EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1225

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1225 tas-27 ta’ Lulju 2021 li jispeċifika l-arranġamenti għall-iskambji tad-data skont ir-Regolament (UE) 2019/2152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1197, fir-rigward tal-Istat Membru tal-esportazzjoni barra mill-Unjoni u l-obbligi tal-unitajiet tar-rappurtar (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/5404

OJ L 269, 28.7.2021, p. 58–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/1225/oj

28.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 269/58


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1225

tas-27 ta’ Lulju 2021

li jispeċifika l-arranġamenti għall-iskambji tad-data skont ir-Regolament (UE) 2019/2152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1197, fir-rigward tal-Istat Membru tal-esportazzjoni barra mill-Unjoni u l-obbligi tal-unitajiet tar-rappurtar

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/2152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Ewropea tan-negozju, li tħassar 10 atti legali fil-qasam tal-istatistika tan-negozju (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(5) u l-Artikolu 7(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Huwa meħtieġ li jiġu speċifikati l-arranġamenti għall-iskambju tad-data ta’ informazzjoni statistika relatata mal-esportazzjonijiet u mal-importazzjonijiet ta’ oġġetti li għandhom jiġu pprovduti mill-awtoritajiet doganali u tat-taxxa ta’ kull Stat Membru lill-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Istatistika (NSAs) kompetenti.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2019/2152 jistabbilixxi l-iskambju ta’ mikrodata minn dikjarazzjonijiet doganali bejn l-NSAs tal-Istati Membri għal finijiet statistiċi, sabiex tiġi prodotta statistika armonizzata dwar il-kummerċ internazzjonali ta’ oġġetti u sabiex tittejjeb il-kwalità ta’ dik l-istatistika. Huwa meħtieġ li jiġu speċifikati l-arranġamenti għal dan l-iskambju ta’ mikrodata bejn l-NSAs, sabiex jiġi definit l-ambitu tiegħu, sabiex tiġi elenkata l-mikrodata li għandha tiġi skambjata u sabiex jiġu stabbiliti l-format, il-miżuri tas-sigurtà u l-proċedura għall-iskambju ta’ din id-data.

(3)

Jeħtieġ li jiġi emendat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1197 (2) fir-rigward tal-ewwel perjodu referenzjarju għall-applikazzjoni tad-definizzjoni tal-Istat Membru tal-esportazzjoni ’l barra mill-Unjoni, billi l-applikazzjoni tiegħu tiġi differita b’sentejn. Dan sabiex jiġi żgurat li l-NSAs ikunu kapaċi jidentifikaw oġġetti fi kważi esportazzjoni u jiddeterminaw l-Istat Membru tal-esportazzjoni reali b’mod koerenti, bl-għajnuna tal-mikrodata li għandha tiġi skambjata, u sabiex l-NSAs ikunu jistgħu jiżguraw il-kwalità tal-istatistika prodotta.

(4)

Jeħtieġ ukoll li jiġi emendat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1197 fir-rigward tal-obbligi tal-importaturi u tal-esportaturi li jassistu lill-NSAs biex jiċċaraw kwistjonijiet relatati mal-kwalità tad-data.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika, stabbilit permezz tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jispeċifika l-arranġamenti għall-iskambji tad-data bejn l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika (NSAs), u għall-iskambji tad-data bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u l-NSAs. Jispeċifika wkoll l-arranġamenti għall-iskambju ta’ mikrodata minn dikjarazzjonijiet doganali relatati mal-esportazzjonijiet u mal-importazzjonijiet ta’ oġġetti bejn l-NSAs.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“żdoganar ċentralizzat fil-perjodu tranżizzjonali” tfisser żdoganar ċentralizzat skont it-tifsira tal-Artikolu 179 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li jinvolvi l-awtoritajiet doganali ta’ iktar minn Stat Membru wieħed, u fejn il-mezz ta’ skambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali huwa stabbilit mill-Artikolu 18 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/341 (5);

(b)

“Stat Membru mittenti” tfisser l-Istat Membru fejn tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni doganali, fejn ir-rekords mid-dikjarazzjonijiet doganali jirreferu għal żdoganar ċentralizzat fil-perjodu tranżizzjonali jew għal oġġetti fi kważi esportazzjoni;

(c)

“Stat Membru riċeventi” tfisser l-Istat Membru li jikseb mikrodata mill-Istat Membru mittenti.

