bord ta’ Tmexxija

    1.   B’Deroga mill-Artikolu 16(4), il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkun ippresedut mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni.

    2.   Il-membri għajr l-Unjoni għandu jkollhom kollettivament 50 % tad-drittijiet tal-vot.

    3.   Ir-rappreżentanti tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u tal-Kunsill Konsultattiv Ewropew għar-Riċerka dwar il-Ferroviji (ERRAC) għandhom jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija bħala osservaturi u jieħdu sehem fid-deliberazzjoni tiegħu, iżda ma għandu jkollhom l-ebda dritt tal-vot.

    4.   B’deroga mill-Artikolu 16(1) fir-rigward tal-attivitajiet li għandhom jitwettqu fil-qafas tal-Pilastru tas-Sistema, deċiżjoni għandha titqies adottata b’maġġoranza ta’ mill-inqas 55 % tal-voti inkluż il-voti tar-rappreżentanti li huma assenti.

    5.   Minbarra l-Artikolu 16(5), il-Bord ta’ Tmexxija għandu jiltaqa’ darba fis-sena f’assemblea ġenerali u l-parteċipanti kollha għall-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea għandhom jiġu mistiedna jattendu. L-assemblea għandha tistimola riflessjoni dwar id-direzzjoni ġenerali tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea filwaqt li twettaq diskussjoni miftuħa u trasparenti dwar il-progress tal-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju.

    Artikolu 94

    Kompiti addizzjonali tal-Bord ta’ Tmexxija

    Minbarra l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 17, il-Bord ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:

    (a)

    jadotta l-Pjan Regolatorju u kwalunkwe proposta għall-modifika tiegħu;

    (b)

    jadotta l-programmi ta’ ħidma, inkluż il-baġit u l-pjan ta’ implimentazzjoni, tal-Pilastru tas-Sistema u l-emendi tagħhom fuq il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Grupp ta’ Tmexxija tal-Pilastru tas-Sistema u fuq il-proposti tad-Direttur Eżekuttiv.

    Artikolu 95

    Il-grupp ta’ rappreżentanti tal-Istati

    Minbarra l-Artikolu 20, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rappreżentanti rispettivi tagħhom jippreżentaw pożizzjoni koordinata li tirrifletti l-fehmiet tal-Istat Membru tagħhom espressi fi:

    (a)

    il-kumitat stabbilit bl-Artikolu 51 tad-Direttiva (UE) 2016/797;

    (b)

    il-Kumitat tal-Programm taħt il-konfigurazzjoni ta’ Orizzont Ewropa “Klima, Enerġija u Mobbiltà”;

    (c)

    il-Kumitat taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea, stabbilit bl-Artikolu 62 tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (40).

    Artikolu 96

    Il-grupp ta’ tmexxija tal-Pilastru tas-Sistema

    1.   Il-grupp ta’ tmexxija tal-Pilastru tas-Sistema għandu jkun korp konsultattiv tal-Impriża Konġunta Ferrovjarja tal-Ewropa bl-inkarigu li jagħti pariri dwar kwistjonijiet tal-Pilastru tas-Sistema.

    2.   Il-grupp ta’ tmexxija tal-Pilastru tas-Sistema għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, minn rappreżentanti tas-settur ferrovjarju u tal-mobilità u ta’ organizzazzjonijiet rilevanti, mid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea, mill-president tal-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati u minn rappreżentanti tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u tal- ERRAC. Il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjoni finali dwar il-kompożizzjoni tal-Grupp. Meta jkun iġġustifikat, il-Kummissjoni tista’ tistieden esperti u partijiet ikkonċernati rilevanti addizzjonali sabiex jattendu l-laqgħat tal-grupp ta’ tmexxija tal-Pilastru tas-Sistema bħala osservaturi. Il-grupp ta’ tmexxija tal-Pilastru tas-Sistema għandu jirrapporta regolarment lill-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati dwar l-attivitajiet tiegħu.

    3.   Il-grupp ta’ tmexxija tal-Pilastru tas-Sistema għandu jkun ippresedut mill-Kummissjoni.

    4.   Ir-rakkomandazzjonijiet tal-grupp ta’ tmexxija tal-Pilastru tas-Sistema għandhom jiġu adottati b’kunsens. Fejn ma jintlaħaq l-ebda kunsens, id-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea għandu jħejji rapport għall-Bord ta’ Tmexxija, f’konsultazzjoni mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u l-Kummissjoni, li jiddeskrivi l-punti komuni ewlenin u l-fehmiet diverġenti. F’dan il-każ, il-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati għandu wkoll iħejji opinjoni għall-Bord tat-Tmexxija.

    5.   Il-grupp ta’ tmexxija tal-Pilastru tas-Sistema għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess.

    6.   Il-grupp ta’ tmexxija tal-Pilastru tas-Sistema għandu jkun responsabbli għall-għoti ta’ pariri lid-Direttur Eżekuttiv u lill-Bord ta’ Tmexxija dwar kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

    (a)

    l-approċċ għall-armonizzazzjoni operazzjonali u l-iżvilupp tal-arkitettura tas-sistema, inkluż fil-parti rilevanti tal-Pjan Regolatorju;

    (b)

    l-ilħuq tal-objettiv speċifiku stabbilit fl-Artikolu 85(2), punt (c);

    (c)

    it-twettiq tal-kompitu stabbilit fl-Artikolu 86(5), punt (a);

    (d)

    il-pjan ta’ implimentazzjoni annwali dettaljat għall-Pilastru tas-Sistema f’konformità mal-programmi ta’ ħidma adottati mill-Bord ta’ Tmexxija f’konformità mal-Artikolu 94, punt (b);

    (e)

    il-monitoraġġ tal-progress tal-Pilastru tas-Sistema.

    Artikolu 97

    Il-Grupp ta’ Varar

    1.   Il-Grupp ta’ Varar għandu jiġi stabbilit skont l-Artikolu 22. Ir-rwol tal-Grupp ta’ Varar għandu jkun li jagħti pariri lill-Bord ta’ Tmexxija dwar l-adozzjoni mis-suq tal-innovazzjoni ferrovjarja żviluppata fl-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea u li jappoġġa l-varar tas-soluzzjonijiet innovattivi.

    2.   Il-grupp ta’ Varar għandu jkun miftuħ għall-partijiet interessati kollha. Il-kompożizzjoni tal-Grupp ta’ Varar għandha tiżgura fokus tematiku u rappreżentanza xierqa. Il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjoni finali dwar il-kompożizzjoni tal-Grupp. Il-lista tal-membri għandha tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea.

    3.   Il-Grupp ta’ Varar għandu jipprovdi rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-varar ta’ soluzzjonijiet innovattivi ferrovjarji fuq talba tal-Bord ta’ Tmexxija. Il-Grupp ta’ Varar jista’ joħroġ ukoll rakkomandazzjonijiet fuq inizjattiva tiegħu stess.

    Artikolu 98

    Kollaborazzjoni mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji

    L-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea għandha tiżgura kollaborazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, b’mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju. Skont l-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (41), dik il-kollaborazzjoni għandha tikkonsisti fil-kompiti konsultattivi li ġejjin:

    (a)

    input dwar il-ħtiġijiet ta’ riċerka relatati mat-twettiq taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea għall-konsiderazzjoni mill-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea fil-Pjan Regolatorju u fl-emendi tiegħu kif ukoll fil-programmi ta’ ħidma;

    (b)

    feedback u pariri dwar l-interoperabbiltà u s-sikurezza li għandhom jiġu kkunsidrati fl-attivitajiet ta’ innovazzjoni u ta’ riċerka u, b’mod aktar speċifiku, fil-kuntest tal-attivitajiet u tar-riżultati tal-proġetti għall-objettivi identifikati fl-Artikolu 86(5), punt (a);

    (c)

    appoġġ lill-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet għal kwalunkwe validazzjoni jew studju speċifiku addizzjonali li għandu jitwettaq minnha, inkluż permezz tal-involviment tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza;

    (d)

    għoti ta’ pariri fir-rigward tal-Pilastru tas-Sistema;

    (e)

    żgurar li l-iżvilupp tal-ispeċifikazzjonijiet inkluż l-interfaċċi, tal-ispeċifikazzjonijiet tar-rekwiżiti funzjonali, u tal-ispeċifikazzjonijiet tar-rekwiżiti tas-sistema jqis l-esperjenza u l-feedback dwar it-TSI jew l-istandards.

    TITOLU V

    IMPRIŻA KONĠUNTA SAĦĦA GLOBALI EDCTP3

    Artikolu 99

    Objettivi addizzjonali tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCPT3

    1.   Minbarra l-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5, l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 għandu jkollha l-objettivi ġenerali li ġejjin:

    (a)

    li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-piż soċjoekonomiku tal-mard infettiv fl-Afrika sub-Saħarjana billi tippromwovi l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji tas-saħħa ġodda jew imtejba;

    (b)

    li tikkontribwixxi għaż-żieda fis-sigurtà tas-saħħa fl-Afrika sub-Saħarjana u globalment billi ssaħħaħ il-kapaċitajiet ibbażati fuq ir-riċerka u fuq l-innovazzjoni għat-tħejjija u għar-rispons għall-kontroll tal-mard infettiv.

    2.   L-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 għandu jkollha wkoll l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

    (a)

    li tavvanza l-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji tas-saħħa ġodda jew imtejba sabiex jiġi indirizzat il-mard infettiv billi tappoġġa t-twettiq ta’ provi kliniċi fl-Afrika sub-Saħarjana;

    (b)

    li ssaħħaħ il-kapaċità ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni u s-sistemi nazzjonali tar-riċerka dwar is-saħħa fl-Afrika sub-Saħarjana sabiex jiġi indirizzat il-mard infettiv;

    (c)

    li tiffaċilita allinjament aħjar tal-Istati Membri, tal-pajjiżi assoċjati u tal-pajjiżi sub-Saħarjani madwar Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni komuni fil-qasam tas-saħħa globali sabiex tiżdied il-kosteffettività tal-investiment pubbliku Ewropew;

    (d)

    li ssaħħaħ il-kapaċità fl-Afrika sub-Saħarjana għat-tħejjija għall-epidemiji permezz ta’ rispons effettiv u rapidu għar-riċerka sabiex jiġu żviluppati dijanjostika, vaċċini u terapiji essenzjali għall-identifikazzjoni bikrija u għall-kontroll ta’ mard emerġenti b’potenzjal epidemiku;

    (e)

    li tippromwovi l-bini ta’ networks u ta’ sħubijiet produttivi u sostenibbli fil-qasam tar-riċerka globali dwar is-saħħa filwaqt li tibni relazzjonijiet bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar u bejn partijiet differenti tan-Nofsinhar ma’ diversi organizzazzjonijiet privati u tas-settur pubbliku.

    Artikolu 100

    Kompiti addizzjonali tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3

    Minbarra l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 5, l-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 għandha twettaq il-kompiti li ġejjin:

    (a)

    li trawwem relazzjonijiet produttivi bejn individwi, gruppi u istituzzjonijiet Ewropej u Afrikani;

    (b)

    li toħloq sensibilizzazzjoni dwar l-interessi komuni u l-għanijiet kondiviżi bejn l-istituzzjonijiet u l-gruppi ta’ riċerka sabiex jiġu ffaċilitati u jissaħħu l-kollaborazzjonijiet tal-proġetti u dawk istituzzjonali;

    (c)

    li tikkontribwixxi sabiex jiġi ffaċilitat l-allinjament tal-istrateġiji tas-saħħa globali tal-finanzjaturi, tal-istituzzjonijiet u tal-awtoritajiet Ewropej u Afrikani;

    (d)

    li tiġbed investiment addizzjonali li jinvolvi sħab mis-setturi privati, pubbliċi u tal-karità;

    (e)

    li tippromwovi sinerġiji, kollaborazzjoni u azzjonijiet konġunti mal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (42), b’mod partikolari għall-bini tal-kapaċità u l-kondiviżjoni ta’ faċilitajiet u infrastrutturi.

    Artikolu 101

    Membri

    Il-membri tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 għandhom ikunu:

    (a)

    l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni;

    (b)

    l-assoċjazzjoni EDCTP, organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ irreġistrata skont il-liġi Netherlandiża, man-notifika tad-deċiżjoni tagħha li taderixxi mal-impriża konġunta Global Health EDCTP3 permezz ta’ ittra ta’ impenn, li ma għandux ikun fiha kundizzjonijiet dwar l-adeżjoni tagħha għajr dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    Artikolu 102

    Kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni

    Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3, inkluż l-approprjazzjonijiet taż-ŻEE, sabiex jiġu koperti l-kostijiet amministrattivi u l-kostijiet operazzjonali, għandha tkun sa EUR 800 000 000, inkluż sa EUR 59 756 000 għall-kostijiet amministrattivi, u għandha tikkonsisti f’dawn li ġejjin:

    (a)

    sa EUR 400 000 000 dment li l-kontribuzzjoni tal-membri għajr l-Unjoni, jew l-entitajiet kostitwenti tagħha jew dawk affiljati magħha, tkun tal-anqas daqs dan l-ammont;

    (b)

    sa EUR 400 000 000 dment li l-kontribuzzjonijiet mis-sħab kontribwenti, jew mill-entitajiet kostitwenti tagħhom jew dawk affiljati magħhom, ikunu tal-anqas ugwali għal dan l-ammont.

    F’każ li l-kondizzjoni fil-punt (b) ma tiġix issodisfata, l-ammont taħt il-punt (a) għandu jiżdied b’mhux aktar minn EUR 400 000 000, dment li l-ammont totali li bih jiżdied għandu tal-anqas ikun milħuq mill-kontribuzzjoni tal-membri għajr l-Unjoni, jew tal-entitajiet kostitwenti tagħhom jew dawk affiljati magħhom, kif stabbilit fl-Artikolu 103(1).

    Artikolu 103

    Kontribuzzjonijiet minn membri għajr l-Unjoni

    1.   Il-membri tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 għajr l-Unjoni għandhom jagħmlu mod jew jistabbilixxu arranġamenti sabiex l-entitajiet kostitwenti tagħhom jew dawk affiljati magħhom jagħmlu kontribuzzjoni totali ta’ mill-inqas EUR 439 878 000 matul il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 3.

    2.   Il-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jikkonsistu f’kontribuzzjonijiet għall-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 kif stabbiliti fl-Artikolu 11(1). B’deroga mill-Artikolu 11(1), dawk il-kontribuzzjonijiet jistgħu jikkonsistu f’kontribuzzjonijiet finanzjarji.

    Artikolu 104

    Ambitu tal-attivitajiet addizzjonali

    1.   L-attivitajiet addizzjonali tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 għandhom jiġu żviluppati u implimentati b’mod allinjat, integrat u koerenti mill-Assoċjazzjoni tal-EDCTP u mill-entitajiet kostitwenti tagħha jew dawk affiljati magħha u għandhom isegwu l-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni tas-Saħħa Globali EDCTP3.

