Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1351

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1351 tas-6 ta’ Mejju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-karatteristiċi tas-sistemi u l-kontrolli għall-identifikazzjoni u r-rappurtar ta’ kwalunkwe mġiba li tista’ tinvolvi l-manipulazzjoni jew it-tentattiv ta’ manipulazzjoni ta’ parametru referenzjarju (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/3125

ĠU L 291, 13.8.2021, pp. 13–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/1351/oj

13.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 291/13


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1351

tas-6 ta’ Mejju 2021

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-karatteristiċi tas-sistemi u l-kontrolli għall-identifikazzjoni u r-rappurtar ta’ kwalunkwe mġiba li tista’ tinvolvi l-manipulazzjoni jew it-tentattiv ta’ manipulazzjoni ta’ parametru referenzjarju

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Jenħtieġ li jiġi żgurat li l-manipulazzjoni jew it-tentattiv ta’ manipulazzjoni ta’ parametru referenzjarju tkun effettiva u adegwata. Għaldaqstant huwa meħtieġ li s-sistemi u l-kontrolli ta’ amministratur ta’ parametru referenzjarju jkunu proporzjonati għan-natura, il-kumplessità u r-riskju ta’ manipulazzjoni tal-parametru referenzjarju pprovdut u li r-riskju ta’ manipulazzjoni jiġi evalwat abbażi ta’ valutazzjoni oġġettiva li tqis l-oriġini, in-natura, il-pekuljarità u s-severità ta’ tali riskju.

(2)

Sabiex jiġi żgurat li d-detezzjoni ta’ kwalunkwe mġiba li tista’ tinvolvi manipulazzjoni jew tentattiv ta’ manipulazzjoni ta’ parametru referenzjarju tkun effettiva, huwa meħtieġ li jiġu previsti sistemi awtomatizzati xierqa għall-monitoraġġ tad-data tal-input. Madankollu, is-sistemi awtomatizzati waħedhom mhumiex biżżejjed biex jiżguraw li l-imġiba manipulattiva tiġi identifikata b’mod effettiv. Għaldaqstant is-sistemi awtomatizzati jenħtieġ li jiġu kkumplimentati b’livell adegwat ta’ analiżi umana li għandha titwettaq minn persunal imħarreġ b’mod xieraq.

(3)

Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jivvalutaw b’mod effettiv il-miżuri meħuda biex jidentifikaw u jirrappurtaw mġiba ħażina, jenħtieġ li l-amministraturi, fuq talba, jipprovdu lill-awtorità kompetenti b’informazzjoni dwar in-natura, il-kumplessità u r-riskju ta’ manipulazzjoni tal-parametru referenzjarju kkonċernat, u jissostanzjaw l-adegwatezza tal-livell ta’ awtomatizzazzjoni u tal-analiżi umana magħżulin.

(4)

L-impjegati ta’ amministratur ta’ parametru referenzjarju li huma responsabbli mit-tħaddim tas-sistemi u l-kontrolli tal-amministratur jenħtieġ li jirċievu taħriġ xieraq biex ikunu jistgħu janalizzaw jekk l-input ta’ data partikolari huwiex suspettuż jew le. Tali taħriġ jenħtieġ li jiżgura li dawn l-impjegati jkunu konxji mill-karatteristiċi tas-sottomissjoni korretta tad-data tal-input, u tad-diskrepanzi fid-data tal-input li potenzjalment jkunu kkawżati minn manipulazzjoni jew minn tentattiv ta’ manipulazzjoni. It-taħriġ jenħtieġ li jitfassal b’mod effettiv skont in-natura, il-kumplessità u r-riskju ta’ manipulazzjoni tal-parametru referenzjarju pprovdut.

(5)

L-amministraturi jistgħu jippreferu li jesternalizzaw il-funzjonijiet relatati mas-sistemi u l-kontrolli. Din l-esternalizzazzjoni jenħtieġ li tkun possibbli biss dment li ma tfixkilx materjalment il-kontroll tal-amministratur fuq l-għoti tal-parametru referenzjarju jew il-kapaċità tal-awtorità kompetenti rilevanti li tissorvelja l-parametru referenzjarju, u hija f’kull każ soġġetta għar-rekwiżiti tal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2016/1011.

(6)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA, European Securities and Markets Authority).

