EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0940

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/940 tal-10 ta’ Ġunju 2021 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet tal-plywood tal-betula li joriġinaw mir-Russja

C/2021/4073

OJ L 205, 11.6.2021, p. 47–76 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 11/06/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/940/oj

11.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 205/47


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/940

tal-10 ta’ Ġunju 2021

li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet tal-plywood tal-betula li joriġinaw mir-Russja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Istati Membri,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Il-bidu

(1)

Fl-14 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) nediet investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-plywood tal-betula li joriġinaw mir-Russja (“il-pajjiż ikkonċernat”) abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“ir-Regolament bażiku”). Din ippubblikat Notifika ta’ Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-Notifika ta’ Bidu”).

(2)

Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara li tressaq ilment fil-31 ta’ Awwissu 2020 mill-Konsorzju Woodstock (“l-ilmentatur”). L-ilment sar mill-industrija tal-Unjoni tal-plywood tal-betula fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. L-ilment kien fih evidenza ta’ dumping u tad-dannu materjali li jirriżulta, li kienet biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni.

1.2.   Emenda għan-Notifika ta’ bidu

(3)

In-Notifika ta’ Bidu b’mod mhux intenzjonat ħalliet barra taqsima dwar il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni. Filwaqt li din l-ommissjoni ma affettwatx id-dritt tal-partijiet interessati li jagħmlu sottomissjonijiet rigward l-interess tal-Unjoni, tqies xieraq li din l-ommissjoni tiġi indirizzata bħala kwistjoni ta’ trasparenza proċedurali. Għalhekk, ġiet emendata fil-11 ta’ Diċembru 2020 (3).

1.3.   Ir-reġistrazzjoni

(4)

Skont l-Artikolu 14(5a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni jenħtieġ li tirreġistra l-importazzjonijiet soġġetti għal investigazzjoni anti-dumping matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni sakemm ma jkollhiex biżżejjed evidenza fis-sens tal-Artikolu 5 li r-rekwiżiti jew fil-punt (c) jew (d) tal-Artikolu 10(4) ma ġewx issodisfati. Wieħed minn dawn ir-rekwiżiti, kif indikat fl-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament bażiku, huwa li hemm żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet minbarra l-livell ta’ importazzjonijiet li kkawża dannu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-Kummissjoni analizzat l-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet u ma sabet l-ebda żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet.

(5)

Konsegwentement, il-Kummissjoni ma għamlitx l-importazzjonijiet tal-plywood tal-betula mir-Russja kif definit fit-Taqsima 2 soġġetti għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5a) tar-Regolament bażiku.

1.4.   Il-partijiet interessati

(6)

Fin-Notifika ta’ Bidu, kif emendata, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jagħmlu kuntatt magħha sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni speċifikament infurmat lill-ilmentatur, lil produtturi magħrufa oħra tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufa u lill-awtoritajiet Russi, lil importaturi, fornituri u utenti magħrufa, negozjanti, kif ukoll assoċjazzjonijiet li kien magħruf li kienu kkonċernati, dwar il-bidu tal-investigazzjoni, u stednithom jieħdu sehem.

(7)

Il-partijiet interessati kellhom opportunità jikkummentaw dwar it-tnedija tal-investigazzjoni u jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Smigħ fil-proċedimenti kummerċjali. Diversi partijiet talbu li ssir seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni organizzat seduti ta’ smigħ mal-konsorzju Woodstock, mal-UPM Plywood Oy, mal-UPM Kymmene Otepää OÜ, u mal-produttur Russu UPM Kymmene Chudovo LLC.

1.5.   Kummenti dwar il-bidu

1.5.1.   Verżjoni miftuħa mhux adegwata

(8)

Diversi partijiet sostnew li l-ilment naqas milli jipprovdi biżżejjed informazzjoni dwar il-verżjoni miftuħa tiegħu.

(9)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-verżjoni miftuħa għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati tal-ilment kien fiha biżżejjed evidenza essenzjali u sommarji mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni kunfidenzjali b’mod ieħor biex tippermetti lill-partijiet interessati jeżerċitaw id-dritt tagħhom tad-difiża matul il-proċediment.

1.5.2.   L-ebda evidenza ta’ dannu

(10)

Diversi partijiet sostnew li ċerti indikaturi tad-dannu, bħall-kapaċità tal-produzzjoni, il-prezzijiet tal-Unjoni u l-konsum tal-Unjoni, li jinsabu fl-ilment ma appoġġawx sejba ta’ dannu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(11)

Il-Kummissjoni tfakkar li sejba prima facie ta’ dannu materjali meħtieġa għall-bidu ta’ investigazzjoni tirrikjedi eżami, fost l-oħrajn, tal-fatturi rilevanti kif deskritt fir-Regolament bażiku. Madankollu, ma huwiex speċifikament meħtieġ mill-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku li l-fatturi kollha ta’ dannu msemmija fl-Artikolu 3(5) juru deterjorament sabiex id-dannu materjali jiġi sostanzjat biżżejjed għall-fini tal-bidu ta’ investigazzjoni. Fil-fatt, il-formulazzjoni tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament bażiku tiddikjara li l-ilment għandu jkun fih l-informazzjoni dwar il-bidliet fil-volum tal-importazzjonijiet allegatament oġġett ta’ dumping, l-effett ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq il-prezzijiet tal-prodott simili fis-suq tal-Unjoni u l-impatt konsegwenti tal-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni, kif muri mill-fatturi rilevanti (mhux neċessarjament kollha). L-ilment kien fih din l-informazzjoni, li indikat l-eżistenza ta’ dannu. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ilment kien fih biżżejjed evidenza ta’ dannu.

1.6.   Il-kampjunar

(12)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni ħabbret li kien hemm il-possibbiltà li tagħżel kampjun minn fost il-partijiet interessati f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

1.6.1.   Il-kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(13)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni ħabbret li hija kienet għażlet b’mod proviżorju kampjun tal-produtturi tal-Unjoni. Dan il-kampjun proviżorju kien magħmul minn tliet produtturi tal-Unjoni, li jinsabu fi tliet Stati Membri differenti, li kienu jirrappreżentaw kważi 40 % tal-produzzjoni totali stmata u 35 % tal-volum ta’ bejgħ totali tal-Unjoni stmat tal-prodott simili fl-Unjoni. L-għażla ta’ dawk it-tliet kumpaniji kienet ibbażata fuq l-akbar volum ta’ produzzjoni u bejgħ tal-prodott simili fl-UE bejn Lulju 2019 – Ġunju 2020 li seta’ jiġi investigat b’mod raġonevoli, filwaqt li ġiet ikkunsidrata wkoll il-firxa ġeografika. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju.

(14)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn grupp ta’ produtturi tal-Unjoni relatati, UPM, li talbu li jiġu inklużi fil-kampjun. Madankollu, wara li analizzat bir-reqqa l-informazzjoni pprovduta, il-Kummissjoni ma sabet l-ebda raġuni konvinċenti biex jinbidel il-kampjun magħżul b’mod proviżorju. L-ewwel, minħabba l-istruttura korporattiva u l-kanali tal-bejgħ tal-grupp, iż-żieda jew l-inklużjoni ta’ waħda miż-żewġ kumpaniji fil-kampjun tipperikola l-kapaċità tal-Kummissjoni li twettaq l-investigazzjoni tagħha sal-iskadenzi legali minħabba l-ammont ta’ xogħol sostanzjalment akbar. Barra minn hekk, l-inklużjoni ta’ xi waħda mill-kumpaniji fil-kampjun tibdel ir-rappreżentattività tal-kampjun magħżul b’mod proviżorju f’termini ta’ volumi ta’ produzzjoni jew bejgħ fl-Unjoni jew il-firxa ġeografika biss sa punt marġinali. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li żżomm il-kumpaniji magħżula b’mod proviżorju bħala l-kampjun finali.

(15)

Wara n-notifika tal-għażla tal-kampjun definittiv, waħda mill-kumpaniji, l-UPM argumentat li produtturi oħrajn inklużi fil-kampjun għandhom strutturi korporattivi u kanali tal-bejgħ ugwalment jew aktar kumplessi. Bl-istess mod, din argumentat li l-inklużjoni fil-kampjun u l-verifika ta’ waħda mill-entitajiet tagħha UPM-Kymmene Otepää Oü ma tkunx ta’ piż, u peress li ż-żjara ta’ verifika ssir mill-bogħod, din ma tfixkilx il-kapaċità tal-Kummissjoni li twettaq l-investigazzjoni.

(16)

Il-Kummissjoni nnotat li peress li l-kampjun diġà kien jinkludi kumpaniji bi strutturi kumplessi, l-inkorporazzjoni ta’ kumpanija oħra bi struttura kumplessa żżid b’mod sostanzjali l-ammont ta’ xogħol u għalhekk tipperikola l-kapaċità tal-Kummissjoni li twettaq l-investigazzjoni tagħha sal-iskadenzi legali. F’dan is-sens, l-inklużjoni ta’ UPM-Kymmene Otepää Oü, minħabba l-organizzazzjoni tal-bejgħ tagħha, kienet tirrikjedi l-verifika ta’ diversi entitajiet legali oħra tal-grupp UPM, li jinvolvu unitajiet ta’ bejgħ u produzzjoni. Dawn l-entitajiet ma setgħux jiġu investigati b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli.

(17)

Għalhekk, il-Kummissjoni żammet id-deċiżjoni tagħha li ma tinkludix l-UPM fil-kampjun li ntgħażel fl-aħħar. Il-kampjun proviżorju ġie kkonfermat bħala l-kampjun finali u huwa rappreżentattiv tal-industrija tal-Unjoni.

1.6.2.   Il-kampjunar ta’ importaturi mhux relatati

(18)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ u, jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-importaturi mhux relatati sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu.

(19)

Tlettax-il importatur mhux relatat ipprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. F’konformità mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta’ tliet importaturi abbażi tal-akbar volum ta’ bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat fl-Unjoni. F’konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, l-importaturi kollha magħrufa kkonċernati ġew infurmati dwar l-għażla tal-kampjun iżda ma sar l-ebda kumment.

1.6.3.   Il-kampjunar ta’ produtturi esportaturi fir-Russja

(20)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ u, jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi kollha fir-Russja biex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni tal-Federazzjoni Russa għall-Unjoni Ewropea biex tidentifika u/jew tikkuntattja produtturi esportaturi oħrajn, jekk ikun hemm, li jistgħu jkunu interessati li jipparteċipaw fl-investigazzjoni.

(21)

Ħmistax-il produttur esportatur/grupp ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat ipprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. F’konformità mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta’ tliet gruppi ta’ kumpaniji, li wieħed minnhom kien jikkonsisti minn seba’ produtturi esportaturi relatati, abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. F’konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi magħrufa kollha kkonċernati u l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat ġew ikkonsultati dwar l-għażla tal-kampjun. Il-kampjun kien jirrappreżenta madwar 47 % tal-esportazzjonijiet totali lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(22)

Żewġ produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun argumentaw li jenħtieġ li jiġu inklużi wkoll fil-kampjun. L-ewwel wieħed sostna li jenħtieġ li jiġi inkluż fil-kampjun peress li l-volum ta’ bejgħ tiegħu lejn l-Unjoni kien iqarreb dak tat-tielet produttur esportatur inkluż fil-kampjun. It-tieni wieħed sostna li fil-passat il-Kummissjoni investigat għadd ferm akbar ta’ produtturi esportaturi u għalhekk iż-żieda tiegħu ma hijiex se tagħmel pressjoni mhux raġonevoli fuq il-kapaċità u r-riżorsi tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-istess produttur esportatur sostna li l-fatt li huwa relatat ma’ grupp ta’ produtturi tal-Unjoni jiddistingwih mill-produtturi esportaturi l-oħrajn. B’mod partikolari, dan sostna li l-ġestjoni, l-istruttura tal-bejgħ u l-organizzazzjoni loġistika tiegħu jiddistingwuh minn xi produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun jew minnhom kollha (4).

(23)

Kif imsemmi fil-premessa (21) ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni inkludiet fil-kampjun tliet kumpaniji/gruppi ta’ kumpaniji. Madankollu, l-għadd ta’ entitajiet li kellhom jiġu investigati kien ħafna akbar peress li wieħed mill-gruppi kien jikkonsisti minn seba’ produtturi esportaturi. Barra minn hekk, il-kumpaniji/gruppi kellhom ukoll negozjanti relatati u importatur relatat involut fil-bejgħ tal-prodott ikkonċernat. L-affermazzjoni tal-ewwel produttur esportatur dwar il-volum ta’ bejgħ kienet ibbażata fuq il-verżjoni miftuħa tat-tweġiba għall-kampjunar disponibbli għall-produtturi esportaturi kollha li kkooperaw filwaqt li d-deċiżjoni dwar il-kampjunar kienet ibbażata fuq il-volum attwali rrapportat mill-produtturi esportaturi kollha. Meta wieħed iqis il-volum ta’ bejgħ irrapportat miż-żewġ produtturi esportaturi inkwistjoni, it-tielet produttur esportatur irrapporta [5 % - 10 %] aktar f’termini ta’ volumi ta’ bejgħ meta mqabbel mar-raba’ wieħed. Barra minn hekk, l-argumenti mressqa mit-tieni produttur esportatur ma humiex kriterju rilevanti għall-għażla tal-kampjun skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku. Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kampjun magħżul huwa rappreżentattiv abbażi tal-kriterji indikati fl-Artikolu 17(1) u ma ġiet ipprovduta l-ebda data rilevanti miż-żewġ partijiet inkwistjoni li tikkontesta din il-konklużjoni. Għaldaqstant, it-talbiet ġew miċħuda.

