EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0584

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/584 tat-12.4.2021 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 359/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

ST/6041/2021/INIT

OJ L 124I, 12.4.2021, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/584/oj

12.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 124/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/584

tat-12.4.2021

li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 359/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 359/2011 tat-12 ta’ April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ April 2011 il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 359/2011.

(2)

Fit-8 ta’ Diċembru 2019 ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni fejn iddeplora l-użu mifrux u sproporzjonat tal-forza mill-forzi tas-sigurtà Iranjani, li wassal għal għadd kbir ta’ mwiet u korrimenti matul ir-reazzjoni għad-dimostrazzjonijiet ta’ Novembru 2019. Id-dikjarazzjoni spjegat ukoll li l-Unjoni tistenna li l-awturi kollha tal-vjolenza jinżammu responsabbli u appellat lill-awtoritajiet Iranjani biex jiżguraw investigazzjonijiet trasparenti u kredibbli biex jiċċaraw l-għadd ta’ mwiet u arrestati, u biex jipprovdu proċess dovut lid-detenuti kollha. Barra minn hekk, b’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Iran li jagħlaq l-aċċess tal-Internet għan-networks globali għal aktar minn ġimgħa, li jipprevjeni l-komunikazzjoni u l-fluss liberu ta’ informazzjoni għaċ-ċittadini Iranjani, id-dikjarazzjoni enfasizzat li d-drittijiet fundamentali, bħal-libertà ta’ espressjoni u ta’ għaqda, iridu dejjem jiġu rispettati.

(3)

F’dan il-kuntest, u f’konformità mal-impenn tal-Unjoni li tindirizza l-kwistjonijiet kollha ta’ tħassib mal-Iran, inkluż is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, jenħtieġ li tmien persuni u tliet entitajiet jiġu inklużi fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi stabbilita fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011 huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12.4.2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  ĠU L 100, 14.4.2011, p. 1.


ANNESS

Il-persuni u l-entitajiet li ġejjin għandhom jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011:

 

Persuni

 

Isem

Informazzjoni identifikattiva

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“88.

SOLEIMANI Gholamreza

Post tat-twelid: Farsan (Iran)

Data tat-twelid: 1343 (Kalendarju Hijri Iranjan), 1964 jew 1965 (kalendarju Gregorjan)

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Pożizzjoni: Kap tal-Organizzazzjoni Basij tal-Korpi tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC)

Gholamreza Soleimani huwa l-Kap tal-Organizzazzjoni Basij. L-Organizzazzjoni Basij użat forza letali biex trażżan il-protesti ta’ Novembru 2019 fl-Iran, u kkawżat imwiet u korrimenti ta’ dimostranti mhux armati u persuni ċivili oħra f’ħafna bliet madwar il-pajjiż. Bħala Kap tal-Organizzazzjoni Basij, Gholamreza Soleimani jġorr ir-responsabbiltà għat-trażżin vjolenti tal-protesti u għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.4.2021

89.

SALAMI Hossein (magħruf ukoll bħala: SALAMI Hussain)

Post tat-twelid: Vaneshan, Golpayegan (Iran)

Data tat-twelid: 1339 (Kalendarju Hijri Iranjan), 1960 jew 1961 (kalendarju Gregorjan)

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Pożizzjoni: Kap Kmandant tal-Korpi tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC)

Grad: Maġġur Ġeneral

Hossein Salami ilu l-Kap Kmandant tal-IRGC minn April 2019, li jinkludi l-milizzja Basij, u huwa membru tal-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali. Il-forzi regolari tal-IRGC u l-milizzja Basij użaw forza letali biex irażżnu l-protesti ta’ Novembru 2019 fl-Iran, u kkawżaw imwiet u korrimenti ta’ dimostranti mhux armati u persuni ċivili oħra f’ħafna bliet madwar il-pajjiż. Bħala membru tal-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali, Hossein Salami ħa sehem fis-sessjonijiet li rriżultaw fl-ordnijiet biex tintuża forza letali sabiex jitrażżnu l-protesti ta’ Novembru 2019. Hossein Salami għalhekk iġorr ir-responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.4.2021

90.

KARAMI Hassan

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Pożizzjoni: Kmandant tal-Unitajiet Speċjali tal-forza tal-pulizija Iranjana

Hassan Karami huwa l-Kmandant tal-Unitajiet Speċjali tal-forza tal-pulizija Iranjana. L-Unitajiet Speċjali użaw forza letali biex irażżnu l-protesti ta’ Novembru 2019 fl-Iran, u kkawżaw imwiet u korrimenti ta’ dimostranti mhux armati u persuni ċivili oħra f’ħafna bliet madwar il-pajjiż. Bħala l-Kmandant tal-Unitajiet Speċjali li kkawżaw imwiet u korrimenti lil dimostranti mhux armati u persuni ċivili oħra, Hassan Karami jġorr ir-responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.4.2021

91.

