EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0652

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/652 tal-10 ta’ Frar 2021 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/891 fir-rigward tal-attivitajiet u tal-programmi operattivi tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex

C/2021/595

OJ L 135, 21.4.2021, p. 4–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/652/oj

21.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 135/4


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/652

tal-10 ta’ Frar 2021

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/891 fir-rigward tal-attivitajiet u tal-programmi operattivi tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 37(a)(ii) u (vi), (b), (c)(i) u (ii) u (d), l-Artikolu 173(1)(f), l-Artikolu 223(2)(a) u l-Artikolu 231(1) tiegħu,

Billi:

(1)

It-Titolu II tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 (2) jistabbilixxi regoli ġodda dwar l-attivitajiet u l-programmi operattivi tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex.

(2)

L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi jesternalizzaw ċerti attivitajiet. F’xi Stati Membri, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi huma kumpaniji kbar, li spiss ikollhom livelli multipli ta’ sussidjarji. Id-dispożizzjonijiet dwar l-esternalizzazzjoni jenħtieġ għalhekk li jiġu fformulati mill-ġdid biex ikopru sitwazzjonijiet fejn l-attivitajiet jiġu esternalizzati lil entitajiet li jkunu relatati mill-qrib mal-produttur.

(3)

F’dawn l-aħħar snin, il-produzzjoni tal-faqqiegħ ma għadhiex limitata għall-varjetà tal-ġeneru Agaricus. L-organizzazzjonijiet ta’ produtturi speċjalizzati fil-produzzjoni tal-faqqiegħ jipproduċu varjetajiet oħra ta’ faqqiegħ ikkultivat bħal Pleurotus, Shiitaké u Agrocybe, li jirriflettu l-ħtieġa tas-suq u l-aspettattivi tal-konsumaturi. Għaldaqstant, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-bażi għall-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ faqqiegħ maħsub għall-ipproċessar jenħtieġ li jiġi estiż sabiex ikopri aktar varjetajiet ta’ faqqiegħ ikkultivati.

(4)

F’konformità mal-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni għall-politika agrikola komuni (PAK) futura, l-iskema ta’ għajnuna għall-frott u l-ħxejjex trid tiġi integrata fil-pjanijiet strateġiċi futuri tal-PAK tal-Istati Membri. Sakemm jiġu adottati dawk il-proposti, ir-Regolament (UE) 2020/2220 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet tranżitorji fir-rigward tas-snin 2021 u 2022. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata integrazzjoni bla xkiel ta’ dik l-iskema ta’ għajnuna fil-PAK futura, il-programmi operattivi eżistenti fis-settur tal-frott u l-ħaxix li ma laħqux it-tul ta’ żmien massimu tagħhom ta’ ħames snin jistgħu jiġu estiżi biss sal-31 ta’ Diċembru 2022. Barra minn hekk, il-programmi operattivi l-ġodda fis-settur tal-frott u l-ħaxix jistgħu jiġu approvati biss għal tul ta’ żmien massimu ta’ tliet snin. Billi l-programmi operattivi inkwistjoni jridu jikkonformaw mal-istrateġija nazzjonali, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jestendu l-istrateġija nazzjonali tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 2025.

(5)

L-indennizz tal-assigurazzjoni li jingħata f’ċerti każijiet ta’ tnaqqis fil-produzzjoni jista” jiddaħħal fil-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata. Jixraq li jiġi ċċarat meta għandu jiġi inkluż, jiġifieri fil-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-perjodu ta’ referenza ta’ 12-il xahar li fih fil-fatt jitħallas.

(6)

L-infiq fil-kuntest tal-programmi operattivi eliġibbli għall-għajnuna għandu jkun ristrett għall-ispejjeż li effettivament ikunu saru. Madankollu, għall-fini tal-approvazzjoni tal-infiq fuq azzjonijiet u miżuri fil-qafas tal-programmi operattivi, l-użu mill-Istati Membri ta’ rati fissi, skali ta’ spejjeż għal kull unità jew somom f’daqqa jenħtieġ li jkun allinjat mar-regoli dwar il-programmi tal-iżvilupp rurali.