    2.   Għall-fini tal-Artikolu 11(1), punt (b), l-attivitajiet addizzjonali jistgħu jinkludu attivitajiet marbutin direttament mal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 u li jikkontribwixxu għall-objettivi tagħha, inkluż dawn li ġejjin:

    (a)

    attivitajiet ta’ entitajiet kostitwenti tal-Assoċjazzjoni tal-EDCTP jew ta’ dawk affiljati magħha allinjati ma’ attivitajiet simili minn entitajiet kostitwenti jew dawk affiljati oħra tal-Assoċjazzjoni tal-EDCTP u ġestiti b’mod indipendenti f’konformità mar-regoli nazzjonali ta’ finanzjament;

    (b)

    attivitajiet implimentati mill-organizzazzjonijiet governattivi tar-riċerka tal-Afrika sub-Saħarjana;

    (c)

    attivitajiet li jippromwovu networking u sħubijiet li jibnu relazzjonijiet ma’ diversi organizzazzjonijiet privati u tas-settur pubbliku;

    (d)

    appoġġ għall-iżvilupp ta’ infrastrutturi tar-riċerka bħal networks ta’ provi kliniċi jew koorti relatati mal-ambitu tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3, u appoġġ għat-tisħiħ tal-istat ta’ tħejjija tas-sistemi tas-saħħa għat-twettiq ta’ attivitajiet ta’ riċerka fl-ambitu tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3.

    Artikolu 105

    Korpi tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3

    Il-korpi tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 għandhom ikunu:

    (a)

    il-Bord ta’ Tmexxija;

    (b)

    id-Direttur Eżekuttiv;

    (c)

    il-Kumitat Xjentifiku;

    (d)

    il-grupp tal-partijiet ikkonċernati.

    Artikolu 106

    Kompożizzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija

    Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkun magħmul minn dawn li ġejjin:

    (a)

    sitt rappreżentanti tal-Kummissjoni f’isem l-Unjoni;

    (b)

    sitt rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni tal-EDCTP.

    Artikolu 107

    Funzjonament tal-Bord ta’ Tmexxija

    L-Assoċjazzjoni tal-EDCTP għandu jkollha 50 % tad-drittijiet tal-vot.

    Artikolu 108

    Il-Kumitat Xjentifiku

    1.   Skont l-Artikolu 21(1), punt (a), il-Kumitat Xjentifiku għandu jkun il-korp konsultattiv xjentifiku tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3.

    2.   Minbarra l-Artikolu 21(2), il-Kumitat Xjentifiku għandu jiżgura wkoll l-inklużjoni ta’ għarfien espert xjentifiku minn pajjiżi Afrikani.

    3.   Minbarra l-kompiti elenkati fl-Artikolu 21, il-Kumitat Xjentifiku għandu jwettaq ukoll il-kompiti li ġejjin:

    (a)

    jassisti fit-tfassil tal-ippjanar strateġiku u xjentifiku tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3;

    (b)

    jagħti pariri dwar strateġiji sabiex jitrawmu sinerġiji u sħubijiet mal-partijiet ikkonċernati kollha;

    (c)

    jikkontribwixxi għat-tħejjija ta’ dokumenti strateġiċi u xjentifiċi rilevanti għall-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3, kif meħtieġ;

    (d)

    jipprovdi pariri strateġiċi u xjentifiċi lill-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 u jiżgura t-tlestija b’suċċess tal-proġetti li għaddejjin;

    (e)

    jidentifika ħtiġijiet u prijoritajiet strateġiċi sabiex jitħaffef l-iżvilupp ta’ interventi kliniċi ġodda jew imtejba, inkluż it-taħriġ meħtieġ, in-networking u l-bini tal-kapaċità li għandhom jitwettqu sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi;

    (f)

    jirrieżamina l-kuntest tal-mard relatat mal-faqar u mal-mard ittraskurat sabiex jiġi identifikat ir-rwol tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 fi sħubija ma’ partijiet ikkonċernati oħrajn sabiex jitħaffef l-iżvilupp jew it-titjib tal-interventi kontra dak il-mard;

    (g)

    jivvaluta l-istat tal-perkorsi globali tal-iżvilupp tal-prodotti u l-opportunitajiet kritiċi tal-perkors għall-iżvilupp futur tal-prodotti;

    (h)

    jipprovdi pariri dwar ir-rieżami ta’ kwalunkwe sejħa għal proposti u ta’ programmi oħrajn;

    (i)

    jipprovdi appoġġ u input dwar il-qafas ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3, kif ukoll fil-monitoraġġ tal-eżiti xjentifiċi u tal-impatti strateġiċi tal-għotjiet iffinanzjati mill-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3;

    (j)

    jagħti pariri, jassisti u jipparteċipa fil-gruppi ta’ ħidma tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3, fil-laqgħat mal-partijiet ikkonċernati, fil-Forum tal-EDCTP u f’avvenimenti rilevanti oħrajn.

    4.   Il-president għandu jħejji rapport annwali dwar l-attivitajiet u l-kisbiet tas-sena ta’ qabel tal-Kumitat Xjentifiku u jippreżentah għall-approvazzjoni mill-Bord ta’ Tmexxija.

    Artikolu 109

    Il-grupp tal-partijiet ikkonċernati

    1.   Il-grupp tal-partijiet ikkonċernati għandu jkollu rappreżentanza bbilanċjata ta’ partijiet ikkonċernati minn perspettiva ġeografika, tematika u tal-ġeneru, inkluż b’mod partikolari l-għarfien espert Afrikan.

    2.   Minbarra l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 22, il-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati għandu jwettaq ukoll il-kompiti li ġejjin:

    (a)

    jipprovdi input dwar il-prijoritajiet xjentifiċi, strateġiċi u teknoloġiċi li għandhom jiġu indirizzati mill-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 kif stabbilit fl-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni jew fi kwalunkwe dokument ekwivalenti ieħor li jqis il-progress u l-ħtiġijiet tas-setturi tas-Saħħa Globali u dawk kontigwi;

    (b)

    jipprovdi suġġerimenti sabiex ikunu jistgħu jseħħu sinerġiji konkreti bejn l-Impriża Konġunta Sħubija Saħħa Globali EDCTP3 u s-setturi kontigwi jew kwalunkwe settur li miegħu ser jitqiesu sinerġiji ta’ valur miżjud;

    (c)

    jipprovdi kontribut lill-Forum tal-EDCTP.

    Artikolu 110

    Eliġibbiltà għall-finanzjament

    1.   Skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Orizzont Ewropa u b’deroga mill-Artikolu 23(1) tiegħu, il-finanzjament mill-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 għandu jkun ristrett għal entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Istati Membri jew fil-pajjiżi assoċjati jew fl-istati kostitwenti tal-Assoċjazzjoni tal-EDCTP. B’mod eċċezzjonali u jekk previst fil-programm ta’ ħidma, l-entitajiet stabbiliti fi stati oħrajn jistgħu jkunu eliġibbli għall-finanzjament mill-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 f’suġġetti ta’ sejħiet speċifiċi jew f’każ ta’ sejħa li tindirizza emerġenza tas-saħħa pubblika.

    2.   L-Unjoni għandha tfittex li tikkonkludi ftehimiet ma’ pajjiżi terzi li jippermettu l-protezzjoni tal-interess finanzjarju tal-Unjoni. Qabel il-konklużjoni tagħhom u sabiex jiġu ssalvagwardjati l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, meta entitajiet stabbiliti f’pajjiż terz mingħajr tali ftehim jipparteċipaw b’finanzjament f’azzjoni indiretta, il-koordinatur finanzjarju tal-azzjoni indiretta għandu jkun stabbilit fi Stat Membru jew f’pajjiż assoċjat, l-ammont ta’ prefinanzjament għandu jiġi adattat b’mod adegwat u d-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ftehim ta’ għotja għandhom iqisu kif xieraq ir-riskji finanzjarji.

    Artikolu 111

    Partiċipanti identifikati

    Il-parteċipazzjoni ta’ entitajiet identifikati mill-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 tista’ tkun kriterju ta’ eliġibbiltà fis-sejħa għall-proposti. Dan għandu jkun iġġustifikat kif xieraq fil-programm ta’ ħidma li jista’ jipprovdi wkoll li tali parteċipanti identifikati ma għandhomx ikunu eliġibbli għal finanzjament mill-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 fil-qafas tal-azzjonijiet indiretti magħżula.

    Artikolu 112

    Prinċipji etiċi

    Il-provi kliniċi u r-riċerka dwar l-implimentazzjoni mwettqa fil-qafas tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 għandhom jiġu implimentati f’konformità mal-prinċipji etiċi fundamentali, mal-istandards regolatorji internazzjonali rikonoxxuti u mal-prattiki parteċipatorji tajbin.

    Artikolu 113

    Kollaborazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u maċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard

    L-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 għandha tiżgura kollaborazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u maċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, kif ukoll ma’ aġenziji u organizzazzjonijiet Afrikani rilevanti.

    Artikolu 114

    Aċċess affordabbli

    Il-parteċipanti għal azzjonijiet indiretti ffinanzjati mill-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 għandhom jiżguraw li l-prodotti u s-servizzi li jiżviluppaw ibbażati jew parzjalment ibbażati fuq ir-riżultati kliniċi mwettqa bħala parti minn azzjoni indiretta jkunu affordabbli, disponibbli u aċċessibbli għall-pubbliku b’kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli. Għal dik il-fini, fejn rilevanti, il-programm ta’ ħidma għandu jispeċifika obbligi addizzjonali ta’ sfruttament applikabbli għal azzjonijiet indiretti speċifiċi.

    TITOLU VI

    IMPRIŻA KONĠUNTA INIZJATTIVA GĦAL SAĦĦA INNOVATTIVA

    Artikolu 115

    Objettivi addizzjonali tal-Impriża Konġunta għal Saħħa Innovattiva

    1.   Minbarra l-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5, l-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva għandha tilħaq l-objettivi ġenerali li ġejjin sal-2030:

    (a)

    tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ ekosistema ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni dwar is-saħħa fl-Unjoni kollha li tiffaċilita t-traduzzjoni tal-għarfien xjentifiku f’innovazzjonijiet, b’mod partikolari billi tniedi tal-anqas 30 proġett transsettorjali fuq skala kbira, b’enfasi fuq l-innovazzjonijiet fil-qasam tas-saħħa;

    (b)

    trawwem l-iżvilupp ta’ innovazzjonijiet sikuri, effettivi, iffokati fuq in-nies u kosteffettivi li jwieġbu għal ħtiġijiet strateġiċi mhux issodisfati tas-saħħa pubblika, billi turi, f’tal-anqas ħames eżempji, il-fattibbiltà tal-integrazzjoni ta’ prodotti jew ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa, b’adegwatezza murija għall-użu mis-sistemi tal-kura tas-saħħa. Il-proġetti relatati għandhom jindirizzaw il-prevenzjoni, id-dijanjożi, it-trattament jew il-ġestjoni tal-mard li jaffettwa l-popolazzjoni tal-Unjoni, inkluż il-kontribut għall-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer;

    (c)

    tixpruna l-innovazzjoni transsettorjali tas-saħħa għal industrija tas-saħħa Ewropea kompetittiva madwar id-dinja, u tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-Istrateġija Industrijali l-ġdida għall-Ewropa u tal-Istrateġija Farmaċewtika għall-Ewropa.

    2.   L-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva għandu jkollha wkoll l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

    (a)

    tikkontribwixxi għal fehim aħjar tad-determinanti tal-oqsma tas-saħħa u tal-mard ta’ prijorità;

    (b)

    tintegra l-isforzi frammentati ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni dwar is-saħħa li jlaqqgħu flimkien setturi tal-industrija tas-saħħa u partijiet ikkonċernati oħrajn, filwaqt li tiffoka fuq il-ħtiġijiet mhux issodisfati tas-saħħa pubblika, sabiex tippermetti l-iżvilupp ta’ għodod, ta’ data, ta’ pjattaformi, ta’ teknoloġiji u ta’ proċessi għal tbassir, prevenzjoni, interċettazzjoni, dijanjożi, trattament u ġestjoni mtejba tal-mard, filwaqt li tissodisfa l-ħtiġijiet tal-utenti finali;

    (c)

    turi l-fattibbiltà ta’ soluzzjonijiet integrati tal-kura tas-saħħa ffokati fuq in-nies;

    (d)

    tisfrutta l-potenzjal sħiħ tad-diġitalizzazzjoni u tal-iskambju tad-data fil-kura tas-saħħa;

    (e)

    tippermetti l-iżvilupp ta’ metodoloġiji u ta’ mudelli ġodda u mtejba għal valutazzjoni komprensiva tal-valur miżjud ta’ soluzzjonijiet tal-kura tas-saħħa innovattivi u integrati.

    Artikolu 116

    Kompiti addizzjonali tal-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva

    Minbarra l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 5, l-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva għandha twettaq il-kompiti li ġejjin:

    (a)

    trawwem kooperazzjoni mill-qrib u fit-tul bejn l-Unjoni, membri oħrajn, sħab kontribwenti, u partijiet ikkonċernati oħrajn involuti fil-kura tas-saħħa bħal industriji rilevanti oħrajn, awtoritajiet tal-kura tas-saħħa (bħal korpi regolatorji, korpi ta’ valutazzjoni tat-teknoloġiji tas-saħħa u kontribwenti), organizzazzjonijiet tal-pazjenti, professjonisti u fornituri tal-kura tas-saħħa, kif ukoll akkademiċi;

    (b)

    tappoġġa b’mod effettiv ir-riċerka u l-innovazzjoni prekompetittivi dwar is-saħħa, speċjalment azzjonijiet li jlaqqgħu flimkien entitajiet minn diversi setturi tal-industrija tal-kura tas-saħħa sabiex jaħdmu flimkien fuq oqsma ta’ ħtieġa mhux issodisfata tas-saħħa pubblika;

    (c)

    tiżgura li l-partijiet ikkonċernati kollha jkollhom il-possibbiltà li jipproponu oqsma għal sejħiet futuri għal proposti;

    (d)

    tirrieżamina regolarment u tagħmel kwalunkwe aġġustament neċessarju għall-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni tal-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva fid-dawl tal-iżviluppi xjentifiċi li jseħħu matul l-implimentazzjoni tagħha jew tal-ħtiġijiet emerġenti tas-saħħa pubblika;

    (e)

    tippubblika informazzjoni dwar il-proġetti, inkluż l-entitajiet parteċipanti u l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva u tal-kontribuzzjonijiet in natura impenjati għal kull parteċipant;

    (f)

    torganizza komunikazzjoni regolari, inkluż tal-anqas laqgħa annwali waħda mal-gruppi ta’ interess u mal-partijiet ikkonċernati tagħha sabiex tiżgura aċċess miftuħ u trasparenza għall-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni tal-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva;

    (g)

    kwalunkwe kompitu ieħor neċessarju sabiex jintlaħqu l-objettivi msemmija fl-Artikolu 115.