1.7.   L-eżami individwali

(24)

Għaxar produtturi esportaturi fir-Russja talbu eżami individwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku. Madankollu, tliet produtturi esportaturi biss ippreżentaw kwestjonarji mimlijin sal-iskadenza. L-eżami ta’ dawn it-talbiet matul l-istadju proviżorju tal-investigazzjoni kien ikun ta’ piż bla bżonn. Għalhekk, il-Kummissjoni se tiddeċiedi jekk tagħmilx eżami individwali fl-istadju definittiv tal-investigazzjoni.

1.8.   It-tweġibiet għall-kwestjonarju u ż-żjarat ta’ verifika

(25)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lit-tliet produtturi esportaturi/grupp ta’ produtturi esportaturi Russi inklużi fil-kampjun, lill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun. Il-kwestjonarji kienu wkoll disponibbli online (5) fil-jum tal-bidu.

(26)

Waslu tweġibiet għall-kwestjonarju mit-tliet produtturi esportaturi/grupp ta’ produtturi esportaturi Russi inklużi fil-kampjun, minn tliet produtturi esportaturi Russi li kkooperaw, il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, l-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u disa’ utenti.

(27)

Fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri ta’ konfinament stabbiliti minn diversi Stati Membri kif ukoll minn diversi pajjiżi terzi, il-Kummissjoni ma setgħetx twettaq żjarat ta’ verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku fl-istadju proviżorju. Minflok, il-Kummissjoni kontroverifikat mill-bogħod l-informazzjoni kollha meqjusa neċessarja għad-determinazzjonijiet proviżorji tagħha f’konformità mal-Avviż tagħha dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji (6). Il-Kummissjoni wettqet kontroverifiki mill-bogħod (“RCCs”) tal-kumpaniji/partijiet li ġejjin:

Produtturi tal-Unjoni

Latvijas Finieris AS, il-Latvja u kumpaniji tal-bejgħ relatati.

Paged Pisz sp. z o.o., il-Polonja u kumpaniji tal-bejgħ relatati.

Metsä Wood, il-Finlandja u kumpaniji tal-bejgħ relatati.

Importaturi

Orlimex CZ s.r.o., Osik, ir-Repubblika Ċeka

Robert Neudeck GmbH &Co KG, Germersheim, il-Ġermanja

Groupe ISB, Pacé, Franza

Produtturi esportaturi fir-Russja

Sveza Group magħmul minn seba’ produtturi esportaturi: JSC “SVEZA Manturovo”; JSC “SVEZA Novator”; Tyumen Plywood Plant Limited; JSC “SVEZA Ust-Izhora”; JSC “SVEZA Uralskiy”; JSC “SVEZA Kostroma”; JSC “SVEZA Verhnaya Sinyachiha” (“il-grupp Sveza”);

Zheshartsky LРK LLC (“UPG”);

Syktyvkar Plywood Mill Ltd.

1.9.   Il-perjodu ta’ investigazzjoni u l-perjodu taħt kunsiderazzjoni

(28)

L-investigazzjoni tad-dumping u tad-dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2017 sat-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni (“il-perjodu taħt kunsiderazzjoni”).

1.10.   Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE

(29)

Dan il-każ inbeda fl-14 ta’ Ottubru 2020, jiġifieri matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni miftiehem bejn ir-Renju Unit (“UK”) u l-UE li fih ir-Renju Unit baqa’ soġġett għad-dritt tal-Unjoni. Dan il-perjodu ntemm fil-31 ta’ Diċembru 2020. Konsegwentement, mill-1 ta’ Jannar 2021, il-kumpaniji u l-assoċjazzjonijiet mir-Renju Unit ma baqgħux jikkwalifikaw aktar bħala partijiet interessati f’dan il-proċediment.

(30)

Permezz ta’ nota għall-fajl tal-każ fid-19 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni stiednet lill-operaturi tar-Renju Unit li kkunsidraw li kienu għadhom jikkwalifikaw bħala partijiet interessati biex jikkuntattjawha (7). L-ebda kumpanija ma ppreżentat ruħha.

(31)

Sabiex is-sett ta’ data miġbur mill-partijiet interessati jiġi allinjat mal-fatt li l-perjodu ta’ tranżizzjoni kien intemm u li r-Renju Unit ma kienx għadu soġġett għad-dritt tal-Unjoni, il-partijiet interessati kkonċernati ġew mistiedna jipprovdu tweġiba riveduta għall-kwestjonarju fuq il-bażi tal-EU-27.

2.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

2.1.   Il-prodott ikkonċernat

(32)

Il-prodott ikkonċernat huwa plywood li jikkonsisti biss minn folji tal-injam, fejn kull saff ma jaqbiżx il-ħxuna ta’ 6 mm, b’saffi esterni tal-injam speċifikati taħt is-subintestatura 4412 33, b’mill-inqas saff wieħed estern tal-injam tal-betula, miksi jew le, (“plywood tal-betula” jew il-“prodott li qed jiġi investigat”) li joriġina mir-Russja, li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 4412 33 00 (il-kodiċi TARIC 4412330010) (“il-prodott ikkonċernat”).

(33)

Il-plywood tal-betula huwa materjal ta’ folja tal-injam li jikkonsisti f’saffi jew strixxi ta’ fuljetti tal-injam ippressati flimkien bil-kolla f’folji kbar u ċatti. Dan jintuża f’firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet, pereżempju fis-setturi tal-kostruzzjoni, tal-imballaġġ u tal-għamara.

2.2.   Il-prodott simili

(34)

L-investigazzjoni wriet li dawn il-prodotti li ġejjin għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi kif ukoll l-istess użi bażiċi:

il-prodott ikkonċernat;

il-prodott immanifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku tar-Russja; u

il-prodott immanifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni.

(35)

F’dan l-istadju, il-Kummissjoni ddeċidiet li dawn il-prodotti huma għalhekk prodotti simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

2.3.   L-affermazzjonijiet rigward il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott

2.3.1.   L-esklużjoni tal-prodott

(36)

Utent wieħed, Emiliana Imballaggi S.p.A., u żewġ produtturi esportaturi Russi, Sveza u Vlas Truda, talbu li l-plywood tal-betula b’forma kwadra bit-tul u bil-wisa’ ta’ ħames piedi (1 525x1 525 mm) jenħtieġ li jiġi eskluż mill-investigazzjoni minħabba differenzi f’termini ta’: (i) il-proprjetajiet fiżiċi, tekniċi u kimiċi, u l-karatteristiċi ġeometriċi; (ii) l-użi finali u l-interkambjabbiltà; (iii) il-kwalità tal-prodott u (iv) il-perċezzjoni tal-konsumatur u l-prezzijiet; u (v) in-nuqqas ta’ kompetizzjoni bejn il-plywood tal-betula rettangolari u b’forma kwadra.

(37)

Il-Kummissjoni analizzat it-talbiet u kkonkludiet li l-plywood b’forma kwadra ma setax jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott għar-raġunijiet li ġejjin: Dan għandu l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi bħall-plywood b’forma rettangolari. Bl-istess mod, il-plywood tal-betula b’forma kwadra jeżerċita pressjoni kompetittiva fuq il-plywood tal-betula b’forma rettangolari peress li hemm grad ta’ sostitwibbiltà, u huwa possibbli li l-plywood tal-betula b’forma kwadra jiġi pproċessat aktar fi plywood tal-betula b’forma rettangolari ladarba jkun ġie importat, bir-riskju sussegwenti ta’ ċirkomvenzjoni. Barra minn hekk, l-industrija tal-Unjoni tipproduċi u għandha t-tagħmir meħtieġ biex tadatta għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-klijenti. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet it-talbiet għall-esklużjoni.

2.3.2.   Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Prodott

(38)

Produttur Russu, Segezha, sostna li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott jenħtieġ li jiġi estiż biex jinkludi mhux biss il-plywood tal-betula iżda wkoll l-arżnu, il-luq, l-okoumé u l-plywood tal-fagu. Ġie argumentat li hemm kompetizzjoni diretta u interkambjabbiltà bejn l-imsemmija plywood tal-boskijiet u l-plywood tal-betula, li flimkien jikkostitwixxu prodott uniku wieħed.

(39)

Il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni minħabba li l-arżnu, il-luq, l-okoumé u l-plywood tal-fagu ma għandhomx l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi bħall-plywood tal-betula. Il-fatt li f’xi applikazzjonijiet, li ma kinux żviluppati jew identifikati fl-affermazzjoni, jistgħu jintużaw prodotti u materjali alternattivi, bi grad mhux determinat ta’ kapaċità ta’ sostituzzjoni, ma jbiddilx in-natura tad-differenzi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bejn il-prodott ikkonċernat u l-prodotti msemmija.

3.   ID-DUMPING

3.1.   Kummenti preliminari

(40)

Fil-kampjun ġew inklużi tliet gruppi ta’ produtturi esportaturi.

(41)

Il-grupp Sveza kien jikkonsisti minn seba’ produtturi u negozjant wieħed, kollha involuti direttament fil-produzzjoni u fil-bejgħ tal-prodott ikkonċernat. Is-seba’ produtturi biegħu permezz ta’ negozjant relatat fis-suq domestiku u esportaw direttament lejn l-Unjoni.

(42)

Zheshartsky LРK LLC huwa parti minn grupp ta’ kumpaniji msejħa UPG. Dan il-produttur esporta kemm direttament kif ukoll permezz ta’ kumpanija relatata stabbilita fil-Latvja.

(43)

Syktyvkar Plywood Mill Ltd. huwa parti minn grupp ta’ kumpaniji involuti direttament fil-produzzjoni u fil-bejgħ tal-prodott ikkonċernat. Dan il-grupp kien jinkludi erba’ negozjanti relatati li jaġixxu fis-suq domestiku.

3.2.   Il-valur normali

(44)

Biex jiġi stabbilit il-valur normali, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi kollha inklużi fil-kampjun li jipproduċu l-prodott ikkonċernat biex iwieġbu għall-kwestjonarju.

(45)

Il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk il-volum totali ta’ bejgħ domestiku ta’ kull produttur esportatur li kkoopera inkluż fil-kampjun kienx rappreżentattiv, f’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku jkun rappreżentattiv jekk it-total tal-volum ta’ bejgħ domestiku tal-prodott simili lill-klijenti indipendenti fis-suq domestiku għal kull produttur esportatur ikun jirrappreżenta mill-anqas 5 % tal-volum totali tiegħu ta’ bejgħ għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(46)

Abbażi ta’ dan, il-bejgħ totali minn kull produttur esportatur inkluż fil-kampjun tal-prodott simili fis-suq domestiku kien rappreżentattiv.

(47)

Imbagħad, il-Kummissjoni identifikat it-tipi ta’ prodotti mibjugħa fuq livell domestiku li kienu identiċi jew paragunabbli għat-tipi ta’ prodotti mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni għall-produtturi esportaturi b’bejgħ domestiku rappreżentattiv.

(48)

Il-Kummissjoni mbagħad eżaminat jekk il-bejgħ domestiku minn kull produttur esportatur inkluż fil-kampjun fis-suq domestiku tiegħu għal kull tip ta’ prodott li huwa identiku jew komparabbli ma’ tip ta’ prodott mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni kienx rappreżentattiv, f’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku ta’ tip ta’ prodott huwa rappreżentattiv jekk il-volum totali ta’ bejgħ domestiku ta’ dak it-tip ta’ prodott lil klijenti indipendenti matul il-perjodu ta’ investigazzjoni jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum totali ta’ bejgħ għall-esportazzjoni tal-prodott identiku jew komparabbli lejn l-Unjoni.

(49)

Għat-tliet produtturi esportaturi/grupp ta’ produtturi esportaturi, għal xi tipi ta’ prodotti li ġew esportati lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, jew ma kien hemm l-ebda bejgħ domestiku, jew il-bejgħ domestiku ta’ dak it-tip ta’ prodott kien inqas minn 5 % fil-volum u għalhekk ma kienx rappreżentattiv.

(50)

Imbagħad, il-Kummissjoni ddefiniet il-proporzjon tal-bejgħ bi profitt lill-klijenti indipendenti fis-suq domestiku għal kull tip ta’ prodott matul il-perjodu ta’ investigazzjoni sabiex tiddeċiedi jekk tużax il-bejgħ domestiku attwali għall-kalkolu tal-valur normali, f’konformità mal-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku.

(51)

Il-valur normali huwa bbażat fuq il-prezz domestiku reali għal kull tip ta’ prodott, irrispettivament minn jekk dak il-bejgħ huwiex profittabbli jew le, jekk:

(a)

il-volum ta’ bejgħ tat-tip ta’ prodott, mibjugħ bi prezz tal-bejgħ nett li huwa daqs jew ogħla mill-kost ikkalkulat ta’ produzzjoni, irrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum totali ta’ bejgħ ta’ dan it-tip ta’ prodott; u

(b)

il-prezz medju ponderat tal-bejgħ ta’ dak it-tip ta’ prodott ikun daqs jew ogħla mill-kost unitarju tal-produzzjoni.

(52)

F’dan il-każ, il-valur normali huwa l-medja ponderata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu ta’ dak it-tip ta’ prodott matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(53)

Min-naħa l-oħra, il-valur normali huwa l-prezz domestiku reali għal kull tip ta’ prodott tal-bejgħ domestiku bi profitt tat-tipi ta’ prodotti biss matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, jekk:

(a)

il-volum ta’ bejgħ bi profitt tat-tip ta’ prodott jirrappreżenta 80 % jew inqas mill-volum totali ta’ bejgħ ta’ dan it-tip: jew

(b)

il-prezz medju ponderat ta’ dan it-tip ta’ prodott ikun anqas mill-kost unitarju tal-produzzjoni.

(54)

L-analiżi tal-bejgħ domestiku wriet li bejn 28 % u 93 % tal-bejgħ domestiku kollu ħalla profitt u li l-prezz tal-bejgħ medju ponderat kien ogħla mill-kost tal-produzzjoni. Għaldaqstant, skont it-tip ta’ prodott, il-valur normali ġie kkalkulat bħala medja ponderata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni fis-sitwazzjoni deskritta fil-premessa (51), jew bħala medja ponderata tal-bejgħ bi profitt biss fis-sitwazzjoni deskritta fil-premessa ta’ hawn fuq.