(7)

Il-Kapitolu III tat-Titolu II tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891 fih regoli dwar miżuri għall-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ kriżijiet, inkluż fost l-oħrajn l-irtirar mis-suq. Fir-Rapport Speċjali Nru 23/2019 tiegħu “Stabbilizzazzjoni tal-introjtu tal-bdiewa: sett komprensiv ta’ għodod, iżda l-istrumenti ftit li xejn jintużaw u jeħtieġ li jiġi indirizzat il-kumpens eċċessiv” tal-5 ta’ Diċembru 2019 (4), il-Qorti Ewropea tal-Awdituri qajmet tħassib dwar xi aspetti tal-iskema tal-irtirar tal-frott u l-ħxejjex, b’mod partikolari għall-prodotti pproċessati magħmula minn prodotti rtirati li jistgħu jwasslu għal kumpens eċċessiv. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tirrakkomanda li tiġi stabbilita assistenza finanzjarja massima tal-Unjoni għall-irtirar għad-distribuzzjoni bla ħlas ta’ frott u ħxejjex ipproċessati bil-ħsieb li jiġi evitat kull effett possibbli ta’ kumpens eċċessiv. Għal dik ir-raġuni, id-dispożizzjonijiet dwar l-appoġġ għall-irtirar mis-suq għad-distribuzzjoni bla ħlas ta’ frott u ħxejjex ipproċessati jenħtieġ li jagħmluha ċara li l-pagamenti li jsiru lill-proċessuri għandhom jikkumpensaw biss għall-ispejjeż tal-ipproċessar u għandhom jeskludu l-kumpens eċċessiv.

(8)

Jenħtieġ li r-regoli dwar l-appoġġ għall-irtirar mis-suq relatat mal-applikazzjoni tal-limitu ta’ 5 % tal-volum tal-produzzjoni kkummerċjalizzata jiġu ċċarati.

(9)

Filwaqt li jitqies li huwa importanti li l-istrumenti jiġu razzjonalizzati, simplifikati u kkoordinati aħjar u jiġu kkumplimentati b’azzjonijiet ġodda fejn meħtieġ, id-dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-assigurazzjoni tal-ħsad jenħtieġ li jiġu allinjati mar-regoli dwar il-programmi ta’ żvilupp rurali.

(10)

Bil-ħsieb li l-miżura ta’ kkowċjar issir aktar attraenti bħala miżura għall-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ kriżijiet, jenħtieġ li jittaffew il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà relatati mar-riċevitur tal-ikkowċjar.

(11)

L-organizzazzjonijiet tal-produtturi huma obbligati jevalwaw l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi tagħhom. Billi l-Artikolu 24 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/892 (5) ġie sostitwit, ir-referenza għal dak l-Artikolu jenħtieġ li titħassar fir-regoli dwar ir-rapport ta’ evalwazzjoni fir-Regolament Delegat (UE) 2017/891.

(12)

Xi dispożizzjonijiet tranżitorji ma għadhomx jgħoddu u għalhekk jenħtieġ li jitneħħew.

(13)