    Artikolu 117

    Membri

    Il-membri tal-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva għandhom ikunu:

    (a)

    l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni;

    (b)

    il-Kumitat Ewropew ta’ Koordinazzjoni tal-Industrija Radjoloġika, Elettromedika u tal-IT tal-Kura tas-Saħħa (COCIR) irreġistrat skont il-liġi Belġjana, il-Federazzjoni Ewropea tal-Industriji u l-Assoċjazzjonijiet Farmaċewtiċi, inkluż is-sottogrupp tagħha Vaccines Europe, irreġistrata skont il-liġi Lussemburgiża, EuropaBio rreġistrata skont il-liġi Belġjana u MedTech Europe rreġistrata skont il-liġi Belġjana, wara notifika tad-deċiżjonijiet rispettivi tagħhom li jaderixxu mal-Impriża Konġunta għal Saħħa Innovattiva permezz ta’ ittra ta’ impenn, li ma għandux ikun fiha kondizzjonijiet rigward l-adeżjoni tagħhom għajr dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament;

    (c)

    il-membri assoċjati li għandhom jintgħażlu f’konformità mal-Artikolu 7.

    Artikolu 118

    Kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni

    Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva, inkluż l-approprjazzjonijiet taż-ŻEE, sabiex jiġu koperti l-kostijiet amministrattivi u l-kostijiet operazzjonali, għandha tkun sa EUR 1 200 000 000, inkluż sa EUR 30 212 000 għall-kostijiet amministrattivi, u għandha tikkonsisti f’dawn li ġejjin:

    (a)

    sa EUR 1 000 000 000 dment li dak l-ammont ikun milħuq ukoll mill-kontribuzzjoni tal-membri għajr l-Unjoni, jew tal-entitajiet kostitwenti tagħhom jew dawk affiljati magħhom;

    (b)

    sa EUR 200 000 000 dment li dak l-ammont ikun milħuq mill-kontribuzzjonijiet addizzjonali mis-sħab kontribwenti, jew mill-entitajiet kostitwenti tagħhom jew dawk affiljati magħhom.

    Artikolu 119

    Kontribuzzjonijiet minn membri għajr l-Unjoni

    1.   Il-membri tal-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva għajr l-Unjoni għandhom jagħmlu kontribuzzjoni totali, jew jagħmlu arranġamenti sabiex din issir mill-entitajiet kostitwenti tagħhom jew li huma affiljati magħhom, ta’ mill-inqas EUR 1 000 000 000, inkluż sa EUR 30 212 000 għall-kostijiet amministrattivi matul il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 3.

    2.   Kontribuzzjonijiet in natura għal attivitajiet addizzjonali ma għandhomx jikkostitwixxu aktar minn 40 % tal-kontribuzzjonijiet in natura ta’ membri għajr l-Unjoni, fil-livell tal-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva.

    3.   Il-kontribuzzjonijiet ipprovduti mill-parteċipanti għal azzjonijiet indiretti ffinanzjati mill-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva għandhom jammontaw għal tal-anqas 45 % tal-kostijiet eliġibbli ta’ azzjoni indiretta u tal-kostijiet relatati tal-attivitajiet addizzjonali tagħha. Meta jkun iġġustifikat, il-programm ta’ ħidma jista’ b’mod eċċezzjonali jippermetti proporzjon aktar baxx ta’ kontribuzzjonijiet fil-livell ta’ azzjoni indiretta individwali u tal-attivitajiet addizzjonali relatati tagħha.

    4.   Il-kostijiet imġarrba f’azzjonijiet indiretti f’pajjiżi terzi għajr pajjiżi assoċjati ma’ Orizzont Ewropa għandhom ikunu ġġustifikati u rilevanti għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 115. Dawn ma għandhomx jaqbżu l-20 % tal-kontribuzzjonijiet in natura għall-kostijiet operazzjonali pprovduti minn membri għajr l-Unjoni u minn sħab kontribwenti fil-livell tal-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva. Kostijiet li jaqbżu l-20 % tal-kontribuzzjonijiet in natura għall-kostijiet operazzjonali fil-livell tal-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva ma għandhomx jitqiesu bħala kontribuzzjonijiet in natura għall-kostijiet operazzjonali.

    5.   F’każijiet debitament ġustifikati, il-programmi ta’ ħidma tal-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva jistgħu jistabbilixxu limiti speċifiċi għall-kontribuzzjonijiet in natura għall-kostijiet operazzjonali mġarrba f’pajjiżi terzi għajr pajjiżi assoċjati ma’ Orizzont Ewropa f’livell ta’ azzjoni indiretta. Id-deċiżjonijiet dwar dawn il-limiti speċifiċi għandhom iqisu b’mod partikolari l-objettivi u l-impatt imfittex mill-azzjonijiet ikkonċernati u ma għandhomx jirriżultaw f’eċċess tal-limitu massimu stabbilit fil-paragrafu 4 fil-livell tal-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva.

    Artikolu 120

    Kondizzjonijiet relatati mal-attivitajiet addizzjonali

    1.   Għall-fini tal-Artikolu 11(1), punt (b), għandhom jitwettqu attivitajiet addizzjonali fl-Unjoni jew fil-pajjiżi assoċjati ma’ Orizzont Ewropa u dawn jistgħu jinkludu:

    (a)

    attivitajiet li jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi ta’ azzjonijiet indiretti ffinanzjati mill-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva;

    (b)

    attivitajiet li jikkontribwixxu għad-disseminazzjoni, għas-sostenibbiltà jew għall-isfruttament tar-riżultati tal-azzjonijiet indiretti ffinanzjati mill-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva.

    2.   Fejn rilevanti, il-proposti għal proġetti għandhom jinkludu pjan għall-attivitajiet addizzjonali relatati tagħhom. Il-kostijiet assoċjati ma’ tali attivitajiet addizzjonali speċifiċi għall-proġetti jridu jiġġarrbu bejn id-data tal-preżentazzjoni tal-proposta u sa sentejn wara d-data tat-tmiem tal-azzjoni indiretta.

    3.   Sabiex il-kostijiet jitqiesu bħala kontribuzzjonijiet in natura msemmija fl-Artikolu 11(1), punt (b), l-attivitajiet addizzjonali sottostanti għandhom jitwettqu fl-Unjoni jew fil-pajjiżi assoċjati ma’ Orizzont Ewropa.

    Artikolu 121

    Korpi tal-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva

    Il-korpi tal-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva għandhom ikunu:

    (a)

    il-Bord ta’ Tmexxija;

    (b)

    id-Direttur Eżekuttiv;

    (c)

    il-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati;

    (d)

    il-Bord għax-Xjenza u l-Innovazzjoni.

    Artikolu 122

    Kompożizzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija

    Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkun magħmul minn dawn li ġejjin:

    (a)

    erba’ rappreżentanti tal-Kummissjoni f’isem l-Unjoni;

    (b)

    rappreżentant wieħed għal kull membru għajr l-Unjoni.

    Artikolu 123

    Funzjonament tal-Bord ta’ Tmexxija

    Il-membri għajr l-Unjoni għandu jkollhom kollettivament 50 % tad-drittijiet tal-vot.

    Artikolu 124

    Il-Bord għax-Xjenza u l-Innovazzjoni

    1.   Il-Bord għax-Xjenza u l-Innovazzjoni għandu jagħti pariri lill-Bord ta’ Tmexxija dwar kwistjonijiet rilevanti għall-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni tal-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva f’konformità mal-Artikolu 21.

    2.   Il-Bord għax-Xjenza u l-Innovazzjoni għandu jkun magħmul mill-membri permanenti li ġejjin:

    (a)

    żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni f’isem l-Unjoni;

    (b)

    erba’ rappreżentanti tal-membri għajr l-Unjoni;

    (c)

    żewġ rappreżentanti tal-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati;

    (d)

    erba’ rappreżentanti tal-komunità xjentifika, maħtura mill-Bord ta’ Tmexxija wara proċess ta’ għażla miftuħ skont l-Artikolu 21(4);

    (e)

    sa sitt membri oħra tal-bord permanenti, maħtura mill-Bord ta’ Tmexxija wara proċess ta’ għażla miftuħ b’applikazzjoni tal-Artikolu 21(4), li jiżguraw b’mod partikolari rappreżentanza xierqa tal-partijiet ikkonċernati involuti fil-kura tas-saħħa, li jkopru b’mod partikolari s-settur pubbliku, inkluż il-korpi regolatorji, il-pazjenti u l-utenti finali b’mod ġenerali.

    3.   Il-membri permanenti tal-bord imsemmija fil--paragrafu 2, punti (a), (b) u (c), jistgħu jistiednu membri tal-bord ad hoc fejn xieraq biex jiddiskutu suġġetti speċifiċi. Dawn jistgħu jistiednu b’mod konġunt massimu ta’ sitt membri tal-bord ad hoc għal kull laqgħa.

    Tali membri tal-bord ad hoc għandhom jiġu mistiedna fuq il-bażi tal-għarfien espert xjentifiku jew tekniku tagħhom dwar is-suġġetti li jiġu diskussi f’laqgħat partikolari jew b’kunsiderazzjoni tal-ħtieġa li jinħolqu sinerġiji ma’ programmi oħrajn ta’ riċerka.

    Il-membri permanenti tal-bord imsemmija fil--paragrafu 2, punti (a), (b) u (c), għandhom jistiednu membri tal-bord ad hoc b’mod kunsenswali. Huma għandhom jikkomunikaw id-deċiżjonijiet tagħhom lill-Bord ta’ Tmexxija, lill-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati u lill-membri permanenti l-oħrajn tal-bord.

    4.   Minbarra l-Artikolu 21(7), il-Bord għax-Xjenza u l-Innovazzjoni għandu jagħti pariri lill-Bord ta’ Tmexxija, fuq talba tiegħu jew fuq inizjattiva tiegħu stess, dwar kwistjonijiet xjentifiċi u teknoloġiċi relatati mal-objettivi tal-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva, b’mod partikolari dwar:

    (a)

    prijoritajiet xjentifiċi, inkluż fil-kuntest tal-aġġornament tal-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni;

    (b)

    l-abbozz tal-programm ta’ ħidma, inkluż il-kontenut tas-sejħiet għal proposti;

    (c)

    l-ippjanar tal-attivitajiet addizzjonali ta’ membri għajr l-Unjoni msemmija fl-Artikolu 120;

    (d)

    l-istabbiliment ta’ gruppi konsultattivi ffokati fuq prijoritajiet xjentifiċi speċifiċi f’konformità mal-Artikolu 17(2), punt (x), u wara proċess ta’ għażla miftuħ għall-membri tagħhom f’konformità mal-Artikolu 21(4);

    (e)

    il-ħolqien ta’ sinerġiji ma’ attivitajiet oħrajn ta’ Orizzont Ewropa, inkluż sħubijiet Ewropej oħrajn, kif ukoll programmi ta’ finanzjament oħrajn tal-Unjoni u programmi ta’ finanzjament nazzjonali.

    5.   Minbarra l-Artikolu 21(5), il-Bord għax-Xjenza u l-Innovazzjoni għandu jeleġġi l-president tiegħu minn fost ir-rappreżentanti previsti fil-paragrafu 2, punt (d), ta’ dan l-Artikolu.

    Artikolu 125

    Kondizzjonijiet applikabbli għal azzjonijiet indiretti

    1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ħtieġa tas-saħħa pubblika mhux issodisfata għandha tiġi ddefinita bħala ħtieġa li bħalissa mhijiex indirizzata mis-sistemi tal-kura tas-saħħa għal raġunijiet ta’ disponibbiltà jew ta’ aċċessibbiltà, pereżempju fejn ma jkun hemm l-ebda metodu sodisfaċenti ta’ dijanjożi, ta’ prevenzjoni jew ta’ trattament għal kundizzjoni tas-saħħa partikolari jew jekk l-aċċess tal-persuni għall-kura tas-saħħa jkun limitat minħabba l-kost, id-distanza għall-faċilitajiet tas-saħħa jew il-ħinijiet ta’ stennija. Il-kura ffokata fuq in-nies tirreferi għal approċċ għall-kura li b’mod konxju jadotta l-perspettivi tal-individwi, tal-persuni li jindukraw, tal-familji u tal-komunitajiet u tqishom bħala parteċipanti kif ukoll bħala benefiċjarji tas-sistemi tal-kura tas-saħħa li huma organizzati skont il-ħtiġijiet u l-preferenzi tagħhom aktar milli skont il-mard individwali.

    2.   Azzjonijiet indiretti ffinanzjati mill-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva jistgħu jinkludu studji kliniċi li fihom il-qasam fil-mira jew l-użu maħsub jirrappreżenta ħtieġa mhux issodisfata tas-saħħa pubblika, li taffettwa b’mod sinifikanti jew thedded lill-popolazzjoni tal-Unjoni.

    3.   Il-parteċipanti għal azzjonijiet indiretti ffinanzjati mill-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva għandhom jiżguraw li l-prodotti u s-servizzi li jiżviluppaw ibbażati kompletament jew parzjalment fuq ir-riżultati kliniċi mwettqa bħala parti minn azzjoni indiretta jkunu affordabbli, disponibbli u aċċessibbli għall-pubbliku b’kondizzjonijiet ġusti u raġonevoli. Għal dik il-fini, fejn rilevanti, il-programm ta’ ħidma għandu jispeċifika obbligi addizzjonali ta’ sfruttament applikabbli għal azzjonijiet indiretti speċifiċi.

    4.   Fejn previst fil-programm ta’ ħidma u flimkien mal-Artikolu 5(2), punt (a), l-entitajiet legali identifikati mill-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva jistgħu jkunu meħtieġa jipparteċipaw f’azzjonijiet indiretti speċifiċi. Dawk l-entitajiet ma għandhomx ikunu eliġibbli għal finanzjament mill-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva.

    5.   Kwalunkwe entità legali li tipparteċipa f’azzjonijiet indiretti speċifiċi mal-entitajiet legali identifikati msemmija fil-paragrafu 4 ma għandhiex tkun eliġibbli għal finanzjament fejn:

    (a)

    tkun entità legali bi skop ta’ qligħ b’fatturat annwali ta’ EUR 500 miljun jew aktar;

    (b)

    tkun taħt il-kontroll dirett jew indirett ta’ entità legali deskritta fil-punt (a), jew taħt l-istess kontroll dirett jew indirett bħal entità legali deskritta fil-punt (a);

    (c)

    tkun tikkontrolla direttament jew indirettament entità legali msemmija fil-punt (a).