Artikolu 3

Arranġamenti għall-iskambju tad-data bejn l-awtoritajiet doganali u l-NSAs

1.   Ir-rekords mid-dikjarazzjonijiet doganali, kif imsemmi fil-punt (c) tal-Anness VI tar-Regolament (UE) 2019/2152, għandhom jiġu pprovduti mill-awtoritajiet doganali lill-NSAs tagħhom mingħajr dewmien u, l-iktar tard, matul ix-xahar ta’ wara x-xahar li fih id-dikjarazzjonijiet doganali ġew aċċettati jew kienu soġġetti għal deċiżjonijiet mid-dwana li jappartjenu lilhom.

2.   Meta r-rekords mid-dikjarazzjonijiet doganali pprovduti jiġu emendati jew mibdula, l-awtoritajiet doganali għandhom jipprovdu lill-NSAs tagħhom b’informazzjoni riveduta.

3.   L-awtoritajiet doganali għandhom jivverifikaw, fuq talba tal-NSAs tagħhom, il-korrettezza u l-kompletezza tar-rekords mid-dikjarazzjonijiet doganali pprovduti minnhom.

Artikolu 4

Arranġamenti għall-iskambju tad-data bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika

1.   L-informazzjoni msemmija fl-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/2152 għandha tiġi pprovduta mill-awtoritajiet tat-taxxa lill-NSAs tagħhom malli tasal l-informazzjoni u, l-iktar tard, matul ix-xahar ta’ wara x-xahar li fih l-informazzjoni tkun saret disponibbli.

2.   Meta l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet tat-taxxa tiġi emendata jew mibdula, l-awtoritajiet tat-taxxa għandhom jipprovdu lill-NSAs tagħhom b’informazzjoni riveduta.

3.   L-awtoritajiet tat-taxxa għandhom jivverifikaw, fuq talba tal-NSAs tagħhom, il-korrettezza u l-kompletezza tal-informazzjoni pprovduta minnhom.

Artikolu 5

Arranġamenti għall-iskambju tal-mikrodata minn dikjarazzjonijiet doganali bejn l-Istati Membri għal finijiet statistiċi

1.   Meta r-rekords mid-dikjarazzjonijiet doganali jirreferu għal żdoganar ċentralizzat fil-perjodu tranżizzjonali jew għal oġġetti fi kważi esportazzjoni, l-NSA tal-Istat Membru mittenti għandha tipprovdi, lill-NSA tal-Istat Membru riċeventi, bil-mikrodata relatata mal-esportazzjonijiet jew mal-importazzjonijiet ta’ oġġetti pprovduta mill-awtorità doganali tal-Istat Membru mittenti.

2.   Meta r-rekords mid-dikjarazzjonijiet doganali jirreferu għal żdoganar ċentralizzat fil-perjodu tranżizzjonali, l-Istat Membru riċeventi għandu jkun l-Istat Membru li fit-territorju statistiku tiegħu jkunu jinsabu l-oġġetti fil-ħin tar-rilaxx fil-proċedura doganali jew fil-mument tar-riesportazzjoni.

3.   Meta r-rekords mid-dikjarazzjonijiet doganali jirreferu għal oġġetti fi kważi esportazzjoni, kif imsemmi fit-Taqsima 1(1) tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2020/1197, l-Istat Membru riċeventi għandu jkun l-Istat Membru tal-esportazzjoni reali, kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tat-Taqsima 17(2) tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2020/1197.

4.   Il-mikrodata msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi:

(a)

meta r-rekords mid-dikjarazzjonijiet doganali jirreferu għall-importazzjonijiet fil-qafas tal-iżdoganar ċentralizzat fil-perjodu tranżizzjonali, il-mikrodata kif stabbilita fil-kolonna C1 tal-Anness;

(b)

meta r-rekords mid-dikjarazzjonijiet doganali jirreferu għall-esportazzjonijiet fil-qafas tal-iżdoganar ċentralizzat fil-perjodu tranżizzjonali, il-mikrodata kif stabbilita fil-kolonna C2 tal-Anness;

(c)

meta r-rekords mid-dikjarazzjonijiet doganali jirreferu għal oġġetti fi kważi esportazzjoni, il-mikrodata kif stabbilita fil-kolonna C3 tal-Anness.

5.   L-NSA tal-Istat Membru mittenti għandha tipprovdi lill-NSA tal-Istat Membru riċeventi bil-metadata rilevanti għall-użu tal-mikrodata skambjata fil-kompilazzjoni tal-istatistika.

6.   Il-paragrafi 1 sa 5 ma għandhomx japplikaw meta l-Istat Membru mittenti jkun l-Istat Membru tal-esportazzjoni reali, kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tat-Taqsima 17(2) tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2020/1197.

