Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0896

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/896 tal-24 ta’ Frar 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/1238 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ informazzjoni addizzjonali għall-finijiet tal-konverġenza tar-rapportar superviżorju (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2021/1134

    ĠU L 197, 4.6.2021, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/896/oj

    4.6.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 197/5


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/896

    tal-24 ta’ Frar 2021

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/1238 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ informazzjoni addizzjonali għall-finijiet tal-konverġenza tar-rapportar superviżorju

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Ir-Regolament (UE) 2019/1238 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar Prodott tal-Pensjoni Personali pan-Ewropew (PEPP) (1) u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 40(9),

    Billi:

    (1)

    Il-fornituri ta’ Prodott tal-Pensjoni Personali pan-Ewropew (PEPP) huma soġġetti għal diversi leġiżlazzjonijiet settorjali nazzjonali fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, u għar-rekwiżiti ta’ rapportar settorjali korrispondenti fuq l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, fosthom fuq l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej. Sabiex tiġi mmitigata l-possibbiltà ta’ rekwiżiti ta’ rappurtar nazzjonali sostanzjali, addizzjonali u diverġenti, jenħtieġ li jittieħed approċċ standardizzat fir-rigward tal-informazzjoni meħtieġa għall-finijiet tas-superviżjoni kif ukoll għall-informazzjoni prevista skont il-liġi settorjali rilevanti. Il-Kummissjoni stiednet lill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol tipprovdi gwida teknika.

    (2)

    Hemm il-bżonn ta’ sett ta’ informazzjoni standardizzat biex ikun hemm aktar komparabbiltà u effiċjenza u biex jiġi evitat rapportar doppju marbut mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni settorjali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-informazzjoni addizzjonali msemmija fl-Artikolu 40(1) sa (5) tar-Regolament (UE) 2019/1238 għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    deskrizzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni tar-riskju tal-fornitur tal-PEPP, fosthom tal-governanza tiegħu, għall-ġestjoni tar-riskji li jirriżultaw mill-prodotti tal-PEPP;

    (b)

    deskrizzjoni tan-negozju tal-fornitur tal-PEPP fir-rigward tas-settur li l-fornitur tal-PEPP jopera fih, fosthom it-tip ta’ investimenti li jagħmel u l-ġestjoni tagħhom, jekk l-investimenti jkunux attivi jew passivi, jekk jiġux offruti garanziji jew le, l-implimentazzjoni tat-tekniki tal-mitigazzjoni, id-daqs f’termini ta’ kontribuzzjonijiet u valuri tal-assi, u lista li tinkludi l-Istat Membru ta’ oriġini tal-fornitur tal-PEPP u kwalunkwe Membru Stat ospitanti tal-fornitur tal-PEPP;

    (c)

    informazzjoni dwar liema politiki se jiddaħħlu mill-fornituri tal-PEPP bil-miktub biex jindirizzaw ir-riskji rilevanti;

    (d)

    informazzjoni dwar il-prinċipji ta’ valwazzjoni li jiġu applikabbli għall-finijiet tas-solvenza, fejn applikabbli;

    (e)

    ħarsa ġenerali lejn ir-riskji rilevanti li jappartjenu jew li huma marbuta mal-forniment tal-PEPP u kif il-fornitur tal-PEPP ikun biħsiebu jamministra dawk ir-riskji, fosthom ir-riskji finanzjarji u ta’ likwidità, iżda mhux dawn biss, ir-riskju tas-suq, ir-riskji ta’ kreditu, ir-riskji ta’ reputazzjoni u r-riskji relatati ma’ fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza;

    (f)

    informazzjoni fir-rigward tal-istruttura kapitali tal-fornitur tal-PEPP, fosthom il-proporzjonijiet kapitali u l-livelli ta’ ingranaġġ;

    (g)

    informazzjoni dwar kuntratti f’idejn fornitur tal-PEPP, jew rigward kuntratti ma’ partijiet terzi, fosthom l-obbligi lejn il-faddala f’PEPP matul il-fażi ta’ dekumulazzjoni, jew għall-forniment ta’ subkontijiet tal-PEPP.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Frar 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 198, 25.7.2019, p. 1.


    Top