Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0520

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/520 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2021/1877

    ĠU L 104, 25.3.2021, p. 39–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 02/07/2021

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/520/oj

    25.3.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 104/39


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/520

    tal-24 ta’ Marzu 2021

    li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 120(1) u l-Artikolu 120(2)(c), (d) u (f) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ traċċabbiltà tal-annimali terrestri miżmuma u l-prodotti ġerminali u jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti ta’ implimentazzjoni f’dak ir-rigward.

    (2)

    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 (2) jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 billi jipprovdi regoli dettaljati dwar it-traċċabbiltà ta’ annimali terrestri miżmuma u bajd għat-tifqis.

    (3)

    Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi fl-Unjoni tar-regoli dwar it-traċċabbiltà stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/429 u fir-Regolament Delegat (UE) 2019/2035, jenħtieġ li jiġu adottati ċerti regoli permezz ta’ dan ir-Regolament.

    (4)

    L-Artikoli 112, 113 u 115 tar-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxu obbligi għall-operaturi li jżommu annimali ta’ speċijiet bovini, ovini, kaprini u porċini biex jittrażmettu informazzjoni relatata mal-annimali tagħhom fil-bażijiet tad-data kompjuterizzati stabbiliti skont l-Artikolu 109(1) ta’ dak ir-Regolament. Sabiex jiġi żgurat li l-aġġornamenti kollha jiġu trażmessi b’mod regolari lil dawk il-bażijiet tad-data, jeħtieġ li f’dan ir-Regolament jiġu speċifikati l-iskadenzi għat-trażmissjoni ta’ dik l-informazzjoni.

    (5)

    Barra minn hekk, l-informazzjoni trażmessa mill-operaturi ta’ annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma jenħtieġ li tkun aċċessibbli għalihom fir-rigward tal-annimali tagħhom u l-istabbilimenti tagħhom wara t-trażmissjoni. Ir-regoli għal aċċess uniformi għad-data li tinsab fil-bażijiet tad-data kompjuterizzati stabbiliti skont l-Artikolu 109(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 jenħtieġ għalhekk li jiġu stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    (6)

    Barra minn hekk, ċerti dettalji u formati tekniċi u operazzjonali oħra tal-bażijiet tad-data kompjuterizzati għall-annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll f’dan ir-Regolament sabiex tiġi żgurata kwalità komparabbli tal-bażijiet tad-data madwar l-Unjoni.

    (7)

    Skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 110(1)(b) u fil-punt (b) tal-Artikolu 112 tar-Regolament (UE) 2016/429, l-iskambju ta’ data elettronika bejn l-Istati Membri jista’ jissostitwixxi l-ħruġ ta’ dokumenti tal-identifikazzjoni għall-annimali bovini meta dawk l-annimali jiġu mċaqalqa bejn l-Istati Membri. Il-protokoll BOVEX, stabbilit mill-Kummissjoni, huwa mfassal għall-iskambju ta’ data elettronika bejn bażijiet tad-data kompjuterizzati tal-Istati Membri fir-rigward tal-annimali bovini. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrikonoxxi l-operabbiltà sħiħa ta’ dawk l-iskambji ta’ data elettronika bejn bażijiet tad-data kompjuterizzati tal-Istati Membri skont dan il-protokoll.

    (8)

    Filwaqt li l-mezzi ta’ identifikazzjoni li għandhom jintużaw għal diversi speċijiet ta’ annimali terrestri, b’mod partikolari l-annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma u l-psittacidae, huma stabbiliti mir-Regolament Delegat (UE) 2019/2035, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għal dawn il-mezzi ta’ identifikazzjoni jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    (9)

    Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jistabbilixxi rekwiżiti għall-identifikazzjoni elettronika ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma u l-psittacidae. Dawn l-identifikaturi elettroniċi jenħtieġ li jiġu approvati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinżammu l-annimali. Sabiex tiġi żgurata l-leġġibbiltà ta’ dawk l-identifikaturi elettroniċi meta l-annimali jiġu mċaqalqa bejn l-Istati Membri, ir-regoli u l-kundizzjonijiet li taħthom l-awtorità kompetenti tista’ tapprova dawn l-identifikaturi elettroniċi jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dawk l-approvazzjonijiet jenħtieġ li jqisu wkoll l-istandards ISO/IEC rilevanti.

    (10)

    Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tal-identifikazzjoni u t-traċċabbiltà fl-Unjoni kollha, il-perjodi għall-applikazzjoni tal-mezzi ta’ identifikazzjoni għall-annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma u l-psittacidae jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    (11)

    Sad-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429, ir-regoli tal-Unjoni dwar it-traċċabbiltà jinkludu diversi eżenzjonijiet mis-sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni fir-rigward ta’ xi kategoriji ta’ annimali, bħall-annimali miżmuma f’kundizzjonijiet estensivi. Huwa xieraq li dawk ir-regoli jiġu riveduti u li jiġi applikat approċċ bilanċjat u armonizzat għall-eżenzjonijiet mis-sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni, filwaqt li jitqiesu r-riskji rilevanti minn naħa waħda u l-proporzjonalità u l-effiċjenza tal-miżuri min-naħa l-oħra. Għalhekk, f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ġodda li jirriflettu dan l-approċċ.

