EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0725

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/725 tal-4 ta’ Mejju 2021 li jidderoga fir-rigward tas-sena 2021 mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, (UE) Nru 180/2014, (UE) Nru 181/2014, (UE) 2017/892, (UE) 2016/1150, (UE) 2018/274, (UE) Nru 615/2014 u (UE) 2015/1368 fir-rigward ta’ ċerti verifiki amministrattivi u fuq il-post, applikabbli fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni

C/2021/3017

ĠU L 155, 5.5.2021, p. 8–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/725/oj

5.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 155/8


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/725

tal-4 ta’ Mejju 2021

li jidderoga fir-rigward tas-sena 2021 mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, (UE) Nru 180/2014, (UE) Nru 181/2014, (UE) 2017/892, (UE) 2016/1150, (UE) 2018/274, (UE) Nru 615/2014 u (UE) 2015/1368 fir-rigward ta’ ċerti verifiki amministrattivi u fuq il-post, applikabbli fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 62(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 8 u l-Artikolu 18(1), it-tieni subparagrafu tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-baħar Eġew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 7, l-Artikolu 11(3) u l-Artikolu 14(1), it-tieni subparagrafu tiegħu,

Billi:

(1)

Minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet estensivi ta’ moviment stabbiliti fl-Istati Membri, l-Istati Membri kollha kellhom diffikultajiet amministrattivi eċċezzjonali fir-rigward tal-ippjanar u tal-eżekuzzjoni tal-verifiki f’waqthom fuq il-post skont l-għadd rikjest. Dawk id-diffikultajiet jirriskjaw li jitfgħu it-twettiq tal-verifiki lura u allura anki l-pagament tal-għajnuna sussegwenti. Fl-istess ħin, il-bdiewa huma vulnerabbli għat-turbulenzi fl-ekonomija li kkawżat il-pandemija u qegħdin iġarrbu diffikultajiet finanzjarji u problemi ta’ fluss tal-flus.

(2)

Fid-dawl tan-natura bla preċedent ta’ dawk iċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/532 (4) sabiex dawk id-diffikultajiet jittaffew billi tingħata deroga minn Regolamenti ta’ Implimentazzjoni differenti applikabbli fil-qasam tal-Politika Agrikola Komuni fir-rigward ta’ ċerti verifiki amministrattivi u fuq il-post f’termini taż-żmien u l-għadd tagħhom. Meta titqies l-estensjoni tad-diffikultajiet minħabba l-kontinwazzjoni tal-pandemija tal-COVID-19 fl-2021, ikun xieraq li jiġu previsti wkoll miżuri simili fis-sena 2021.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 (5) jistabbilixxi regoli dwar, inter alia, iż-żmien tal-verifiki fuq il-post, ir-rati ta’ kontroll ta’ ċerti verifiki fuq il-post fis-sistema integrata, inkluż għall-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali, u ż-żieda fir-rata ta’ kontroll fir-rigward ta’ ċerti skemi. Barra minn hekk, dak ir-Regolament jinkludi regoli dwar il-verifiki fuq il-post relatati mal-kriterji ta’ eliġibbiltà, mal-impenji u ma’ obbligi oħra fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-bhejjem u t-talbiet għall-pagament skont il-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali, tar-rati ta’ kontroll għall-miżuri tal-iżvilupp rurali mhux relatati maż-żona u mhux relatati mal-annimali, u tar-rati ta’ kontroll minimi relatati mal-kundizzjonalità.

(4)

L-Artikoli 24(4), 48(5), 49(1), 52(1), 60(2) u 71(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 jistabbilixxu ċerti regoli li l-awtorità kompetenti trid tosserva biex twettaq verifiki amministrattivi jew fuq il-post. Fid-dawl taċ-ċirkostanzi kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, huwa xieraq li jitħeġġeġ it-twettiq ta’ dawn il-verifiki bit-telerilevament u bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda bħal pereżempju s-sistemi tal-ajru mingħajr bdot abbord, ritratti ġeottaggjati, ir-riċevituri tas-sistema globali ta’ navigazzjoni bis-satellita (GNSS) ikkombinati mas-Sistema Ewropea ta’ Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS) u ma’ Galileo, id-data miġbura mis-satelliti ta’ Copernicus Sentinels u evidenza dokumentata rilevanti oħra li trid tintuża biex tiġi vverifikata l-konformità mal-kriterji ta’ eliġibbiltà, mal-impenji jew ma’ obbligi oħra għall-iskema ta’ għajnuna jew il-miżura ta’ appoġġ ikkonċernata kif ukoll il-konformità mar-rekwiżiti u mal-istandards rilevanti għall-kundizzjonalità.

(5)

L-Artikoli 26(4) u 42(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 jinkludu regoli dwar il-verifiki fuq il-post biex ikun żgurat li l-kriterji kollha ta’ eliġibbiltà, l-impenji u obbligi oħra jkunu ssodisfati u jkopru l-annimali kollha li għalihom ikunu tressqu l-applikazzjonijiet għall-għajnuna u t-talbiet għall-pagament skont l-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali, jew skont il-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali li għandhom jiġu ċċekkjati. Fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali, huwa xieraq li jkun previst li meta l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu dawk il-verifiki fuq il-post kif jeżiġu dawk id-dispożizzjonijiet, u l-evidenza alternattiva ma tkunx disponibbli, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jwettqu dawk il-verifiki fir-rigward tas-sena tat-talba 2021 jew tas-sena kalendarja 2021 fi kwalunkwe żmien tas-sena, diment li dawn xorta jkunu jippermettu l-verifika tal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà.