Skont l-Artikolu 55 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, l-Istati Membri jridu jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-medja ponderata tal-prezzijiet tal-produtturi tal-frott u l-ħxejjex irreġistrati li jikkorrispondu mat-tipi u l-varjetajiet ta’ prodotti, mad-daqsijiet u mal-preżentazzjonijiet, kif speċifikat fl-Anness VI ta’ dak ir-Regolament. Sabiex tiġi riflessa b’mod preċiż is-sitwazzjoni tas-suq, jenħtieġ li jiġu aġġornati d-dettalji dwar it-“tip/varjetà”, il-“preżentazzjoni/daqs” u s-“swieq rappreżentattivi” relatati mat-tadam u t-tuffieħ, kif speċifikat f’dak l-Anness. Barra minn hekk, sabiex is-sistema ta’ notifika tal-prezzijiet prevista fir-Regolament Delegat (UE) 2017/891 tiġi allinjata kemm jista’ jkun mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 (6), il-lista tal-prodotti li għalihom l-Istati Membri jridu jinnotifikaw il-prezzijiet ta’ kull ġimgħa lill-Kummissjoni jenħtieġ li titqassar minn 32 għal 16-il prodott. Dik il-lista limitata ta’ 16-il prodott tkun identika għal-lista ta’ prodotti stabbilita fl-Anness IV tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891. Fl-aħħar nett, ir-Renju Unit jenħtieġ li jitħassar mil-lista ta’ “swieq rappreżentattivi”.

(14)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2017/891 jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2017/891

Ir-Regolament Delegat (UE) 2017/891 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Għall-finijiet tal-Artikolu 155 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, it-terminu ‘sussidjarja’ jinkludi kwalunkwe entità f’katina ta’ sussidjarji. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jeskludu l-esternalizzazzjoni ta’ attivitajiet lil entità li hija parti minn katina ta’ sussidjarji.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Organizzazzjoni tal-produtturi li testernalizza attività għandha tidħol f’arranġament kummerċjali bil-miktub permezz ta’ kuntratt, ftehim jew protokoll ma’ entità oħra, inkluż ma’ wieħed jew aktar mill-membri tagħha jew ma’ kumpanija sussidjarja jew ma’ entità li hija parti minn katina ta’ sussidjarji, bl-iskop li twettaq l-attività kkonċernata. L-organizzazzjoni tal-produtturi għandha tibqa’ responsabbli li tiżgura t-twettiq tal-attività esternalizzata u għall-kontroll tal-ġestjoni ġenerali u s-superviżjoni tal-arranġament kummerċjali għat-twettiq tal-attività.

Madankollu, l-attività għandha titqies li twettqet mill-organizzazzjoni tal-produtturi jekk titwettaq minn assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew minn kooperattiva li l-membri stess tagħha huma kooperattivi li fihom l-organizzazzjoni tal-produtturi tkun membru, jew minn kumpanija sussidjarja, jew minn entità li hija parti minn katina ta’ sussidjarji, li tkun konformi mar-rekwiżit ta’ 90 % msemmi fl-Artikolu 22(8).”;

(2)

L-Artikolu 22 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

70 % għall-faqqiegħ tal-bott tal-Agaricus bisporus u faqqiegħ ieħor ikkultivat ippreservat fis-salmura;”;

(b)

il-paragrafu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“10.   Meta jseħħ tnaqqis fil-produzzjoni minħabba diżastru naturali, avveniment klimatiku, mard tal-pjanti jew tal-annimali jew infestazzjoni ta’ organiżmi ta’ ħsara, kull indennifikazzjoni li tingħata fir-rigward tal-azzjonijiet tal-assigurazzjoni tal-ħsad koperti mit-Taqsima 7 tal-Kapitolu III, jew għal azzjonijiet ekwivalenti ġestiti mill-organizzazzjoni tal-produtturi jew mill-membri produtturi tagħha, minħabba dawk il-kawżi, tista’ tiġi inkluża fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-perjodu ta’ referenza ta’ 12-il xahar li fih fil-fatt jitħallas.”;

(3)

fl-Artikolu 27, għandu jiżdied il-paragrafu 6 li ġej:

“6.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jestendu l-istrateġija nazzjonali tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 2025. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’tali deċiżjoni ta’ estensjoni.”;

(4)

fl-Artikolu 31, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-infiq fil-kuntest tal-programmi operattivi eliġibbli għall-għajnuna għandu jkun ristrett għall-ispejjeż li effettivament ikunu saru.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu rati fissi standard, skali ta’ spejjeż għal kull unità jew somom f’daqqa, ħlief għall-infiq marbut ma’ miżuri għall-prevenzjoni u għall-ġestjoni ta’ kriżijiet.

Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jużaw rati fissi standard differenzjati, skali ta’ spejjeż għal kull unità jew somom f’daqqa biex iqisu l-ispeċifiċitajiet reġjonali jew lokali.”;

(5)

L-Artikolu 45 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Is-somma tal-ispejjeż tat-trasport, tal-issortjar u tal-imballaġġ tal-prodotti rtirati għad-distribuzzjoni bla ħlas tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati msemmija fl-Artikoli 16 u 17 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892 u fl-Annessi IV u V ta’ dak ir-Regolament, miżjuda mal-ammont massimu ta’ appoġġ għall-irtirar mis-suq imsemmi f’dan il-paragrafu u fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, ma għandhiex taqbeż il-prezz medju tas-suq “mal-ħruġ mill-organizzazzjoni tal-produtturi” jew “mal-ħruġ mill-proċessur” tal-prodott ipproċessat ikkonċernat fl-aħħar tliet snin preċedenti.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Is-sehem tal-irtirar mis-suq ta’ kwalunkwe prodott partikolari ta’ kwalunkwe organizzazzjoni tal-produtturi partikolari li jsir f’sena partikolari għandu jkun kif ġej:

(a)

m’għandux jaqbeż l-10 % tal-volum medju tal-produzzjoni kkummerċjalizzata minn dik l-organizzazzjoni tal-produtturi matul it-tliet snin preċedenti; kif ukoll

(b)

b’kollox, it-total tal-perċentwali matul tliet snin konsekuttivi m’għandux jaqbeż il-15 meta jiżdied is-sehem ikkalkulat skont il-punt (a) għas-sena kurrenti u l-ishma tal-irtirar mis-suq tas-sentejn preċedenti kkalkulati abbażi tal-volum rispettiv tal-produzzjoni kkummerċjalizzata minn dik l-organizzazzjoni tal-produtturi matul dawk is-sentejn preċedenti.

Jekk l-informazzjoni dwar il-volum tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għal xi waħda mis-snin ta’ qabel jew għalihom kollha ma tkunx disponibbli, għandu jintuża l-volum tal-produzzjoni kkummerċjalizzata li għalih l-organizzazzjoni tal-produtturi tkun ġiet rikonoxxuta.

Madankollu, l-ammonti tal-irtirar li jitneħħew b’wieħed mill-modi msemmija fl-Artikolu 34(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, jew bi kwalunkwe mod ieħor approvat mill-Istati Membri skont l-Artikolu 46(2) ta’ dan ir-Regolament, ma għandhomx jittieħdu f’kunsiderazzjoni f’dak il-proporzjon.”;

(6)

fl-Artikolu 51, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu finanzjament nazzjonali addizzjonali sabiex jappoġġaw l-azzjonijiet għall-assigurazzjoni tal-ħsad li jkunu qed jibbenifikaw mill-fond operattiv. Madankollu, l-appoġġ pubbliku totali għall-assigurazzjoni tal-ħsad ma għandux jaqbeż it-80 % tal-ispiża tal-premiums tal-assigurazzjoni mħallsa mill-produtturi għall-assigurazzjoni kontra t-telf.”;

(7)

fl-Artikolu 51a, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Ir-riċevitur ta’ kkowċjar għandu jkun organizzazzjoni tal-produtturi rikonoxxuta, grupp ta’ produtturi jew il-produtturi individwali, li ma jkunux membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi jew tal-assoċjazzjonijiet tagħhom.”;

(8)

fl-Artikolu 57(3), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-evalwazzjoni għandha tieħu l-forma ta’ rapport fis-sena ta’ qabel tal-aħħar tal-implimentazzjoni tal-programm operattiv.”;

