EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1255

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1255 tal-21 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 231/2013 fir-rigward tar-riskji għas-sostenibbiltà u l-fatturi ta’ sostenibbiltà li għandhom jitqiesu minn Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/2615

OJ L 277, 2.8.2021, p. 11–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/1255/oj

2.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 277/11


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1255

tal-21 ta’ April 2021

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 231/2013 fir-rigward tar-riskji għas-sostenibbiltà u l-fatturi ta’ sostenibbiltà li għandhom jitqiesu minn Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(3), l-Artikolu 14(4), l-Artikolu 15(5) u l-Artikolu 18(2) tagħha,

Billi:

(1)

It-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livelli baxxi ta’ karbonju, effiċjenti fir-riżorsi u ċirkolari skont l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli hija essenzjali sabiex tiġi żgurata l-kompetittività fit-tul tal-ekonomija tal-Unjoni. Fl-2016, l-Unjoni kkonkludiet il-Ftehim ta’ Pariġi (2). L-Artikolu 2(1)(c) tal-Ftehim ta’ Pariġi jistabbilixxi l-objettiv li jissaħħaħ ir-rispons għat-tibdil fil-klima, fost affarijiet oħra billi l-flussi ta’ finanzjament isiru konsistenti ma’ perkors lejn emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet b’effett ta’ serra kif ukoll l-iżvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima.

(2)

Huwa minħabba r-rikonoxximent ta’ dik l-isfida li f’Diċembru 2019 il-Kummissjoni ppreżentat il-Patt Ekoloġiku Ewropew (3). Dak il-Patt Ekoloġiku jirrappreżenta strateġija ġdida ta’ tkabbir li għandha l-għan li tittrasforma l-Unjoni f’soċjetà ġusta u prospera, b’ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva fejn ma jkunx hemm emissjonijiet netti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mill-2050 ’il quddiem u fejn it-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi. Dak l-objettiv jirrikjedi li l-investituri jingħataw sinjali ċari fir-rigward tal-investimenti tagħhom biex jevitaw assi mhux rekuperabbli u jippromwovu l-finanzjament sostenibbli.

(3)

F’Marzu 2018, il-Kummissjoni ppubblikat il-Pjan ta’ Azzjoni tagħha “Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli” (4), li jistabbilixxi strateġija ambizzjuża u komprensiva dwar il-finanzjament sostenibbli. Wieħed mill-objettivi stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni huwa li tingħata direzzjoni ġdida lill-flussi tal-kapital lejn investimenti sostenibbli sabiex jinkiseb tkabbir sostenibbli u inklużiv. Il-valutazzjoni tal-impatt li tirfed l-inizjattivi leġiżlattivi sussegwenti ppubblikati f’Mejju 2018 (5) uriet il-ħtieġa li jiġi ċċarat li l-fatturi ta’ sostenibbiltà għandhom jitqiesu minn Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi (“AIFMs”) bħala parti mid-dmirijiet tagħhom lejn l-investituri. L-AIFMs għandhom għalhekk jivvalutaw mhux biss ir-riskji finanzjarji rilevanti kollha fuq bażi kontinwa, iżda wkoll ir-riskji għas-sostenibbiltà kollha rilevanti kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) li, fejn iseħħu, jistgħu jikkawżaw impatt negattiv materjali reali jew potenzjali fuq il-valur ta’ investiment. Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2013 (7) ma jirreferix b’mod espliċitu għar-riskji għas-sostenibbiltà. Għal din ir-raġuni u biex ikun żgurat li l-proċeduri interni u l-arranġamenti organizzattivi jiġu implimentati u osservati kif xieraq, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li l-proċessi, is-sistemi u l-kontrolli interni tal-AIFMs jirriflettu r-riskji għas-sostenibbiltà, u li l-kapaċità teknika u l-għarfien huma meħtieġa biex jiġu analizzati dawk ir-riskji.

(4)

Skont ir-Regolament (UE) 2019/2088 l-AIFMs li huma obbligati jikkunsidraw l-impatti negattivi prinċipali ta’ deċiżjonijiet ta’ investiment fuq fatturi ta’ sostenibbiltà, jew li jqisu dawk l-impatti negattivi prinċipali b’mod volontarju, huma obbligati jiżvelaw kif il-politiki ta’ diliġenza dovuta tagħhom iqisu dawk l-impatti negattivi prinċipali. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn ir-Regolament (UE) 2019/2088 u r-Regolament Delegat (UE) Nru 231/2013, dak l-obbligu għandu jkun rifless fir-Regolament Delegat (UE) Nru 231/2013.