(6)

Bosta obbligi skont ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-kundizzjonalità u tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) b’rabta mal-iskemi ta’ għajnuna relatati mal-annimali u mal-miżuri ta’ appoġġ jiddependu fuq perjodi taż-żmien speċifiċi u differenzjati biex jiġu ssodisfati, u għalhekk jeħtieġu li l-verifiki fuq il-post isiru f’dawk l-oqfsa. Il-miżuri tal-Istati Membri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 jaffettwaw il-fattibbiltà li l-verifiki fuq il-post meħtieġa jitwettqu b’mod preċiż u fil-limitu taż-żmien li jikkorrispondi ma’ dawk l-obbligi. Xi tipi ta’ verifiki jista’ lanqas ikun possibbli li jitwettqu bl-użu tat-teknoloġiji ġodda, li jissostitwixxu ż-żjarat fuq il-farm. Jeħtieġ għalhekk li fir-rigward ta’ ċerti verifiki li għandhom jitwettqu fl-2021, issir deroga mill-Artikoli 30 sa 33, 40a, 50, 52 u l-Artikolu 68(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 u li titnaqqas ir-rata minima tal-verifiki fuq il-post meta mqabbla mar-rati normali ta’ kontroll għall-iskemi ta’ għajnuna relatati maż-żona u mal-annimali u mal-miżuri ta’ żvilupp rurali minbarra dawk taħt is-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-obbligi ta’ kundizzjonalità, rispettivament. Sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza massima tal-possibbiltà li tiġi limitata l-popolazzjoni ta’ kontroll, huwa xieraq ukoll li ssir deroga mill-Artikolu 35 u l-Artikoli 50(5) u 68(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 u li l-Istati Membri jitħallew jipposponu ż-żieda fir-rati ta’ kontroll li jeżiġu dawk id-dispożizzjonijiet, inkluż ir-rati ta’ kontroll li jirriżultaw mid-derogi previsti fl-Artikolu 4(4), fl-Artikolu 7, it-tieni paragrafu, u fl-Artikolu 9, it-tieni paragrafu tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/532.

(7)

Jenħtieġ li d-derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 previsti f’dan ir-Regolament jippermettu lill-Istati Membri jevitaw dewmien fil-miżuri ta’ kontroll u fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna, u b’hekk jiġi evitat id-dewmien fil-pagamenti lill-benefiċjarji għas-sena 2021. Madankollu, huwa essenzjali li dawn id-derogi ma jfixklux il-ġestjoni finanzjarja tajba u r-rekwiżit ta’ livell suffiċjenti ta’ assigurazzjoni. Għaldaqstant, l-Istati Membri li jagħmlu użu minn dawk id-derogi għandhom ir-responsabbiltà li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu evitati pagamenti żejda u li jkun instigat l-irkupru ta’ ammonti mhux dovuti. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-użu ta’ dawn id-derogi jkun kopert mid-dikjarazzjoni tal-ġestjoni msemmija fl-Artikolu 7(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għas-snin finanzjarji 2021 u 2022.

(8)

Ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 180/2014 (7) u (UE) Nru 181/2014 (8) jipprevedu r-rati ta’ kontroll għall-verifiki ta’ miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u fil-gżejjer minuri tal-Eġew. Minħabba l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 li jaffettwaw ukoll ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u l-gżejjer minuri tal-Eġew, huwa xieraq li jingħataw derogi minn dawk ir-Regolamenti billi tiġi estiża l-possibbiltà li jintużaw teknoloġiji ġodda bħala sorsi alternattivi ta’ evidenza fir-rigward tal-verifiki u tal-adattament tar-rati ta’ kontroll tal-verifiki fuq il-post għas-sena 2021.

(9)

L-Artikolu 24 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/892 (9) jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiċċekkjaw, inkluż fuq il-post, il-kriterji tar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew tal-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex. Minħabba l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, jenħtieġ li l-verifiki fuq il-post rigward il-kriterji tar-rikonoxximent ma jkunux japplikaw fis-sena 2021.

(10)

L-Artikolu 27(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892 jistabbilixxi l-kampjun għall-kontrolli annwali fuq il-post ta’ mill-inqas 30 % tal-għajnuna totali li ssir applikazzjoni għaliha u jipprevedi li kull organizzazzjoni tal-produtturi jew assoċjazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex li timplimenta programm operazzjonali għandha ssirilha mill-inqas żjara waħda kull 3 snin. L-Artikolu 27(7) ta’ dak ir-Regolament jipprevedi wkoll li l-azzjonijiet implimentati fuq azjendi individwali ta’ membri ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi koperti mill-kampjun imsemmi fl-Artikolu 27(2) ta’ dak ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għal mill-inqas żjara waħda biex tiġi vverifikata l-eżekuzzjoni tagħhom. Minħabba l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri jaf ma jkunux jistgħu jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti u għalhekk jenħtieġ li jitħallew iwettqu perċentwal iżgħar minn dawk il-verifiki fis-sena 2021 mingħajr ma jkunu soġġetti għar-rekwiżiti fuq il-frekwenza taż-żjarat fl-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-sena 2021.

(11)

L-Artikolu 29(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892 jipprevedi li l-verifiki tal-ewwel livell fuq l-operazzjonijiet tal-irtirar għandhom ikopru 100 % tal-kwantità tal-prodotti irtirati mis-suq, minbarra l-prodotti maħsuba għad-distribuzzjoni libera, li għalihom, skont l-Artikolu 29(3) ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jivverifikaw perċentwal iżgħar, iżda mhux inqas minn 10 % tal-kwantitajiet ikkonċernati matul is-sena tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ organizzazzjoni partikolari tal-produtturi. Minħabba l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri jaf ma jkunux jistgħu jissodisfaw dan ir-rekwiżit, u jenħtieġ li fis-sena 2021 jitħallew iwettqu perċentwal iżgħar tal-verifiki, iżda mhux inqas minn 10 % tal-kwantitajiet ikkonċernati matul is-sena tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ organizzazzjoni partikolari tal-produtturi anki għal kull prodott irtirat ieħor, irrispettivament mid-destinazzjoni maħsuba tagħhom.