(9)

fl-Artikolu 80 jitħassru l-paragrafi 2 u 3;

(10)

L-Annessi II, III u VI ġew emendati skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Frar 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 tat-13 ta’ Marzu 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-penali li jridu jiġu applikati f’dawk is-setturi u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 (ĠU L 138, 25.5.2017, p. 4).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2020/2220 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-appoġġ mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) fis-snin 2021 u 2022 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward tar-riżorsi u l-applikazzjoni fis-snin 2021 u 2022 u r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tar-riżorsi u d-distribuzzjoni ta’ tali appoġġ fir-rigward tas-snin 2021 u 2022 (ĠU L 437, 28.12.2020, p. 1).

(4)  ECA SR 23/2019 – Rapport Speċjali dwar l-istabbilizzazzjoni tal-introjtu tal-bdiewa: sett komprensiv ta’ għodod, iżda l-istrumenti ftit li xejn jintużaw u jeħtieġ li jiġi indirizzat il-kumpens eċċessiv – https://www.eca.europa.eu/mt/Pages/DocItem.aspx?did=52395.

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/892 tat-13 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fis-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (ĠU L 138, 25.5.2017, p. 57).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 tal-20 ta’ April 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti u li jemendaw u jħassru diversi Regolamenti tal-Kummissjoni (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 113).


ANNESS

L-Annessi II, III u VI tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891 huma emendati kif ġej:

(1)

fl-Anness II, il-punt 19 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“19.

Investimenti jew tipi ta’ azzjonijiet simili mhux fuq l-azjendi u/jew l-istabbilimenti tal-organizzazzjoni tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew tal-membri produtturi tagħhom jew ta’ kumpanija sussidjarja jew entità li tkun parti minn katina ta’ sussidjarji fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 22(8).”;

(2)

l-Anness III huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt 1, l-aħħar paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għal kull kategorija ta’ spejjeż eliġibbli msemmija fl-ewwel paragrafu, sabiex jiġu kkalkolati l-ispejjeż addizzjonali mqabbla ma’ dawk konvenzjonali, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu rati fissi standard, skali ta’ spejjeż għal kull unità jew somom f’daqqa.”;

(b)

il-punt 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.

L-ispejjeż tal-laqgħat u tal-programmi ta’ taħriġ meta dawn ikunu relatati mal-programm operattiv, inklużi l-allowances ta’ kuljum, l-ispejjeż tat-trasport u tal-akkomodazzjoni.”;

(3)

L-Anness VI huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ANNESS VI

Notifika tal-prezzijiet imsemmija fl-Artikolu 55(1)

Prodott

Tip/varjetà

Preżentazzjoni/daqs

Swieq Rappreżentattivi

Tadam

Tond

Daqs 47-102 mm, fi kwantità kbira, f’pakketti ta’ madwar 5 jew 6 kg

Il-Belġju

Il-Bulgarija

Il-Ġermanja

Il-Greċja

Spanja

Franza

L-Italja

L-Ungerija

In-Netherlands

Il-Polonja

Il-Portugall

Ir-Rumanija

Fl-għenieqed

Kull tip ta’ għenieqed, iżda biss jekk id-daqs medju tat-tadam individwali jkun 47 mm jew iżjed, f’pakketti ta’ 5 jew 6 kg

Speċjali/Ċirasa

Tadam mhux ippakkjat jew tadam fl-għenieqed, tadam speċjali, iżda biss jekk id-daqs medju tat-tadam individwali jkun inqas minn 47 mm (40 mm fil-każ tat-tadam ċirasa), f’pakketti ta’ madwar 250-500 g