(55)

Fejn ma kien hemm l-ebda bejgħ jew ma kienx hemm biżżejjed bejgħ tat-tip tal-prodott simili fil-perkors normali tan-negozju, jew fejn tip ta’ prodott ma nbiegħx fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-suq domestiku, il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali f’konformità mal-Artikolu 2(3) u (6) tar-Regolament bażiku.

(56)

Il-valur normali nħadem billi żdied dan li ġej mal-kost medju tal-produzzjoni tal-prodott simili tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun li kkooperaw matul il-perjodu ta’ investigazzjoni:

(a)

l-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (“SG&A”) medji ponderati mġarrba mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun li kkooperaw fuq il-bejgħ domestiku tal-prodott simili, fil-perkors normali tan-negozju, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni; u

(b)

il-profitt medju ponderat magħmul mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun li kkooperaw fuq il-bejgħ domestiku tal-prodott simili, fil-perkors normali tan-negozju, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(57)

Għat-tipi tal-prodott mhux mibjugħa fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-suq domestiku, ġew miżjuda l-ispejjeż SG&A medji u l-profitt tat-tranżazzjonijiet li saru matul l-perkors normali tan-negozju fis-suq domestiku għal dawk it-tipi. Għat-tipi tal-prodott mhux mibjugħa fis-suq domestiku, ġew miżjuda l-ispejjeż SG&A medji ponderati u l-profitt tat-tranżazzjonijiet li saru fil-perkors normali tan-negozju fis-suq domestiku.

3.2.1.   Il-prezz tal-esportazzjoni

(58)

Il-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun esportaw lejn l-Unjoni jew direttament lil klijenti indipendenti jew permezz ta’ kumpanija relatata, kif deskritt fil-premessi (40) u (43) ta’ hawn fuq.

(59)

Għall-produtturi esportaturi li esportaw il-prodott ikkonċernat direttament lil klijenti indipendenti fl-Unjoni, il-prezz tal-esportazzjoni kien il-prezz li effettivament tħallas jew dak pagabbli għall-prodott ikkonċernat meta nbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

(60)

Għall-produtturi esportaturi li esportaw il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni permezz ta’ kumpanija relatata li taġixxi bħala importatur, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit abbażi tal-prezz li bih il-prodott importat reġa’ nbiegħ għall-ewwel darba lil klijenti indipendenti fl-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. F’dan il-każ, l-aġġustamenti tal-prezz saru għall-kostijiet kollha mġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, inkluż għall-ispejjeż SG&A, u għall-profitti dovuti.

3.2.2.   Tqabbil

(61)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fuq bażi ex-works.

(62)

Fejn iġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi żgurat tqabbil ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet, f’konformità mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti għat-trasport, għall-assigurazzjoni, għall-immaniġġjar u għat-tagħbija, għall-imballaġġ, għall-kostijiet ta’ kreditu, għall-imposti bankarji, għad-dazju doganali tal-UE, għal imposti u kummissjonijiet oħrajn fuq l-importazzjoni.

(63)

Il-produttur esportatur UPG sostna li l-Gvern tal-Federazzjoni Russa rrimborża sa 80 % tal-kostijiet tat-trasport imġarrba mill-manifatturi meta jittrasportaw il-prodotti tagħhom lejn swieq barranin. Dan il-produttur esportatur sostna li jenħtieġ li jsir aġġustament ’il fuq għall-prezz tal-esportazzjoni f’konformità mal-Artikolu 2(10)(e) u (k) tar-Regolament bażiku peress li ma ngħatax rimborż simili fuq il-bejgħ domestiku.

(64)

L-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku jipprevedi li jista’ jsir aġġustament ukoll għal differenzi f’fatturi oħrajn mhux previsti fil-punti (a) sa (j), jekk jintwera li dawn jaffettwaw il-komparabbiltà tal-prezzijiet kif meħtieġ skont dan il-paragrafu, b’mod partikolari jekk il-klijenti jħallsu b’mod konsistenti prezzijiet differenti fis-suq domestiku minħabba d-differenza f’fatturi bħal dawn. Madankollu, il-produttur esportatur ma ppreżenta l-ebda evidenza li turi li l-prezzijiet kienu affettwati minn din l-iskema ta’ sussidju. B’mod partikolari, il-produttur esportatur li sostna li l-aġġustament ma pprovda l-ebda evidenza li turi li l-klijenti tiegħu ħallsu b’mod konsistenti prezzijiet differenti fis-suq domestiku minħabba l-allegata differenza fir-rimborż tal-kostijiet tat-trasport mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa bejn il-bejgħ domestiku u dak għall-esportazzjoni. Mingħajr preġudizzju għal dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni nnotat ukoll li r-rimborż tal-kostijiet tat-trasport għall-bejgħ lejn swieq barranin għall-esklużjoni tal-bejgħ domestiku fil-probabbiltà kollha jikkostitwixxi sussidju fuq l-esportazzjoni fis-sens tal-Artikolu 4(4)(a) tar-Regolament (UE) 2016/1037. Skemi bħal dawn itejbu l-kapaċità tal-esportaturi li jikkompetu b’mod inġust fis-swieq barranin u, b’mod partikolari, li jsostnu finanzjarjament prattiki ta’ dumping. Bħala tali, dawn ma jikkostitwixxux fattur li jikkwalifika għal aġġustament skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, li jkun jista’ jsir aġġustament għal fatturi li jagħmluha aktar faċli għal esportatur biex jidħol fi prattiki ta’ dumping jirriżulta fil-ħabi tad-daqs tad-dumping effettivament ipprattikat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni.

(65)

L-istess produttur esportatur talab ukoll li jenħtieġ li jsir aġġustament f’konformità mal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku għall-kummissjonijiet imħallsa lil negozjant relatat għall-bejgħ fis-suq domestiku. Madankollu, il-produttur esportatur ipprovda wkoll informazzjoni li l-kummissjonijiet imħallsa kienu jikkonċernaw kemm il-bejgħ domestiku kif ukoll il-bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni allokat l-ammont tal-kummissjonijiet imħallsa lin-negozjant relatat kemm għall-bejgħ domestiku kif ukoll għall-esportazzjoni abbażi tal-volum ta’ dak il-bejgħ.

(66)

Il-produtturi esportaturi kollha tal-grupp Sveza inkluż fil-kampjun esportaw il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni permezz ta’ kumpanija domestika relatata, jiġifieri Sveza-Les LLC (‘Sveza-Les’) li tinsab f’Saint Petersburg. Il-produtturi esportaturi kollha tal-grupp Sveza ffirmaw ftehim ta’ aġent tal-kummissjoni man-negozjant relatat inkwistjoni. Il-produtturi esportaturi kollha fil-grupp huma jew direttament jew indirettament relatati ma’ dik il-kumpanija. Huma sostnew li l-kummissjonijiet imħallsa lin-negozjant jenħtieġ li ma jitnaqqsux mill-prezz tal-esportazzjoni peress li ma jaffettwawx il-komparabbiltà tal-prezzijiet, minħabba li n-negozjant relatat wettaq eżattament l-istess funzjonijiet fil-bejgħ għall-esportazzjoni u fil-bejgħ domestiku. L-unika differenza allegatament hija relatata mar-remunerazzjoni tal-attivitajiet tan-negozjant relatat: Il-bejgħ domestiku huwa kopert minn żieda, filwaqt li l-bejgħ għall-esportazzjoni huwa soġġett għal kummissjoni, abbażi tal-ftehimiet tal-kummissjoni. Il-produtturi esportaturi sostnew ukoll li jikkostitwixxu entità ekonomika waħda man-negozjant, li taffettwa kemm il-bejgħ domestiku kif ukoll dak għall-esportazzjoni.

(67)

Bi tweġiba, il-Kummissjoni fakkret li s-seba’ kumpaniji produtturi kollha tal-grupp kienu ffirmaw kuntratt li jipprovdi għal kummissjoni definita b’mod ċar fuq kull bejgħ għall-esportazzjoni li fil-fatt tħallas. Dan ma kienx il-każ fis-suq domestiku. Dan jagħti lok għal kwistjoni ta’ komparabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali, u l-Kummissjoni għalhekk naqqset il-kummissjoni mħallsa skont l-Artikolu 2(10)(i).

(68)

Barra minn dan, dwar l-eżitenza ta’ entità ekonomika waħda, il-Kummissjoni tfakkar li skont il-ġurisprudenza tal-Unjoni, l-eżistenza ta’ ftehim bil-miktub ta’ kummissjoni ta’ bejgħ għall-esportazzjoni biss hija element importanti li għandu tendenza juri li n-negozjant ma huwiex dipartiment tal-bejgħ intern tal-produtturi esportaturi fir-rigward tal-bejgħ għall-esportazzjoni (8). Il-kuntratt fih ukoll diversi klawżoli, bħal klawżola ta’ arbitraġġ, li juru nuqqas ta’ solidarjetà bejn il-kumpaniji. Kien diffiċli li dawn il-klawżoli jiġu rikonċiljati mad-dikjarazzjoni li l-produtturi esportaturi u n-negozjant relatat jenħtieġ li jiġu ttrattati bħala entità ekonomika waħda minkejja li huma kumpaniji legalment distinti. Deher ukoll li xi funzjonijiet tal-bejgħ inżammu mill-produtturi esportaturi fid-dawl tal-ispejjeż SG&A tagħhom għal dak il-għan. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni nnotat li n-negozjant relatat ħareġ il-fatturi f’isem il-prodotti esportaturi lill-ewwel klijenti indipendenti fl-Unjoni. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ċaħdet proviżjonament it-talba li n-negozjant u l-produtturi esportaturi jikkostitwixxu entità ekonomika waħda fir-rigward tal-bejgħ għall-esportazzjoni.

(69)

L-investigazzjoni żvelat ukoll li l-aġenti mhux relatati li jinsabu fl-Unjoni kienu involuti wkoll f’xi bejgħ għall-esportazzjoni tal-grupp Sveza. Dawn l-aġenti rċevew kummissjoni, li ġiet irreġistrata fil-kontijiet ta’ Sveza-Les bħala parti mill-ispejjeż tagħha tal-SG&A. Għalhekk, il-Kummissjoni aġġustat il-prezz tal-esportazzjoni f’konformità mal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku għall-kummissjoni mħallsa lill-aġenti mhux relatati għall-bejgħ għall-esportazzjoni. L-aġġustament ammonta għall-kummissjoni li kienet tinkludi t-tariffi tal-aġent kif irreġistrati fil-kontijiet ta’ Sveza-Les.

(70)

Fl-aħħar, l-istess grupp sostna li f’każ li l-Kummissjoni taġġusta l-prezz tal-esportazzjoni, dan jimplika li l-Kummissjoni qieset li l-produtturi esportaturi u n-negozjant relatat ma jiffurmawx entità ekonomika waħda, konsegwentement, imbagħad jenħtieġ li jsir ukoll tnaqqis għall-SG&A u l-profitt assoċjati mal-bejgħ mill-ġdid tal-prodott simili mibjugħ fis-suq domestiku.

(71)

Il-Kummissjoni fakkret li għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni tal-bejgħ għall-esportazzjoni fejn l-imtieħen jiffatturaw direttament l-ewwel klijenti indipendenti fl-Unjoni, il-bejgħ domestiku jsir lill-ewwel klijenti indipendenti permezz ta’ Sveza-Les. Fi kliem ieħor, Sveza-Les tbigħ il-prodott ikkonċernat li xtrat mid-diversi mtieħen tal-grupp. Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, il-valur normali jeħtieġ li jiġi stabbilit skont il-prezz tal-bejgħ domestiku lill-ewwel klijent indipendenti. Aġġustament għall-marġni kummerċjali skont l-Artikolu 2(10)(i) jassumi li l-bejgħ rilevanti għall-istabbiliment tal-valur normali jkun pjuttost il-bejgħ bejn l-imtieħen u Sveza-Les li għalih jiġi ddeterminat prezz wara t-tnaqqis tal-allegat marġni kummerċjali debitat minn Sveza-Les meta tbigħ il-prodott. Madankollu, il-bejgħ mill-imtieħen lil Sveza-Les ma huwiex bejgħ lill-ewwel klijent indipendenti. F’dawk iċ-ċirkostanzi, tnaqqis tal-marġni kummerċjali debitat minn Sveza-Les ma jkunx konsistenti mal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, skont it-test tal-Artikolu 2(10)(i), aġġustament għall-marġni kummerċjali li jirċievi negozjant ikun jeħtieġ ukoll evidenza li Sveza-Les twettaq funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaġixxi fuq bażi ta’ kummissjoni għall-bejgħ domestiku. Ma hemm l-ebda evidenza bħal din fil-fajl. Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni provviżorjament ċaħdet l-affermazzjoni li aġġustament għall-marġni kummerċjali għall-bejgħ domestiku kien ġustifikat.

3.2.3.   Il-marġnijiet tad-dumping

(72)

Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw inklużi fil-kampjun, il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju ponderat ta’ kull tip tal-prodott simili mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat, f’konformità mal-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(73)

Għall-produtturi esportaturi fil-Grupp Sveza, il-Kummissjoni l-ewwel ikkalkulat marġni tad-dumping individwali għal kull produttur esportatur u bħala t-tieni pass, din ikkalkulat marġni tad-dumping ponderat għall-Grupp Sveza kollu.

(74)

Fuq din il-bażi, il-marġnijiet tad-dumping medji ponderati proviżorji espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Il-kumpanija

Il-marġni tad-dumping proviżorju

Sveza Group

15,9 %

Syktyvkar Plywood Mill Ltd.

15,0 %

Zheshartsky LРK LLC

15,3 %

(75)

Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw li ma humiex inklużi fil-kampjun, il-Kummissjoni kkalkulat il-marġni tad-dumping medju ponderat, f’konformità mal-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, dak il-marġni ġie stabbilit abbażi tal-marġnijiet tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun.