    TITOLU VII

    IMPRIŻA KONĠUNTA TEKNOLOĠIJI DIĠITALI EWLENIN

    Artikolu 126

    Objettivi addizzjonali tal-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin

    1.   Minbarra l-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5, l-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin għandu jkollha l-objettivi ġenerali li ġejjin:

    (a)

    issaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-Unjoni fil-komponenti u fis-sistemi elettroniċi sabiex tappoġġa l-ħtiġijiet futuri tal-industriji vertikali u tal-ekonomija b’mod ġenerali. Il-mira ġenerali hija li tikkontribwixxi għall-irduppjar tal-valur tad-disinn u tal-produzzjoni ta’ komponenti u ta’ sistemi elettroniċi fl-Ewropa sal-2030, f’konformità mas-sehem tal-Unjoni fil-prodotti u fis-servizzi;

    (b)

    tistabbilixxi l-eċċellenza xjentifika tal-Unjoni u t-tmexxija fl-innovazzjoni f’komponenti u f’teknoloġiji tas-sistemi emerġenti, inkluż f’attivitajiet relatati ma’ TRLs iktar baxxi; u tippromwovi l-involviment attiv tal-SMEs, li għandhom jirrappreżentaw tal-anqas terz tal-għadd totali ta’ parteċipanti f’azzjonijiet indiretti u jenħtieġ li tal-anqas 20 % tal-finanzjament pubbliku jmur għalihom;

    (c)

    tiżgura li l-komponenti u t-teknoloġiji tas-sistemi jindirizzaw l-isfidi soċjetali u ambjentali tal-Ewropa. Il-mira hija li tiġi allinjata mal-politika tal-Unjoni dwar l-effiċjenza enerġetika u li tikkontribwixxi għat-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija bi 32,5 % fl-2030.

    2.   Minbarra l-objettivi stabbiliti fil-paragrafu 1, l-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin għandu jkollha l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

    (a)

    tappoġġa r-riċerka u l-iżvilupp biex tistabbilixxi kapaċitajiet ta’ disinn u ta’ produzzjoni fl-Ewropa għal oqsma strateġiċi ta’ applikazzjoni;

    (b)

    tniedi portafoll ibbilanċjat ta’ proġetti kbar u żgħar li jappoġġaw it-trasferiment rapidu ta’ teknoloġiji mir-riċerka għall-ambjent industrijali;

    (c)

    trawwem ekosistema dinamika fl-Unjoni kollha bbażata fuq ktajjen tal-valur diġitali b’aċċess simplifikat għal parteċipanti ġodda;

    (d)

    tappoġġa r-riċerka u l-iżvilupp biex ittejjeb it-teknoloġiji tal-komponenti li jiggarantixxu s-sigurtà, il-fiduċja u l-effiċjenza enerġetika għall-infrastrutturi u għas-setturi kritiċi fl-Ewropa;

    (e)

    trawwem il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi nazzjonali u tiżgura l-koordinazzjoni tal-programmi ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni tal-Unjoni u nazzjonali fil-qasam tal-komponenti u tas-sistemi elettroniċi;

    (f)

    tistabbilixxi l-koerenza bejn l-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni tal-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin u l-politiki tal-Unjoni sabiex il-komponenti elettroniċi u t-teknoloġiji tas-sistemi jikkontribwixxu b’mod effiċjenti.

    Artikolu 127

    Membri

    1.   Il-membri tal-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin għandhom ikunu:

    (a)

    l-awtoritajiet pubbliċi li jikkonsistu f’dawn li ġejjin:

    (i)

    l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni;

    (ii)

    l-istati parteċipanti li ġejjin: Awstrija, Belġju, Bulgarija, Ċekja, Ċipru, Danimarka, Estonja, Finlandja, Franza, Ġermanja, Greċja, Irlanda, Italja, Iżlanda, Kroazja, Latvja, Litwanja, Lussemburgu, Malta, Netherlands, Norveġja, Polonja, Portugall, Rumanija, Slovakkja, Slovenja, Spanja, Ungerija, Żvezja;

    (b)

    il-membri privati li jikkonsistu fl-assoċjazzjonijiet industrijali li ġejjin: l-assoċjazzjoni AENEAS, irreġistrata skont il-liġi Franċiża; l-Assoċjazzjoni tal-Industrija Inside (INSIDE) irreġistrata skont il-liġi Netherlandiża; l-Assoċjazzjoni EPoSS e.V., irreġistrata skont il-liġi Ġermaniża.

    2.   Kull stat parteċipanti għandu jaħtar ir-rappreżentanti tiegħu fil-korpi tal-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin u għandu jaħtar l-entità jew l-entitajiet nazzjonali responsabbli għat-twettiq tal-obbligi tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin.

    Artikolu 128

    Kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni

    Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin, inkluż l-approprjazzjonijiet taż-ŻEE, sabiex jiġu koperti l-kostijiet amministrattivi u l-kostijiet operazzjonali, għandha tkun sa EUR 1 800 000 000, inkluż sa EUR 26 331 000 għall-kostijiet amministrattivi.

    Artikolu 129

    Kontribuzzjonijiet minn membri għajr l-Unjoni

    1.   Matul il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 3, l-istati parteċipanti tal-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin għandhom jagħmlu kontribuzzjoni totali li tkun proporzjonata mal-ammont tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-kostijiet operazzjonali msemmija fl-Artikolu 128. L-istati parteċipanti għandhom jirranġaw bejniethom il-kontribuzzjonijiet kollettivi tagħhom u kif ser iwassluhom. Dan m’għandux jaffettwa l-kapaċità ta’ kull stat parteċipanti li jiddefinixxi l-kontribuzzjoni finanzjarja nazzjonali tiegħu skont l-Artikolu 12. B’deroga mill- Artikolu 28(4), punt (a), l-istati parteċipanti ma għandhomx jagħmlu kontribuzzjoni għall-kostijiet amministrattivi.

    2.   Matul il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 3, il-membri privati tal-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin għandhom jagħmlu mod jew jistabbilixxu arranġamenti sabiex l-entitajiet kostitwenti tagħhom jew dawk affiljati magħhom jagħmlu kontribuzzjonijiet ta’ mill-inqas EUR 2 511 164 000 għall-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin.

    3.   F’konformità mal-Artikolu 28(4), il-membri privati għandhom jagħmlu mod jew jistabbilixxu arranġamenti sabiex l-entitajiet kostitwenti tagħhom u dawk affiljati magħhom jagħmlu kontribuzzjoni finanzjarja sa EUR 26 331 000 għall-kostijiet amministrattivi tal-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin.

    4.   Il-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jikkonsistu fil-kontribuzzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(3). Il-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jikkonsistu fil-kontribuzzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(1), inkluż tal-anqas 90 % tal-kontribuzzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(1), punt (a).

    Artikolu 130

    Ambitu tal-attivitajiet addizzjonali

    1.   Il-Bord ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin jista’ japprova fejn neċessarju l-pjan ta’ attivitajiet addizzjonali msemmi fl-Artikolu 11(1), punt (b), wara proposta mill-Bord tal-Membri Privati, filwaqt li jqis l-opinjoni tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi.

    2.   Għall-fini tal-Artikolu 11(1), punt (b), l-attivitajiet addizzjonali jistgħu jinkludu:

    (a)

    investiment li jkollu l-għan li jindustrijalizza r-riżultati tal-proġetti tal-Impriżi Konġunti Teknoloġiji Diġitali Ewlenin, ECSEL, ARTEMIS u ENIAC;

    (b)

    attivitajiet pilota, attivitajiet ta’ dimostrazzjoni, applikazzjonijiet, varar, industrijalizzazzjoni, inkluż n-nefqa kapitali rilevanti, inkluż proġetti taħt l-IPCEIs dwar il-mikroelettronika;

    (c)

    attivitajiet relatati ta’ riċerka u ta’ żvilupp li mhux iffinanzjati pubblikament;

    (d)

    attivitajiet iffinanzjati minn self tal-Bank Ewropew tal-Investiment u mhux iffinanzjati permezz ta’ għotja mill-Unjoni;

    (e)

    attivitajiet sabiex tiġi żviluppata l-ekosistema li tappoġġa l-kooperazzjoni tal-utenti u tal-fornituri tat-teknoloġija.

    Artikolu 131

    Korpi tal-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin

    Il-korpi tal-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin għandhom ikunu:

    (a)

    il-Bord ta’ Tmexxija;

    (b)

    id-Direttur Eżekuttiv;

    (c)

    il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi;

    (d)

    il-Bord tal-Membri Privati.

    Artikolu 132

    Kompożizzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija

    Kull membru tal-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin għandu jaħtar ir-rappreżentanti tiegħu u delegat ewlieni li għandu jkollu d-drittijiet tal-vot tal-membru fil-Bord ta’ Tmexxija.

    Artikolu 133

    Funzjonament tal-Bord ta’ Tmexxija

    1.   Id-drittijiet tal-vot fil-Bord ta’ Tmexxija għandhom jitqassmu kif ġej:

    (a)

    terz għall-Kummissjoni;

    (b)

    terz għall-membri privati kollettivament; u

    (c)

    terz għall-istati parteċipanti kollettivament.

    2.   Għall-ewwel sentejn finanzjarji wara l-istabbiliment tal-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin, id-drittijiet tal-vot tal-istati parteċipanti għandhom jitqassmu kif ġej:

    (a)

    1 % għal kull stat parteċipanti;

    (b)

    il-perċentwal li jifdal imqassam kull sena fost l-istati parteċipanti fi proporzjon skont il-kontribuzzjonijiet finanzjarji attwali tagħhom għall-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin jew għall-inizjattiva preċedenti tagħha matul l-aħħar sentejn.

    3.   Għas-snin finanzjarji sussegwenti, id-distribuzzjoni tad-drittijiet tal-vot tal-istati parteċipanti għandha tiġi stabbilita kull sena u fi proporzjon mal-fondi li jkunu impenjaw għal azzjonijiet indiretti matul l-aħħar sentejn finanzjarji.

    4.   Id-drittijiet tal-vot tal-membri privati għandhom jitqassmu b’mod ugwali fost l-assoċjazzjonijiet industrijali sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Bord tal-Membri Privati.

    5.   Id-drittijiet tal-vot għal kwalunkwe membru ġdid tal-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin li mhuwiex Stat Membru jew pajjiż assoċjat għandhom jiġu ddeterminati mill-Bord ta’ Tmexxija qabel ma dak il-membru jissieħeb fl-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin.

    Artikolu 134

    Limitazzjoni tal-parteċipazzjoni f’azzjonijiet speċifiċi

    B’deroga mill-Artikolu 17(2), punt (l), fejn il-Kummissjoni titlob li jsir hekk, wara l-approvazzjoni tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi, il-parteċipazzjoni f’azzjonijiet speċifiċi għandha tkun limitata f’konformità mal-Artikolu 22(5) tar-Regolament Orizzont Ewropa.

    Artikolu 135

    Kompożizzjoni tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi

    Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin.

    Kull awtorità pubblika għandha taħtar ir-rappreżentanti tagħha u delegat ewlieni li għandu jkollhom id-drittijiet tal-vot fil-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi.

    Artikolu 136

    Funzjonament tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi

    1.   Id-drittijiet tal-vot fil-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi għandhom jiġu assenjati lill-awtoritajiet pubbliċi fuq bażi annwali fi proporzjon skont il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin għal dik is-sena f’konformità mal-Artikolu 12, u b’limitu massimu għal kwalunkwe membru partikolari ta’ 50 % tad-drittijiet tal-vot totali fil-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi.

    2.   Għall-fini tal-Artikolu 134, il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi għandu jinkludi biss l-awtoritajiet pubbliċi li huma Stati Membri. Il-paragrafu 1 għandu japplika mutatis mutandis.

    3.   Jekk anqas minn tliet stati parteċipanti jkunu kkomunikaw lid-Direttur Eżekuttiv il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom skont l-Artikolu 12(3), il-Kummissjoni għandu jkollha 50 % tad-drittijiet tal-vot u l-50 % li jifdal għandhom jitqassmu b’mod ugwali fost l-istati parteċipanti sakemm aktar minn tliet Stati parteċipanti tat-Teknoloġiji Diġitali Ewlenin ikunu kkomunikaw il-kontribut tagħhom.

    4.   L-awtoritajiet pubbliċi għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jadottaw deċiżjonijiet b’kunsens. Fin-nuqqas ta’ kunsens, għandu jittieħed vot. Deċiżjoni għandha tiġi adottata b’maġġoranza ta’ mill-inqas 75 % tal-voti inkluż il-voti tal-istati parteċipanti li jkunu assenti, iżda bl-esklużjoni tal-astensjonijiet.

    5.   Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi għandu jeleġġi l-president tiegħu minn fost il-membri tiegħu għal perijodu ta’ mill-inqas sentejn.

    6.   Il-president jista’ jistieden lil persuni oħrajn sabiex jattendu l-laqgħat tiegħu bħala osservaturi, b’mod partikolari rappreżentanti tal-awtoritajiet reġjonali fl-Unjoni, rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet tal-SMEs u rappreżentanti ta’ korpi oħrajn tal-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin.

    7.   Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi għandu jsejjaħ il-laqgħat ordinarji tiegħu tal-anqas darbtejn fis-sena. Huwa jista’ jsejjaħ laqgħat straordinarji fuq talba tal-Kummissjoni jew ta’ maġġoranza tar-rappreżentanti tal-istati parteċipanti, jew fuq talba tal-president. Il-laqgħat tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi għandhom jissejħu mill-president tiegħu u normalment għandhom isiru fis-sede tal-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin.

    8.   Il-kworum tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi għandu jkun magħmul mill-Kummissjoni u minn tal-anqas tliet delegati ewlenin tal-istati parteċipanti.

    9.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jattendi l-laqgħat tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi, iżda ma għandux ikollu drittijiet tal-vot.

    10.   Fuq stedina mill-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi, kwalunkwe Stat Membru jew pajjiż assoċjat li mhuwiex membru tal-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin jista’ jipparteċipa fil-laqgħat tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi bħala osservatur. L-osservaturi għandhom jirċievu d-dokumenti rilevanti kollha u jistgħu jagħtu parir dwar kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi. Dawn l-osservaturi kollha ser ikunu marbutin bir-regoli ta’ kunfidenzjalità li japplikaw għall-membri tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi.

    11.   Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi jista’ jaħtar gruppi ta’ ħidma fejn neċessarju taħt il-koordinazzjoni ġenerali ta’ awtorità pubblika waħda jew aktar.

    12.   Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

    13.   L-Artikoli 11(8) u 28(6) għandhom ukoll japplikaw mutatis mutandis għall-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi.

    Artikolu 137

    Kompiti tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi

    Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi għandu:

    (a)

    jikkontribwixxi għall-abbozzar tal-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni;

    (b)

    jipprovdi input għall-abbozz tal-programm ta’ ħidma, b’mod partikolari s-sejħiet għal proposti, inkluż ir-regoli għall-evalwazzjoni, għall-għażla u għall-monitoraġġ ta’ azzjonijiet indiretti;

    (c)

    japprova t-tnedija ta’ sejħiet għal proposti, f’konformità mal-programm ta’ ħidma;

    (d)

    jagħżel proposti f’konformità mal-Artikoli 12(1) u 17(2), punt (s);

    (e)

    jipprovdi opinjoni dwar l-abbozz tal-pjan ta’ attivitajiet addizzjonali msemmi fl-Artikolu 11(1), punt (b).