    (12)

    Huwa essenzjali li tiġi ppreservata t-traċċabbiltà sħiħa tal-annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma u tal-psittacidae fi kwalunkwe ħin u li tiġi evitata kwalunkwe operazzjoni li tista’ tipperikola t-traċċabbiltà. It-tneħħijiet, il-modifiki u s-sostituzzjonijiet tal-mezzi ta’ identifikazzjoni huma operazzjonijiet li jistgħu jipperikolaw it-traċċabbiltà. Għalhekk dawk l-operazzjonijiet għandhom jitwettqu biss wara li l-awtorità kompetenti tkun tat permess lill-operaturi biex jagħmlu dan. Ċerti regoli dwar it-tneħħijiet, il-modifiki u s-sostituzzjonijiet huma stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2019/2035. Huma meħtieġa dispożizzjonijiet addizzjonali għal dawk l-operazzjonijiet biex jiġu indirizzati aspetti speċifiċi, inklużi l-iskadenzi ta’ dawk l-operazzjonijiet, u jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    (13)

    Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għall-qafas legali l-ġdid, jenħtieġ li l-operaturi fl-Istati Membri jkunu f’pożizzjoni li jkomplu jużaw il-mezzi ta’ identifikazzjoni approvati qabel il-21 ta’ April 2021 skont ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 (4) u d-Direttiva tal-Kunsill 2008/71/KE (5), kif ukoll l-atti adottati abbażi ta’ dawk ir-Regolamenti u dik id-Direttiva għal perjodu tranżitorju li ma jaqbiżx sentejn mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    (14)

    Billi r-Regolament (UE) 2016/429 japplika b’effett mill-21 ta’ April 2021, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika wkoll minn dik id-data.

    (15)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU 1

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli li jikkonċernaw:

    (1)

    l-iskadenzi għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni mill-operaturi għar-reġistrazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma f’bażijiet tad-data kompjuterizzati;

    (2)

    aċċess uniformi għad-data li tinsab fil-bażijiet tad-data kompjuterizzati ta’ annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u r-regoli operazzjonali ta’ tali bażijiet tad-data;

    (3)

    il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tekniċi għall-iskambju ta’ data elettronika fir-rigward ta’ annimali bovini miżmuma bejn il-bażijiet tad-data kompjuterizzati tal-Istati Membri u r-rikonoxximent tal-operabbiltà sħiħa ta’ sistema ta’ skambju ta’ data;

    (4)

    l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-formati u d-disinn għall-mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma;

    (5)

    ir-rekwiżiti tekniċi għall-mezzi ta’ identifikazzjoni tal-psittacidae miżmuma;

    (6)

    il-perjodi ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma li twieldu fl-Unjoni jew wara li dawk l-annimali jkunu daħlu fl-Unjoni;

    (7)

    il-konfigurazzjoni tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, kamelidi u ċervidi miżmuma;

    (8)

    it-tneħħija, il-modifika u s-sostituzzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma u l-iskadenzi għal tali operazzjonijiet;

    (9)

    miżuri tranżitorji dwar l-approvazzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu applikati d-definizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035.

    Kapitolu 2

    Bażijiet tad-Data Kompjuterizzati

    Artikolu 3

    Skadenzi u proċeduri għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni mill-operaturi għar-reġistrazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma

    1.   L-operaturi li jżommu annimali bovini, ovini, kaprini u porċini għandhom jittrażmettu l-informazzjoni dwar movimenti, twelid u mwiet imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 112 tar-Regolament (UE) 2016/429 u dwar movimenti msemmija fl-Artikolu 113(1)(c) ta’ dak ir-Regolament u fil-punt (b) tal-Artikolu 56 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 għar-reġistrazzjoni fil-bażijiet tad-data kompjuterizzati stabbiliti għal dawk l-ispeċijiet f’perjodu ta’ żmien għat-trażmissjoni li għandu jiġi ddeterminat mill-Istati Membri. Il-perjodu ta’ żmien massimu biex tiġi trażmessa l-informazzjoni ma għandux jaqbeż 7 ijiem wara l-moviment, it-twelid jew il-mewt tal-annimali, kif applikabbli.

    2.   Fil-każ ta’ twelid, meta jiddeterminaw il-perjodu ta’ żmien massimu għat-trażmissjoni tal-informazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jużaw id-data meta l-mezz ta’ identifikazzjoni jiġi applikat għall-annimal bħala l-punt tat-tluq tal-perjodu ta’ żmien ikkonċernat, sakemm ma jkunx hemm riskju ta’ konfużjoni bejn din id-data u d-data tat-twelid tal-annimal.