(5)

Sabiex jinżamm standard għoli ta’ protezzjoni tal-investitur, l-AIFMs għandhom, meta jidentifikaw it-tipi ta’ kunflitti ta’ interess li l-eżistenza tagħhom tista’ tagħmel ħsara lill-interessi ta’ AIF, jinkludu kunflitti ta’ interess li jistgħu jinħolqu bħala riżultat tal-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà fil-proċessi, is-sistemi u l-kontrolli interni tagħhom. Dawk il-konflitti jistgħu jinkludu kunflitti li jirriżultaw minn remunerazzjoni jew minn tranżazzjonijiet personali tal-persunal rilevanti, kunflitti ta’ interess li jistgħu jwasslu għal greenwashing, bejgħ inadatt jew rappreżentazzjoni ħażina ta’ strateġiji ta’ investiment u kunflitti ta’ interess bejn AIFs differenti ġestiti mill-istess AIFM.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) Nru 231/2013 jiġi emendat skont dan.

(7)

L-awtoritajiet kompetenti u l-AIFMs għandhom jingħataw żmien biżżejjed biex jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda li jinsabu f’dan ir-Regolament. Għalhekk l-applikazzjoni tagħha għandha tiġi differita,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 231/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, jiżdiedu l-punti (6) u (7) li ġejjin:

“(6)

“riskju għas-sostenibbiltà” strument finanzjarju li l-objettiv tiegħu huma investimenti sostenibbli kif definiti fl-Artikolu 2(22) tar-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

(7)

“fatturi ta’ sostenibbiltà” tfisser fatturi ta’ sostenibbiltà kif definiti fl-Artikolu 2(24) tar-Regolament (UE) 2019/2088.

(*1)  Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).”;"

(2)

fl-Artikolu 18, jiżdiedu l-paragrafi 5 u 6 li ġejjin:

“5.   L-AIFMs għandhom iqisu r-riskji għas-sostenibbiltà meta jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 3.

6.   Fejn l-AIFMs iqisu l-impatti avversi prinċipali tad-deċiżjonijiet ta’ investiment fuq fatturi ta’ sostenibbiltà kif deskritt fl-Artikolu 4(1), il-punt (a) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/2088, jew kif meħtieġ mill-paragrafi 3 jew 4 tal-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament, dawk l-AIFMs għandhom iqisu l-impatti negattivi prinċipali bħal dawn meta jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu.”;

(3)

fl-Artikolu 22, għandu jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-AIFMs għandhom iżommu r-riżorsi u l-għarfien espert meħtieġa għall-integrazzjoni effettiva tar-riskji għas-sostenibbiltà.”;

(4)

fl-Artikolu 30, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-AIFMs għandhom jiżguraw li fl-identifikazzjoni tat-tipi ta’ kunflitti ta’ interess, li l-eżistenza tagħhom tista’ tagħmel ħsara lill-interessi ta’ AIF, dawn għandhom jinkludu dawk it-tipi ta’ kunflitti ta’ interess li jistgħu jinħolqu bħala riżultat tal-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà fil-proċessi, is-sistemi u l-kontrolli interni tagħhom.”;

(5)

fl-Artikolu 40, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-politika tal-ġestjoni tar-riskji għandha tinkludi dawk il-proċeduri meħtieġa biex l-AIFM ikun jista’ jivvaluta l-iskopertura ta’ kull AIF li jimmaniġġja għar-riskji tas-suq, il-likwidità, is-sostenibbiltà u l-kontraparti, u l-iskopertura tal-AIF għar-riskji rilevanti l-oħra kollha, inklużi riskji operazzjonali, li jistgħu jkunu materjali għal kull AIF li jimmaniġġja”.

(6)

fl-Artikolu 57(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-AIFMs għandhom iqisu r-riskji għas-sostenibbiltà meta jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-ewwel subparagrafu.”;

(7)

fl-Artikolu 60(2), jiżdied il-punt (i) li ġej:

“(i)

huwa responsabbli għall-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà fl-attivitajiet imsemmija fil-punti (a) sa (h).”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Awwissu 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ April 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 tal-5 ta’ Ottubru 2016 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4).

(3)  COM(2019) 640 final.

(4)  COM(2018) 97 final.

(5)  SWD(2018) 264 final.

(6)  Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).

(7)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2013 tad-19 ta’ Diċembru 2012 li jissupplimenta d-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-eżenzjonijiet, il-kundizzjonijiet ġenerali tal-operat, id-depożitarji, l-ingranaġġ, it-trasparenza u s-superviżjoni (ĠU L 83, 22.3.2013, p. 1).


Top