    Artikolu 138

    Kompożizzjoni tal-Bord tal-Membri Privati

    1.   Il-Bord tal-Membri Privati għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-membri privati tal-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin.

    2.   Kull membru privat għandu jaħtar ir-rappreżentanti tiegħu u delegat ewlieni li għandu jkollu d-drittijiet tal-vot fil-Bord tal-Membri Privati.

    Artikolu 139

    Funzjonament tal-Bord tal-Membri Privati

    1.   Il-Bord tal-Membri Privati għandu jiltaqa’ tal-anqas darbtejn fis-sena.

    2.   Il-Bord tal-Membri Privati jista’ jaħtar gruppi ta’ ħidma fejn neċessarju taħt il-koordinazzjoni ġenerali ta’ membru wieħed jew aktar.

    3.   Il-Bord tal-Membri Privati għandu jeleġġi l-president tiegħu minn fost il-membri tiegħu.

    4.   Il-Bord tal-Membri Privati għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

    Artikolu 140

    Kompiti tal-Bord tal-Membri Privati

    Il-Bord tal-Membri Privati għandu:

    (a)

    ifassal u jaġġorna regolarment l-abbozz tal-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni għall-kisba tal-objettivi tal-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin stabbiliti fl-Artikoli 4 u 126 b’kont meħud tal-kontribut Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi;

    (b)

    jippreżenta l-abbozz tal-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni lid-Direttur Eżekuttiv sal-iskadenzi stabbiliti mill-Bord ta’ Tmexxija;

    (c)

    jorganizza Forum Konsultattiv tal-Partijiet Ikkonċernati li jkun miftuħ għall-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati kollha li għandhom interess fil-qasam tat-teknoloġiji diġitali ewlenin sabiex jiġbor u jinformahom dwar l-abbozz tal-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni għal sena partikolari;

    (d)

    fejn xieraq, u b’kont meħud tal-Artikolu 130, ifassal u jippreżenta għall-approvazzjoni lill-Bord ta’ Tmexxija l-abbozz tal-pjan ta’ attivitajiet addizzjonali msemmi fl-Artikolu 11(1), punt (b), b’kont meħud tal-opinjoni tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi.

    Artikolu 141

    Rati ta’ finanzjament

    F’konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Orizzont Ewropa u b’deroga mill-Artikolu 34 ta’ dak ir-Regolament, l-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin tista’ tapplika rati ta’ finanzjament differenti għall-finanzjament mill-Unjoni f’azzjoni skont it-tip ta’ parteċipant, partikolarment l-SMEs u l-entitajiet legali mingħajr skop ta’ qligħ, u t-tip ta’ azzjoni. Ir-rati ta’ finanzjament għandhom ikunu indikati fil-programm ta’ ħidma.

    TITOLU VIII

    IMPRIŻA KONĠUNTA RIĊERKA DWAR IL-ĠESTJONI TAT-TRAFFIKU TAL-AJRU UNIKU EWROPEW 3

    Artikolu 142

    Objettivi addizzjonali tal-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3

    1.   Minbarra l-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5, l-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 għandu jkollha l-objettivi ġenerali li ġejjin:

    (a)

    issaħħaħ u tintegra l-kapaċità ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni tal-Unjoni fis-settur tal-ATM, u b’hekk tkun aktar reżiljenti u skalabbli għall-varjazzjonijiet fit-traffiku filwaqt li tippermetti l-operat mingħajr xkiel tal-inġenji tal-ajru kollha;

    (b)

    issaħħaħ, permezz tal-innovazzjoni, il-kompetittività tat-trasport bl-ajru bl-ekwipaġġ u mingħajr ekwipaġġ fl-Unjoni, u tas-swieq tas-servizzi tal-ATM sabiex tappoġġa t-tkabbir ekonomiku fl-Unjoni;

    (c)

    tiżviluppa u taċċellera l-adozzjoni mis-suq ta’ soluzzjonijiet innovattivi sabiex jiġi stabbilit l-ispazju tal-Ajru Uniku Ewropew bħala l-ajru l-aktar effiċjenti u ekoloġiku għat-titjiriet fid-dinja.

    2.   L-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 għandu jkollha wkoll l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

    (a)

    tiżviluppa ekosistema ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni li tkopri l-ktajjen tal-valur sħaħ tal-ATM u tal-ispazju tal-ajru tal-U-space kollha li jippermettu l-bini tal-Ajru Diġitali Ewropew iddefinit fil-Pjan regolatorju Ewropew tal-ATM, sabiex ikunu jistgħu jseħħu l-kollaborazzjoni u l-koordinazzjoni meħtieġa bejn il-fornituri ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u l-utenti tal-ispazju tal-ajru sabiex tiġi żgurata sistema unika armonizzata tal-ATM tal-Unjoni kemm għal operazzjonijiet bl-ekwipaġġ kif ukoll għal dawk mingħajr ekwipaġġ;

    (b)

    tiżviluppa u tivvalida soluzzjonijiet tal-ATM li jappoġġaw livelli għoljin ta’ awtomatizzazzjoni;

    (c)

    tiżviluppa u tivvalida l-arkitettura teknika tal-Ajru Diġitali Ewropew;

    (d)

    tappoġġa l-varar aċċellerat fis-suq ta’ soluzzjonijiet innovattivi permezz ta’ attivitajiet ta’ dimostrazzjoni;

    (e)

    tikkoordina l-prijoritizzazzjoni u l-ippjanar għall-isforzi ta’ modernizzazzjoni tal-ATM tal-Unjoni, fuq il-bażi ta’ proċess immexxi mill-kunsens fost il-partijiet ikkonċernati tal-ATM;

    (f)

    tiffaċilita l-iżvilupp ta’ standards għall-industrijalizzazzjoni tas-soluzzjonijiet SESAR.

    3.   Għall-finijiet tal-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “Spazju tal-ajru tal-U-space” tfisser żona ġeografika tas-sistema fl-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAS) magħżula mill-Istati Membri, fejn l-operazzjonijiet tal-UAS jitħallew isiru biss bl-appoġġ ta’ servizzi tal-U-space u pprovduti minn fornitur ta’ servizzi tal-U-space;

    (b)

    “Ajru Diġitali Ewropew” tirreferi għall-viżjoni tal-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM, li jfittex li jittrasforma l-infrastruttura tal-avjazzjoni tal-Ewropa sabiex din tkun tista’ timmaniġġja t-tkabbir u d-diversità futuri tat-traffiku tal-ajru b’mod sikur u effiċjenti, filwaqt li jimminimizza l-impatt ambjentali;

    (c)

    “arkitettura tal-Ajru Diġitali Ewropew” tirreferi għall-viżjoni tal-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM, li jfittex li jindirizza l-arkitettura ineffiċjenti kurrenti tal-ispazju tal-ajru fit-terminu medju sa twil billi jikkombina l-konfigurazzjoni u d-disinn tal-ispazju tal-ajru mat-teknoloġiji għad-diżakkoppjament tal-provvista ta’ servizzi mill-infrastruttura lokali u progressivament iżid il-livelli ta’ kollaborazzjoni u ta’ appoġġ għall-awtomatizzazzjoni;

    (d)

    “fażi ta’ definizzjoni ta’ SESAR” tfisser il-fażi li tinkludi l-istabbiliment u l-aġġornament tal-viżjoni fit-tul tal-proġett SESAR, tal-kunċett relatat ta’ operazzjonijiet li jippermetti titjib f’kull stadju tat-titjira, tat-tibdiliet operazzjonali essenzjali meħtieġa fin-Network Ewropew għall-ATM u tal-prijoritajiet ta’ żvilupp u ta’ varar meħtieġa;

    (e)

    “fażi ta’ varar ta’ SESAR” tfisser il-fażijiet suċċessivi tal-industrijalizzazzjoni u tal-implimentazzjoni, li matulhom jitwettqu l-attivitajiet li ġejjin: l-istandardizzazzjoni, il-produzzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta’ tagħmir u ta’ proċessi fuq l-art u fl-ajru neċessarji għall-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet ta’ SESAR (industrijalizzazzjoni); u l-akkwist, l-installazzjoni u t-tqegħid fis-servizz ta’ tagħmir u ta’ sistemi bbażati fuq soluzzjonijiet ta’ SESAR, inkluż proċeduri operazzjonali assoċjati (implimentazzjoni).

    Artikolu 143

    Kompiti addizzjonali tal-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3

    Minbarra l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 5, l-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 għandha twettaq il-kompiti li ġejjin:

    (a)

    tikkoordina l-kompiti tal-fażi tad-definizzjoni tar-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew, timmonitorja l-implimentazzjoni tal-proġett SESAR u temenda, fejn neċessarju, il-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM;

    (b)

    timplimenta l-aspetti tar-riċerka u tal-iżvilupp tal-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM, b’mod partikolari billi:

    (i)

    torganizza, tikkoordina u timmonitorja l-ħidma tal-fażi ta’ żvilupp ta’ SESAR f’konformità mal-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM, inkluż l-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni b’TRLs baxxi (0 sa 2);

    (ii)

    tforni soluzzjonijiet ta’ SESAR, li huma outputs li jistgħu jiġu varati tal-fażi ta’ żvilupp ta’ SESAR filwaqt li tintroduċi proċeduri jew teknoloġiji operazzjonali standardizzati u interoperabbli ġodda jew imtejbin;

    (iii)

    tiżgura l-involviment tal-partijiet ikkonċernati ċivili u militari tas-settur tal-avjazzjoni, b’mod partikolari: fornituri ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, utenti tal-ispazju tal-ajru, assoċjazzjonijiet tal-persunal professjonali, ajruporti, l-industrija tal-manifattura u l-istituzzjonijiet xjentifiċi rilevanti u l-komunità xjentifika;

    (c)

    tiffaċilita l-adozzjoni aċċellerata mis-suq tas-soluzzjonijiet SESAR billi:

    (i)

    torganizza u tikkoordina attivitajiet ta’ dimostrazzjonijiet fuq skala kbira;

    (ii)

    tikkoordina mill-qrib mal-EASA sabiex tippermetti l-iżvilupp f’waqtu mill-EASA ta’ miżuri regolatorji li jaqgħu taħt ir-Regolament (UE) 2018/1139 u r-regoli ta’ implimentazzjoni rilevanti;

    (iii)

    tappoġġa l-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni relatati, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-korpi ta’ standardizzazzjoni u mal-EASA, kif ukoll mal-entità stabbilita sabiex tikkoordina l-kompiti tal-fażi ta’ varar ta’ SESAR f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 409/2013 (43).

    Artikolu 144

    Membri

    1.   Il-membri tal-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 għandhom ikunu:

    (a)

    l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni;

    (b)

    l-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sikurezza tan-Navigazzjoni bl-Ajru (EUROCONTROL), irrappreżentata mill-Aġenzija tagħha, man-notifika tad-deċiżjoni tagħha li taderixxi mal-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 permezz ta’ ittra ta’ impenn, li ma għandux ikun fiha kundizzjonijiet dwar l-adeżjoni tagħha għajr dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament;

    (c)

    il-membri fundaturi elenkati fl-Anness III għal dan ir-Regolament, man-notifika tad-deċiżjoni tagħhom li jaderixxu mal-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 permezz ta’ ittra ta’ impenn, li ma għandux ikun fiha kondizzjonijiet rigward l-adeżjoni tagħhom għajr dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament;

    (d)

    il-membri assoċjati li għandhom jintgħażlu f’konformità mal-Artikolu 7.

    2.   Minbarra l-Artikolu 7(1), il-Bord ta’ Tmexxija jista’, matul l-ewwel sitt xhur wara l-istabbiliment tal-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3, jagħżel membri assoċjati minn lista miġbura wara sejħa miftuħa għal espressjoni ta’ interess imnedija mill-Kummissjoni qabel l-istabbiliment tagħha. Il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(2) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

    3.   Meta jagħżel il-membri assoċjati, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jfittex li jiżgura r-rappreżentazzjoni xierqa tal-katina tal-valur kollha tal-ATM u, fejn neċessarju, l-għażla tal-atturi rilevanti minn barra s-settur. Kwalunkwe entità jew korp pubbliku jew privat, inkluż dawk minn pajjiżi terzi li kkonkludew tal-anqas ftehim wieħed mal-Unjoni fil-qasam tat-trasport bl-ajru, jistgħu jintgħażlu bħala membri assoċjati tal-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3.

    Artikolu 145

    Kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni

    Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3, inkluż l-approprjazzjonijiet taż-ŻEE, sabiex jiġu koperti l-kostijiet amministrattivi u l-kostijiet operazzjonali, għandha tkun sa EUR 600 000 000, inkluż sa EUR 30 000 000 għall-kostijiet amministrattivi.

    Artikolu 146

    Kontribuzzjonijiet minn membri għajr l-Unjoni

    1.   Il-membri privati tal-Impriża Konġunta tar-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 għandhom jagħmlu mod jew jistabbilixxu arranġamenti sabiex l-entitajiet kostitwenti tagħhom jew dawk affiljati magħhom jagħmlu kontribuzzjoni totali ta’ mill-inqas EUR 500 000 000, inkluż sa EUR 25 000 000 għall-kostijiet amministrattivi, matul il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 3.

    2.   Il-EUROCONTROL għandha tagħti kontribuzzjoni totali sa EUR 500 000 000, inkluż sa EUR 25 000 000 għall-kostijiet amministrattivi, matul il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 3. Minbarra l-Artikolu 11(4), il-kontribuzzjoni għandha tikkonsisti wkoll f’kontribuzzjonijiet in natura għal attivitajiet addizzjonali.

    Artikolu 147

    Ambitu tal-attivitajiet addizzjonali

    Għall-finijiet tal-Artikolu 11(1), punt (b), l-attivitajiet addizzjonali jistgħu jinkludu:

    (a)

    attivitajiet li jkopru l-parti kollha mhux iffinanzjata mill-Unjoni tal-proġetti ta’ Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew li jikkontribwixxu għall-kisba tal-programm ta’ ħidma miftiehem tal-Impriża Konġunta;

    (b)

    attivitajiet ta’ industrijalizzazzjoni, inkluż l-istandardizzazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u l-produzzjoni, relatati mas-Soluzzjonijiet ta’ SESAR mill-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 jew mill-inizjattiva preċedenti, l-Impriża Konġunta SESAR;

    (c)

    attivitajiet ta’ komunikazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni relatati mas-Soluzzjonijiet ta’ SESAR mill-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 jew mill-inizjattiva preċedenti, l-Impriża Konġunta SESAR;

    (d)

    attivitajiet li jiżguraw l-armonizzazzjoni globali tal-ATM fuq il-bażi tas-Soluzzjonijiet ta’ SESAR mill-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 jew mill-inizjattiva preċedenti, l-Impriża Konġunta SESAR;

    (e)

    il-varar jew l-adozzjoni ta’ riżultati minn proġetti skont l-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 jew mill-inizjattiva preċedenti, l-Impriża Konġunta SESAR, li ma rċevew l-ebda finanzjament mill-Unjoni.