(76)

Abbażi ta’ dan, il-marġni tad-dumping proviżorju tal-produtturi esportaturi li kkooperaw u li ma humiex inklużi fil-kampjun huwa ta’ 15,7 %.

(77)

Għall-produtturi esportaturi l-oħrajn kollha fir-Russja, il-Kummissjoni stabbiliet il-marġni tad-dumping abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni ddeterminat il-livell ta’ kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi. Il-livell ta’ kooperazzjoni huwa l-volum ta’ esportazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw lejn l-Unjoni espress bħala proporzjon tal-importazzjonijiet totali mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni, li ġew stabbiliti abbażi tal-Eurostat.

(78)

Il-livell ta’ kooperazzjoni f’dan il-każ huwa għoli minħabba li l-esportazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw kienu jikkostitwixxu madwar 81 % tal-importazzjonijiet totali matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tistabbilixxi l-marġni tad-dumping għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx fil-livell tal-kumpanija li kkooperat inkluża fil-kampjun eżaminata fuq bażi individwali bl-ogħla marġini tad-dumping.

(79)

Il-marġnijiet tad-dumping proviżorji, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping proviżorju

Sveza Group

15,9 %

Syktyvkar Plywood Mill Ltd.

15,0 %

Zheshartsky LРK LLC

15,3 %

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

15,7 %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

15,9 %

4.   DANNU

4.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(80)

Ħmistax-il produttur magħruf fl-Unjoni mmanifatturaw il-prodott simili matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Dawn jikkostitwixxu l-“industrija tal-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

(81)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kienet stmata għal madwar 849 000 metru kubu. Il-Kummissjoni stabbiliet iċ-ċifra abbażi tal-informazzjoni kollha disponibbli dwar l-industrija tal-Unjoni, bħat-tweġibiet għall-kwestjonarju li waslu mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Kif indikat fit-Taqsima 1.6, it-tliet produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun irrappreżentaw 39 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-prodott simili.

(82)

Il-produzzjoni tal-Unjoni destinata għall-konsum ristrett ġiet stmata li kienet anqas minn 0,5 %. Minħabba l-immaterjalità tiegħu, il-konsum ristrett ma huwiex meqjus rilevanti għall-analiżi tad-dannu f’dan il-każ.

4.2.   Il-konsum tal-Unjoni

(83)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-konsum tal-Unjoni abbażi ta’ (a) id-data sottomessa mill-ilmentatur dwar il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni tal-prodott simili lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni, kif ġiet kontroverifikata mal-volumi ta’ bejgħ irrappurtati mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun; (b) l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiżi terzi kollha kif irrappurtat fil-Eurostat (9).

(84)

Il-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 1

Il-konsum tal-Unjoni f’metri kubi (m3)

 

2017

2018

2019

Il-perjodu ta’ investigazzjoni

Il-konsum totali tal-Unjoni

1 874 725

2 000 293

2 080 786

2 130 325

Indiċi

100

107

111

114

Sors: L-ilmentatur, il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u l-Eurostat

(85)

Il-konsum fl-Unjoni żdied b’14 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Analiżi dettaljata turi żieda kostanti sena wara sena, bl-akbar żieda mill-2017 għall-2018 ta’ 7 %, li naqqset ir-rata fis-snin ta’ wara iżda bi tkabbir kostanti.

4.3.   L-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

4.3.1.   Il-metodoloġija għall-identifikazzjoni tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat

(86)

Qabel il-bidu tal-proċediment u l-ħolqien sussegwenti ta’ kodiċi TARIC speċifiku (10), l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ġew irreġistrati fil-livell NM (11) inkluż ukoll prodotti għajr il-prodott ikkonċernat. Sabiex jiġi stmat il-volum tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-Kummissjoni applikat l-istess proporzjon (TARIC/NM) osservat wara l-bidu bejn il-volumi tal-importazzjoni tal-kodiċi NM sħiħ u l-importazzjonijiet għall-prodott ikkonċernat abbażi tad-data TARIC. Għall-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, il-proporzjon ġie stabbilit għal 78 %.

(87)

Ir-riżultati ta’ din il-metodoloġija jikkonfermaw ix-xejra tal-importazzjonijiet pprovduta fl-ilment.

4.3.2.   Il-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(88)

Abbażi tal-metodoloġija msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni stabbiliet il-volum tal-importazzjonijiet abbażi tad-data tal-Eurostat. Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet ġie stabbilit permezz ta’ tqabbil bejn il-volum tal-importazzjonijiet mal-konsum fl-Unjoni.

(89)

L-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat żviluppaw kif ġej:

Tabella 2

Il-volum tal-importazzjonijiet (m3) u s-sehem mis-suq

 

2017

2018

2019

Il-perjodu ta’ investigazzjoni

Il-volum tal-importazzjonijiet mir-Russja (m3)

871 050

933 329

1 081 937

1 192 712

Indiċi

100

107

124

137

Is-sehem mis-suq

46 %

47 %

52 %

56 %

Indiċi

100

100

112

120

Sors: Eurostat

(90)

L-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu minn madwar 871 050 metru kubu għal madwar 1 192 712 metru kubu matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, żieda ta’ 37 %. Is-sehem mis-suq ta’ dawn l-importazzjonijiet żdied minn 46 % għal 56 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, żieda ta’ 20 %.

4.3.3.   Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat u t-twaqqigħ tal-prezz

(91)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-prezzijiet tal-importazzjonijiet abbażi tal-istatistika tal-Eurostat ta’ EUR/tunnellata fil-livell NM. Filwaqt li, kif spjegat fit-Taqsima 4.3.1 ta’ hawn fuq, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ġew irreġistrati flimkien ma’ ġabra akbar ta’ prodotti, din il-metodoloġija tipprovdi stima affidabbli tal-prezzijiet u l-evoluzzjoni tagħha maż-żmien peress li l-maġġoranza l-kbira tal-importazzjonijiet taħt dan il-kodiċi NM kienu tal-prodott ikkonċernat, u tippermetti t-tqabbil tal-iżvilupp tal-prezzijiet bejn pajjiżi esportaturi differenti.

(92)

Il-prezz medju tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat żviluppa kif ġej:

Tabella 3

Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet (EUR/tunnellata)

 

2017

2018

2019

Il-perjodu ta’ investigazzjoni

Ir-Russja

646

681

608

584

Indiċi

100

105

94

90

Sors: Eurostat

(93)

Il-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet mir-Russja naqsu minn EUR 646/tunnellata fl-2017 għal EUR 584/tunnellata matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, tnaqqis ta’ 10 %. Il-prezz medju tal-importazzjonijiet żdied fl-2018 b’5 % u naqas fil-perjodi sussegwenti bi 15 %.

(94)

L-istess xejra tista’ tiġi osservata meta jintużaw il-prezzijiet medji ponderati tal-esportazzjoni kif irrapportati mill-produtturi esportaturi fil-kampjun, li juru prezz ta’ EUR 434/m3 fil-PI għall-prodott investigat. B’hekk il-prezzijiet tal-importazzjoni kienu konsistentement taħt il-prezzijiet tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni (ara t-tabella 7) u kien hemm differenza fil-prezz ta’ 38 % matul il-PI.

(95)

Il-plywood tal-betula jinbiegħ f’varjetà kbira ta’ dimensjonijiet, kwalità u skont speċifikazzjonijiet speċifiċi tal-klijent. Minħabba l-varjetà wiesgħa ta’ tipi ta’ prodotti mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni u mill-produtturi esportaturi Russi, is-sistema dettaljata tal-PCN, li ġiet stabbilita fil-bidu, għamlet grad għoli ta’ tqabbil ta’ prodotti identiċi diffiċli. Għalhekk, għall-fini tat-tqabbil tal-prezzijiet, il-Kummissjoni wettqet approssimazzjoni raġonevoli u teknikament robusta billi ġabret flimkien mill-qrib xi tipi ta’ prodotti simili, u b’hekk ippermettiet tqabbil xieraq tal-prodotti mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni mat-tipi ta’ prodotti ekwivalenti mibjugħa mill-produtturi esportaturi Russi. Fuq din il-bażi, il-livell ta’ tqabbil bejn diversi tipi ta’ prodotti mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni u t-tipi ta’ prodotti mibjugħa mill-produtturi esportaturi Russi kien ta’ aktar minn 68 % tal-volumi importati mill-produtturi esportaturi Russi inklużi fil-kampjun.

(96)

Il-Kummissjoni ddeterminat it-twaqqigħ tal-prezz matul il-perjodu ta’ investigazzjoni billi qabblet:

(97)

il-prezzijiet tal-bejgħ medji ponderati għal kull tip ta’ prodott tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun li ġew imposti fuq klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni. Minħabba li l-produtturi tal-Unjoni biegħu l-prodott ikkonċernat direttament, kif ukoll permezz ta’ kumpaniji tal-bejgħ relatati, il-prezz tal-bejgħ ġie aġġustat, kif xieraq, għat-trasport, għall-assigurazzjoni u għall-kost tal-maniġġ għal livell tal-prezz mill-fabbrika; u

(98)

il-prezzijiet medji ponderati korrispondenti għal kull tip ta’ prodott tal-importazzjonijiet mill-produtturi Russi inklużi fil-kampjun lill-ewwel klijent indipendenti fis-suq tal-Unjoni, aġġustati għal-livell tal-fruntiera doganali tal-Unjoni. Għall-bejgħ li sar permezz ta’ importatur relatat sar aġġustament ulterjuri skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Imbagħad ġie miżjud ammont għall-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni u għad-dazju doganali mal-prezz stabbilit fil-livell tal-fruntiera doganali tal-Unjoni. Dan il-bejgħ irrappreżenta inqas minn 5 % tal-bejgħ totali tal-produtturi Russi fil-kampjun.

(99)

It-tqabbil tal-prezzijiet sar fuq bażi ta’ tip b’tip għat-tranżazzjonijiet, b’aġġustament dovut fejn meħtieġ, u wara tnaqqis tar-rifużjonijiet u tal-iskontijiet. Ir-riżultat tat-tqabbil kien espress bħala perċentwal tal-fatturat teoretiku tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(100)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun urew marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz b’medja ponderata ta’ 12,6 % (li jvarja bejn 9,5 % u 18,5 %). Il-marġnijiet ta’ twaqqigħ tal-prezz huma kkunsidrati sinifikanti.

4.4.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.4.1.   Kummenti ġenerali

(101)

F’konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-eżami tal-impatt tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Unjoni kien jinkludi evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha li kienu jinfluwenzaw l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(102)

Kif imsemmi fit-Taqsima 1.6.1, intuża l-kampjunar għad-determinazzjoni tad-dannu possibbli li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni.

(103)

Biex tiddetermina d-dannu, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-indikaturi tad-dannu makroekonomiċi u dawk mikroekonomiċi. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi makroekonomiċi abbażi tad-data li tinsab fit-tweġiba għall-kwestjonarju tal-ilmentatur relatata mal-produtturi kollha tal-Unjoni, kontroverifikata fejn meħtieġ mat-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Il-Kummissjoni eżaminat l-indikaturi mikroekonomiċi abbażi tad-data li tinsab fit-tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, li ġew kontroverifikati mill-bogħod. Iż-żewġ settijiet ta’ data nstabu li kienu rappreżentattivi tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

(104)

L-indikaturi makroekonomiċi huma: Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum ta’ bejgħ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività, id-daqs tal-marġni tad-dumping u l-irkupru minn dumping tal-passat.

(105)

L-indikaturi mikroekonomiċi huma: Il-prezzijiet unitarji medji, il-kost unitarju, il-kostijiet lavorattivi, l-inventarji, il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital.

4.4.2.   L-indikaturi makroekonomiċi

4.4.2.1.   Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

(106)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 4

Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

 

2017

2018

2019

Il-perjodu ta’ investigazzjoni

Il-volum tal-produzzjoni (m3)

982 658

1 009 772

879 540

848 900

Indiċi

100

103

90

86

Il-kapaċità tal-produzzjoni (m3)

1 244 310

1 296 650

1 328 000

1 203 000

Indiċi

100

104

107

97

L-użu tal-kapaċità

79 %

78 %

66 %

71 %

Indiċi

100

99

84

89

Sors: L-ilmentatur u l-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

(107)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-volum tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqas b’14 % jew madwar 140 000 metru kubu. Kien hemm żieda żgħira mill-2017 għall-2018, segwita minn tnaqqis sinifikanti fil-perjodi li ġejjin.

(108)

Il-kapaċità tal-produzzjoni tal-Unjoni tnaqqset b’kollox bi 3 % fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Il-kapaċità tal-produzzjoni tal-Unjoni żdiedet bi ftit fl-2018 u fl-2019, li huwa spjegat mid-dewmien ta’ żmien bejn id-deċiżjoni li jiżdiedu l-kapaċitajiet u l-effett tagħha. Madankollu, matul il-PI, l-industrija tal-Unjoni tnaqqset b’10 % meta mqabbla mal-2019.

(109)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-użu tal-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni naqas bi 11 % minħabba li l-produtturi tal-Unjoni ma setgħux iżidu l-produzzjoni f’konformità mat-tkabbir tas-suq. Mill-2017 sal-2019, it-tnaqqis fl-użu kien ta’ 16 %, segwit minn żieda fil-PI ta’ 5 % minħabba d-diżinvestiment u l-għeluq tas-siti tal-produzzjoni.

4.4.2.2.   Il-volum ta’ bejgħ u s-sehem mis-suq

(110)

Il-volum ta’ bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 5

Il-volum ta’ bejgħ u s-sehem mis-suq

 

2017

2018

2019

Il-perjodu ta’ investigazzjoni

Il-volum ta’ bejgħ totali fis-suq tal-Unjoni (m3)

821 341

818 621

757 103

680 243

Indiċi

100

100

92

83

Is-sehem mis-suq

44 %

41 %

36 %

32 %

Indiċi

100

93

83

73

Sors: L-ilmentatur, il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u l-Eurostat

(111)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-volum ta’ bejgħ totali tal-industrija tal-Unjoni naqas b’mod sinifikanti bi 17 %. Il-volum ta’ bejgħ tal-Unjoni baqa’ fl-istess livell mill-2017 sal-2018, iżda fl-2019 wera tnaqqis ta’ 8 % u tnaqqis ulterjuri ta’ 9 % mill-2019 sal-PI.