(12)

L-Artikolu 30(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892 jipprevedi li kull verifika għandha tinkludi kampjun li jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-kwantitajiet irtirati mill-organizzazzjoni tal-produtturi matul is-sena tal-kummerċjalizzazzjoni. Minħabba l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri jaf ma jkunux jistgħu jissodisfaw dan ir-rekwiżit, u jenħtieġ li fis-sena 2021 jitħallew jużaw kampjuni li jirrappreżentaw mill-inqas 3 % tal-kwantitajiet irtirati mill-organizzazzjoni tal-produtturi matul is-sena tal-kummerċjalizzazzjoni 2020.

(13)

Minħabba l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, se jibqa’ materjalment impossibbli għall-Istati Membri li jwettqu fl-2021 verifiki fuq il-post sistematiċi u bbażati fuq kampjuni għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna annwali, l-ewwel u t-tieni livell ta’ verifiki fuq l-operazzjonijiet ta’ rtirar u l-verifiki fuq il-ħsad bikri u n-nuqqas ta’ ħsad kif stabbilit fl-Artikoli 27(7), 29(2), 30(3) u 31(1) u (2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892 rispettivament. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jiddefinixxu l-verifiki li huma ekwivalenti għall-verifiki fuq il-post sistematiċi bħal ritratti ġeottaggjati, ritratti datati, rapporti datati ta’ sorveljanza bid-droni, verifiki amministrattivi jew vidjokonferenzi mal-benefiċjarji.

(14)

Minħabba l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, kien u se jkun materjalment impossibbli għall-Istati Membri biex fl-2020 u fl-2021 rispettivament, iwettqu verifiki fuq il-post sistematiċi u bbażati fuq kampjuni għall-operazzjonijiet appoġġati skont l-Artikoli 45 sa 52 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). Għaldaqstant, ġiet introdotta deroga mill-Artikoli 32(1) u 42(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 (11) għas-sena finanzjarja 2020 u jenħtieġ li din tinżamm fir-rigward tas-sena finanzjarja 2021 biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddefinixxu kontrolli li huma ekwivalenti għall-verifiki fuq il-post sistematiċi, bħal ritratti datati, rapporti datati tas-sorveljanza bid-droni, verifiki amministrattivi jew vidjokonferenzi mal-benefiċjarji, u jiggarantixxu li r-regoli tal-leġiżlazzjoni relatata mal-programmi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid ikunu rispettati qabel isiru l-pagamenti.

(15)

Se jkun ukoll materjalment impossibbli għall-Istati Membri li jwettqu fir-rigward tas-sena finanzjarja 2021, u sal-iskadenzi stabbiliti mill-Artikolu 43(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150, il-verifiki fuq il-post sistematiċi għall-operazzjonijiet ta’ ħsad bikri appoġġati skont l-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Għalhekk, jenħtieġ li tiġi introdotta deroga biex tiġi posposta t-tlestija tal-verifiki sal-15 ta’ Settembru 2021.

(16)

L-Artikolu 27(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/274 (12) jistabbilixxi l-għadd ta’ kampjuni tal-għeneb frisk li jridu jittieħdu mill-vinji matul il-perjodu meta r-roqgħa inkwistjoni tiġi maħsuda għall-istabbiliment tal-bank tad-data analitiku tad-data isotopika msemmi fl-Artikolu 39 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/273 (13). F’każijiet fejn il-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 jipprevjenu lill-Istati Membri milli jwettqu dawn il-verifiki, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jidderogaw mill-għadd minimu ta’ kampjuni.

(17)

L-Artikolu 31(2), il-punt (b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/274 jipprevedi li l-Istati Membri jridu jwettqu kontrolli annwali fuq il-post f’mill-inqas 5 % tal-vitikulturi kollha identifikati fir-reġistru tal-vinji. Minħabba li l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 jipprevjenu t-twettiq ta’ dawn il-verifiki f’diversi Stati Membri li jipproduċu l-inbid għal perjodu twil taż-żmien, dan il-perċentwal jenħtieġ li jitnaqqas għas-sena 2021. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jissospendu temporanjament fis-sena 2021 il-kontrolli fuq il-post sistematiċi msemmija fl-Artikolu 31(2), il-punt (c), ta’ dak ir-Regolament li jridu jitwettqu fiż-żoni mħawlin bi dwieli li mhuma inklużi fl-ebda fajl tal-vitikultur.

(18)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 615/2014 (14) fir-rigward tal-programmi ta’ ħidma għall-appoġġ lis-setturi taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda jinkludi regoli dwar il-kontrolli fuq il-post biex jiġi vverifikat li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ finanzjament tal-Unjoni huma ssodisfati. Il-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 jistgħu jwasslu għal diffikultajiet fit-twettiq ta’ dawk il-kontrolli kif jeżiġi l-Artikolu 6 ta’ dak ir-Regolament. Huwa għalhekk xieraq li tingħata flessibbiltà lill-Istati Membri billi tiġi permessa s-sostituzzjoni ta’ verifiki fuq il-post fis-sena kalendarja 2021 b’verifiki alternattivi.