Berquq

It-tipi u l-varjetajiet kollha

Daqs 45-50 mm

Tilari jew pakketti ta’ madwar 6-10 kg

Il-Bulgarija

Il-Greċja

Spanja

Franza

L-Italja

L-Ungerija

Nuċiprisk

Laħma bajda

Daqs A/B

Tilari jew pakketti ta’ madwar 6-10 kg

Il-Greċja

Spanja

Franza

L-Italja

Laħma safra

Daqs A/B

Tilari jew pakketti ta’ madwar 6-10 kg

Ħawħ

Laħma bajda

Daqs A/B

Tilari jew pakketti ta’ madwar 6-10 kg

Il-Greċja

Spanja

Franza

L-Italja

L-Ungerija

Il-Portugall

Laħma safra

Daqs A/B

Tilari jew pakketti ta’ madwar 6-10 kg

Għeneb tal-mejda

It-tipi u l-varjetajiet kollha biż-żerriegħa

Tilari jew pakketti ta’ 1 kg

Tilari jew pakketti ta’ 1 kg

Il-Greċja

Spanja

Franza

L-Italja

L-Ungerija

Il-Portugall

It-tipi u l-varjetajiet kollha mingħajr żerriegħa

Lanġas

Blanquilla

Daqs 55/60, pakketti ta’ madwar 5-10 kg

Il-Belġju

Il-Greċja

Spanja

Franza

L-Italja

L-Ungerija

In-Netherlands

Il-Polonja

Il-Portugall

Conference

Daqs 60/65+, pakketti ta’ madwar 5-10 kg

Williams

Daqs 65+/75+, pakketti ta’ madwar 5-10 kg

Rocha

Abbé Fétel

Daqs 70/75, pakketti ta’ madwar 5-10 kg

Kaiser

Doyenné du Comice

Daqs 75/90, pakketti ta’ madwar 5-10 kg

Tuffieħ

Braeburn

Daqs 65/80, pakketti ta’ madwar 5-20 kg

Il-Belġju

Iċ-Ċekja

Il-Ġermanja

Il-Greċja

Spanja

Franza

L-Italja

L-Ungerija

In-Netherlands

L-Awstrija

Il-Polonja

Il-Portugall

Ir-Rumanija

Cox orange

Elstar

Gala

Golden delicious

Jonagold (jew Jonagored)

Idared

Fuji

Shampion

Granny smith

Red delicious u varjetajiet ħomor oħrajn

Boskoop

Satsumi

Il-varjetajiet kollha

Daqsijiet 1-X -3, pakketti ta’ madwar 10-20 kg

Spanja

Lumi

Il-varjetajiet kollha

Daqsijiet 3-4, pakketti ta’ madwar 10-20 kg

Il-Greċja

Spanja

L-Italja

Klementina

Il-varjetajiet kollha

Daqsijiet 1-X -3, pakketti ta’ madwar 10-20 kg

Il-Greċja

Spanja

L-Italja

Mandolin

Il-varjetajiet kollha

Daqsijiet 1-2, pakketti ta’ madwar 10-20 kg

Il-Greċja

Spanja

L-Italja

Il-Portugall

Larinġ

Salustiana

Navelinas

Navelate

Daqs 3-6, pakketti ta’ madwar 10-20 kg

Il-Greċja

Spanja

L-Italja

Il-Portugall

Lanelate

Valencia late

Tarocco

Navel

Pastard

It-tipi u l-varjetajiet kollha

Daqs 16-20 cm

Il-Ġermanja

Spanja

Franza

L-Italja

Il-Polonja

Brunġiel

It-tipi u l-varjetajiet kollha

Daqs 40+/70+

Spanja

L-Italja

Ir-Rumanija

Dulliegħ

It-tipi u l-varjetajiet kollha

l-istandards tas-soltu fis-suq rappreżentattiv

Il-Greċja

Spanja

L-Italja

L-Ungerija

Ir-Rumanija

Bettieħ

It-tipi u l-varjetajiet kollha

l-istandards tas-soltu fis-suq rappreżentattiv

Il-Greċja

Spanja

Franza

L-Italja


Top