(112)

Flimkien mat-tnaqqis fil-bejgħ, is-suq kondiviż tal-industrija tal-Unjoni tnaqqas b’27 %, matul xejra ta’ tnaqqis invarjabbli li naqqset il-preżenza tal-industrija tal-Unjoni fis-suq minn 44 % tas-sehem mis-suq fl-2017 għal 32 % fil-PI.

4.4.2.3.   It-tkabbir

(113)

F’kuntest ta’ espansjoni tas-suq, b’żieda fil-konsum tal-Unjoni, iċ-ċifri ta’ hawn fuq juru li l-industrija tal-Unjoni esperjenzat tnaqqis sostanzjali fir-rigward tal-produzzjoni, tal-volum ta’ bejgħ u tas-sehem mis-suq.

4.4.2.4.   L-impjiegi u l-produttività

(114)

L-impjiegi u l-produttività żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 6

L-impjiegi u l-produttività

 

2017

2018

2019

Il-perjodu ta’ investigazzjoni

L-għadd ta’ impjegati

6 039

5 960

5 325

5 308

Indiċi

100

99

88

88

Il-produttività (m3/impjegat)

163

169

165

160

Indiċi

100

104

102

98

Sors: L-ilmentatur u l-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

(115)

Il-livell tal-impjiegi tal-industrija tal-Unjoni esperjenza tnaqqis ta’ 12 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. L-impjiegi baqgħu relattivament stabbli mill-2017 sal-2018 għalkemm anke matul dak il-perjodu relattivament stabbli, l-għadd ta’ impjegati naqas b’79. L-impjiegi komplew jitnaqqsu b’mod sinifikanti fl-2019 u ma żdidux fil-PI iżda komplew jonqsu f’livell inqas.

(116)

Fid-dawl tat-tnaqqis fil-produzzjoni u fl-impjiegi, il-produttività tal-forza tax-xogħol tal-industrija tal-Unjoni, imkejla bħala tunnellati għal kull impjegat prodott fis-sena, naqset bi 2 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Din żdiedet mill-2017 għall-2018 b’4 %, segwita minn tnaqqis fil-perjodi sussegwenti.

4.4.2.5.   Id-daqs tal-marġni tad-dumping u l-irkupru minn dumping fil-passat

(117)

Il-marġnijiet kollha tad-dumping kienu ferm ogħla mil-livell de minimis. L-impatt tad-daqs tal-marġnijiet effettivi tad-dumping fuq l-industrija tal-Unjoni kien sostanzjali, meta jitqiesu l-volum u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat.

(118)

Din hija l-ewwel investigazzjoni anti-dumping dwar il-prodott ikkonċernat. Għalhekk, ma kien hemm l-ebda data disponibbli biex jiġu vvalutati l-effetti ta’ dumping possibbli fil-passat.

4.4.3.   L-indikaturi mikroekonomiċi

4.4.3.1.   Il-prezzijiet u l-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(119)

Il-prezzijiet medji ponderati tal-bejgħ ta’ unità tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 7

Il-prezzijiet tal-bejgħ fl-Unjoni

 

2017

2018

2019

Il-perjodu ta’ investigazzjoni

Il-prezz medju tal-bejgħ ta’ unità fl-Unjoni fis-suq totali (EUR/m3)

717

746

732

694

Indiċi

100

104

102

97

Il-kost unitarju tal-produzzjoni (EUR/m3)

629

670

713

692

Indiċi

100

107

113

110

Sors: Il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

(120)

Il-prezzijiet tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni lil partijiet mhux relatati naqsu minn EUR 717/m3 għal EUR 694/m3 matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, tnaqqis ta’ 3 %. Fl-2018, il-livell tal-prezzijiet esperjenza żieda żgħira iżda temporanja ta’ 4 %, li kienet imnaqqsa fil-perjodi li ġejjin.

(121)

Matul l-istess perjodu, il-kost unitarju tal-produzzjoni tal-produtturi tal-unjoni inklużi fil-kampjun żdied b’10 %. Il-kost tal-produzzjoni kien affettwat mill-iżvilupp tal-prezzijiet ewlenin tal-materja prima, mill-fuljetti taz-zkuk tal-injam tal-betula, u mid-diffikultajiet biex wieħed jibbenefika bis-sħiħ mill-ekonomiji ta’ skala minħabba t-tnaqqis fil-bejgħ u fil-produzzjoni.

4.4.3.2.   Il-kostijiet lavorattivi

(122)

Il-kostijiet lavorattivi medji tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 8

Il-kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat

 

2017

2018

2019

Il-perjodu ta’ investigazzjoni

Il-kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat (EUR)

23 474

23 542

23 733

23 690

Indiċi

100

100

101

101

Sors: Il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

(123)

Il-kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat żdiedu b’1 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

4.4.3.3.   L-inventarji

(124)

Il-livelli tal-istokkijiet tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 9

L-inventarji

 

2017

2018

2019

Il-perjodu ta’ investigazzjoni

L-istokks tal-għeluq (m3)

30 894

43 550

35 706

37 685

Indiċi

100

141

116

122

L-istokkijiet tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni

3,1 %

4,3 %

4,1 %

4,4 %

Indiċi

100

137

129

141

Sors: Il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

(125)

L-istokks tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żdiedu bi 22 % matul il-perjodu. Iż-żieda ewlenija ta’ 41 % seħħet bejn l-2017 u l-2018 bl-istokks li laħqu l-livell massimu tagħhom fl-2018. Minn hemm ’il quddiem, l-industrija tal-Unjoni rnexxielha tnaqqas l-istokks b’25 % fl-2019 billi aġġustat il-produzzjoni tagħha, madankollu l-istokks reġgħu żdiedu mill-2019 sal-PI b’6 % minħabba t-tnaqqis kontinwu fil-bejgħ tal-Unjoni. L-istokks tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni żdiedu minn 3,1 % fl-2017 għal 4,4 % fil-PI.

4.4.3.4.   Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiġi ġġenerat kapital

(126)

Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 10

Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti

 

2017

2018

2019

Il-perjodu ta’ investigazzjoni

Il-profittabbiltà tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati (% tal-fatturat mill-bejgħ)

9,7 %

7,4 %

0,2 %

-2,8 %

Indiċi

100

76

2

-28

Il-fluss tal-flus (EUR)

191 991 172

187 065 363

175 135 121

165 108 224

Indiċi

100

97

91

86

L-investimenti (EUR)

14 326 493

12 473 095

11 169 293

14 237 597

Indiċi

100

87

78

99

Ir-redditu fuq l-investimenti

20 %

11 %

0 %

-2 %

Indiċi

100

55

2

-10

Sors: Il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

(127)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun billi esprimiet il-profitt nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tal-prodott simili lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni bħala perċentwal tal-fatturat ta’ dak il-bejgħ. Il-profittabbiltà tal-produtturi inklużi fil-kampjun ikkollassat matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni u naqset minn kważi 10 % fl-2017 għal qrib -3 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni.

(128)

Kif spjegat fit-Taqsima 4.4.3.1, il-kostijiet tal-produtturi tal-Unjoni żdiedu ħafna aktar mill-prezzijiet tagħhom. L-industrija tal-Unjoni ma setgħetx iżżid il-prezzijiet bl-istess mod li bih il-kostijiet kienu qed jiżdiedu minħabba l-pressjoni ’l isfel ikkawżata mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-Russja, kemm f’termini ta’ volum kif ukoll ta’ prezzijiet baxxi. Tabilħaqq, matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-importazzjonijiet Russi kienu f’volumi għoljin u dejjem jiżdiedu bi prezzijiet li kienu baxxi b’mod konsistenti u li segwew xejra ċara ta’ tnaqqis matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Il-prezz medju tal-importazzjonijiet Russi kien ferm inqas mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, u b’hekk jillimita l-possibbiltà ta’ żidiet fil-prezzijiet, li kienu jkunu mistennija f’kuntest ta’ żieda fil-kostijiet tal-materja prima, u domanda dejjem akbar. Dan irriżulta fi profittabbiltà mnaqqsa u li qed tonqos sal-punt li l-industrija tal-Unjoni kienet qed tagħmel it-telf matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(129)

Il-fluss tal-flus nett huwa l-kapaċità tal-produtturi tal-Unjoni li jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom stess. Ix-xejra fil-fluss tal-flus nett żviluppat b’mod negattiv matul il-perjodu investigat, bi tnaqqis annwali, li jwassal għal tnaqqis ġenerali ta’ 14 % mill-2017 sal-PI. Il-kapaċità li jiżdied il-kapital ġiet affettwata b’mod negattiv mit-tnaqqis fil-profitti.

(130)

Il-livell ta’ investimenti annwali naqas b’1 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, iżda ċkien bi 22 % bejn l-2018 u l-2019, u bilkemm jirkupra għal-livell tal-2017 fil-PI. Filwaqt li t-tnaqqis inizjali huwa spjegat mill-iżvilupp tas-suq u mill-impatt fuq il-bejgħ u l-profittabbiltà, iż-żieda reċenti fil-PI kellha l-għan li żżomm il-kapaċitajiet eżistenti u tagħmel sostituzzjoni xierqa tal-assi ta’ produzzjoni meħtieġa.

(131)

Ir-redditu fuq l-investimenti huwa l-profitt f’perċentwal tal-valur kontabilistiku nett tal-investimenti. Dan żviluppa b’mod negattiv matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni u niżel minn 20 % fl-2017 għal -2 % fil-PI. L-iżvilupp negattiv juri li, għalkemm l-investimenti komplew sabiex tinżamm il-kompetittività, ir-redditi fuq dawk l-investimenti naqsu b’mod sostanzjali matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

4.4.4.   Konklużjoni dwar id-dannu

(132)

F’kuntest ta’ żieda sostanzjali fil-konsum tal-Unjoni (+ 14 %), l-importazzjonijiet mir-Russja żdiedu saħansitra b’mod aktar b’saħħtu matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni (+ 37 %), bi prezzijiet li waqqgħu b’mod sinifikanti dawk tal-industrija tal-Unjoni. Dan ippermetta lill-produtturi esportaturi Russi jilħqu sehem mis-suq ta’ 56 % fil-PI (żieda minn 46 % fl-2017).

(133)

F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-industrija tal-Unjoni mhux biss ma setgħetx tibbenefika minn suq li qed jespandi, iżda s-sitwazzjoni ekonomika tagħha marret għall-agħar kif muri mill-makroindikaturi ewlenin kollha li jippreżentaw xejra negattiva: Il-produzzjoni (-14 %), il-bejgħ tal-UE (-17 %) u tnaqqis sinifikanti tas-sehem mis-suq tagħha (minn 44 % għal 32 %) fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(134)

B’reazzjoni għall-pressjoni tal-prezzijiet Russi baxxi, l-industrija tal-Unjoni ppruvat tnaqqas il-kost u saru aġġustamenti fl-impjiegi (-12 %). Madankollu, bħala riżultat tal-pressjoni eżerċitata mill-importazzjonijiet Russi oġġett ta’ dumping f’termini ta’ volumi akbar u prezzijiet baxxi, il-bejgħ tal-UE naqas u l-istokks żdiedu b’mod rapidu (+ 22 %) fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni, u laħqu l-livell massimu tagħhom (+ 41 %) fl-2018.

(135)

Il-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni żdied b’mod sinifikanti matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni (+ 10 %), l-aktar minħabba żieda qawwija fil-prezzijiet tal-materja prima.

(136)

Il-kost tal-industrija tal-Unjoni żdied aktar mill-prezzijiet tal-bejgħ, konsegwentement, il-profittabbiltà kkollassat fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni, minn sitwazzjoni b’saħħitha (+ 10 %) fl-2017 għal xenarju ta’ telf mhux sostenibbli (-3 %) fil-PI.

(137)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni f’dan l-istadju kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali fis-sens tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

5.   IL-KAWŻALITÀ

5.1.   F’konformità mal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat ikkawżawx dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. F’konformità mal-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk fatturi oħrajn magħrufa setgħux fl-istess ħin ikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni żgurat li kwalunkwe dannu possibbli kkawżat minn fatturi oħrajn għajr l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat ma kienx attribwit għall-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. Dawn il-fatturi huma: L-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, il-konsum, l-iżvantaġġ kompetittiv fl-aċċess għall-materja prima ewlenija, id-dannu kkaġunat mill-parti stess, l-istrajks fil-Finlandja, l-effetti tal-COVID-19, il-komparabbiltà tal-prodotti.

5.2.   L-effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping

(138)

Id-deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomiku tal-industrija tal-Unjoni kkoinċida mal-penetrazzjoni sinifikanti u li qed tiżdied tal-importazzjonijiet mir-Russja fis-suq, li konsistentement waqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni u fi kwalunkwe każ wassal biex jonqsu l-prezzijiet. F’dan ir-rigward, l-evoluzzjoni tal-volumi u tal-prezzijiet tal-importazzjoni kif riflessi fit-tabelli 2 u 3 naqqset il-livelli tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, u stabbiliet rabta kawżali bejn it-tnejn.

(139)

L-importazzjonijiet mir-Russja żdiedu b’37 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, minn madwar 870 050 m3 fl-2017, li jirrappreżenta sehem mis-suq ta’ 46 %, għal 1 192 712 m3 fil-PI, li jirrappreżenta sehem mis-suq ta’ 56 %. Dawn l-importazzjonijiet dejjem jiżdiedu saru bi prezzijiet aktar baxxi minn dawk tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat u fi kwalunkwe każ f’livelli ta’ prezzijiet li wasslu għat-tnaqqis tal-prezzijiet, fid-dawl tal-fatt li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx iżżid il-prezzijiet tagħha f’konformità maż-żieda fil-kost tal-produzzjoni.