(19)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1368 (15) fir-rigward tal-għajnuna lis-settur tal-apikultura jinkludi regoli dwar il-monitoraġġ u l-verifiki fir-rigward tal-implimentazzjoni korretta tal-programmi nazzjonali tal-apikultura, tan-nefqa reali mġarrba u tal-għadd korrett ta’ duqqajs irrapportat minn dawk li jrabbu n-naħal. Skont l-Artikolu 8(3) ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li mill-inqas 5 % tal-applikanti għall-għajnuna fil-qafas tal-programmi tagħhom tal-apikultura jkunu soġġetti għall-verifiki fuq il-post. Il-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 jistgħu jwasslu għal diffikultajiet fit-twettiq tal-għadd ta’ verifiki fuq il-post meħtieġa biex jissodisfaw dak il-livell limitu. Għalhekk, huwa xieraq li tingħata flessibbiltà lill-Istati Membri billi tiġi permessa deroga minn dak ir-rekwiżit. Madankollu jenħtieġ li din id-deroga ma twassalx biex jiżdied ir-riskju għal pagamenti mhux dovuti. Għalhekk, kull tnaqqis fl-għadd ta’ verifiki fuq il-post jenħtieġ li jiġi sostitwit kemm jista’ jkun b’kontrolli alternattivi.

(20)

Minħabba li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma meħtieġa biex l-Istati Membri jorganizzaw kampanji ta’ kontroll filwaqt li jirrispettaw il-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u japplika b’mod retroattiv biex ikopri t-tul kollu tal-kampanji ta’ kontroll rispettivi: jenħtieġ li l-miżuri fil-Kapitoli I u II u l-Kapitolu III, it-Taqsimiet 3 u 4, japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021, li jikkorrispondu mas-sena tat-talba fis-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll jew mas-sena kalendarja għall-miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali li mhumiex relatati maż-żona u mal-annimali u l-miżuri fis-settur tal-inbid; jenħtieġ li l-miżuri fil-Kapitolu III, it-Taqsimiet 1 u 2, japplikaw mis-16 ta’ Ottubru 2020, li jikkorrispondu mas-sena finanzjarja u jenħtieġ li l-miżuri fil-Kapitolu III, it-Taqsima 5, japplikaw mill-1 ta’ Awwissu 2020, li jikkorrispondu mas-sena tal-apikultura.

(21)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli, il-Kumitat għall-Pagamenti Diretti, il-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali u l-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DEROGI MIR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI (UE) NRU 809/2014

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikoli 24(4), 48(5), 49(1), 52(1), l-Artikolu 60(2), it-tielet subparagrafu, u l-Artikolu 71(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, minħabba l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, għall-verifiki li jridu jitwettqu fir-rigward tas-sena tat-talba 2021 jew fis-sena kalendarja 2021 rispettivament, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jissostitwixxu għalkollox l-ispezzjonijiet fiżiċi li jridu jitwettqu skont dak ir-Regolament, b’mod partikolari ż-żjarat fuq il-post u l-verifiki fuq il-post, bl-użu ta’ fotointerpretazzjoni ta’ ortoimmaġnijiet bis-satellita jew mill-ajru jew bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda bħal ritratti ġeottaggjati jew ta’ evidenza rilevanti oħra inkluż evidenza provduta mill-benefiċjarju fuq talba tal-awtorità kompetenti, li tkun tippermetti li jinsiltu minnha, konklużjonijiet definittivi għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti.

Jekk iż-żjarat fil-post tal-operazzjoni appoġġat jew fis-sit tal-investiment imsemmi fl-Artikolu 48(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 ma jkunux jistgħu jiġu sostitwiti b’evidenza dokumentata rilevanti, l-Istati Membri għandhom iwettqu dawk iż-żjarat wara li jsir il-pagament finali.

Artikolu 2

B’deroga mill-Artikoli 26(4) u 42(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, meta minħabba l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu l-verifiki fuq il-post fil-limitu ta’ żmien stabbilit minn dawk id-dispożizzjonijiet, u l-użu ta’ metodi alternattivi inkluż l-użu ta’ teknoloġiji ġodda ma jkunux jistgħu jipprovdu l-evidenza meħtieġa, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jwettqu dawk il-verifiki fir-rigward tas-sena tat-talba 2021 jew tas-sena kalendarja 2021 rispettivament fi kwalunkwe żmien tas-sena, diment li dawn xorta jippermettu l-verifika tal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà.

Artikolu 3

1.   Meta minħabba l-miżuri implimentati biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu l-verifiki fuq il-post fis-sena tat-talba 2021 jew fis-sena kalendarja 2021 rispettivament, f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 30 sa 33, 35, l-Artikolu 40a(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), l-Artikolu 40a(2), il-punt (b), l-Artikolu 50(1), l-ewwel subparagrafu, l-Artikolu 50(5), l-Artikolu 52(2), l-Artikolu 60(2), it-tielet subparagrafu, l-Artikolu 68(1), l-ewwel subparagrafu, u l-Artikolu 68(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw ir-regoli stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 13 rispettivament ta’ dan l-Artikolu.

2.   B’deroga mill-Artikolu 30 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, fis-sena tat-talba 2021, ir-rata ta’ kontroll għandha tkun mill-inqas:

(a)

3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-iskema tal-pagament bażiku jew għall-iskema tal-pagament uniku skont l-erja;

(b)

3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-pagament ridistributtiv;

(c)

3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-pagament għal żoni b’restrizzjonijiet naturali;

(d)

3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-pagament għal bdiewa żgħażagħ;

(e)

3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-pagamenti relatati maż-żona fil-kuntest tal-appoġġ akkoppjat volontarju;

(f)

3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-pagament skont l-iskema għall-bdiewa żgħar;

(g)

10 % taż-żoni ddikjarati għall-produzzjoni tal-qanneb;

(h)

3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-pagament speċifiku għall-uċuħ tar-raba’ għall-qoton.

L-Istati Membri li, f’konformità mal-Artikolu 36 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, diġà ddeċidew li jnaqqsu r-rati ta’ kontroll ta’ ċerti skemi għal 3 %, jistgħu jnaqqsu aktar il-perċentwali stabbiliti għal dawk l-iskemi f’dan il-paragrafu għal 1 %.

