EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0909

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/909 tal-31 ta’ Mejju 2021 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

C/2021/4027

OJ L 199, 7.6.2021, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/909/oj

7.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 199/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/909

tal-31 ta’ Mejju 2021

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stipula r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jkun hemm l-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, jenħtieġ li l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella ppreżentata fl-Anness jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), bis-saħħa tar-raġunijiet ippreżentati fil-kolonna (3) ta’dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa fir-rigward tal-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Jenħtieġ li dak il-perjodu jkun ta’ tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif ppreżentata fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li mhijiex konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Gerassimos THOMAS

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni (Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Oġġett flessibbli (l-hekk imsejjaħ noodle tal-pixxina) magħmul minn plastik ċellulari (fowm tal-plastik) fil-forma ta’ tubu vojt b’tul ta’ madwar 1 m u dijametru ta’ madwar 8 cm. L-oġġett iżomm f’wiċċ l-ilma u huwa ppreżentat biex jintuża bħala għajnuna għaż-żamma f’wiċċ l-ilma, li jikkonforma ma’ standard Ewropew għall-għajnuniet għaż-żamma f’wiċċ l-ilma għall-istruzzjoni tal-għawm (EN 13138–2:2014). L-oġġett huwa wkoll assorbenti għax-xokkijiet u termalment iżolanti.

Ara l-istampi  (*1)

3926 90 97

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, u bil-kliem tal-kodiċijiet NM 3926 , 3926 90 u 3926 90 97 .

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9506 bħala oġġetti u tagħmir għall-eżerċizzju fiżiku ġenerali, għall-ġinnastika, għall-atletika, għal sport ieħor jew għal-logħob ta’ barra hija eskluża għax, minħabba l-forma sempliċi u komuni tiegħu, l-oġġett ma jistax jiġi identifikat bħala oġġett maħsub għall-eżerċizzju fiżiku jew għall-isport tal-intestatura 9506 , għalkemm minħabba l-kapaċitajiet tiegħu li jżomm f’wiċċ l-ilma l-oġġett jikkonforma mal-istandard għall-għajnuniet għaż-żamma f’wiċċ l-ilma għall-istruzzjonijiet tal-għawm. Barra minn hekk, minħabba l-forma sempliċi u l-materjal komuni tiegħu, l-oġġett jista’ jintuża’ għal diversi skopijiet (pereżempju bħala prodotti protettivi li jassorbu x-xokkijiet li jitgeżwru madwar l-arbli, prodotti għall-iżolament termali li jitgeżwru madwar il-pajpijiet, prodotti għad-divertiment tat-tfal).

Bl-istess mod, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9503 bħala ġugarelli hija eskluża, għax l-oġġett ma jistax jiġi identifikat b’mod ċar bħala oġġett għad-divertiment tat-tfal jew tal-adulti mid-disinn tiegħu.

Konsegwentement, l-oġġett għandu jiġi kklassifikat skont il-materjal kostitwenti tiegħu (il-plastik).

Għaldaqstant, l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 3926 90 97 bħala oġġetti oħrajn tal-plastik.


(*1)  L-istampi huma biss għal finijiet ta’ informazzjoni.

Image 1


Top