    3.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti tista’ testendi l-perjodu ta’ żmien massimu biex tittrażmetti l-informazzjoni dwar il-movimenti msemmija fil-paragrafu 1 sa 14-il jum wara l-movimenti ta’ annimali bovini fl-istess Stat Membru minn stabbilimenti tal-oriġini għal stabbilimenti tal-mergħat reġistrati li jinsabu f’żoni muntanjużi għar-ragħa. L-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li taċċetta listi tal-annimali bovini soġġetti għal movimenti lejn stabbilimenti tal-mergħat reġistrati mill-operaturi ta’ dawk l-istabbilimenti. Dawk il-listi għandhom jinkludu:

    (a)

    in-numru ta’ reġistrazzjoni uniku tal-istabbiliment tal-mergħat reġistrat;

    (b)

    il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali;

    (c)

    in-numru ta’ reġistrazzjoni uniku tal-istabbiliment tal-oriġini;

    (d)

    id-data tal-wasla tal-annimali fl-istabbiliment tal-mergħa rreġistrat;

    (e)

    id-data stmata tat-tluq tal-annimali mill-istabbiliment tal-mergħat reġistrat.

    Artikolu 4

    Aċċess uniformi għad-data li tinsab fil-bażijiet tad-data kompjuterizzati ta’ annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi li jżommu annimali bovini, ovini, kaprini u porċini jkollhom, fuq talba tagħhom u mingħajr ħlas, mill-inqas aċċess ta’ qari biss għal minimu ta’ informazzjoni relatata mal-istabbilimenti tagħhom li tinsab fil-bażijiet tad-data kompjuterizzati msemmija fl-Artikolu 109(1)(a) sa (c) tar-Regolament (UE) 2016/429.

    Artikolu 5

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-bażijiet tad-data kompjuterizzati ta’ annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bażijiet tad-data kompjuterizzati ta’ annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma msemmija fl-Artikolu 109(1)(a) sa (c) tar-Regolament (UE) 2016/429 huma stabbiliti b’tali mod li l-informazzjoni reġistrata f’dawk il-bażijiet tad-data tkun tista’ tiġi skambjata bejn bażijiet tad-data kompjuterizzati tal-Istati Membri fil-format stabbilit fit-tielet kolonna tat-tabella fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 6

    Regoli operazzjonali ta’ bażijiet tad-data kompjuterizzati ta’ annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma

    L-Istati Membri għandhom jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzazzjonali xierqa biex jiżguraw li l-bażijiet tad-data kompjuterizzati tal-annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma msemmija fl-Artikolu 109(1)(a) sa (c) tar-Regolament (UE) 2016/429 ikomplu joperaw quddiem xkiel potenzjali. Dawk il-miżuri għandhom jiggarantixxu wkoll is-sigurtà, l-integrità u l-awtentiċità tal-informazzjoni reġistrata f’tali bażijiet tad-data.

    Artikolu 7

    Kundizzjonijiet u modalitajiet tekniċi għall-iskambju elettroniku ta’ data dwar id-dokumenti tal-identifikazzjoni fir-rigward ta’ annimali bovini miżmuma bejn il-bażijiet tad-data kompjuterizzati tal-Istati Membri

    1.   Meta l-Istati Membri jiskambjaw b’mod elettroniku ma’ Stati Membri oħra data dwar id-dokumenti tal-identifikazzjoni fir-rigward ta’ annimali bovini miżmuma msemmija fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 44 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035, dik id-data għandha tiġi skambjata fil-format tad-Definizzjoni tal-Iskema XML magħmula disponibbli mill-Kummissjoni lill-awtorità kompetenti.

    2.   L-awtorità kompetenti fl-Istat Membru tal-oriġini tal-annimali bovini miżmuma maħsuba biex jiġu mċaqalqa għandha tiżgura li d-data dwar id-dokumenti tal-identifikazzjoni tiġi trażmessa b’mod elettroniku lill-Istat Membru tad-destinazzjoni qabel it-tluq tal-annimali, u li tiġi pprovduta kronogramma ma’ kull trażmissjoni.

    Artikolu 8

    Rikonoxximent tal-operabbiltà sħiħa ta’ sistema għall-iskambju elettroniku ta’ data dwar id-dokumenti tal-identifikazzjoni fir-rigward ta’ annimali bovini miżmuma bejn il-bażijiet tad-data kompjuterizzati tal-Istati Membri

    1.   L-Istati Membri li jiskambjaw b’mod elettroniku data dwar id-dokumenti tal-identifikazzjoni permezz ta’ sistema stabbilita mill-Kummissjoni u mfassla għall-iskambju ta’ data fir-rigward ta’ annimali bovini miżmuma bejn il-bażijiet tad-data kompjuterizzati tal-Istati Membri għandhom jiġu rikonoxxuti bħala li għandhom sistema ta’ operabbiltà sħiħa.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u tippubblika fuq is-sit web tagħha l-lista tal-Istati Membri li jiskambjaw data dwar id-dokumenti tal-identifikazzjoni permezz ta’ dik is-sistema.