3.   B’deroga mill-Artikolu 31 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 fis-sena tat-talba 2021, ir-rata ta’ kontroll għandha tkun mill-inqas:

(a)

3 % tal-benefiċjarji kollha li jeħtieġ li jħarsu l-prattiki agrikoli li huma ta’ benefiċċju għall-klima u għall-ambjent;

(b)

1 % ta’:

(i)

jew tal-benefiċjarji kollha li jikkwalifikaw għall-pagament ta’ ekoloġizzazzjoni li huma eżentati kemm mill-obbligu tad-diversifikazzjoni tal-uċuħ tar-raba’ u kemm mill-obbligu taż-żona ta’ interess ekoloġiku peress li ma jilħqux il-limiti msemmija fl-Artikoli 44 u 46 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u li ma jikkonċernawhomx l-obbligi msemmijin fl-Artikolu 45 ta’ dak ir-Regolament;

(ii)

jew, fis-snin li fihom l-Artikolu 44 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 (16) ma japplikax fi Stat Membru, tal-benefiċjarji li jikkwalifikaw għall-pagament ta’ ekoloġizzazzjoni li huma eżentati kemm mill-obbligu tad-diversifikazzjoni tal-uċuħ tar-raba’ u kemm mill-obbligu taż-żona ta’ interess ekoloġiku peress li ma jilħqux il-limiti msemmija fl-Artikoli 44 u 46 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u li ma jikkonċernawhomx l-obbligi msemmija fl-Artikolu 45(1) ta’ dak ir-Regolament;

(c)

3 % tal-benefiċjarji kollha li jeħtieġ li jħarsu l-prattiki ta’ ekoloġizzazzjoni u li jużaw l-iskemi nazzjonali jew reġjonali ta’ ċertifikazzjoni ambjentali kif imsemmi fl-Artikolu 43(3), il-punt (b) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

Fl-istess ħin, ir-rata ta’ kontroll imsemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a) għandha tkopri mill-inqas 3 % tal-benefiċjarji kollha li għandhom żoni koperti minn bur permanenti li huma ambjentalment sensittivi fiż-żoni koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (17) jew mid-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) u żoni sensittivi oħrajn imsemmija fl-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

4.   B’deroga mill-Artikolu 32 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 fis-sena tat-talba 2021, ir-rata ta’ kontroll għandha tkun mill-inqas:

(a)

3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-miżuri tal-iżvilupp rurali;

(b)

3 % tal-entitajiet kollettivi kollha li jressqu talba kollettiva.

Ir-rata ta’ kontroll imsemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a), għall-miżuri previsti fl-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), ir-rata ta’ kontroll ta’ 3 % għandha tinkiseb fil-livell tal-miżura individwali.

5.   B’deroga mill-Artikolu 33 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 fis-sena tat-talba 2021, ir-rata ta’ kontroll għandha tkun mill-inqas 3 % tal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali, li jkopru mill-inqas 3 % tal-annimali.

6.   B’deroga mill-Artikolu 35 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, l-Istati Membri j jistgħu jiddeċiedu li jipposponu ż-żieda fir-rata ta’ kontroll li kellha tiġi applikata fis-sena tat-talba 2021 għall-iskemi ta’ għajnuna u l-miżuri ta’ appoġġ imsemmija fil-paragrafu 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu u jissostitwixxuha b’żieda korrispondenti fir-rigward tas-sena tat-talba 2022.

7.   B’deroga mill-Artikolu 40a(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), l-ewwel sentenza, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, il-verifiki rilevanti relatati mal-kriterji tal-eliġibbiltà, l-impenji u obbligi oħra għandhom jitwettqu għal mill-inqas 3 % tal-benefiċjarji kkonċernati.

8.   B’deroga mill-Artikolu 40a(2), il-punt (b), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, il-verifiki tal-kontenut ta’ tetraidrokannabinol fil-qanneb għandhom isiru għal mill-inqas 10 % taż-żona.

9.   B’deroga mill-Artikolu 50(1), l-ewwel subparagrafu u l-Artikolu 60(2), it-tielet subparagrafu tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, fis-sena kalendarja 2021, ir-rata ta’ verifiki għandha tkun mill-inqas 3 %.

10.   B’deroga mill-Artikolu 50(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jipposponu ż-żieda fir-rata ta’ kontroll li kellha tiġi applikata fis-sena kalendarja 2021 u jissostitwixxuha b’żieda korrispondenti fir-rigward tas-sena kalendarja 2022.

11.   B’deroga mill-Artikolu 52(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, ir-rata ta’ kontroll, fis-sena kalendarja 2021, għall-verifiki ex-post għandha tkun mill-inqas 0,6 %.

12.   B’deroga mill-Artikolu 68(1), l-ewwel subparagrafu tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 ir-rata minima ta’ kontroll fis-sena tat-talba 2021, għall-kundizzjonalità għandha tkun 0,5 %.

13.   B’deroga mill-Artikolu 68(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jipposponu ż-żieda fir-rati ta’ kontroll li kellha tiġi applikata fis-sena tat-talba 2021 u jissostitwixxuha b’żieda korrispondenti fir-rigward tas-sena tat-talba 2022.

Artikolu 4

Għall-Istati Membri li japplikaw l-Artikoli 1, 2 u 3, id-dikjarazzjoni tal-ġestjoni li trid titfassal skont l-Artikolu 7(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandha tinkludi għas-snin finanzjarji 2021 u 2022 konferma li kienu evitati pagamenti żejda lill-benefiċjarji u li kien instigat l-irkupru ta’ ammonti mhux dovuti abbażi tal-verifika tal-informazzjoni kollha meħtieġa.