    Artikolu 148

    Korpi tal-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3

    Il-korpi tal-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 għandhom ikunu:

    (a)

    il-Bord ta’ Tmexxija;

    (b)

    id-Direttur Eżekuttiv;

    (c)

    il-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati;

    (d)

    il-Korp Konsultattiv Xjentifiku.

    Artikolu 149

    Kompożizzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija

    Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkun magħmul minn dawn li ġejjin:

    (a)

    żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni f’isem l-Unjoni;

    (b)

    rappreżentant wieħed minn kull wieħed mill-membri għajr l-Unjoni.

    Artikolu 150

    Funzjonament tal-Bord ta’ Tmexxija

    1.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 16(4), il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkun ippresedut mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni.

    2.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkollu l-osservaturi permanenti li ġejjin:

    (a)

    rappreżentant tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża;

    (b)

    rappreżentant tal-utenti ċivili tal-ispazju tal-ajru, maħtur mill-organizzazzjoni rappreżentattiva tagħhom fil-livell Ewropew;

    (c)

    rappreżentant tal-fornituri ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, maħtur mill-organizzazzjoni rappreżentattiva tagħhom fil-livell Ewropew;

    (d)

    rappreżentant tal-manifatturi tat-tagħmir, maħtur mill-organizzazzjoni rappreżentattiva tagħhom fil-livell Ewropew;

    (e)

    rappreżentant tal-ajruporti, maħtur mill-organizzazzjoni rappreżentattiva tagħhom fil-livell Ewropew;

    (f)

    rappreżentant mill-korpi li jirrappreżentaw il-persunal fis-settur tal-ATM, maħtur mill-organizzazzjoni rappreżentattiva tagħhom fil-livell Ewropew;

    (g)

    rappreżentant tal-istituzzjonijiet xjentifiċi rilevanti jew tal-komunità xjentifika rilevanti, maħtur mill-organizzazzjoni rappreżentattiva tagħhom fil-livell Ewropew:

    (h)

    rappreżentant tal-EASA;

    (i)

    rappreżentant tal-organizzazzjoni Ewropea tal-istandardizzazzjoni fl-avjazzjoni;

    (j)

    rappreżentant tal-industrija tal-inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ, maħtur mill-organizzazzjoni rappreżentattiva tagħhom fil-livell Ewropew.

    3.   L-għadd ta’ voti tal-membri tal-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 għandu jkun proporzjonat mal-kontribuzzjoni tagħhom għall-baġit tal-impriża konġunta. Madankollu, l-Unjoni u l-EUROCONTROL għandu jkollhom tal-anqas 25 % tal-għadd totali ta’ voti u r-rappreżentant tal-utenti ċivili tal-ispazju tal-ajru msemmi fil-paragrafu 2, punt (b), għandu jkollhom tal-anqas 10 % tan-numru totali ta’ voti.

    4.   Id-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Tmexxija għandhom jiġu adottati b’maġġoranza sempliċi tal-voti mitfugħa. Meta l-voti jkunu maqsuma ndaqs, l-Unjoni għandu jkollha l-vot deċiżiv.

    5.   Deċiżjonijiet relatati mar-reviżjoni tal-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM għandhom jirrikjedu l-voti pożittivi tal-Unjoni u tal-EUROCONTROL. Tali deċiżjonijiet għandhom iqisu l-opinjonijiet espressi mill-osservaturi permanenti kollha msemmija fil-paragrafu 2 u l-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati.

    Artikolu 151

    Kompiti addizzjonali tal-Bord ta’ Tmexxija

    Minbarra l-kompiti elenkati fl-Artikolu 17, il-Bord ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 għandu jissorvelja t-twettiq tal-komponenti ta’ riċerka u ta’ żvilupp identifikati fil-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM.

    Artikolu 152

    Kompiti addizzjonali tad-Direttur Eżekuttiv

    Minbarra l-kompiti elenkati fl-Artikolu 19, id-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:

    (a)

    jidderieġi l-eżekuzzjoni tal-fażijiet ta’ definizzjoni u ta’ żvilupp tal-proġett SESAR fuq il-linji gwida stabbiliti mill-Bord ta’ Tmexxija;

    (b)

    jippreżenta lill-Bord tat-Tmexxija kwalunkwe proposta li tinvolvi tibdiliet fit-tfassil tal-fażi ta’ żvilupp tal-proġett SESAR.

    Artikolu 153

    Il-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati

    Minbarra l-Artikolu 20, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rappreżentanti rispettivi tagħhom jippreżentaw pożizzjoni koordinata li tirrifletti l-fehmiet tal-Istat Membru tagħhom espressi fi:

    (a)

    il-Kumitat dwar l-Ajru Uniku, stabbilit bl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004;

    (b)

    il-Kumitat tal-Programm skont l-Artikolu 14 tal-Programm Speċifiku li jimplimenta Orizzont Ewropa.

    Artikolu 154

    Il-Kumitat Xjentifiku

    1.   Il-korp xjentifiku konsultattiv tal-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 imsemmi fl-Artikolu 21(1), punt (a), għandu jkun il-Kumitat Xjentifiku.

    2.   Il-Kumitat Xjentifiku ma għandux ikollu aktar minn 15-il membru permanenti.

    3.   Il-president tal-Kumitat Xjentifiku għandu jiġi elett għal perijodu ta’ sentejn.

    4.   Il-Kumitat Xjentifiku jista’ jagħti pariri fuq talba tal-Bord ta’ Tmexxija u ta’ korpi oħrajn tal-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3, jew fuq inizjattiva tiegħu stess, b’mod partikolari dwar attivitajiet relatati ma’ TRLs baxxi (0 sa 2).

    5.   Il-Kumitat Xjentifiku għandu jikkollabora mal-korpi konsultattivi rilevanti stabbiliti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa.

    Artikolu 155

    Atti ta’ implimentazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Unjoni li tikkonċerna l-emenda tal-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM

    1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni bil-ħsieb li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-emenda tal-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (44).

    2.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat dwar l-Ajru Uniku stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 549/2004. Il-Kumitat dwar l-Ajru Uniku għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 156

    Ċertifikazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda

    1.   L-EASA tista’ tiġi mistiedna mill-applikanti, mill-parteċipanti, jew mid-Direttur Eżekuttiv, sabiex tagħti pariri dwar proġetti individwali u attivitajiet ta’ dimostrazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-konformità mal-istandards dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni, l-interoperabbiltà u l-ambjent, sabiex jiġi żgurat li dawk iwasslu għal żvilupp f’waqtu ta’ standards rilevanti, ta’ kapaċità ta’ ttestjar u ta’ rekwiżiti regolatorji għall-iżvilupp ta’ prodotti u għall-varar ta’ teknoloġiji ġodda.

    2.   L-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni u s-servizzi pprovduti għandhom ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet dwar it-tariffi u l-imposti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1139

    Artikolu 157

    Ftehim mal-EUROCONTROL

    Bħala membru fundatur tal-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3, ir-rwol u l-kontribuzzjoni tal-EUROCONTROL għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim amministrattiv bejn iż-żewġ partijiet, l-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 u l-EUROCONTROL. Dak il-ftehim għandu jiddeskrivi l-kompiti, ir-responsabbiltajiet u l-kontribuzzjoni tal-EUROCONTROL għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:

    (a)

    l-organizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp u ta’ validazzjoni tal-EUROCONTROL f’konformità mal-programm ta’ ħidma tal-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3;

    (b)

    l-għoti ta’ appoġġ speċjalizzat u ta’ pariri lill-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 fuq talba tagħha;

    (c)

    l-appoġġ u l-għoti ta’ pariri dwar l-iżviluppi komuni għas-sistemi tal-ATM futuri Ewropej, b’mod partikolari dawk relatati mal-arkitettura futura tal-ispazju tal-ajru;

    (d)

    l-appoġġ għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tas-Soluzzjonijiet ta’ SESAR f’konformità mal-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM;

    (e)

    il-komunikazzjoni mal-Istati Membri tal-EUROCONTROL sabiex jiġi żgurat appoġġ wiesa’ għall-objettivi tal-politika tal-Unjoni u għar-riżultati tal-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ validazzjoni u ta’ dimostrazzjoni fost is-sħab tan-network pan-Ewropew;

    (f)

    l-għoti ta’ appoġġ għall-ġestjoni tal-programmi;

    (g)

    il-kontribuzzjoni għall-kostijiet amministrattivi tal-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 u l-għoti ta’ appoġġ fit-teknoloġija tal-informazzjoni, fil-komunikazzjoni u fil-loġistika lill-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3.

    Artikolu 158

    Arranġamenti tal-back office

    L-Artikolu 13 ma għandux japplika għall-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3. L-arranġament tal-back office għandu jiġi pprovdut mill-EUROCONTROL.

    TITOLU IX

    IMPRIŻA KONĠUNTA NETWORKS U SERVIZZI INTELLIĠENTI

    Artikolu 159

    Objettivi addizzjonali tal-Impriża Konġunta Networks u Servizzi Intelliġenti

    1.   Minbarra l-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5, l-Impriża Konġunta Networks u Servizzi Intelliġenti għandu jkollha l-objettivi ġenerali li ġejjin:

    (a)

    trawwem it-tmexxija teknoloġika tal-Ewropa f’networks u f’servizzi intelliġenti futuri billi ssaħħaħ l-aspetti pożittivi attwali tal-industrija u billi testendi l-ambitu mill-konnettività tal-5G għall-katina tal-valur strateġika usa’ inkluż il-forniment ta’ servizzi bbażati fuq il-cloud kif ukoll il-komponenti u l-apparati;

    (b)

    tallinja l-pjanijiet direzzjonali strateġiċi ta’ firxa usa’ ta’ atturi industrijali, li jinkludu mhux biss l-industrija tat-telekomunikazzjoni, iżda wkoll atturi mill-Internet tal-Oġġetti, il-cloud, u l-komponenti u l-apparati;

    (c)

    tavvanza l-eċċellenza teknoloġika u xjentifika Ewropea sabiex tappoġġa t-tmexxija Ewropea fit-tiswir u fil-ħakma ta’ sistemi tas-6G sal-2030;

    (d)

    issaħħaħ il-varar tal-infrastrutturi diġitali u l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet diġitali fis-swieq Ewropej, b’mod partikolari billi tiżgura mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni strateġika għall-programm Diġitali tal-FNE2 kif ukoll sinerġiji fil-FNE2, u mad-DEP u ma’ InvestEU bħala parti mill-ambitu u mill-governanza tal-Impriża Konġunta Networks u Servizzi Intelliġenti;

    (e)

    tħejji l-industrija Ewropea tal-provvista tan-networks u tas-servizzi intelliġenti għall-opportunitajiet fit-tul li jirriżultaw mill-iżvilupp ta’ swieq vertikali għall-infrastrutturi u għas-servizzi tal-5G u aktar tard tas-6G fl-Ewropa;

    (f)

    tiffaċilita l-innovazzjoni diġitali, sal-2030, billi tissodisfa l-ħtiġijiet tas-suq u r-rekwiżiti tal-politika pubblika Ewropej, inkluż ir-rekwiżiti l-aktar eżiġenti tal-industriji vertikali, kif ukoll ir-rekwiżiti tas-soċjetà f’oqsma li jinkludu s-sigurtà, l-effiċjenza enerġetika u l-kampijiet elettromanjetiċi;

    (g)

    tappoġġa l-allinjament ta’ networks u ta’ servizzi intelliġenti futuri mal-objettivi ta’ politika tal-Unjoni inkluż il-Patt Ekoloġiku Ewropew, is-sigurtà tan-networks u tal-informazzjoni l-etika, u l-privatezza, kif ukoll Internet iffokat fuq il-bniedem u sostenibbli.

    2.   L-Impriża Konġunta Networks u Servizzi Intelliġenti għandu jkollha wkoll l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

    (a)

    tiffaċilita l-iżvilupp ta’ teknoloġiji li kapaċi jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ komunikazzjoni avvanzati filwaqt li tappoġġa l-eċċellenza Ewropea f’teknoloġiji u f’arkitetturi tan-networks u tas-servizzi intelliġenti u l-evoluzzjoni tagħhom lejn is-6G, inkluż pożizzjonijiet Ewropej b’saħħithom dwar l-istandards, il-privattivi essenzjali, u r-rekwiżiti ewlenin, bħar-rekwiżiti għall-baned ta’ spettru meħtieġa għal teknoloġiji avvanzati tan-networks intelliġenti tal-futur;

    (b)

    tħaffef l-iżvilupp ta’ teknoloġiji tan-network effiċjenti fl-enerġija bl-għan li tnaqqas b’mod sinifikanti l-konsum tal-enerġija u tar-riżorsi tal-infrastruttura diġitali kollha sal-2030 u tnaqqas il-konsum tal-enerġija tal-industriji vertikali ewlenin appoġġati minn teknoloġiji tan-networks u tas-servizzi intelliġenti;

    (c)

    tħaffef l-iżvilupp u l-varar mifrux tal-infrastruttura tal-5G sal-2025 u aktar tard tas-6G fl-Ewropa billi, b’mod partikolari, tippromwovi l-koordinazzjoni u l-appoġġ strateġiku tal-varar tal-5G għal Mobilità Konnessa u Awtomatizzata tul il-kurituri transfruntiera, billi tuża l-programm Diġitali tal-FNE2 u billi tippromwovi l-varar skont il-FNE2, id-DEP u InvestEU;

    (d)

    trawwem katina tal-provvista u tal-valur sostenibbli u diversa f’konformità mas-sett ta’ għodod taċ-Ċibersigurtà tal-5G;

    (e)

    issaħħaħ il-pożizzjoni tal-industrija tal-Unjoni fil-katina tal-valur globali ta’ networks u ta’ servizzi intelliġenti billi toħloq massa kritika ta’ atturi pubbliċi u privati, b’mod partikolari billi żżid il-kontribuzzjoni mill-atturi tas-software u tal-Internet tal-Oġġetti, tingrana inizjattivi nazzjonali u tappoġġa l-feġġa ta’ atturi ġodda;

    (f)

    tappoġġa l-allinjament mar-rekwiżiti etiċi u ta’ sigurtà, tinkludihom fl-Aġendi Strateġiċi ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni u tipprovdi kontribut għall-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni kif xieraq.