    KAPITOLU 3

    MEZZI TA’ IDENTIFIKAZZJONI

    Artikolu 9

    Speċifikazzjonijiet tekniċi, formati u disinn għall-mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma

    1.   L-awtorità kompetenti għandha tapprova biss l-użu ta’ ċombiet tal-widna konvenzjonali jew ta’ faxex tal-pastur konvenzjonali msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Anness III tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 bħala mezz ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma, jekk dawk il-mezzi ta’ identifikazzjoni jissodisfaw l-ispeċifikazzjoni teknika stabbilita fil-Parti 1 tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

    2.   L-awtorità kompetenti għandha tapprova biss l-użu ta’ tattoos imsemmija fil-punt (g) tal-Anness III tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 bħala mezz ta’ identifikazzjoni ta’ annimali ovini, kaprini, porċini u ċervidi miżmuma, kif previst fl-Artikolu 46(2) u (3) u fl-Artikoli 52(1)(b), 73(2)(c) u 76(1)(c) ta’ dak ir-Regolament Delegat, jekk dawk it-tattoos jiżguraw marki li ma jitħassrux u li jkunu jistgħu jinqraw kif xieraq.

    3.   L-awtorità kompetenti għandha tapprova biss l-użu ta’ identifikaturi elettroniċi msemmija fil-punti (c) sa (f) tal-Anness III tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 bħala mezz ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma, jekk dawk il-mezzi ta’ identifikazzjoni jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fil-Parti 2 tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, l-identifikaturi elettroniċi msemmija fil-punti (c) u (f) tal-Anness III tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 għandhom jissodisfaw l-ispeċifikazzjoni teknika stabbilita fil-Parti 1 tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

    4.   B’deroga mill-paragrafu 3, l-awtorità kompetenti tista’ tapprova l-użu ta’ ċombiet tal-widna elettroniċi bħala mezz ta’ identifikazzjoni ta’ annimali porċini miżmuma, jekk dawk il-mezzi ta’ identifikazzjoni jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti mill-Istat Membru fejn jinżammu l-annimali porċini, u juru b’mod viżibbli, leġibbli u li ma jitħassarx in-numru ta’ reġistrazzjoni uniku ta’:

    (a)

    l-istabbiliment tat-twelid tal-annimali; jew

    (b)

    l-aħħar stabbiliment tal-katina tal-provvista msemmija fl-Artikolu 53 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035, meta dawk l-annimali jiġu mċaqalqa lejn stabbiliment barra minn dik il-katina tal-provvista.

    Artikolu 10

    Speċifikazzjonijiet tekniċi, formati u disinn għall-mezzi ta’ identifikazzjoni tal-psittacidae miżmuma

    1.   L-operaturi li jżommu l-psittacidae għandhom jiżguraw li:

    (a)

    iċ-ċurkett fis-sieq imsemmi fl-Artikolu 76(1)(a) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fil-Parti 1 tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament;

    (b)

    it-tattoo msemmi fl-Artikolu 76(1)(c) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jiżgura marka li ma titħassarx u li tkun tista’ tinqara kif xieraq.

    2.   L-awtorità kompetenti għandha tapprova biss l-użu ta’ transponders injettabbli msemmija fl-Artikolu 76(1)(b) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 bħala mezz ta’ identifikazzjoni ta’ psittacidae miżmuma, jekk dawk il-mezzi ta’ identifikazzjoni jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fil-punt 2 tal-Parti 2 tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 11

    Regoli operazzjonali għall-approvazzjoni ta’ identifikaturi elettroniċi ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma u l-psittacidae

    1.   Meta tagħti l-approvazzjoni tal-identifikaturi elettroniċi msemmija fil-punti (c) sa (f) tal-Anness III tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma u psittacidae, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-manifatturi tal-identifikaturi elettroniċi jkunu pprovdew evidenza li t-testijiet tal-konformità u tal-prestazzjoni msemmija fil-punt 4 tal-Parti 2 tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament ikunu saru f’ċentri ta’ ttestjar akkreditati skont l-istandard ISO/IEC 17025 “Rekwiżiti ġenerali għall-kompetenza tal-laboratorji tal-ittestjar u tal-kalibrazzjoni”.

    2.   Meta tagħti l-approvazzjoni tal-identifikaturi elettroniċi msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti tista’ teħtieġ li l-manifatturi tal-identifikaturi elettroniċi japplikaw testijiet addizzjonali għal robustezza u reżistenza biex jiżguraw il-funzjonalità tagħhom skont il-kundizzjonijiet ġeografiċi jew klimatiċi speċifiċi tal-Istat Membru kkonċernat skont l-istandards stabbiliti minn dak l-Istat Membru.