PAKPOUR Mohammad (magħruf ukoll bħala: PAKPUR Mohammad)

Post tat-twelid: Arak (Iran)

Data tat-twelid: 1340 (Kalendarju Hijri Iranjan), 1961 (kalendarju Gregorjan)

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Pożizzjoni: Kap Kmandant tal-Forzi tal-Art tal-Korpi tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC)

Grad: Brigadier Ġeneral

Mohammad Pakpour ilu Kap Kmandant tal-Forzi tal-Art tal-IRGC minn Marzu 2010. Il-Forzi tal-Art tal-IRGC użaw forza letali biex irażżnu l-protesti ta’ Novembru 2019 fl-Iran, u kkawżaw imwiet u korrimenti ta’ dimostranti mhux armati u persuni ċivili oħra f’ħafna bliet madwar il-pajjiż. Bħala Kap Kmandant tal-Forzi tal-Art tal-IRGC, li użaw forza letali kontra dimostranti mhux armati u persuni ċivili oħra, Mohammad Pakpour iġorr ir-responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.4.2021

92.

ASHTARI Hossein

Post tat-twelid: Isfahan (magħruf ukoll bħala: Esfahan, Ispahan)

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Pożizzjoni: Kap Kmandant tal-forza tal-pulizija Iranjana

Hossein Ashtari ilu l-Kap Kmandant tal-forza tal-pulizija Iranjana minn Marzu 2015 u huwa membru tal-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali. Il-forza tal-pulizija tinkludi l-Unitajiet Emdad u l-Unitajiet Speċjali. Il-forza tal-pulizija ordinarja tal-Iran, l-Unitajiet Emdad u l-Unitajiet Speċjali użaw forza letali biex irażżnu l-protesti ta’ Novembru 2019 fl-Iran, u kkawżaw imwiet u korrimenti ta’ dimostranti mhux armati u persuni ċivili oħra f’ħafna bliet madwar il-pajjiż. Bħala membru tal-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali, Hossein Ashtari ħa sehem fis-sessjonijiet li rriżultaw fl-ordnijiet biex tintuża forza letali sabiex jitrażżnu l-protesti ta’ Novembru 2019. Hossein Ashtari għalhekk iġorr ir-responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.4.2021

93.

ZIAEI Gholamreza

Sess: raġel

Pożizzjoni: eks Direttur tal-Ħabs ta’ Evin; eks Direttur ta’ ċentri ta’ detenzjoni oħrajn

Bejn Lulju 2019 u Ġunju 2020, Gholamreza Ziaei kien id-Direttur tal-Ħabs ta’ Evin fejn il-kundizzjonijiet diġà ħorox għad-detenuti komplew jiddeterjoraw matul il-mandat tiegħu. Priġunieri nisa kienu mċaħħda mill-kuntatt telefoniku ma’ wliedhom. Il-priġunieri politiċi kienu mċaħħda miż-żjarat ta’ kull ġimgħa minn qraba, li kienu permessi biss kull xahrejn. Matul il-protesti tal-2009, Ziaei kien responsabbli għaċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Kahrizak fejn mill-inqas ħames detenuti, li kienu ġew arrestati b’konnessjoni mal-protesti tal-massa fit-toroq ta’ Tehran tal-2009, mietu wara li ġew ittorturati. Mill-2017 sal-2019, qabel ma ħa l-inkarigu tal-Ħabs ta’ Evin f’Tehran, Ziaei kien id-direttur tal-Ħabs Rajaee Shahr f’Karaj, fil-Punent ta’ Tehran, fejn kien hemm bosta protesti minn priġunieri politiċi kontra l-abbuż u l-kundizzjonijiet tal-għajxien inumani.

12.4.2021

94.

SHAHVARPOUR Hassan

Post tat-twelid: Safi Abad, fin-nofsinhar ta’ Dezful, Khuzestan (Iran)

Sess: raġel

Numru tal-passaport: 2001624001 (numru tal-ID nazzjonali)

Pożizzjoni: Kmandant tal-Korpi Vali Asr tal-Provinċja ta’ Khuzestan tal-Korpi tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC)

Grad: Brigadier Ġeneral

Bħala l-Kmandant tal-IRGC f’Khuzestan mill-2009, Hassan Shahvarpour huwa responsabbli għall-kmand tal-forzi, li użaw mitraljatriċijiet kontra dimostranti u persuni ċivili oħra fil-belt ta’ Mahshahr matul il-protesti ta’ Novembru 2019. Taħt il-kmand tiegħu, 148 persuna nqatlu mill-IRGC permezz ta’ mitraljatriċijiet tqal minn vetturi blindati li dawwru dimostranti li kienu qed jaħarbu, mistoħbija fi bwar fil-qrib.

12.4.2021

95.