(7)

L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqhom, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(8)

Sabiex tiġi żgurata konformità mad-data tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/2175 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li daħħal fir-Regolament (UE) 2016/1011 l-Artikolu 14(4) ta’ dak ir-Regolament, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Sistemi adegwati u kontroll effettiv

1.   Is-sistemi adegwati u l-kontroll effettiv imsemmijin fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011 għandhom jkunu:

(a)

adegwati għan-natura, il-kumplessità u r-riskju ta’ manipulazzjoni tal-parametru referenzjarju pprovdut, kif ukoll proporzjonali għalihom.

(b)

rieżaminati u aġġornati meta jkun meħtieġ b’mod regolari u tal-anqas darba fis-sena, biex jiġi żgurat li dawn is-sistemi u l-kontrolli jkomplu jikkonformaw mal-punt (a);

(c)

iddokumentati bil-miktub b’mod ċar u li jinftiehem, inkluż kwalunkwe tibdil jew aġġornament ta’ dawn is-sistemi u l-kontrolli.

Għall-finijiet tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, l-amministratur għandu, fuq bażi regolari u mill-inqas darba fis-sena, jivvaluta r-riskju ta’ manipulazzjoni tal-parametru referenzjarju pprovdut, filwaqt li jqis l-elementi li ġejjin:

(a)

l-operazzjonijiet previsti meħtieġa biex jingħata l-parametru referenzjarju;

(b)

l-oriġini, in-natura, il-pekuljarità u s-severità potenzjali tar-riskju ta’ manipulazzjoni;

(c)

il-miżuri previsti biex jindirizzaw ir-riskju ta’ manipulazzjoni, inklużi s-salvagwardji, il-miżuri ta’ sigurtà u l-proċeduri interni.

2.   Is-sistemi adegwati u l-kontrolli effettivi msemmija fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011 għandhom jinkludu, sa livell li jkun xieraq għan-natura, il-kumplessità u r-riskju ta’ manipulazzjoni tal-parametru referenzjarju pprovdut, l-elementi kollha li ġejjin:

(a)

is-software li bih ikun jista’ jsir il-qari awtomatizzat diferit, ir-rieżami u l-analiżi tad-data tal-input;

(b)

l-analiżi umana fid-detezzjoni u l-identifikazzjoni ta’ mġiba li tista’ tinvolvi manipulazzjoni jew tentattiv ta’ manipulazzjoni ta’ parametru referenzjarju.

3.   L-amministratur għandu, fuq talba mill-awtorità kompetenti, jipprovdi lill-awtorità kompetenti bl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punti (a), (b) u (c), u jissostanzja l-adegwatezza tal-livell ta’ awtomatizzazzjoni u ta’ analiżi umana magħżula, kif imsemmi fil-paragrafu 2.

Artikolu 2

Taħriġ

1.   Is-sistemi adegwati u l-kontrolli effettivi msemmijin fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011 għandhom jitħaddmu mill-impjegati tal-amministratur li jkunu mħarrġa b’mod adegwat u regolari biex:

(a)

isibu u jidentifikaw kwalunkwe data tal-input suspettuża li tista’ tkun ir-riżultat ta’ manipulazzjoni tal-parametru referenzjarju jew ta’ tentattiv ta’ manipulazzjoni;

(b)

jirrapportaw fil-pront kwalunkwe sejba lill-linja ġerarkika interna tagħhom.

2.   Fid-determinazzjoni tal-kontenut tat-taħriġ imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-amministratur għandu jqis in-natura, il-kumplessità u r-riskju ta’ manipulazzjoni tal-parametru referenzjarju pprovdut kif imsemmi fl-Artikolu 1(1), il-punt (a).

Artikolu 3

Politika ta’ integrità għad- data tal-input

Is-sistemi adegwati u l-kontrolli effettivi msemmijin fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011 għandhom ikunu ddokumentati f’politika ta’ integrità għad-data tal-input li tagħti:

(a)

ir-riskju ta’ manipulazzjoni tal-parametru referenzjarju

(b)

deskrizzjoni ġenerali tas-sistemi adegwati u tal-kontrolli effettivi, inkluża l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 1;

(c)

deskrizzjoni ġenerali tat-taħriġ tal-impjegati tal-amministratur involut fit-tħaddim ta’ sistemi adegwati u ta’ kontrolli effettivi, kif imsemmi fl-Artikolu 2;

(d)

l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-persuni responsabbli mis-sistemi adegwati u l-kontrolli effettivi.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2019/2175 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji, ir-Regolament (UE) 2016/1011 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment; u r-Regolament (UE) 2015/847 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi (ĠU L 334, 27.12.2019, p. 1).


Top