    Artikolu 12

    Konfigurazzjoni tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, kamelidi u ċervidi miżmuma

    Il-kodiċi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, kamelidi u ċervidi miżmuma għandu jkun kif ġej:

    (a)

    l-ewwel element tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni għandu jkun il-kodiċi tal-pajjiż tal-Istat Membru fejn il-mezz ta’ identifikazzjoni jkun ġie applikat għall-ewwel darba għall-annimali, fil-format ta’:

    (i)

    il-kodiċi b’żewġ ittri skont l-istandard ISO 3166-1 alfa-2, ħlief għall-Greċja, li għaliha għandu jintuża l-kodiċi b’żewġ ittri “EL”; jew

    (ii)

    il-kodiċi tal-pajjiż bi tliet ċifri skont l-istandard ISO 3166-1 numeriku;

    (b)

    it-tieni element tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni għandu jkun kodiċi uniku għal kull annimal li ma jaqbiżx it-12-il karattru numeriku.

    Artikolu 13

    Perjodi ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini miżmuma

    1.   L-operaturi għandhom jiżguraw li l-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 112 tar-Regolament (UE) 2016/429 jiġu applikati għall-annimali bovini miżmuma qabel ma jiskadi perjodu ta’ żmien massimu wara t-twelid, li għandu jiġi ddeterminat mill-Istat Membru li fih ikunu twieldu l-annimali. Il-perjodu ta’ żmien massimu għandu jiġi kkalkulat mid-data tat-twelid tal-annimali u ma għandux jaqbeż 20 jum.

    2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-operaturi biex jestendu l-perjodu ta’ żmien massimu għall-applikazzjoni tat-tieni mezz ta’ identifikazzjoni sa 60 jum, wara d-data tat-twelid tal-annimali, għal raġunijiet relatati mal-iżvilupp fiżjoloġiku tal-annimali, jekk it-tieni mezz ta’ identifikazzjoni huwa bolus ruminali.

    3.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-operaturi biex jestendu l-perjodu ta’ żmien massimu msemmi fil-paragrafu 1 sa 9 xhur, bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-annimali:

    (i)

    jkunu mrobbija f’kundizzjonijiet estensivi, bl-għoġġiela jibqgħu ma’ ommhom;

    (ii)

    ma jkunux imdorrija jkollhom kuntatt regolari mal-bnedmin;

    (b)

    iż-żona fejn jinżammu l-annimali, tiżgura livell għoli ta’ iżolament tal-annimali;

    (c)

    l-estensjoni ma tikkompromettix it-traċċabbiltà tal-annimali.

    L-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-awtorizzazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għal reġjuni ġeografiċi partikolari jew għal speċijiet jew razez speċifiċi ta’ annimali bovini miżmuma.

    4.   L-operaturi għandhom jiżguraw li l-ebda annimal bovin miżmum ma jħalli l-istabbiliment tat-twelid sakemm ma jkunux ġew applikati l-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 112 tar-Regolament (UE) 2016/429 għal dawk l-annimali.

    Artikolu 14

    Perjodi ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali ovini u kaprini miżmuma

    1.   L-operaturi għandhom jiżguraw li l-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 113(1)(a) tar-Regolament (UE) 2016/429 jiġu applikati għall-annimali ovini u kaprini miżmuma qabel ma jiskadi perjodu ta’ żmien massimu wara t-twelid, li għandu jiġi ddeterminat mill-Istat Membru li fih ikunu twieldu l-annimali. Il-perjodu ta’ żmien massimu għandu jiġi kkalkulat mid-data tat-twelid tal-annimali u ma għandux jaqbeż 9 xhur.

    2.   L-operaturi għandhom jiżguraw li l-ebda annimal ovin jew kaprin miżmum ma jħalli l-istabbiliment tat-twelid sakemm ma jkunux ġew applikati l-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 113(1)(a) tar-Regolament (UE) 2016/429 għal dawk l-annimali.

    Artikolu 15

    Perjodi ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali porċini miżmuma

    1.   L-operaturi għandhom jiżguraw li l-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 115 tar-Regolament (UE) 2016/429 jiġu applikati għall-annimali porċini miżmuma qabel ma jiskadi perjodu ta’ żmien massimu wara t-twelid, li għandu jiġi ddeterminat mill-Istat Membru li fih ikunu twieldu l-annimali. Il-perjodu ta’ żmien massimu għandu jiġi kkalkulat mid-data tat-twelid tal-annimali u ma għandux jaqbeż 9 xhur.

    2.   L-operaturi għandhom jiżguraw li l-ebda annimal porċin miżmum ma jħalli l-istabbiliment tat-twelid jew joħroġ mill-katina tal-provvista sakemm ma jkunux ġew applikati l-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 115 tar-Regolament (UE) 2016/429 għal dawk l-annimali.