VASEGHI Leyla (magħrufa wkoll bħala VASEQI Layla, VASEGHI Leila, VASEGHI Layla)

Post tat-twelid: Sari, Provinċja ta’ Mazandaran (Iran)

Data tat-twelid: 1352 (Kalendarju Hijri Iranjan), 1972 jew 1973 (kalendarju Gregorjan)

Sess: mara

Pożizzjoni: Gvernatur ta’ Shahr-e Qods u Kap tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Belt

Bħala gvernatur ta’ Shahr-e Qods u Kap tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Belt minn Settembru 2019, Leyla Vaseghi ordnat lill-pulizija u lill-forzi armati oħra biex jużaw forza letali matul il-protesti ta’ Novembru 2019, li kkawżat imwiet u korrimenti ta’ dimostranti mhux armati u persuni ċivili oħra. Bħala l-gvernatur ta’ Shahr-e Qods u Kap tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Belt, Leyla Vaseghi ġġorr ir-responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.4.2021”;

 

Entitajiet

 

Isem

Informazzjoni identifikattiva

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“2.

Il-Ħabs ta’ Evin

Indirizz: Tehran Province, Tehran, District 2, Dasht-e Behesht (Iran)

Il-Ħabs ta’ Evin huwa ċentru ta’ detenzjoni fejn inżammu priġunieri politiċi u fejn fl-aħħar snin u deċennji saru ripetutament abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż it-tortura. Id-dimostranti ta’ Novembru 2019 kienu, u għall-inqas sa ċertu punt għadhom, detenuti fil-Ħabs ta’ Evin bħala priġunieri politiċi. Il-priġunieri fil-Ħabs ta’ Evin qed jiġu mċaħħda mid-drittijiet proċedurali bażiċi, xi drabi miżmuma f’iżolament jew f’ċelloli ffullati żżejjed b’kundizzjonijiet iġjeniċi ħżiena. Hemm rapporti dettaljati dwar tortura fiżika u psikoloġika. Id-detenuti huma mċaħħda mill-kuntatt mal-familja u l-avukati kif ukoll minn trattament tas-saħħa adegwat.

12.4.2021

3.

Il-Ħabs ta’ Fashafouyeh (magħruf ukoll bħala: Penitenzjarju Ċentrali ta’ Greater Tehran, Ħabs ta’ Hasanabad-e Qom, Ħabs ta’ Greater Tehran)

Indirizz: Tehran Province, Hasanabad, Bijin Industrial Zone, Tehran, Qom Old Road (Iran)

Telefon: +98 21 5625 8050

Il-Ħabs ta’ Fashafouyeh huwa ċentru ta’ detenzjoni magħżul oriġinarjament biex iżomm trasgressuri ta’ reati relatati mad-droga u dan l-aħħar żamm ukoll priġunieri politiċi u, f’xi każijiet, ġiegħluhom jaqsmu ċ-ċella ma’ persuni dipendenti fuq id-droga. Il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tal-iġjene huma ħżiena ħafna, neqsin minn ħtiġijiet bażiċi bħall-ilma tax-xorb nadif. Matul il-protesti ta’ Novembru 2019, diversi dimostranti inżammu fil-Ħabs ta’ Fashafouyeh, inkluż minorenni. Ir-rapporti jindikaw li d-dimostranti ta’ Novembru 2019 kienu soġġetti għal tortura u trattament inuman fil-Ħabs ta’ Fashafouyeh, eż. billi korrewhom deliberatament bl-ilma jagħli u billi ċaħduhom minn trattament mediku. Skont rapport ta’ Amnesty International dwar it-trażżin tal-protesti ta’ Novembru 2019, tfal sa 15-il sena ġew detenuti flimkien ma’ adulti fil-Ħabs ta’ Fashafouyeh. Tliet dimostranti ta’ Novembru 2019, li bħalissa qed jinżammu fil-Ħabs ta’ Fashafouyeh, ġew ikkundannati għall-mewt minn qorti f’Tehran.

12.4.2021

4.

Il-Ħabs ta’ Rajaee Shahr (magħruf ukoll bħala: Ħabs ta’ Rajai Shahr, Rajaishahr, Raja’i Shahr, Reja’i Shahr, Rajayi Shahr, Ħabs ta’ Gorhardasht, Ħabs ta’ Gohar Dasht)

Indirizz: Alborz Province, Karaj, Gohardasht, Moazzen Blvd (Iran)

Telefon: +98 26 3448 9826

Il-ħabs ta’ Rajaee Shahr ilu, sa mir-Rivoluzzjoni Iżlamika tal-1979, magħruf għaċ-ċaħda tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż it-tortura fiżika u psikoloġika severa ta’ priġunieri politiċi u priġunieri minħabba twemmin kif ukoll eżekuzzjonijiet tal-massa mingħajr proċess ġust. Mijiet ta’ detenuti, inkluż tfal, ġew maltrattati severament fil-Ħabs ta’ Rajaee Shahr wara l-protesti ta’ Novembru 2019. Hemm rapporti kredibbli dwar bosta każijiet ta’ tortura u forom oħra ta’ kastig krudili, inkluż każijiet li jinvolvu minorenni.

12.4.2021”.


Top