(140)

Dan kellu impatt negattiv qawwi fuq l-industrija tal-Unjoni fil-PI. F’sitwazzjoni ta’ kostijiet dejjem jiżdiedu u l-pressjoni fuq il-prezzijiet eżerċitata mill-importazzjonijiet Russi oġġett ta’ dumping, l-industrija tal-Unjoni ġiet prekluża milli tistabbilixxi prezzijiet sostenibbli, li rriżultaw fi tnaqqis qawwi ħafna fil-profittabbiltà minn 10 % għal telf (-3 %), u d-deterjorament konsegwenti tal-indikaturi finanzjarji tagħha.

(141)

Għalhekk, ġie konkluż b’mod proviżorju li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-Russja kkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni f’termini ta’ prezz u volum.

5.3.   L-effetti ta’ fatturi oħrajn

5.3.1.   L-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

(142)

Sabiex tiddetermina l-volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, il-Kummissjoni, kif spjegat fit-Taqsima 4.3.1 ta’ hawn fuq, applikat l-istess proporzjon (TARIC/NM) osservat wara l-bidu bejn il-volumi tal-importazzjoni tal-kodiċi NM sħiħ u l-importazzjonijiet għall-prodott ikkonċernat abbażi tad-data TARIC. L-uniċi pajjiżi terzi li importaw volumi sinifikanti lejn l-Unjoni kienu l-Belarussja u l-Ukrajna. Fil-każ tal-Belarussja, il-proporzjon ġie stabbilit għal 43 %.

(143)

Fil-każ tal-Ukrajna, il-Kummissjoni sabet data distorta fl-istatistika rrapportata fil-livell tal-unità supplimentari (metru kubu f’dan il-każ). Għalhekk, għal finijiet ta’ tqabbil, il-Kummissjoni ddeċidiet li tikkonverti l-piż (tunnellati) irrapportat, sett ta’ data aktar affidabbli u stabbli, f’metri kubi.

(144)

Sabiex it-tunnellati jiġu kkonvertiti f’metri kubi, il-Kummissjoni użat fattur ta’ konverżjoni, jiġifieri l-“modalità” tar-Russja u tal-Belarussja fuq il-volum u l-piż fil-livell TARIC wara l-bidu (modalità definita bħala l-valur li jidher l-aktar ta’ spiss f’sett ta’ valur tad-data). Il-fattur tal-konverżjoni, biex it-tunnellati importati jiġu kkonvertiti mill-Ukrajna f’metri kubi ġie stabbilit għal 0,69.

(145)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-prezzijiet tal-importazzjonijiet abbażi ta’ EUR/tunnellata fil-livell NM, kif spjegat fit-Taqsima 4.3.2 ta’ hawn fuq.

(146)

Il-volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn żviluppa kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 11

L-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

Pajjiż

 

2017

2018

2019

Il-perjodu ta’ investigazzjoni

L-Ukrajna

Volum (m3)

82 029

100 935

104 962

106 785

 

Indiċi

100

123

128

130

 

Is-sehem mis-suq

4 %

5 %

5 %

5 %

 

Il-prezz medju (EUR/tunnellata)

651

725

641

616

 

Indiċi

100

111

98

95

Il-Belarussja

Volum (m3)

81 638

112 922

75 961

93 231

 

Indiċi

100

138

93

114

 

Sehem mis-suq

4 %

6 %

4 %

4 %

 

Prezz medju (EUR/tunnellata)

403

481

387

363

 

Indiċi

100

119

96

90

Pajjiżi terzi oħrajn (12)

Volum (m3)

18 668

34 486

60 822

57 354

 

Indiċi

100

185

326

307

 

Sehem mis-suq

1 %

2 %

3 %

3 %

 

Prezz medju (EUR/tunnellata)

566

576

565

561

 

Indiċi

100

102

100

99

Total tal-pajjiżi terzi kollha minbarra r-Russja

Volum (m3)

182 335

248 344

241 746

257 371

 

Indiċi

100

136

133

141

 

Sehem mis-suq

10 %

12 %

12 %

12 %

 

Il-prezz medju (EUR/tunnellata)

537

574

535

520

 

Indiċi

100

107

100

97

Sors: Eurostat

(147)

Meta mqabbla mar-Russja, il-Belarussja u l-Ukrajna għandhom preżenza limitata fis-suq tal-Unjoni. Fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-ishma mis-suq tagħhom baqgħu stabbli, b’varjazzjonijiet minimi jew l-ebda varjazzjoni, f’livell ta’ 4 % u 5 % rispettivament. Il-pajjiżi terzi l-oħrajn kollha żiedu kemxejn il-preżenza tagħhom minn sehem mis-suq ta’ 1 % għal sehem mis-suq xorta baxx ħafna ta’ 3 %. Is-sehem mis-suq ikkombinat tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi kollha minbarra r-Russja żdied bi 2 % mill-2017 sal-2018, u wara baqa’ stabbli f’livell ta’ 12 %.

(148)

F’termini ta’ prezzijiet matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-Ukrajna biegħet bi prezzijiet kemxejn ogħla mir-Russja, u l-Belarussja bi prezzijiet aktar baxxi. Il-prezzijiet aktar baxxi mill-Belarussja huma spjegati mit-teknoloġija limitata tagħha li tippermetti biss il-produzzjoni ta’ prodott ta’ kwalità speċifiku ħafna u orħos fis-suq. B’kuntrast mal-Belarussja, l-importazzjonijiet mir-Russja jikkonċernaw plywood tal-betula ta’ kwalità ogħla, u b’hekk juru prezzijiet medji ogħla.

(149)

Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod proviżorju li l-importazzjonijiet minn pajjiżi oħrajn ma setgħux inaqqsu r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet Russi oġġett ta’ dumping u d-dannu materjali mġarrab mill-produtturi tal-Unjoni.

5.3.2.   Il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(150)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni l-volum tal-esportazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppa kif ġej:

Tabella 12

Il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

 

2017

2018

2019

Il-perjodu ta’ investigazzjoni

Il-volum tal-esportazzjonijiet (m3)

98 324

96 327

93 892

101 866

Indiċi

100

98

95

104

Il-prezz medju (EUR/m3)

689

755

752

705

Indiċi

100

110

109

102

Sors: Il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

(151)

Il-volumi tal-esportazzjonijiet mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żdiedu b’4 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Mill-2017 sal-2019, l-esportazzjonijiet naqsu b’5 %, segwit minn żieda ta’ 9 % fil-PI. Il-prezzijiet medji tal-esportazzjonijiet żdiedu bi 2 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Mill-2017 sal-2018, il-prezzijiet medji żdiedu b’10 %, bi tnaqqis fil-perjodi li ġejjin.

(152)

Minħabba l-evoluzzjoni pożittiva kemm fil-volum tal-esportazzjonijiet kif ukoll fil-prezzijiet medji matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod proviżorju li l-impatt tal-prestazzjoni tal-esportazzjoni ma setax ikkontribwixxa għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

5.3.3.   L-iżvantaġġ kompetittiv fl-aċċess għall-materja prima ewlenija

(153)

Xi partijiet sostnew li l-industrija tal-Unjoni tbati minn disponibbiltà limitata tal-materja prima ewlenija, iz-zkuk tal-injam tal-betula, meta mqabbla mar-Russja. Din id-disponibbiltà limitata ta’ materja prima tkun l-oriġini ta’ volumi ta’ produzzjoni aktar baxxi, żidiet fil-kostijiet u għalhekk tkun il-kawża ta’ dannu.

(154)

L-aċċess għall-materja prima ewlenija, iz-zkuk tal-injam tal-betula, ma jispjegax id-dannu, peress li l-produtturi tal-Unjoni għandhom aċċess suffiċjenti għall-provvisti ta’ zkuk tal-betula. Iż-żieda fl-istokks turi li l-problema ma hijiex il-produzzjoni, iżda pjuttost il-kummerċjalizzazzjoni tagħha. Għalhekk, it-tnaqqis fil-produzzjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni ma huwiex spjegat mid-disponibbiltà tal-injam.

(155)

Fir-rigward tal-allegat żvantaġġ fil-kost, l-investigazzjoni ddeterminat li fattur importanti li jaffettwa ż-żieda fil-kost tal-produzzjoni fuq l-industrija tal-Unjoni huwa l-prezz taz-zkuk tal-injam tal-betula. Madankollu, il-kost tal-materja prima u l-effett tiegħu fuq iż-żieda ġenerali fil-kost tal-produzzjoni fuq l-industrija tal-Unjoni ma jnaqqsux ir-rabta kawżali. B’mod speċifiku, dan jista’ jiġi osservat mill-fatt li bejn l-2019 u l-PI, il-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqas, filwaqt li dan ma rriżultax f’titjib fil-profittabbiltà.

5.3.4.   Id-dannu kkaġunat mill-parti stess

(156)

Xi partijiet sostnew li l-industrija tal-Unjoni għamlet investimenti mhux ġustifikati fl-espansjoni tal-kapaċità meta l-bejgħ kien qed jonqos, u dan kien sors tad-dannu.

(157)

Madankollu, il-kapaċità tal-produzzjoni tal-Unjoni naqset b’mod ġenerali bi 3 % fil-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Il-kapaċità tal-produzzjoni tal-Unjoni żdiedet bi ftit fl-2018 u fl-2019, iżda matul il-perjodu kollu taħt kunsiderazzjoni l-industrija tal-Unjoni rat tnaqqis. L-affermazzjoni li l-investimenti tal-kapaċità tal-espansjoni kienu sors ta’ dannu hija għalhekk bla bażi.

5.3.5.   L-istrajks fil-Finlandja

(158)

Xi partijiet sostnew li għadd ta’ strajks fl-imtieħen tal-Finlandja li seħħew f’Diċembru 2019 u fil-bidu tal-2020 huma l-kawża tat-tnaqqis fil-produzzjoni.

(159)

Il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod proviżorju li l-istrajks tal-imtieħen fil-Finlandja ma jnaqqsux ir-rabta kawżali peress li, l-impatt tagħhom kien ġeografikament limitat (il-Finlandja) u limitat fiż-żmien (l-istrajks seħħew bejn Diċembru 2019 u Jannar 2020).

5.3.6.   L-effetti tal-COVID-19

(160)

Xi partijiet sostnew li l-Kummissjoni jenħtieġ li tikkunsidra d-data li tkopri l-aħħar tal-2019 u l-ewwel nofs tal-2020 b’kawtela speċjali, sabiex tagħmel distinzjoni tal-effetti tal-COVID-19 fl-ekonomija minn dawk tal-importazzjonijiet allegatament oġġett ta’ dumping.

(161)

L-investigazzjonijiet stabbilew li d-domanda għall-plywood tal-betula baqgħet relattivament stabbli fit-tieni kwart tal-2020. Barra minn hekk, ma kien hemm l-ebda tfixkil kbir fil-katina tal-provvista u l-bejgħ għall-esportazzjoni kompla wkoll f’dan il-perjodu. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-effetti tal-COVID-19 ma jnaqqsux ir-rabta kawżali.

5.3.7.   Il-komparabbiltà tal-prodotti

(162)

Xi partijiet sostnew li l-plywood tal-betula mmanifatturat mill-industrija Russa ma jikkompetix mal-plywood immanifatturat mill-industrija tal-UE, peress li allegatament tipproduċi kwalitajiet differenti destinati għal segmenti differenti, u għalhekk, l-importazzjonijiet Russi ma humiex il-kawża tad-dannu.

(163)

Madankollu, it-tqabbil tad-diversi tipi ta’ prodotti mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni u t-tipi ta’ prodotti mibjugħa mill-produtturi esportaturi Russi juri li t-tipi ta’ prodotti jixxiebhu, u ħafna drabi huma saħansitra identiċi, kif ukoll livell sostanzjali ta’ interkambjabbiltà. Barra minn hekk, l-investigazzjoni stabbiliet li l-industrija tal-Unjoni u l-produtturi Russi t-tnejn ifornu lis-setturi ewlenin li jużaw il-plywood tal-betula. Fi kwalunkwe każ kif spjegat fit-Taqsima 2, l-investigazzjoni wriet li l-prodotti mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni u mill-produttur esportatur Russu huma prodotti simili peress li għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi kif ukoll l-istess użi bażiċi. Għaldaqstant l-affermazzjoni titqies bla bażi.

5.4.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(164)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni b’mod proviżorju stabbiliet rabta kawżali bejn id-dannu mġarrab mill-produtturi tal-Unjoni u l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-Russja. Bħala riżultat taż-żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-Russja, l-industrija tal-Unjoni ġiet prekluża milli tistabbilixxi prezzijiet sostenibbli, li rriżultaw f’deterjorament qawwi tas-sitwazzjoni ekonomika tagħha.

(165)

Il-Kummissjoni ddistingwiet u sseparat l-effetti tal-fatturi kollha magħrufa fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni mill-effetti dannużi tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping.

(166)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet f’dan l-istadju li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat ikkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni u li l-fatturi l-oħrajn, meqjusa individwalment jew kollettivament, ma naqqsux ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-dannu materjali.

6.   IL-LIVELL TAL-MIŻURI

(167)

Sabiex tiddetermina l-livell tal-miżuri, il-Kummissjoni eżaminat jekk dazju aktar baxx mill-marġni tad-dumping ikunx suffiċjenti biex jitneħħa d-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping għall-industrija tal-Unjoni.

6.1.   Marġini ta’ dannu

(168)

Id-dannu jitneħħa jekk l-industrija tal-Unjoni tkun tista’ tikseb profitt fil-mira billi tbigħ bi prezz fil-mira fis-sens tal-Artikoli 7(2c) u 7(2d) tar-Regolament bażiku.