    Artikolu 16

    Perjodi ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali kamelidi u ċervidi miżmuma

    1.   L-operaturi għandhom jiżguraw li l-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 73(1) u (2) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jiġu applikati għall-annimali kamelidi u ċervidi miżmuma qabel ma jiskadi perjodu ta’ żmien massimu wara t-twelid, li għandu jiġi ddeterminat mill-Istat Membru li fih ikunu twieldu l-annimali. Il-perjodu ta’ żmien massimu għandu jiġi kkalkulat mid-data tat-twelid tal-annimali u ma għandux jaqbeż 9 xhur.

    2.   L-operaturi għandhom jiżguraw li l-ebda annimal kamelid jew ċervid miżmum ma jħalli l-istabbiliment tat-twelid jew l-istabbiliment tal-ewwel wasla jekk dak l-annimal ikun ġie mċaqlaq lejn dak l-istabbiliment mill-ħabitat fejn ikun qagħad bħala annimal selvaġġ, sakemm il-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 73(1) u (2) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 ma jkunux ġew applikati għal dawk l-annimali.

    3.   L-awtorità kompetenti tista’ teżenta lill-operaturi li jżommu r-renni mir-rekwiżiti fil-paragrafi 1 u 2, sakemm l-eżenzjoni ma tikkompromettix it-traċċabbiltà tal-annimali.

    4.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-operaturi li jżommu annimali ċervidi mir-rekwiżiti fil-paragrafu 1, skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-annimali:

    (i)

    jkunu mrobbija f’kundizzjonijiet estensivi;

    (ii)

    ma jkunux imdorrija jkollhom kuntatt regolari mal-bnedmin;

    (b)

    iż-żona fejn jinżammu l-annimali, tiżgura livell għoli ta’ iżolament tal-annimali;

    (c)

    l-eżenzjoni ma tikkompromettix it-traċċabbiltà tal-annimali.

    Artikolu 17

    Perjodi ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma wara d-dħul tagħhom fl-Unjoni

    1.   Wara d-dħul fl-Unjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma u fejn dawk l-annimali jibqgħu fl-Unjoni, l-operaturi għandhom jiżguraw li l-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 81 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jiġu applikati għal dawk l-annimali fi żmien 20 jum mill-wasla tagħhom fl-istabbiliment tal-ewwel wasla.

    2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri tal-ewwel wasla jistgħu jawtorizzaw lill-operaturi biex jestendu l-perjodu ta’ żmien massimu għall-applikazzjoni tat-tieni mezz ta’ identifikazzjoni sa 60 jum, wara d-data tat-twelid tal-annimali, għal raġunijiet relatati mal-iżvilupp fiżjoloġiku tal-annimali, jekk it-tieni mezz ta’ identifikazzjoni jkun bolus ruminali.

    3.   L-operaturi għandhom jiżguraw li l-ebda annimal bovin, ovin, kaprin, porċin, kamelid jew ċervid ma jħalli l-istabbiliment tal-ewwel wasla sakemm ma jkunux ġew applikati l-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 81 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 għal dawk l-annimali.

    Artikolu 18

    It-tneħħija u l-modifika ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma

    L-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza biss lill-operaturi biex ineħħu jew jimmodifikaw il-mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma jekk it-tneħħija jew il-modifika ma tikkompromettix it-traċċabbiltà tal-annimali, inkluża t-traċċabbiltà tal-istabbiliment li fih ikunu twieldu, u jekk l-identifikazzjoni individwali tal-annimali, jekk applikabbli, tibqa’ possibbli.

    Artikolu 19

    Sostituzzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma u skadenzi għal tali operazzjonijiet

    1.   L-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza biss lill-operaturi biex jissostitwixxu l-mezzi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma jekk is-sostituzzjoni ma tikkompromettix it-traċċabbiltà tal-annimali, inkluża t-traċċabbiltà tal-istabbiliment li fih ikunu twieldu, u jekk l-identifikazzjoni individwali tal-annimali, jekk applikabbli, tibqa’ possibbli.

    2.   Is-sostituzzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tiġi awtorizzata kif ġej:

    (a)

    meta l-annimali jkunu ġew identifikati b’żewġ mezzi ta’ identifikazzjoni u wieħed minn dawk il-mezzi ta’ identifikazzjoni jkun sar illeġibbli jew ikun intilef, sakemm il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali jibqa’ l-istess u jkompli jaqbel mal-kodiċi dwar il-mezzi ta’ identifikazzjoni li jifdal;

    (b)

    meta l-annimali jkunu ġew identifikati b’mezz wieħed jew tnejn ta’ identifikazzjoni li juru l-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali u dawk il-mezzi ta’ identifikazzjoni jkunu saru illeġibbli jew ikunu ntilfu, sakemm jibqa’ possibbli li jiġi ddeterminat il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali b’ċertezza raġonevoli u l-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali jibqa’ l-istess;

    (c)

    meta annimali ovini, kaprini jew porċini miżmuma jkunu ġew identifikati permezz ta’ mezz ta’ identifikazzjoni li juri n-numru ta’ reġistrazzjoni uniku ta’ stabbiliment u dak il-mezz ta’ identifikazzjoni jkun sar illeġibbli jew ikun intilef, sakemm jibqa’ possibbli li jiġi ddeterminat b’ċertezza raġonevoli l-istabbiliment tat-twelid tal-annimali jew, jekk applikabbli, l-aħħar stabbiliment tal-katina tal-provvista, u li l-mezz ta’ identifikazzjoni ta’ sostituzzjoni juri n-numru ta’ reġistrazzjoni uniku ta’ dak l-istabbiliment jew, jekk applikabbli, dak l-aħħar stabbiliment.