    Artikolu 160

    Kompiti addizzjonali tal-Impriża Konġunta Networks u Servizzi Intelliġenti

    Minbarra l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 5, l-Impriża Konġunta Networks u Servizzi Intelliġenti għandha twettaq il-kompiti li ġejjin:

    (a)

    tikkontribwixxi għall-programmi ta’ ħidma ta’ programmi oħrajn tal-Unjoni, bħall-Programm Diġitali tal-FNE 2, id-DEP u InvestEU li qed jimplimentaw attivitajiet fil-qasam ta’ networks u ta’ servizzi intelliġenti;

    (b)

    tikkoordina inizjattivi ta’ prova, inizjattivi pilota u ta’ varar tal-Unjoni fil-qasam tan-networks u tas-servizzi intelliġenti, bħal kurituri pan-Ewropej tal-5G għal mobilità konnessa u awtomatizzata fil-Programm Diġitali tal-FNE2, f’kollegament mal-Kummissjoni u mal-korpi ta’ finanzjament rilevanti kompetenti;

    (c)

    tippromwovi sinerġiji fost provi, proġetti pilota u attivitajiet ta’ varar rilevanti ffinanzjati mill-Unjoni fil-qasam tan-networks u tas-servizzi intelliġenti, bħal dawk iffinanzjati permezz tal-Programm Diġitali tal-FNE2, id-DEP u InvestEU, u tiżgura disseminazzjoni effettiva u ingranaġġ tal-għarfien u tal-għarfien espert miġbur fil-kuntest ta’ dawk l-attivitajiet;

    (d)

    tiżviluppa u tikkoordina l-aġendi ta’ varar strateġiku għall-kurituri tal-5G pan-Ewropej għall-mobilità konnessa u awtomatizzata bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati. Dawk l-aġendi għandhom jagħtu gwida strateġika mhux vinkolanti li tkopri ż-żmien kemm idum il-Programm Diġitali tal-FNE2 billi jiddefinixxu viżjoni komuni għall-iżvilupp ta’ ekosistemi attivati mill-5G u r-rekwiżiti sottostanti tan-networks u tas-servizzi, u jidentifikaw l-objettivi u l-pjanijiet direzzjonali tal-varar kif ukoll il-mudelli ta’ kooperazzjoni potenzjali.

    Artikolu 161

    Membri

    Il-membri tal-Impriża Konġunta Networks u Servizzi Intelliġenti għandhom ikunu:

    (a)

    l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni;

    (b)

    is-6G-IA irreġistrata skont il-liġi Belġjana, man-notifika tad-deċiżjoni tagħha li taderixxi mal-Impriża Konġunta Networks u Servizzi Intelliġenti permezz ta’ ittra ta’ impenn, li ma għandux ikun fiha kundizzjonijiet dwar l-adeżjoni tagħha għajr dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    Artikolu 162

    Kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni

    Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-Impriża Konġunta Networks u Servizzi Intelliġenti, inkluż l-approprjazzjonijiet taż-ŻEE, sabiex jiġu koperti l-kostijiet amministrattivi u l-kostijiet operazzjonali, għandha tkun sa EUR 900 000 000, inkluż sa EUR 18 519 000 għall-kostijiet amministrattivi.

    Artikolu 163

    Kontribuzzjonijiet minn membri għajr l-Unjoni

    1.   Il-membri tal-Impriża Konġunta Networks u Servizzi Intelliġenti għajr l-Unjoni għandhom jagħmlu mod jew jistabbilixxu arranġamenti sabiex l-entitajiet kostitwenti tagħhom jew dawk affiljati magħhom jagħmlu kontribuzzjoni totali ta’ mill-inqas EUR 900 000 000 matul il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 3.

    2.   Il-membri tal-Impriża Konġunta Networks u Servizzi Intelliġenti għajr l-Unjoni għandhom jagħmlu mod jew jistabbilixxu arranġamenti sabiex l-entitajiet kostitwenti tagħhom jew dawk affiljati magħhom jagħmlu kontribuzzjoni finanzjarja annwali għall-kostijiet amministrattivi tal-Impriża Konġunta Networks u Servizzi Intelliġenti ta’ mill-inqas 20 % tal-kostijiet amministrattivi totali. Huma għandhom jagħmlu ħilithom sabiex iżidu l-għadd ta’ entitajiet kostitwenti tagħhom jew dawk affiljati magħhom bl-għan li jżidu l-kontribuzzjoni tagħhom għal 50 % tal-kostijiet amministrattivi tal-Impriża Konġunta Networks u Servizzi Intelliġenti tul il-ħajja tagħha, filwaqt li jqisu kif xieraq l-entitajiet kostitwenti jew dawk affiljati li huma SMEs.

    Artikolu 164

    Ambitu tal-attivitajiet addizzjonali

    Għall-fini tal-Artikolu 11(1), punt (b), l-attivitajiet addizzjonali jistgħu jinkludu:

    (a)

    attivitajiet spin-off ta’ riċerka u ta’ żvilupp;

    (b)

    kontribuzzjonijiet għall-istandardizzazzjoni;

    (c)

    kontribuzzjonijiet għall-konsultazzjonijiet fil-kuntest tal-proċessi regolatorji tal-Unjoni;

    (d)

    attivitajiet iffinanzjati minn self tal-Bank Ewropew tal-Investiment u mhux iffinanzjati permezz ta’ għotja mill-Unjoni;

    (e)

    kontribuzzjonijiet għall-attivitajiet tal-membri għajr l-Unjoni u kwalunkwe grupp jew assoċjazzjoni oħra ta’ partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-Impriża Konġunta Networks u Servizzi Intelliġenti, mhux iffinanzjati minn xi għotja mill-Unjoni;

    (f)

    attivitajiet sabiex tiġi żviluppata l-ekosistema inkluż il-bini ta’ kooperazzjoni mal-vertikali;

    (g)

    attivitajiet ta’ disseminazzjoni globali ta’ riżultati sabiex jinkiseb kunsens dwar teknoloġiji appoġġati bħala tħejjija ta’ standards futuri;

    (h)

    provi, wirjiet, proġetti pilota, rikors għas-suq u varar bikri tat-teknoloġiji;

    (i)

    kooperazzjoni internazzjonali mhux iffinanzjata permezz ta’ għotja mill-Unjoni;

    (j)

    attivitajiet relatati mat-tħejjija ta’ proġetti ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni ffinanzjati minn korpi privati jew pubbliċi għajr l-Unjoni, u l-parteċipazzjoni fihom.

    Artikolu 165

    Korpi tal-Impriża Konġunta Networks u Servizzi Intelliġenti

    Il-korpi tal-Impriża Konġunta Networks u Servizzi Intelliġenti għandhom ikunu:

    (a)

    il-Bord ta’ Tmexxija;

    (b)

    id-Direttur Eżekuttiv;

    (c)

    il-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati;

    (d)

    il-grupp tal-partijiet ikkonċernati.

    Artikolu 166

    Kompożizzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija

    1.   Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jkun magħmul minn dawn li ġejjin:

    (a)

    żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni f’isem l-Unjoni;

    (b)

    ħames rappreżentanti tas-6G-IA.

    2.   Minkejja l-Artikolu 42, ir-rappreżentanti tal-membri privati għandhom jiddivulgaw minnufih lill-Bord ta’ Tmexxija l-involviment tagħhom f’attivitajiet professjonali ma’ entitajiet li ma jkunux stabbiliti fl-Unjoni, jew ma’ entitajiet li ma jkunux ikkontrollati minn persuni ġuridiċi jew minn entitajiet legali stabbiliti fl-Unjoni. F’każ bħal dan, ir-rappreżentanti tal-Unjoni jistgħu jiddeċiedu li jitolbu lill-membru kkonċernat jaħtar rappreżentant ieħor.

    Artikolu 167

    Funzjonament tal-Bord ta’ Tmexxija

    Is-6G-IA għandu jkollha 50 % tad-drittijiet tal-vot.

    Artikolu 168

    Kompiti addizzjonali tal-Bord ta’ Tmexxija

    Minbarra l-kompiti elenkati fl-Artikolu 17, il-Bord ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta Networks u Servizzi Intelliġenti għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:

    (a)

    jadotta aġendi ta’ varar strateġiku bħala kontributi mhux vinkolanti skont il-programm Diġitali FNE2 fir-rigward tal-kurituri 5G u, jekk ikun xieraq, jemendahom tul kemm idum il-programm diġitali FNE2;

    (b)

    jiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar iċ-ċibersigurtà u l-gwida koordinata eżistenti u futura tal-Istati Membri jitqiesu fl-attivitajiet kollha tal-Impriża Konġunta Networks u Servizzi Intelliġenti;

    (c)

    jippromwovi sinerġiji u komplementaritajiet bejn is-setturi diġitali, tat-trasport u tal-enerġija tal-programm Diġitali FNE2 permezz tal-identifikazzjoni ta’ oqsma ta’ intervent u l-kontribut għall-programmi ta’ ħidma, kif ukoll sinerġiji u komplementarjetajiet mal-programmi rilevanti l-oħrajn tal-Unjoni.

    Artikolu 169

    Il-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati

    Minbarra l-Artikolu 20, ir-rappreżentanti għandhom jiżguraw li huma jippreżentaw pożizzjoni koordinata li tirrifletti l-fehmiet tal-istat tagħhom espressi fi kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

    (a)

    il-kwistjonijiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni relatati ma’ Orizzont Ewropa;

    (b)

    l-aġenda ta’ varar strateġiku u l-attivitajiet ta’ varar relatati ma’ programmi oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari l-programm Diġitali FNE2, iżda wkoll attivitajiet fil-qafas tad-DEP u ta’ InvestEU fl-ambitu tal-Impriża Konġunta Networks u Servizzi Intelliġenti.

    Artikolu 170

    Sigurtà

    1.   Meta jitqies rilevanti, il-Bord ta’ Tmexxija jista’ jordna li azzjoni ffinanzjata mill-Impriża Konġunta Networks u Servizzi Intelliġenti għandha tiżgura li l-elementi tan-network varati għall-esperimentazzjoni fuq skala kbira jew għat-tnedija isegwu valutazzjonijiet ta’ skrutinju tas-sigurtà. Il-valutazzjonijiet għandhom jirriflettu l-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-Unjoni dwar iċ-ċibersigurtà, kif ukoll il-gwida koordinata eżistenti u futura tal-Istati Membri.

    2.   Fir-rigward tal-kompitu tiegħu msemmi fl-Artikolu 160, punt (a), il-Bord ta’ Tmexxija għandu jagħti l-parir li l-korpi ta’ finanzjament oħra japplikaw il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 17(2), punt (l), għall-azzjonijiet tagħhom mutatis mutandis, meta jqis li dan ikun xieraq u meta dan ikun awtorizzat mill-att bażiku ta’ programm ta’ finanzjament rispettiv tal-Unjoni.

    IT-TIELET PARTI

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 171

    Monitoraġġ u evalwazzjoni

    1.   L-attivitajiet tal-impriżi konġunti għandhom ikunu soġġetti għal monitoraġġ kontinwu u għal rieżamijiet perijodiċi f’konformità mar-regoli finanzjarji tagħhom, sabiex jiġu żgurati l-ogħla impatt, eċċellenza xjentifika u l-aktar użu effettiv u effiċjenti tar-riżorsi. L-eżiti tal-monitoraġġ u tar-rieżamijiet perijodiċi għandhom jikkontribwixxu għall-monitoraġġ tas-sħubijiet Ewropej u tal-evalwazzjonijiet tal-impriżi konġunti bħala parti mill-evalwazzjonijiet ta’ Orizzont Ewropa kif speċifikat fl-Artikoli 50 u 52 tar-Regolament Orizzont Ewropa.

    2.   L-impriżi konġunti għandhom jorganizzaw il-monitoraġġ u r-rapportar kontinwu tal-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħhom u r-rieżamijiet perijodiċi tal-eżiti, ir-riżultati u l-impatti tal-azzjonijiet indiretti ffinanzjati implimentati f’konformità mal-Artikolu 50 ta’ u mal-Anness III għar-Regolament Orizzont Ewropa. Dak il-monitoraġġ u r-rapportar għandhom jinkludu:

    (a)

    indikaturi marbuta biż-żmien għall-fini ta’ rapportar fuq bażi annwali dwar il-progress tal-attivitajiet tagħhom fil-kisba tal-objettivi ġenerali, speċifiċi u operazzjonali, inkluż l-objettivi addizzjonali tal-impriżi konġunti stabbiliti fit-Tieni Parti, kif ukoll tul il-perkorsi tal-impatt stabbiliti fl-Anness V għar-Regolament Orizzont Ewropa;

    (b)

    informazzjoni dwar sinerġiji bejn l-azzjonijiet tal-impriża konġunta u inizjattivi u politiki nazzjonali jew reġjonali bbażati fuq informazzjoni riċevuta mill-istati parteċipanti jew mill-grupp ta’ rappreżentanti tal-istati kif ukoll fuq sinerġiji ma’ programmi oħra tal-Unjoni u sħubijiet Ewropej oħra;

    (c)

    informazzjoni dwar il-livell ta’ integrazzjoni tax-xjenzi soċjali u tal-istudji umanistiċi, il-proporzjon bejn it-TRLs aktar baxxi u ogħla fir-riċerka kollaborattiva, il-progress fit-twessigħ tal-parteċipazzjoni tal-pajjiżi, il-kompożizzjoni ġeografika tal-konsorzji fi proġetti kollaborattivi, l-użu ta’ proċedura ta’ preżentazzjoni u ta’ evalwazzjoni f’żewġ stadji, il-miżuri mmirati sabiex jiffaċilitaw ir-rabtiet kollaborattivi fir-riċerka u fl-innovazzjoni Ewropej, l-użu tar-rieżami tal-evalwazzjoni u l-għadd u t-tipi ta’ lmenti, il-livell tal-integrazzjoni tal-klima u n-nefqiet relatati, il-parteċipazzjoni tal-SMEs, il-parteċipazzjoni tas-settur privat, il-parteċipazzjoni tal-ġeneri f’azzjonijiet iffinanzjati, il-gruppi ta’ evalwazzjoni, il-bordijiet u l-gruppi konsultattivi, ir-rata ta’ kofinanzjament, il-finanzjament komplementari u kumulattiv minn fondi oħrajn tal-Unjoni, iż-żmien għall-għotja, il-livell ta’ kooperazzjoni internazzjonali, l-involviment taċ-ċittadini u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili;

    (d)

    il-livelli ta’ nefqa diżaggregati fil-livell tal-proġett sabiex tkun tista’ ssir analiżi speċifika, inkluż għal kull qasam ta’ intervent;

    (e)

    il-livell ta’ sottoskrizzjoni żejda, b’mod partikolari n-numru ta’ proposti u għal kull sejħa għal proposti, il-punteġġ medju, is-sehem ta’ proposti ’l fuq u ’l isfel mil-limiti tal-kwalità;

    (f)

    informazzjoni dwar l-effetti kwantitattivi u kwalitattivi ta’ ingranaġġ, inkluż dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji u in natura li ġew impenjati u dawk li ngħataw realment, dwar il-viżibilità u l-pożizzjonament fil-kuntest internazzjonali, u dwar l-impatt fuq ir-riskji relatati mar-riċerka u l-innovazzjoni tal-investimenti tas-settur privat;

    (g)

    informazzjoni dwar miżuri biex jiġu attirati parteċipanti ġodda, b’mod partikolari SMEs, istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u organizzazzjonijiet ta’ riċerka, u għall-espansjoni tan-networks kollaborattivi.