KAPITOLU II

DEROGI MILL-MIŻURI SPEĊIFIĊI FAVUR IR-REĠJUNI ULTRAPERIFIĊI TAL-UNJONI U L-GŻEJJER MINURI TAL-EĠEW

TAQSIMA 1

Derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014

Artikolu 5

1.   B’deroga mill-Artikolu 16(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014, meta minħabba l-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu l-verifiki fiżiċi fir-reġjuni ultraperiferiċi f’konformità mar-regoli stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni, fis-sena 2021 l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jorganizzaw verifiki fiżiċi f’konformità mar-regoli stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Il-verifiki fiżiċi li jsiru fir-reġjun ultraperiferiku kkonċernat fuq l-importazzjoni, id-dħul, l-esportazzjoni u l-konsenja ta’ prodotti agrikoli għandhom jinvolvu kampjun rappreżentattiv li jammonta għal mill-inqas 3 % tal-liċenzji u taċ-ċertifikati ppreżentati f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014.

3.   B’deroga mill-Artikolu 22 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014, meta minħabba l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu l-verifiki fuq il-post fir-reġjuni ultraperiferiċi f’konformità mar-regoli stabbiliti f’dak l-Artikolu, fis-sena 2021 l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jorganizzaw verifiki fuq il-post f’konformità mar-regoli stabbiliti fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Abbażi tal-analiżi tar-riskju mwettqa f’konformità mal-Artikolu 24(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu verifiki fuq il-post permezz tat-teħid ta’ kampjuni ta’ mill-inqas 3 % tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna. Il-kampjun għandu jirrappreżenta wkoll mill-inqas 3 % tal-ammonti koperti mill-għajnuna għal kull azzjoni.

5.   B’deroga mill-Artikolu 16(2) u mill-Artikolu 22 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014, meta minħabba l-miżuri stabbiliti biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu l-verifiki fuq il-post fir-rigward tal-miżuri speċifiċi favur ir-reġjuni ultraperiferiċi f’konformità mar-regoli stabbiliti f’dawk id-dispożizzjonijiet għas-sena 2021, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu:

(a)

li jissostitwixxu l-verifiki fuq il-post bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda, inkluż ritratti ġeottaggjati, ritratti datati, rapporti datati ta’ sorveljanza bid-droni, vidjokonferenzi mal-benefiċjarji jew bi kwalunkwe evidenza dokumentata rilevanti li tista’ sservi bħala appoġġ meta tiġi vverifikata l-implimentazzjoni korretta tal-miżuri;

(b)

li jwettqu dawk il-verifiki fi kwalunkwe żmien tas-sena, diment li xorta jippermettu l-verifika tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà, inkluż wara li jsir il-pagament finali.

6.   B’deroga mill-Artikolu 59(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1306/2013, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jipposponu ż-żieda fir-rata ta’ kontroll li kellha tiġi applikata fis-sena tat-talba 2021 għall-iskemi ta’ għajnuna u l-miżuri ta’ appoġġ imsemmija fil-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu u jissostitwixxuha b’żieda korrispondenti fir-rigward tas-sena tat-talba 2022.

TAQSIMA 2

Derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 181/2014

Artikolu 6

1.   B’deroga mill-Artikolu 13(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 181/2014, meta minħabba l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, il-Greċja ma tkunx f’pożizzjoni li twettaq verifiki fiżiċi f’konformità mar-regoli stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni, fis-sena 2021 il-Greċja tista’ tiddeċiedi li torganizza verifiki fiżiċi f’konformità mar-regoli stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Il-verifiki fiżiċi mwettqa fil-gżejjer minuri tal-Eġew mad-dħul ta’ prodotti agrikoli għandhom jinvolvu kampjun rappreżentattiv li jammonta mill-inqas għal 3 % taċ-ċertifikati mressqa f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 181/2014. Il-verifiki fiżiċi mwettqa fil-gżejjer minuri tal-Eġew fuq l-esportazzjoni jew il-konsenja previsti fit-Taqsima 3 ta’ dak ir-Regolament għandhom jinvolvu kampjun rappreżentattiv ta’ mill-inqas 3 % tal-operazzjonijiet, abbażi tal-profili tar-riskju stabbiliti mill-Greċja.

3.   B’deroga mill-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 181/2014, meta minħabba l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, il-Greċja ma tkunx f’pożizzjoni li twettaq verifiki fuq il-post f’konformità mar-regoli stabbiliti f’dak l-Artikolu, fis-sena 2021 il-Greċja tista’ tiddeċiedi li torganizza verifiki fuq il-post f’konformità mar-regoli stabbiliti fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Abbażi ta’ analiżi tar-riskju f’konformità mal-Artikolu 22(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 181/2014, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu verifiki fuq il-post permezz tat-teħid ta’ kampjuni, għal kull azzjoni, ta’ mill-inqas 3 % tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna. Il-kampjun għandu jirrappreżenta wkoll mill-inqas 3 % tal-ammonti koperti mill-għajnuna għal kull azzjoni.

5.   B’deroga mill-Artikolu 13(2) u mill-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 181/2014, meta minħabba l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19, il-Greċja ma tkunx f’pożizzjoni li twettaq verifiki fuq il-post fir-rigward tal-miżuri speċifiċi favur il-gżejjer minuri tal-Eġew f’konformità mar-regoli stabbiliti f’dawk id-dispożizzjonijiet għas-sena 2021, il-Greċja tista’ tiddeċiedi:

(a)

li tissostitwixxi l-verifiki fuq il-post bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda, inkluż ritratti ġeottaggjati, ritratti datati, rapporti datati ta’ sorveljanza bid-droni, vidjokonferenzi mal-benefiċjarji jew bi kwalunkwe evidenza dokumentata rilevanti li tista’ sservi bħala appoġġ meta tiġi vverifikata l-implimentazzjoni korretta tal-miżuri;

(b)

li twettaq dawk il-verifiki fi kwalunkwe żmien tas-sena, diment li xorta jippermettu l-verifika tal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà, inkluż wara li jsir il-pagament finali.