    (d)

    fil-każ ta’ annimali ovini u kaprini miżmuma, tista’ tiġi awtorizzata s-sostituzzjoni tal-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) b’mezzi ġodda ta’ identifikazzjoni li juru kodiċi ta’ identifikazzjoni ġdid, sakemm it-traċċabbiltà ma tiġix kompromessa.

    3.   Is-sostituzzjoni tal-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha ssir malajr kemm jista’ jkun u qabel ma jiskadi perjodu ta’ żmien massimu, li għandu jiġi ddeterminat mill-Istat Membru li l-awtorità kompetenti tiegħu tkun awtorizzat lill-operaturi biex jissostitwixxu l-mezzi ta’ identifikazzjoni, u qabel ma l-annimali jiġu mċaqalqa lejn stabbiliment ieħor.

    4.   Meta l-kodiċi ta’ identifikazzjoni ta’ annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma li jidher fuq il-mezz ta’ identifikazzjoni msemmi fil-punti (a) u (b) tal-Anness III tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 ma jkunx jista’ jiġi riprodott fuq identifikatur elettroniku minħabba limitazzjonijiet tekniċi, l-awtorità kompetenti għandha tippermetti biss l-applikazzjoni ta’ identifikatur elettroniku ġdid li juri kodiċi ta’ identifikazzjoni ġdid għal dawk l-annimali, jekk iż-żewġ kodiċijiet ta’ identifikazzjoni jiġu rreġistrati fil-bażijiet tad-data kompjuterizzati msemmija fl-Artikolu 109(1) tar-Regolament (UE) 2016/429.

    KAPITOLU 4

    DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI U FINALI

    Artikolu 20

    Miżuri tranżitorji rigward l-approvazzjonijiet ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni

    B’deroga mill-Artikoli 9, 10 u 11 ta’ dan ir-Regolament, għal perjodu tranżitorju li jintemm fl-20 ta’ April 2023, l-Istati Membri jistgħu jkomplu jużaw il-mezzi ta’ identifikazzjoni approvati qabel il-21 ta’ April 2021 skont ir-Regolamenti (KE) Nru 1760/2000 u (KE) Nru 21/2004 u d-Direttiva 2008/71/KE, kif ukoll l-atti adottati abbażi ta’ dawk ir-Regolamenti u dik id-Direttiva.

    Artikolu 21

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan għandu japplika mill-21 ta’ April 2021.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Marzu 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 tat-28 ta’ Ġunju 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli għall-istabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri u l-imfaqas, u t-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma u tal-bajd għat-tifqis (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 115).

    (3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (ĠU L 204, 11.8.2000, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 tas-17 ta’ Diċembru 2003 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ annimali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttiva 92/102/KEE u 64/432/KEE (ĠU L 5, 9.1.2004, p. 8).

    (5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/71/KE tal-15 ta’ Lulju 2008 dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-ħnieżer (ĠU L 213, 8.8.2008, p. 31).


    ANNESS I

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-formati tal-informazzjoni fil-bażijiet tad-data kompjuterizzati tal-annimali bovini, ovini, kaprini u porċini miżmuma

    Tip ta’ informazzjoni

    Deskrizzjoni

    Format

    Kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimal

    Kodiċi tal-pajjiż

    Waħda mill-għażliet li ġejjin:

    Kodiċi bl-ittri: Kodiċi tal-ISO 3166-1 alpha-2  (1)

    Kodiċi numeriku: Kodiċi numeriku tal-ISO 3166–1

    Kodiċi uniku għal kull annimal

    12-il karattru numeriku

    Identifikatur elettroniku (fakultattiv)

     

    Waħda mill-għażliet li ġejjin:

    Ċomba tal-widna elettronika

    Bolus ruminali

    Transponder injettabbli

    Faxxa tal-pastur elettronika

    Numru ta’ reġistrazzjoni uniku tal-istabbiliment

     

    Kodiċi tal-pajjiż segwit minn 12-il karattru alfanumeriku

    Isem l-operatur tal-istabbiliment

     

    140 karattru alfanumeriku

    L-indirizz tal-operatur tal-istabbiliment

    Isem it-triq u n-numru tad-dar

    140 karattru alfanumeriku

    Kodiċi postali

    10 karattri alfanumeriċi

    Belt

    35 karattru alfanumeriku

    Data

     

    Data (SSSS-XX-JJ)

    Għadd totali ta’ annimali

     

    15-il karattru numeriku


    (1)  Ħlief fil-każ tal-Greċja, fejn għandu jintuża l-kodiċi biż-żewġ ittri “EL”.