(169)

F’konformità mal-Artikolu 7(2c) tar-Regolament bażiku, sabiex tistabbilixxi l-profitt fil-mira, il-Kummissjoni qieset il-fatturi li ġejjin: Il-livell ta’ profittabbiltà qabel iż-żieda fl-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, il-livell ta’ profittabbiltà meħtieġ sabiex ikopri l-kostijiet u l-investimenti kollha, ir-riċerka u żvilupp (R&Ż) u l-innovazzjoni, u l-livell ta’ profittabbiltà li wieħed għandu jistenna f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. Marġni ta’ profitt bħal dan jenħtieġ li ma jkunx inqas minn 6 %.

(170)

Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni stabbiliet profitt bażiku li jkopri l-kostijiet sħaħ f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. Il-Kummissjoni ħadet il-profitti miksuba mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun qabel ma l-importazzjonijiet inġusti mir-Russja aċċelleraw u bdew jagħmlu dannu lill-industrija tal-Unjoni. Marġni ta’ profitt bħal dan ġie stabbilit għal 9,7 %, li jikkorrispondi għal-livell ta’ profitt miksub mill-industrija tal-Unjoni fl-2017.

(171)

Xi produtturi tal-Unjoni sostnew li l-livell tagħha ta’ investimenti, riċerka u żvilupp (R&D) u innovazzjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kienu jkunu ogħla f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni.

(172)

Il-Kummissjoni vvalutat din l-affermazzjoni, iżda osservat li minkejja tnaqqis fil-fatturat, il-livell tal-investimenti matul il-PI kien ogħla milli fis-sentejn preċedenti u qrib ħafna tal-livell tal-investimenti fl-2017 meta l-industrija tal-Unjoni laħqet profitt medju ta’ 9,7 %. Abbażi ta’ dan, anke meta jitqies li l-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) u fl-innovazzjoni huma previżjonijiet prospettivi bbażati fuq pjanijiet ta’ investiment, il-Kummissjoni ma aċċettatx dawn l-affermazzjonijiet b’mod proviżorju.

(173)

Fuq din il-bażi, il-prezz mhux dannuż huwa ta’ EUR 766,33/metru kubu li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-marġni ta’ profitt imsemmi hawn fuq ta’ 9,7 % għall-kost tal-produzzjoni matul il-PI tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(174)

F’konformità mal-Artikolu 7(2d) tar-Regolament bażiku, bħala pass finali, il-Kummissjoni vvalutat il-kostijiet futuri li jirriżultaw mill-Ftehimiet Ambjentali Multilaterali, u l-protokolli tagħhom, li l-Unjoni hija parti minnhom, u tal-Konvenzjonijiet tal-ILO elenkati fl-Anness Ia li l-industrija tal-Unjoni se ġġarrab matul il-perjodu tal-applikazzjoni tal-miżura skont l-Artikolu 11(2). Abbażi tat-tweġibiet għall-kwestjonarju kontroverifikati mill-bogħod u l-evidenza disponibbli pprovduta minn xi wħud mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, il-Kummissjoni stabbiliet kost addizzjonali ta’ EUR 6,68/metru kubu, li minnu naqqset il-kost reali tal-konformità ma’ konvenzjonijiet bħal dawn matul il-PI, jiġifieri EUR 5,28 għal kull unità ta’ kejl, li jwassal għal riżultat ta’ EUR 1,40/metru kubu. Din id-differenza ġiet miżjuda mal-prezz mhux dannuż.

(175)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkalkulat prezz mhux dannuż ta’ EUR 767,73/metru kubu għall-prodott simili tal-industrija tal-Unjoni billi applikat il-marġni ta’ profitt fil-mira msemmi hawn fuq għall-kost tal-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun matul il-perjodu ta’ investigazzjoni u mbagħad żiedet l-aġġustamenti skont l-Artikolu 7 (2d) fuq bażi ta’ tip b’tip.

(176)

Il-Kummissjoni mbagħad iddeterminat il-livell ta’ marġni tal-bejgħ taħt il-prezz abbażi ta’ tqabbil tal-prezz medju ponderat tal-importazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw inklużi fil-kampjun fil-pajjiż ikkonċernat, kif stabbilit għall-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz, mal-prezz mhux dannuż medju ponderat tal-prodott simili mibjugħ mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun fis-suq ħieles tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Kwalunkwe differenza li tirriżulta minn dan it-tqabbil ġiet espressa bħala perċentwal tal-valur CIF medju ponderat tal-importazzjonijiet.

(177)

Il-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu għal “kumpaniji oħrajn li kkooperaw” u għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha” huwa definit bl-istess mod bħall-marġni tad-dumping għal dawn il-kumpaniji.

Il-kumpanija

Il-marġni tad-dumping (%)

Marġini ta’ dannu (%)

Sveza Group

15,9 %

30,9 %

Syktyvkar Plywood Mill Ltd.

15,0 %

43,8 %

Zheshartsky LРK LLC

15,3 %

54,0 %

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

15,7 %

38,1 %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

15,9 %

54,0 %

7.   INTERESS TAL-UNJONI

(178)

Il-Kummissjoni eżaminat jekk setgħetx tikkonkludi b’mod ċar li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li tadotta miżuri f’dan il-każ, minkejja d-determinazzjoni ta’ dumping dannuż, f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq apprezzament tad-diversi interessi kollha involuti, inklużi dawk tal-industrija, tal-importaturi u tal-utenti tal-Unjoni.

7.1.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

(179)

L-industrija tal-Unjoni hija magħmula minn madwar ħmistax-il kumpanija. Dawn jinsabu l-aktar ġeografikament qrib ir-reġjuni tal-foresti tal-betula fl-Ewropa tal-Grigal (il-Finlandja, il-pajjiżi Baltiċi u l-Polonja) u jimpjegaw direttament aktar minn 5 000 ħaddiem. Il-maġġoranza tal-produtturi tal-Unjoni appoġġaw l-ilment, tnejn esprimew pożizzjoni newtrali u l-ebda wieħed minnhom ma oppona l-bidu tal-investigazzjoni.

(180)

Il-livelli attwali ta’ profittabbiltà ma humiex sostenibbli. L-impożizzjoni ta’ miżuri hija mistennija li tippermetti lill-industrija tal-Unjoni tirkupra partijiet mis-sehem mis-suq mitluf, u tistabbilixxi prezzijiet f’livelli li tal-anqas ikopru l-kost.

(181)

In-nuqqas ta’ miżuri x’aktarx li jkollu effett negattiv sinifikanti fuq l-industrija tal-Unjoni f’termini ta’ soppressjoni ulterjuri tal-prezzijiet u tnaqqis ulterjuri tal-bejgħ, u b’hekk jissarraf f’aktar telf u għeluq probabbli tal-faċilitajiet tal-produzzjoni u sensji.

(182)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji tkun fl-interess tal-industrija tal-Unjoni.

7.2.   L-interess tal-importaturi u tan-negozjanti mhux relatati

(183)

Disgħa u għoxrin importatur ippreżentaw ruħhom, u waslu għadd ta’ sottomissjonijiet u kummenti. Kif imsemmi fit-Taqsima 1.6.2, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta’ tliet importaturi, li ppreżentaw tweġibiet għall-kwestjonarji.

(184)

Diversi importaturi argumentaw li l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping iżżid il-kostijiet materjali għalihom u għall-klijenti tagħhom. Dawn il-kostijiet addizzjonali jkunu diffiċli li jiġu koperti u għalhekk jheddu l-profittabbiltà u l-kompetittività tagħhom. Saru aktar affermazzjonijiet dwar in-nuqqas ta’ kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tissodisfa d-domanda fl-Unjoni, li hija stmata li hija madwar 2,1 miljun m3, u b’hekk ġie allegat li l-miżuri joħolqu nuqqas fis-suq. Barra minn hekk, saru affermazzjonijiet dwar in-nuqqas ta’ interess tal-produtturi tal-Unjoni fil-forniment ta’ intrapriżi żgħar, kif ukoll ir-rifjut li jiġu pprovduti ċerti materjali.

(185)

Fir-rigward tal-konsegwenzi ekonomiċi fuq l-importaturi, l-investigazzjoni stabbiliet li l-importaturi inklużi fil-kampjun għandhom profitt ponderat ta’ 4,7 %, b’ishma differenti tal-plywood tal-betula fil-portafoll tal-prodotti tagħhom. Barra minn hekk, filwaqt li s-sehem tal-plywood Russu distribwit mill-importaturi jista’ jonqos jekk jiġu imposti l-miżuri, il-livell ta’ miżuri ma huwiex mistenni li jikkawża waqfien sħiħ tal-importazzjonijiet Russi. Minħabba li hemm ukoll sorsi alternattivi ta’ provvista fil-pajjiżi ġirien, bħall-Ukrajna u l-Belarussja, l-impatt tal-miżuri fuq il-profittabbiltà u l-kompetittività tal-importaturi huwa mistenni li jkun limitat. L-interess tal-utenti huwa indirizzat fit-Taqsima 7.3 ta’ hawn taħt.

(186)

Fir-rigward tar-riskju tal-provvista, il-livell tal-miżuri x’aktarx mhux se jwaqqaf l-importazzjonijiet Russi, iżda pjuttost se jippermetti l-forniment kontinwu tal-plywood tal-betula mir-Russja bi prezzijiet ġusti. Barra minn hekk, il-plywood tal-betula xorta jista’ jiġi importat minn pajjiżi terzi oħra, bħall-Ukrajna u l-Belarussja.

(187)

Fir-rigward tal-provvista lill-konsumaturi ta’ kwantitajiet żgħar, l-investigazzjoni stabbiliet li l-industrija tal-Unjoni żviluppat network estensiv ta’ bejjiegħa bl-imnut, relatati u mhux relatati, li jippermetti lill-industrija tal-Unjoni tilħaq klijenti żgħar li ma għandhomx il-kapaċità li jixtru kontejners sħaħ. Barra minn hekk, kif imsemmi hawn fuq, kwalunkwe konsumatur jista’ jkompli jakkwista minn produtturi Russi.

(188)

L-investigazzjoni stabbiliet ukoll li l-industrija tal-Unjoni għandha t-tagħmir u l-kapaċità meħtieġa biex tadatta għar-rekwiżiti speċifiċi tal-prodott għall-klijenti, u għalhekk hija kapaċi tipproduċi t-tipi kollha ta’ prodotti meħtieġa.

(189)

Bħala konklużjoni, il-miżuri anti-dumping fil-livell stabbilit jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv lil xi importaturi mhux relatati. Madankollu impatt bħal jenħtieġ li ma jkunx sinifikanti b’mod ġenerali u se jiddependi ħafna mill-mudell kummerċjali tal-importaturi, il-varjetà tas-sorsi tal-provvisti tagħhom u l-punt sa fejn iż-żieda fil-kostijiet tiġi mgħoddija lill-klijenti tagħhom.

(190)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni stabbiliet b’mod proviżorju li kwalunkwe impatt negattiv tal-miżuri fuq l-importaturi mhux relatati b’mod ġenerali huwa mistenni li jkun limitat u ma jisboqx l-effett pożittiv tal-miżuri fuq il-produtturi tal-Unjoni.

7.3.   L-interess tal-utenti

(191)

Tlettax-il utent ippreżentaw ruħhom. Disa’ utenti ppreżentaw kummenti u/jew tweġibiet għall-kwestjonarju.

(192)

Il-Kummissjoni hija involuta fi proċess ta’ defiċjenza mal-biċċa l-kbira tal-utenti li pprovdew tweġiba għall-kwestjonarju minħabba n-nuqqas ta’ verżjonijiet disponibbli għall-konsultazzjoni mal-partijiet interessati. F’dan l-istadju, tweġiba waħda biss għall-kwestjonarju, minn Emiliana Imballaggi S.p.A., li tixtri l-plywood tal-betula għan-negozju tal-imballaġġ, ipprovdiet verżjoni miftuħa.

(193)

Saru affermazzjonijiet li argumentaw li l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping iżżid il-kostijiet għall-utenti li jkun diffiċli li jingħaddew lill-klijenti u għalhekk thedded il-profittabbiltà u l-kompetittività tagħhom.

(194)

Il-plywood tal-betula jintuża f’tipi differenti ta’ setturi. L-impożizzjoni ta’ miżuri x’aktarx li jkollha impatt differenti fost l-utenti, skont is-sehem tal-kostijiet tal-plywood tal-betula fil-kostijiet totali għal dak is-settur u l-kapaċità li jgħaddu l-kostijiet lill-konsumaturi downstream. Informazzjoni dettaljata mill-utenti flimkien ma’ verżjoni miftuħa ġiet ipprovduta minn kumpanija waħda biss li tuża l-plywood għas-settur tal-imballaġġ. Barra minn hekk, l-ilmentatur ippreżenta studju indipendenti li janalizza l-impatt mistenni tal-miżuri fuq l-utenti, ibbażat fuq dazji teoretiċi ta’ 20 % sa 30 %.

(195)

Is-setturi ewlenin li jużaw il-plywood tal-betula fl-UE huma skont il-konsum: Il-kostruzzjoni (39 %), it-trasport (27 %), l-għamara (10 %) u l-imballaġġ (8 %). Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, għas-setturi li jinkludu l-maġġoranza tal-konsum tal-plywood tal-betula, l-impatt tal-miżuri ġie vvalutat b’mod proviżorju bħala limitat jew negliġibbli. Is-setturi fejn id-dazji jista’ jkollhom l-akbar impatt huma l-produtturi tal-imballaġġ u tal-parquet. Madankollu, anke f’dawn is-setturi, l-impatt tal-miżuri huwa limitat. Għas-settur tal-imballaġġ, l-impatt stmat huwa ta’ madwar 2 % sa 4 % fl-istruttura tal-kostijiet, li jista’ jkun mistenni li jingħadda lill-klijenti. Fir-rigward tas-settur tal-parquet u tal-art, il-plywood tal-betula għandu diversi sostituti, bħal tipi oħrajn ta’ injam u materjali alternattivi, li hija raġuni oħra għaliex l-impatt tal-kost possibbilment ftit ogħla tal-plywood tal-betula huwa mistenni li jkun limitat.