Artikolu 6

Skeda għall-iskambju ta’ mikrodata bejn l-Istati Membri

1.   L-NSA tal-Istat Membru mittenti għandha tipprovdi lill-NSA tal-Istat Membru riċeventi bil-mikrodata msemmija fl-Artikolu 5 mhux iktar tard minn 30 jum kalendarju wara tmiem ix-xahar referenzjarju.

2.   Meta jsiru disponibbli rekords addizzjonali, emendati jew mibdula mid-dikjarazzjonijiet doganali għall-NSA tal-Istat Membru mittenti wara l-iskadenza msemmija fil-paragrafu 1, l-NSA tal-Istat Membru mittenti għandha tipprovdi lill-NSA tal-Istat Membru riċeventi bil-mikrodata riveduta malajr kemm jista’ jkun u mhux iktar tard minn 30 jum kalendarju wara tmiem ix-xahar li fih saru disponibbli r-rekords addizzjonali, emendati jew mibdula mid-dikjarazzjonijiet doganali.

Artikolu 7

Miżuri tas-sigurtà

F’konformità mal-Artikolu 10(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (6), sabiex ikunu intitolati jirċievu mikrodata u metadata f’konformità mal-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament, l-NSAs li jirċievu jew li jipproċessaw din il-mikrodata u l-metadata fl-Istat Membru riċeventi jridu jiżguraw li s-sistemi tal-IT tagħhom ikunu protetti b’livell ekwivalenti għall-politika tas-sigurtà tas-sistemi ta’ komunikazzjoni u ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni, kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 (7), għar-regoli ta’ implimentazzjoni tagħha u għall-istandards tas-sigurtà korrispondenti.

Artikolu 8

Protezzjoni tad- data

Fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, l-NSAs għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

Fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-Kummissjoni (Eurostat), dan għandu jikkonforma mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

Artikolu 9

Format tal-mikrodata u tal-metadata skambjati u proċedura għall-iskambju

1.   Il-mikrodata u l-metadata skambjati f’konformità mal-Artikolu 5 għandhom jiġu skambjati b’mod elettroniku u għandhom jiġu trażmessi jew jittellgħu permezz tal-punt tad-dħul uniku tal-Kummissjoni (Eurostat) għall-mikrodata u, meta jkun xieraq, għall-metadata.

2.   Jenħtieġ li l-Istati Membri jimplimentaw l-istandards ta’ skambju f’konformità mal-linji gwida dwar l-implimentazzjoni pprovduti mill-Kummissjoni (Eurostat).

Artikolu 10

Emenda għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1197

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1197 huwa emendat kif ġej:

(a)

fit-Taqsima 2(2) tal-Anness V, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

Stat Membru tal-esportazzjoni ’l barra mill-Unjoni” tfisser l-Istat Membru li fit-territorju statistiku tiegħu jkunu jinsabu l-oġġetti fil-ħin tar-rilaxx fil-proċedura doganali jew fil-mument tar-riesportazzjoni.

Madankollu, fil-każ ta’ oġġetti fi kważi esportazzjoni, jekk ikun jista’ jiġi ddeterminat l-“Istat Membru tal-esportazzjoni attwali” kif speċifikat fit-tieni subparagrafu tat-Taqsima 17(2) ta’ dan l-Anness, l-“Istat Membru tal-esportazzjoni ’l barra mill-Unjoni” mill-perjodu referenzjarju ta’ Jannar 2024 ’il quddiem għandu jkun l-Istat Membru tal-esportazzjoni reali.”;

(b)

fl-Anness V, it-Taqsima 8(3) hija sostitwita b’dan li ġej:

“3.

L-importatur fl-Istat Membru tal-importazzjoni jew l-esportatur fl-Istat Membru tal-esportazzjoni għandhom ikunu obbligati jassistu lill-NSA fl-Istat Membru tal-importazzjoni jew fl-Istat Membru tal-esportazzjoni, rispettivament, biex jiġu ċċarati kwistjonijiet ta’ kwalità tad-data relatati mal-informazzjoni statistika, esklużivament għall-fini tal-assigurazzjoni tal-kwalità tad-data dwar il-kummerċ internazzjonali ta’ oġġetti.”.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Lulju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 327, 17.12.2019, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1197 tat-30 ta’ Lulju 2020 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet u l-arranġamenti tekniċi skont ir-Regolament (UE) 2019/2152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Ewropea tan-negozju, li tħassar 10 atti legali fil-qasam tal-istatistika tan-negozju (ĠU L 271, 18.8.2020, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/341 tas-17 ta’ Diċembru 2015 li jissupplimentaw ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli tranżizzjonali għal ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni meta s-sistemi elettroniċi relevanti ma jkunux għadhom bdew jitħaddmu u li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 (ĠU L 69, 15.3.2016, p. 1).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 tal-10 ta’ Jannar 2017 dwar is-sigurtà tas-sistemi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni fil-Kummissjoni Ewropea (ĠU L 6, 11.1.2017, p. 40).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