6.   B’deroga mill-Artikolu 59(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-Greċja tista’ tiddeċiedi li tipposponi ż-żieda fir-rata ta’ kontroll li kellha tiġi applikata fis-sena tat-talba 2021 għall-iskemi ta’ għajnuna u l-miżuri ta’ appoġġ imsemmija fil-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu u jissostitwixxuha b’żieda korrispondenti fir-rigward tas-sena tat-talba 2022.

KAPITOLU III

DEROGI MIR-REGOLI LI JIMPLIMENTAW L-ORGANIZZAZZJONI KOMUNI TAS-SWIEQ

TAQSIMA 1

Derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892

Artikolu 7

1.   B’deroga mill-Artikolu 24 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892, il-verifiki fuq il-post rigward il-kriterji ta’ rikonoxximent ma għandhomx japplikaw għas-sena 2021.

2.   B’deroga mill-Artikolu 27(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892:

(a)

fis-sena 2021, il-verifiki fuq il-post imsemmija fl-Artikolu 27 ta’ dak ir-Regolament għandhom ikunu relatati ma’ kampjun li jirrappreżenta mill-inqas 10 % tal-għajnuna totali li tkun saret applikazzjoni għaliha fis-sena 2020;

(b)

ir-regola li kull organizzazzjoni tal-produtturi jew assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi li timplimenta programm operazzjonali għandha ssirilha żjara mill-inqas darba kull 3 snin ma għandhiex tapplika għall-verifiki fuq il-post imwettqa fis-sena 2021.

3.   B’deroga mill-Artikolu 27(7) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892, ir-regola li l-azzjonijiet fuq azjendi individwali ta’ membri ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi koperti mill-kampjun imsemmi fl-Artikolu 27(2) ta’ dak ir-Regolament għandha ssirilhom mill-inqas żjara waħda fil-post li fih l-azzjoni ġiet implimentata biex jiġi vverifikat it-twettiq tagħhom ma għandhiex tapplika għall-verifiki fuq il-post imwettqa fis-sena 2021. Dawn iż-żjarat jistgħu jiġu sostitwiti minn tipi oħra ta’ verifiki li jridu jiġu definiti mill-Istati Membri, bħal ritratti ġeottaggjati, ritratti datati, rapporti datati ta’ sorveljanza tad-droni, verifiki amministrattivi jew vidjokonferenzi mal-benefiċjarji.

4.   B’deroga mill-Artikolu 29(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892, fis-sena 2021 l-Istati Membri jistgħu jivverifikaw perċentwal iżgħar mill-prodotti kollha li jkunu ġew irtirati, irrispettivament mid-destinazzjoni maħsuba tagħhom, minn dak il-perċentwal stabbilit f’dik id-dispożizzjoni, diment li dan ma jkunx inqas minn 10 % tal-kwantitajiet ikkonċernati matul is-sena tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ xi organizzazzjoni partikolari tal-produtturi. Il-verifika tista’ sseħħ fil-bini tal-organizzazzjoni tal-produtturi jew fis-siti tal-benefiċjarji tal-prodotti. Jekk il-verifiki jiżvelaw xi irregolaritajiet, l-Istati Membri għandhom iwettqu verifiki addizzjonali. Dawn il-verifiki jistgħu jiġu sostitwiti minn tipi oħra ta’ verifiki li jridu jiġu definiti mill-Istati Membri, bħal ritratti ġeottaggjati, ritratti datati, rapporti datati ta’ sorveljanza tad-droni, verifiki amministrattivi jew vidjokonferenzi mal-benefiċjarji.

5.   B’deroga mill-Artikolu 30(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892, fis-sena 2021 kull verifika għandha tinkludi kampjun li jirrappreżenta mill-inqas 3 % tal-kwantitajiet irtirati mill-organizzazzjoni tal-produtturi matul is-sena tal-kummerċjalizzazzjoni 2020. Dawn il-verifiki jistgħu jiġu sostitwiti minn tipi oħra ta’ verifiki li jridu jiġu definiti mill-Istati Membri, bħal ritratti ġeottaggjati, ritratti datati, rapporti datati ta’ sorveljanza tad-droni, verifiki amministrattivi jew vidjokonferenzi mal-benefiċjarji.

6.   B’deroga mill-Artikolu 31(1) u (2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892, fis-sena 2021, il-kontrolli fuq il-post jistgħu jiġu sostitwiti b’tipi oħra ta’ kontrolli li jridu jiġu definiti mill-Istati Membri, bħal ritratti ġeottaggjati, ritratti datati, rapporti datati ta’ sorveljanza tad-droni, verifiki amministrattivi jew vidjokonferenzi mal-benefiċjarji.

TAQSIMA 2

Derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150

Artikolu 8

1.   B’deroga mill-Artikoli 32(1) u 42(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150, matul is-sena finanzjarja 2021, meta l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 jipprevjenu lill-Istati Membri milli jwettqu l-verifiki fuq il-post f’konformità ma’ dawk id-dispożizzjonijiet, dawk il-verifiki jistgħu jiġu sostitwiti b’tipi oħra ta’ verifiki li għandhom jiġu definiti mill-Istati Membri, bħal ritratti datati, rapporti datati tas-sorveljanza bid-droni, verifiki amministrattivi jew vidjokonferenzi mal-benefiċjarji, li jiggarantixxu li r-regoli relatati mal-programmi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid huma rispettati.