(196)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni stabbiliet b’mod proviżorju li kwalunkwe impatt negattiv tal-miżuri fuq l-utenti huwa mistenni li jkun limitat u li ma jisboqx l-effett pożittiv tal-miżuri fuq il-produtturi tal-Unjoni.

7.4.   L-Interess tal-Fornituri

(197)

Tliet fornituri ppreżentaw ruħhom bħala partijiet interessati.

(198)

It-tliet kumpaniji kollha huma fornituri ta’ makkinarju, ta’ tagħmir tax-xogħol fl-injam jew ta’ materjali li jintużaw fil-produzzjoni tal-plywood tal-betula lill-produtturi esportaturi Russi. Il-kumpaniji sostnew li l-impożizzjoni ta’ miżuri timplika tnaqqis fl-importazzjonijiet Russi, li jwassal għal tnaqqis fl-investimenti fuq tagħmir mill-produtturi esportaturi Russi u, għaldaqstant, ikollu impatt negattiv fuq in-negozju tagħhom.

(199)

Il-Kummissjoni tistenna li l-investimenti Russi fuq it-tagħmir ma jiġux affettwati b’mod sinifikanti peress li l-livell tal-miżuri ma huwiex mistenni li jwaqqaf l-importazzjonijiet Russi. Min-naħa l-oħra, il-miżuri x’aktarx jippermettu lill-industrija tal-Unjoni tinvolvi ruħha f’investimenti fit-tagħmir, u b’hekk jaffettwaw b’mod pożittiv lill-fornituri tal-Unjoni ta’ tagħmir tax-xogħol fl-injam.

(200)

Abbażi dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni stabbiliet b’mod proviżorju li kwalunkwe impatt negattiv tal-miżuri fuq il-fornitur b’mod ġenerali huwa mistenni li jkun limitat u ma jisboqx l-effett pożittiv tal-miżuri fuq il-produtturi tal-Unjoni.

7.5.   Partijiet interessati oħrajn: produtturi oħrajn tal-plywood tal-boskijiet, interess ambjentali u COVID-19.

(201)

Tliet assoċjazzjonijiet nazzjonali (ta’ Franza, tal-Italja u ta’ Spanja) li jirrappreżentaw il-produtturi tal-plywood tal-fagu, tal-arżnu u tipi oħrajn ta’ injam ippreżentaw ruħhom bħala partijiet interessati. Dawn sostnew li filwaqt li l-prodott ikkonċernat u l-prodotti tiegħu huma prodotti differenti, jista’ jsir ċertu livell ta’ sostituzzjoni. Huma argumentaw li filwaqt li tradizzjonalment il-prezzijiet tal-plywood tal-betula kienu f’livelli ogħla, il-prezzijiet oġġett ta’ dumping tal-plywood tal-betula mir-Russja attiraw domanda li tradizzjonalment kienet għal tip ieħor ta’ injam, bħal-luq, l-arżnu u l-okoume, u heddew il-katina tal-valur stabbilita f’tipi oħrajn ta’ industriji tal-injam. Għalhekk, huma jappoġġaw l-impożizzjoni tal-miżuri.

(202)

Diversi partijiet sostnew li l-impożizzjoni tad-dazji tista’ tikkawża rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju minħabba sostituzzjoni tal-plywood tal-betula Russu ma’ plywood tal-luq Ċiniż jew plywood minn pajjiżi oħrajn lil hinn mill-Ewropa, li jżid l-emissjoni tat-trasport u r-riskju li l-prodotti ta’ sostituzzjoni jkunu inqas sostenibbli mill-plywood tal-betula Russu. Il-Kummissjoni nnotat li l-livell li fih għandhom jiġu imposti l-miżuri ma huwiex mistenni li jwaqqaf l-importazzjonijiet Russi. Barra minn hekk, ma ntweriex li jekk ikun hemm sostituzzjoni tal-importazzjonijiet mir-Russja minn importazzjonijiet minn pajjiż terz ieħor, din tkun miċ-Ċina, u lanqas li tip ieħor ta’ produzzjoni tal-injam ikun inqas sostenibbli mill-produzzjoni tal-betula Russa. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(203)

Il-partijiet sostnew li d-dazji jaggravaw l-effett tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-utenti. Madankollu, kif spjegat hawn fuq, l-impatt tal-miżuri tas-setturi ewlenin li jużaw il-plywood tal-betula huwa mistenni li jkun limitat. Barra minn hekk, f’dan il-mument, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda evidenza għad-dispożizzjoni tagħha li turi l-impatt tal-pandemija fuq is-setturi differenti tal-utenti, jew li l-impatt fuq il-produtturi jkun differenti mill-impatt fuq l-utenti. Fin-nuqqas ta’ evidenza bħal din, il-pandemija tal-COVID-19 titqies bħala fattur newtrali fil-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni.

7.6.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(204)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm raġunijiet persważivi li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li timponi miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-plywood tal-betula li joriġina mir-Russja f’dan l-istadju tal-investigazzjoni.

8.   IL-MIŻURI PROVVIŻORJI ANTI-DUMPING

(205)

Abbażi tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni fir-rigward tad-dumping, id-dannu, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri proviżorji biex jiġi evitat aktar dannu lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping.

(206)

Jenħtieġ li jiġu imposti miżuri proviżorji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-plywood tal-betula li joriġina mir-Russja, f’konformità mar-regola tad-dazju inferjuri fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni qabblet il-marġnijiet tal-bejgħ taħt il-prezz u l-marġnijiet tad-dumping. L-ammont tad-dazji ġie stabbilit fil-livell l-aktar baxx tal-marġnijiet tad-dumping u tal-bejgħ taħt il-prezz.

(207)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, ir-rati tad-dazju anti-dumping proviżorji, espressi skont il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, jenħtieġ li jkunu kif ġej:

Il-kumpanija

Id-dazju anti-dumping proviżorju

Sveza Group

15,9 %

Syktyvkar Plywood Mill Ltd.

15,0 %

Zheshartsky LРK LLC

15,3 %

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

15,7 %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

15,9 %

(208)

Ir-rati tad-dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati ta’ dazju huma esklużivament applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat u mmanifatturati mill-entitajiet legali msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat immanifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija b’mod speċifiku fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk speċifikament imsemmija, jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”. Dawn jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għal xi rata individwali ta’ dazju anti-dumping.

(209)

Sabiex ikun żgurat infurzar xieraq tad-dazji anti-dumping, id-dazju anti-dumping għall-kumpaniji l-oħrajn kollha jenħtieġ li japplika mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f’din l-investigazzjoni, iżda anke għall-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(210)

Sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza fir-rati tad-dazju, huma meħtieġa miżuri speċjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dazji anti-dumping individwali. Il-kumpaniji b’dazji anti-dumping individwali jridu jippreżentaw fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. Importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati minn dik il-fattura jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

(211)

Filwaqt li l-preżentazzjoni tal-fattura hija meħtieġa sabiex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet, ma hijiex l-uniku element li għandu jitqies mill-awtoritajiet doganali. Tabilħaqq, anke jekk jiġu ppreżentati b’fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jridu jwettqu l-verifiki tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħrajn kollha, jirrikjedu dokumenti addizzjonali (dokumenti tat-trasport, eċċ.) sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw il-preċiżjoni tad-dettalji li jkun hemm fid-dikjarazzjoni u jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rata tad-dazju aktar baxxa tkun ġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali.

9.   INFORMAZZJONI FL-ISTADJU PROVIŻORJU

(212)

F’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati dwar l-impożizzjoni ppjanata ta’ dazji proviżorji. Din l-informazzjoni ġiet magħmula disponibbli wkoll għall-pubbliku ġenerali fuq is-sit web ta’ DĠ TRADE. Il-partijiet interessati ngħataw tlett ijiem ta’ xogħol biex jipprovdu kummenti dwar l-akkuratezza tal-kalkoli ddivulgati b’mod speċifiku lilhom.

(213)

Waslu kummenti dwar il-preċiżjoni tal-kalkulazzjonijiet. UPG ipprovdiet kummenti li tqisu filwaqt li l-kummenti li għamlu Sveza Group u Syktyvkar Plywood Mill Ltd. ma affettwawx il-preċiżjoni tal-kalkulazzjonijiet. L-awtoritajiet Russi ssottomettew kummenti kontra l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji mingħajr madankollu ma pprovdew dettalji speċifiċi dwar il-preċiżjoni tal-kalkulazzjonijiet.

10.   DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

(214)

Fl-interessi ta’ amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni se tistieden lill-partijiet interessati jressqu kummenti bil-miktub u/jew jitolbu seduta mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Smigħ fil-proċeduri kummerċjali fi żmien skadenza fissa.

(215)

Is-sejbiet li jikkonċernaw l-impożizzjoni ta’ dazji proviżorji huma proviżorji u jistgħu jiġu emendati fl-istadju definittiv tal-investigazzjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju anti-dumping proviżorju huwa impost fuq l-importazzjonijiet ta’ plywood li jikkonsisti biss minn folji tal-injam, kull folja li ma taqbiżx il-ħxuna ta’ 6 mm, bil-folji ta’ barra tal-injam speċifikati taħt is-subintestatura 4412 33, b’tal-anqas saff wieħed ta’ barra tal-injam tal-betula, miksi jew le, li joriġina mir-Russja, li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 4412 33 00 (kodiċi TARIC 4412330010).

2.   Ir-rati tad-dazju anti-dumping proviżorju applikabbli għall-prezz nett, liberu fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u mmanifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, għandhom ikunu kif ġej:

Il-kumpanija

Id-dazju anti-dumping proviżorju

Il-kodiċi addizzjonali TARIC

Sveza Group magħmul minn seba’ produtturi esportaturi: JSC “SVEZA Manturovo”; JSC “SVEZA Novator”; Tyumen Plywood Plant Limited; JSC “SVEZA Ust-Izhora”; JSC “SVEZA Uralskiy”; JSC “SVEZA Kostroma”; JSC “SVEZA Verhnaya Sinyachiha”

15,9 %

C659

Syktyvkar Plywood Mill Ltd.

15,0 %

C660

Zheshartsky LРK LLC

15,3 %

C661

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw elenkati fl-Anness

15,7 %

 

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

15,9 %

C999

3.   L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha ssir bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha għandha tidher dikjarazzjoni datata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ tali fattura, identifikat b’ismu u l-kariga tiegħu, abbozzata kif ġej: “Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(volum) tal-plywood tal-betula mibjugħ sabiex jiġi esportat lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (isem il-kumpanija u l-indirizz) (kodiċi addizzjonali TARIC) fir-Russja. Jiena niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f’din il-fattura hija sħiħa u korretta .” Jekk ma tiġix ippreżentata fattura bħal din, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.

4.   Ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni tal-prodott imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun soġġett għall-għoti ta’ depożitu ta’ garanzija ekwivalenti għall-ammont tad-dazju proviżorju.

5.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

1.   Il-partijiet interessati għandhom jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar dan ir-Regolament bil-miktub lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum kalendarju mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-partijiet interessati li jixtiequ jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni għandhom jagħmlu dan fi żmien 5 ijiem kalendarji mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

3.   Il-partijiet interessati li jkunu jixtiequ jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Smigħ fil-proċedimenti kummerċjali huma mistiedna jagħmlu dan fi żmien 5 ijiem kalendarji mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. L-Uffiċjal tas-Smigħ għandu jeżamina t-talbiet li jiġu ppreżentati wara din l-iskadenza u jista’ jiddeċiedi jekk jaċċettax dawn it-talbiet jekk ikun xieraq.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1 għandu japplika għal perjodu ta’ sitt xhur.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  ĠU C 342, 14.10.2020, p. 2.

(3)  ĠU C 428, 11.12.2020, p. 27.

(4)  Id-dokumenti Tron t20.006971 u t20.006972, it-tnejn datati t-2 ta’ Novembru 2020.

(5)  Il-kwestjonarji rispettivi, kif ukoll il-kwestjonarju tal-utenti, kienu disponibbli online fil-jum tal-bidu fuq https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2486.

(6)  Avviż dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa ta’ COVID-19 fuq investigazzjonijiet antidumping u antisussidji (ĠU C 86, 16.3.2020, p. 6).

(7)  Id-dokument Tron t21.000594.

(8)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ġunju 2015 fil-Kawża T-26/12, PT Musim Mas, il-punt 50, ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja meta ddeċidiet dwar l-appell fil-Kawża C-468/15 P tas-26 ta’ Ottubru 2016, il-punti 43-44.

(9)  Sors tad-data Eurostat, aġġustat bl-applikazzjoni tal-metodoloġija spjegata fit-Taqsima 4.3.1.

(10)  Kodiċi TARIC: 4412330010

(11)  Kodiċi NM: 4412 33 00

(12)  Il-proporzjon (TARIC/NM) wara l-bidu bejn il-volumi tal-importazzjoni tal-kodiċi NM sħiħ u l-importazzjonijiet għall-prodott ikkonċernat abbażi tad-data TARIC, għal “Pajjiżi terzi oħrajn” ġie stabbilit għal 3 %.


ANNESS

Produtturi esportaturi li kkooperaw imma mhux inklużi fil-kampjun

Isem

Kodiċi addizzjonali TARIC

Arkhangelsk Plywood Plant JSC

C662

CJSC Murom

C663

LLC InvestForest

C664

Joint Stock Company Bryansk Plywood Mill

C665

Joint-Stock Company Krasnyi Yakor

C666

Limited Liability Company Fanernyiy Zavod

C667

Limited Liability Company UPM-Kymmene Chudovo

C668

Murashi Plywood Factory

C669

Parfino Plywood Factori

C670

ZAO Plyterra

C671

Plywood Plant Vlast Truda JSC

C672

Limited Liability Company Vyatsky Plywood Mill

C673


Top