Mikrodata li għandha tiġi skambjata

L-entrati mmarkati “M” huma obbligatorji, l-oġġetti mmarkati “C” huma obbligatorji jekk ikunu disponibbli fis-sistema doganali nazzjonali u l-oġġetti mmarkati “O” huma fakultattivi. L-entrati mmarkati “-” mhumiex applikabbli.

A

B

C1

C2

C3

 

Mikrodata li għandha tiġi skambjata  (1)

Importazzjonijiet fil-qafas tal-iżdoganar ċentralizzat

Esportazzjonijiet fil-qafas tal-iżdoganar ċentralizzat

Oġġetti fi kważi esportazzjoni

 

Grupp 1 — Ġenerali

 

 

 

1.1.

Data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali

C

C

C

1.2.

Perjodu referenzjarju

M

M

M

1.3.

Fluss

M

M

M

1.4.

Anness tad-data doganali applikata

M

M

M

1.5.

Stat Membru riċeventi

M

M

M

1.6.

Tip ta’ dikjarazzjoni

C

C

C

1.7.

Tip ta’ dikjarazzjoni addizzjonali

C

C

C

1.8.

Proċedura

C

C

C

1.9.

Proċeduri addizzjonali

C

C

C

1.10.

Numru tal-awtorizzazzjoni tad-detentur tal-awtorizzazzjoni

C

C

-

 

Grupp 2 — Unitajiet ta’ kejl

 

 

 

2.1.

Valur statistiku

C

C

C

2.2.

Massa netta

C

C

C

2.3.

Unitajiet supplimentari

C

C

C

 

Grupp 3 — Diżaggregazzjoni

 

 

 

3.1.

Kodiċi tal-oġġetti fil-livell tat-TARIC (kodiċi b’10 ċifri)

C

-

-

3.2.

Kodiċi tal-oġġetti fil-livell tan-NM (kodiċi bi tmien ċifri)

-

C

C

3.3.

Kodiċi tal-pajjiż tal-oriġini

C

-

-

3.4.

Kodiċi tal-pajjiż tal-oriġini preferenzjali

C

-

-

3.5.

Kodiċi tal-pajjiż tad-dispaċċ/tal-esportazzjoni

[Pajjiż tal-kunsinna]

C

-

-

3.6.

Kodiċi tal-pajjiż tad-destinazzjoni

[Pajjiż tal-aħħar destinazzjoni magħrufa]

-

C

C

3.7.

Kodiċi tal-pajjiż tad-destinazzjoni

[Stat Membru tad-destinazzjoni preżunta]

C

-

-

3.8.

Kodiċi tal-pajjiż tad-dispaċċ/tal-esportazzjoni

[Stat Membru tal-esportazzjoni reali]

-

-

C

3.9.

Natura tat-tranżazzjoni

C

C

C

3.10.

Preferenza

C

-

-

3.11.

Kontejner

C

C

C

3.12.

Modalità tat-trasport fil-fruntiera

C

C

C

3.13.

Modalità tat-trasport intern

C

C

C

3.14.

Munita tal-fattura

C

C

C

 

Grupp 4 — Partijiet

 

 

 

4.1.

Numru ta’ identifikazzjoni tal-importatur

C

-

-

4.2.

Numru ta’ identifikazzjoni tax-xerrej

C

-

-

4.3.

Numru ta’ identifikazzjoni tad-destinatarju (2)

C

-

-

4.4.

Numru ta’ identifikazzjoni tal-esportatur

 

C

C

 

Grupp 5 — Data fakultattiva

 

 

 

5.1.

Ammont totali fatturat

O

O

O

5.2.

Rata tal-kambju

O

-

-

5.3

Termini tal-konsenja

O

O

O

5.4

Ammont fatturat tal-entrata

O

-

-


(1)  It-test fil-parentesi jindika l-element ta’ data statistika korrispondenti kif speċifikat fl-Anness V tar-Regolament (UE) 2020/1197.

(2)  Għar-rekwiżiti tad-data doganali skont ir-Regolament (UE) 2016/341 biss.


Top