2.   B’deroga mill-Artikolu 43(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150, matul is-sena finanzjarja 2021, meta l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 jipprevjenu lill-Istati Membri milli jwettqu verifiki fuq il-post f’konformità ma’ dik id-dispożizzjoni, dawk il-verifiki fuq l-operazzjonijiet tal-ħsad bikri għandhom isiru sal-15 ta’ Settembru 2021.

TAQSIMA 3

Derogi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/274

Artikolu 9

1.   B’deroga mill-Artikolu 27(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/274, meta l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 jipprevjenu lill-Istati Membri, matul il-perjodu tal-ħsad tal-għeneb fl-2021, milli jiġbru u jipproċessaw l-għeneb frisk sal-livell tal-għadd ta’ kampjuni stabbilit fil-Parti II tal-Anness III ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn dak l-għadd ta’ kampjuni.

2.   B’deroga mill-Artikolu 31(2), il-punt (b), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/274, meta l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 jipprevjenu lill-Istati Membri milli jwettqu kontrolli fuq il-post fis-sena 2021 f’konformità ma’ dik id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom iwettqu dawk il-kontrolli lil mill-inqas 3 % tal-vitikulturi kollha identifikati fir-reġistru tal-vinji.

3.   B’deroga mill-Artikolu 31(2), il-punt (c), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/274, l-Istati Membri jistgħu fis-sena 2021 jissospendu temporanjament il-kontrolli fuq il-post b’mod sistematiku li jsiru f’żoni mħawla bid-dwieli li ma jinsabu fl-ebda fajl tal-vitikultur, f’każijiet meta l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 jipprevjenu lill-Istati Membri milli jwettqu dawn il-kontrolli.

TAQSIMA 4

Deroga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 615/2014

Artikolu 10

B’deroga mill-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 615/2014, meta l-miżuri stabbiliti biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 jipprevjenu lill-Istati Membri milli jwettqu fil-ħin il-kontrolli fuq il-post fis-sena kalendarja 2021, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jissostitwixxu parzjalment jew kompletament il-kontrolli fuq il-post bil-kontrolli amministrattivi jew bl-użu ta’ evidenza rilevanti, inkluż ritratti ġeottaggjati, konverżazzjonijiet bil-vidjow jew evidenza oħra f’format elettroniku.

TAQSIMA 5

Deroga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1368

Artikolu 11

B’deroga mill-Artikolu 8(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1368, matul is-sena tal-apikultura 2021 l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jiddevjaw mil-livell limitu ta’ 5 % fir-rigward tal-verifiki fuq il-post tal-applikanti għall-għajnuna fil-qafas tal-programm tal-apikultura tagħhom, diment li dawn jissostitwixxu l-verifiki fuq il-post ippjanati b’verifiki alternattivi permezz ta’ talba għal ritratti, konverżazzjonijiet bil-vidjo jew b’xi mezz ieħor li jista’ jservi bħala appoġġ meta tkun qed tiġi vverifikata l-implimentazzjoni korretta tal-miżuri inklużi fil-programm tal-apikultura.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 12

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kapitoli I u II u l-Kapitolu III, it-Taqsimiet 3 u 4, għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021.

Il-Kapitolu III, it-Taqsimiet 1 u 2, għandhom japplikaw mis-16 ta’ Ottubru 2020.

Il-Kapitolu III, it-Taqsima 5, għandha tapplika mill-1 ta’ Awwissu 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  ĠU L 78, 20.3.2013, p. 23.

(3)  ĠU L 78, 20.3.2013, p. 41.

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/532 tas-16 ta’ April 2020 li fir-rigward tas-sena 2020 jidderoga mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, (UE) Nru 180/2014, (UE) Nru 181/2014, (UE) 2017/892, (UE) 2016/1150, (UE) 2018/274, (UE) 2017/39, (UE) 2015/1368 u (UE) 2016/1240 fir-rigward ta’ ċerti verifiki amministrattivi u fuq il-post, applikabbli permezz tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 119, 17.4.2020, p. 3).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 69).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 180/2014 tal-20 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (ĠU L 63, 4.3.2014, p. 13).

(8)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 181/2014 tal-20 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew (ĠU L 63, 4.3.2014, p. 53).

(9)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/892 tat-13 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fis-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (ĠU L 138, 25.5.2017, p. 57).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(11)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 tal-15 ta’ April 2016 li jistabbilixxi r-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-każ ta’ programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid (ĠU L 190, 15.7.2016, p. 23).

(12)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/274 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-iskema tal-awtorizzazzjonijiet għat-tħawwil tad-dwieli, iċ-ċertifikazzjoni, ir-reġistru tad-dħul u l-ħruġ, id-dikjarazzjonijiet obbligatorji u n-notifiki, u tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontrolli rilevanti, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/561 (ĠU L 58, 28.2.2018, p. 60).

(13)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/273 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fejn jidħlu l-iskema tal-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil tad-dwieli, ir-reġistru tal-vinji, id-dokumenti ta’ akkumpanjament u ċ-ċertifikazzjoni, ir-reġistru tad-dħul u l-ħruġ, id-dikjarazzjonijiet obbligatorji, in-notifiki u l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni notifikata, u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontrolli u l-penali rilevanti, li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008, (KE) Nru 606/2009 u (KE) Nru 607/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 436/2009 kif ukoll ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/560 (ĠU L 58, 28.2.2018, p. 1).

(14)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 615/2014 tas-6 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-programmi ta’ ħidma li jappoġġaw lis-setturi taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 95).

(15)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1368 tas-6 ta’ Awwissu 2015 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-għajnuna lis-settur tal-apikultura (ĠU L 211, 8.8.2015, p. 9).

(16)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014, li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-pagamenti diretti lill-bdiewa skont skemi ta’ appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament (ĠU L 181, 20.6.2014, p. 1).

(17)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(18)  Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

(19)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).


Top