    3.   L-evalwazzjonijiet tal-operazzjonijiet tal-impriżi konġunti għandhom jitwettqu f’waqthom sabiex jikkontribwixxu għall-evalwazzjonijiet interim u finali ġenerali ta’ Orizzont Ewropa u l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet relatat dwar Orizzont Ewropa, is-suċċessur tiegħu u inizjattivi oħrajn rilevanti għar-riċerka u għall-innovazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 52 tar-Regolament Orizzont Ewropa.

    4.   Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni interim u finali ta’ kull Impriża Konġunta li tikkontribwixxi għall-evalwazzjonijiet ta’ Orizzont Ewropa, kif speċifikat fl-Artikolu 52 tar-Regolament Orizzont Ewropa. L-evalwazzjonijiet għandhom jeżaminaw kif kull impriża konġunta tissodisfa l-missjoni u l-objettivi tagħha, tkopri l-attivitajiet kollha tal-impriża konġunta u tevalwa l-valur miżjud Ewropew, l-effettività, l-effiċjenza tal-impriża konġunta kkonċernata, inkluż l-aċċess miftuħ u t-trasparenza tagħha, ir-rilevanza tal-attivitajiet segwiti u l-koerenza u l-komplementarjetà tagħhom mal-politiki reġjonali, nazzjonali u tal-Unjoni rilevanti, inkluż sinerġiji ma’ partijiet oħrajn ta’ Orizzont Ewropa, bħal missjonijiet, raggruppamenti jew programmi tematiċi jew speċifiċi. L-evalwazzjonijiet għandhom iqisu l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell nazzjonali u għandhom jinkludu wkoll, fejn rilevanti, valutazzjoni tal-impatti xjentifiċi, soċjetali, ekonomiċi u teknoloġiċi fit-tul tal-impriżi konġunti msemmija fl-Artikolu 174(3) sa (9). L-evalwazzjonijiet għandhom jinkludu wkoll, fejn rilevanti, valutazzjoni tal-aktar mod effettiv ta’ intervent permezz ta’ politika għal kwalunkwe azzjoni futura, kif ukoll ir-rilevanza u l-koerenza ta’ kwalunkwe tiġdid possibbli ta’ kull impriża konġunta minħabba l-prijoritajiet tal-politika ġenerali u l-kuntest ta’ appoġġ għar-riċerka u għall-innovazzjoni, inkluż il-pożizzjoni tagħha kontra inizjattivi oħra appoġġati permezz tal-Programm Qafas, b’mod partikolari sħubijiet jew missjonijiet Ewropej. L-evalwazzjonijiet għandhom iqisu wkoll il-pjan ta’ eliminazzjoni gradwali adottat mill-Bord ta’ Tmexxija f’konformità mal-Artikolu 17(2), punt (a1).

    5.   Fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni interim imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’ taġixxi f’konformità mal-Artikolu 11(6) jew tieħu kwalunkwe azzjoni xierqa oħra.

    6.   Il-Kummissjoni tista’ twettaq aktar evalwazzjonijiet ta’ temi jew ta’ suġġetti ta’ rilevanza strateġika, bl-assistenza ta’ esperti indipendenti esterni magħżula fuq il-bażi ta’ proċess trasparenti, sabiex teżamina l-progress li jkun sar minn impriża konġunta fl-objettivi stabbiliti, tidentifika l-fatturi li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet u tidentifika l-aħjar prattiki. Billi twettaq dawk l-evalwazzjonijiet ulterjuri, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra bis-sħiħ l-impatt amministrattiv fuq l-impriża konġunta.

    7.   L-impriżi konġunti għandhom iwettqu rieżamijiet perijodiċi tal-attivitajiet tagħhom sabiex iservu bħala bażi għall-evalwazzjonijiet interim u finali tagħhom bħala parti mill-evalwazzjonijiet ta’ Orizzont Ewropa msemmija fl-Artikolu 52 tar-Regolament Orizzont Ewropa.

    8.   Ir-rieżamijiet u l-evalwazzjonijiet perijodiċi għandhom jitqiesu matul l-istralċ jew l-eliminazzjoni gradwali tal-impriża konġunta msemmija fl-Artikolu 45 ta’ dan ir-Regolament, f’konformità mal-Anness III tar-Regolament Orizzont Ewropa. Fi żmien sitt xhur wara l-istralċ ta’ impriża konġunta, iżda mhux aktar tard minn erba’ snin wara l-bidu tal-proċedura ta’ stralċ imsemmija fl-Artikolu 45 ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni finali ta’ dik l-impriża konġunta f’konformità mal-evalwazzjoni finali ta’ Orizzont Ewropa.

    9.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika u tikkomunika r-riżultati tal-evalwazzjonijiet tal-impriżi konġunti, li għandhom jinkludu konklużjonijiet tal-evalwazzjoni u l-osservazzjonijiet mill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bħala parti mill-evalwazzjonijiet ta’ Orizzont Ewropa msemmija fl-Artikolu 52 tar-Regolament Orizzont Ewropa.

    Artikolu 172

    Appoġġ mill-istat ospitanti

    Jista’ jiġi konkluż ftehim amministrattiv bejn impriża konġunta u l-Istat Membru fejn tinsab is-sede tagħha dwar privileġġi u immunitajiet u appoġġ ieħor li għandu jingħata minn dak l-Istat Membru lill-impriża konġunta kkonċernata.

    Artikolu 173

    Azzjonijiet inizjali

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-istabbiliment u għall-operat inizjali tal-Impriża Konġunta Saħħa Globali EDCTP3 u tal-Impriża Konġunta Networks u Servizzi Intelliġenti sakemm ikollhom il-kapaċità operazzjonali sabiex jimplimentaw il-baġit tagħhom stess. Il-Kummissjoni għandha twettaq l-azzjonijiet neċessarji kollha f’kollaborazzjoni mal-membri l-oħrajn u bl-involviment tal-korpi kompetenti ta’ dawk l-impriżi konġunti.

    2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1:

    (a)

    sakemm id-Direttur Eżekuttiv jassumi jew tassumi l-kariga wara l-ħatra mill-Bord ta’ Tmexxija f’konformità mal-Artikolu 18(2), il-Kummissjoni tista’ taħtar uffiċjal tal-Kummissjoni sabiex jaġixxi bħala Direttur Eżekuttiv interim u jeżerċita d-dmirijiet assenjati lid-Direttur Eżekuttiv;

    (b)

    b’deroga mill-Artikolu 17(2), punt (h), id-Direttur Eżekuttiv interim għandu jeżerċita s-setgħat rilevanti tal-awtorità tal-ħatra fir-rigward ta’ kwalunkwe pożizzjoni tal-persunal li jeħtieġ li timtela qabel ma d-Direttur Eżekuttiv jassumi l-kariga tiegħu f’konformità mal-Artikolu 18(2);

    (c)

    il-Kummissjoni tista’ tassenja għadd limitat ta’ uffiċjali tagħha fuq bażi interim.

    3.   Id-Direttur Eżekuttiv interim jista’ jawtorizza l-pagamenti kollha koperti mill-approprjazzjonijiet previsti fil-baġit annwali tal-Impriżi Konġunti msemmija fil-paragrafu 1 wara li jiġu approvati mill-Bord ta’ Tmexxija u jista’ jikkonkludi ftehimiet, deċiżjonijiet u kuntratti, inkluż kuntratti ta’ impjieg tal-persunal, wara l-adozzjoni tal-pjan ta’ stabbiliment tal-persunal ta’ dawk l-impriżi konġunti.

    4.   Id-Direttur Eżekuttiv interim għandu, bil-qbil tad-Direttur Eżekuttiv li jkun ser jibda u soġġett għall-approvazzjoni tal-Bord ta’ Tmexxija, jiddetermina d-data li fiha l-impriża konġunta kkonċernata titqies li jkollha l-kapaċità li timplimenta l-baġit tagħha stess. Minn dik id-data, il-Kummissjoni għandha tastjeni milli tagħmel impenji u teżegwixxi pagamenti għall-attivitajiet ta’ dik l-impriża konġunta.

    Artikolu 174

    Tħassir u dispożizzjonijiet tranżitorji

    1.   Jitħassru r-Regolamenti (KE) Nru 219/2007, (UE) Nru 557/2014, (UE) Nru 558/2014, (UE) Nru 559/2014, (UE) Nru 560/2014, (UE) Nru 561/2014 u (UE) Nru 642/2014.

    2.   L-azzjonijiet li jinbdew jew li jitkomplew skont ir-Regolamenti msemmija fil-paragrafu 1 u l-obbligi finanzjarji relatati ma’ tali azzjonijiet għandhom ikomplu jiġu rregolati b’dawk ir-Regolamenti sakemm jitlestew.

    3.   L-Impriża Konġunta Ewropa Ċirkolari b’Bażi Bijoloġika għandha tkun is-suċċessur legali u universali fir-rigward tal-kuntratti kollha, inkluż il-kuntratti ta’ impjieg u l-ftehimiet ta’ għotja, l-obbligazzjonijiet u l-proprjetà akkwistata tal-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’Bażi Bijoloġika stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 560/2014, li tagħha għandha tkun is-sostitut u s-suċċessur.

    4.   L-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa għandha tkun is-suċċessur legali u universali fir-rigward tal-kuntratti kollha, inkluż il-kuntratti ta’ impjieg u l-ftehimiet ta’ għotja, l-obbligazzjonijiet u l-proprjetà akkwistata tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2 stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 558/2014, li tagħha għandha tkun is-sostitut u s-suċċessur.

    5.   L-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif għandha tkun is-suċċessur legali u universali fir-rigward tal-kuntratti kollha, inkluż il-kuntratti ta’ impjieg u l-ftehimiet ta’ għotja, l-obbligazzjonijiet u l-proprjetà akkwistata tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 559/2014, li tagħha għandha tkun is-sostitut u s-suċċessur.

    6.   L-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea għandha tkun is-suċċessur legali u universali fir-rigward tal-kuntratti kollha, inkluż il-kuntratti ta’ impjieg u l-ftehimiet ta’ għotja, l-obbligazzjonijiet u l-proprjetà akkwistata tal-impriża konġunta Shift2Rail stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 642/2014, li tagħha għandha tkun is-sostitut u s-suċċessur.

    7.   L-Impriża Konġunta Inizjattiva għal Saħħa Innovattiva għandha tkun is-suċċessur legali u universali fir-rigward tal-kuntratti kollha, inkluż il-kuntratti ta’ impjieg u l-ftehimiet ta’ għotja, l-obbligazzjonijiet u l-proprjetà akkwistata tal-Impriża Konġunta Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 557/2014, li tagħha għandha tkun is-sostitut u s-suċċessur.

    8.   L-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin għandha tkun is-suċċessur legali u universali fir-rigward tal-kuntratti kollha, inkluż il-kuntratti ta’ impjieg u l-ftehimiet ta’ għotja, l-obbligazzjonijiet u l-proprjetà akkwistata tal-impriża konġunta ECSEL stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 561/2014, li tagħha għandha tkun is-sostitut u s-suċċessur.

    9.   L-Impriża Konġunta Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew 3 għandha tkun is-suċċessur legali u universali fir-rigward tal-kuntratti kollha, inkluż il-kuntratti ta’ impjieg u l-ftehimiet ta’ għotja, l-obbligazzjonijiet u l-proprjetà akkwistata tal-Impriża Konġunta SESAR stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 219/2007, li tagħha għandha tkun is-sostitut u s-suċċessur.

    10.   Dan ir-Regolament ma jaffettwax id-drittijiet u l-obbligi tal-persunal impjegat skont ir-Regolamenti msemmija fil-paragrafu 1.

    11.   Id-Diretturi Eżekuttivi maħtura skont ir-Regolamenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom, għall-bqija tal-mandat tagħhom, jiġu assenjati għall-funzjonijiet tad-Direttur Eżekuttiv kif previst f’dan ir-Regolament b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Il-kundizzjonijiet l-oħrajn tal-kuntratt ma għandhomx jinbidlu.

    12.   Fl-ewwel laqgħa tiegħu, il-Bord ta’ Tmexxija ta’ kull impriża konġunta għandu jadotta lista ta’ deċiżjonijiet adottati mill-Bord ta’ Tmexxija tal-impriżi konġunti preċedenti msemmija fil-paragrafi 3 sa 9 li għandhom ikomplu japplikaw għall-impriża konġunta kkonċernata stabbilita b’dan ir-Regolament.

    13.   L-evalwazzjonijiet interim imsemmija fl-Artikolu 171(2) għandhom jinkludu evalwazzjoni finali tal-impriżi konġunti preċedenti msemmija fil-paragrafi 3 sa 9 ta’ dan l-Artikolu.

    14.   Kwalunkwe approprjazzjoni mhux użata skont ir-Regolamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi ttrasferita lill-impriża konġunta korrispondenti stabbilita b’dan ir-Regolament. Kwalunkwe approprjazzjoni operazzjonali mhux użata ttrasferita b’dan il-mod għandha l-ewwel tintuża sabiex tipprovdi appoġġ finanzjarju għal azzjonijiet indiretti mibdija fil-qafas ta’ Orizzont 2020. L-approprjazzjonijiet operazzjonali li jifdal jistgħu jintużaw għal azzjonijiet indiretti mibdija skont dan ir-Regolament. Meta tali approprjazzjonijiet operazzjonali jintużaw għal azzjonijiet indiretti mibdija skont dan ir-Regolament, dawn għandhom jgħoddu mal-kontribuzzjoni finanzjarja li għandha tiġi pprovduta mill-Unjoni lill-impriża konġunta rispettiva skont dan ir-Regolament.

    Artikolu 175

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Novembru 2021.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES


    (1)  Opinjoni tal-21 ta’ Ottubru 2021 (għadha ma ġietx ippubblikata mill-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  ĠU C 341, 24.8.2021, p. 29.

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

    (5)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

    (6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 tal-10 ta’ Mejju 2021 li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li jimplimenta l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/743/UE (ĠU L 167I, 12.5.2021, p. 1).

    (7)  Ir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 60).

    (8)  Ir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21).

    (9)  Ir-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1004 (ĠU L 247, 13.7.2021, p. 1).

    (10)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).

    (11)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).

    (12)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

    (13)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r- Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

    (14)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

    (15)  ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

    (16)  Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).

    (17)  Id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1).

    (18)  Ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ĠU L 96 31.3.2004, p. 1).

    (19)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 tas-27 ta’ Frar 2007 dwar l-istabbiliment ta’ Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta’ ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR) (ĠU L 64, 2.3.2007, p. 1).

    (20)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/320/KE tat-30 ta’ Marzu 2009 li tendorsja l-Pjan Direttur Ewropew għall-Ġestjoni tal-Ajru tal-proġett ta’ Riċerka tal-ATM tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR) (ĠU L 95, 9.4.2009, p. 41).

    (21)  Ir-Regolament (UE) 2021/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014 (ĠU L 249, 14.7.2021, p. 38).

    (22)  Ir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 (ĠU L 166, 11.5.2021, p. 1).

    (23)  Ir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 (ĠU L 107, 26.3.2021, p. 30).

    (24)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 557/2014 tas- 6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 54).