    ANNESS II

    IL-PARTI 1

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-mezzi ta’ identifikazzjoni tal-annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi, ċervidi u psittacidae miżmuma

    1.

    Il-mezzi tal-identifikazzjoni msemmija fil-punti (a), (b), (c), (f) u (h) tal-Anness III tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 ta’ annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi, ċervidi u psittacidae miżmuma għandhom ikunu:

    (a)

    mhux riutilizzabbli;

    (b)

    magħmulin minn materjal li ma jiddegradax;

    (c)

    li ma jistgħux jiġu ffalsifikati;

    (d)

    jibqgħu jinqraw faċilment tul il-ħajja tal-annimali;

    (e)

    magħmulin b’mod li jistgħu jibqgħu mwaħħlin mal-annimali mingħajr ma jagħmlulhom ħsara;

    (f)

    jitneħħew faċilment mill-katina alimentari.

    2.

    Il-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fil-punt 1 għandhom juru wieħed minn dawn l-indikazzjonijiet li ġejjin b’mod viżibbli, li jista’ jinqara faċilment, u li ma jitħassar qatt:

    (a)

    l-ewwel u t-tieni elementi tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali f’konformità mal-Artikolu 12;

    (b)

    in-numru ta’ reġistrazzjoni uniku tal-istabbiliment fejn jinżammu l-annimali msemmijin fil-punt (a) tal-Artikolu 18 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035; jew

    (c)

    il-kodiċi alfanumeriku msemmi fl-Artikolu 76(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035.

    3.

    Il-mezzi ta’ identifikazzjoni msemmija fil-punt 1 jista’ jkun fihom informazzjoni oħra wkoll jekk dan ikun awtorizzat mill-awtorità kompetenti, u dejjem jekk il-mezz ta’ identifikazzjoni jikkonforma mar-rekwiżiti tal-punt 2.

    IL-PARTI 2

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-mezzi ta’ identifikazzjoni elettroniċi tal-annimali bovini, ovini, kaprini, porċini, kamelidi u ċervidi miżmuma

    1.

    L-identifikaturi elettroniċi msemmija fil-punti (c) sa (f) tal-Anness III tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 għandhom juru l-ewwel element tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali, din tkun it-tliet ċifri tal-kodiċi tal-pajjiż u t-tieni element fil-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-annimali f’konformità mal-Artikolu 12.

    2.

    L-identifikaturi elettroniċi msemmijin fil-punt 1 għandhom ikunu:

    (a)

    transponders passivi li jinqraw biss, li jużaw it-teknoloġija HDX jew FDX-B, u li jikkonformaw mal-istandards tal-ISO 11784 u 11785; u

    (b)

    li jinqraw permezz ta’ apparati li jikkonformaw mal-istandard tal-ISO 11785 u li huma kapaċi jaqraw it-transponders HDX u FDX-B.

    3.

    L-identifikaturi elettroniċi msemmija fil-punt 1 għandhom ikunu jistgħu jinqraw mid-distanzi minimi li jidhru hawn taħt:

    (a)

    għall-annimali bovini miżmuma:

    (i)

    12-il ċentimetru għaċ-ċombi tal-widnejn meta jinqraw b’apparat tal-qari li jinġarr;

    (ii)

    15-il ċentimetru għat-transponders injettabbli; meta jinqraw b’apparat tal-qari li jinġarr;

    (iii)

    25 ċentimetru għall-boluses ruminali meta jinqraw b’apparat tal-qari li jinġarr;

    (iv)

    80 ċentimetru għall-identifikaturi elettroniċi kollha meta jinqraw b’apparat tal-qari stazzjonarju;

    (b)

    għall-annimali ovini u kaprini miżmuma:

    (i)

    12-il ċentimetru għaċ-ċombi tal-widnejn u għall-faxex tal-pastur meta jinqraw b’apparat tal-qari li jinġarr;

    (ii)

    20 ċentimetru għall-boluses ruminali u għat-trasponders injettabbli meta jinqraw b’apparat tal-qari li jinġarr;

    (iii)

    50 ċentimetru għall-identifikaturi elettroniċi kollha meta jinqraw b’apparat tal-qari stazzjonarju.

    4.

    L-identifikaturi elettroniċi msemmija fil-punt 1 għandhom ikunu ġew ittestjati u taw riżultat tajjeb rigward:

    (a)

    il-konformità mal-istandards tal-ISO 11784 u 11785 f’konformità mal-metodu msemmi fil-punt 7 tal-istandard tal-ISO 24631-1; u

    (b)

    il-prestazzjoni minima għad-distanzi tal-qari msemmija fil-punt 3 ta’ din il-Parti, f’konformità mal-metodu msemmi fil-punt 7 tal-istandard tal-ISO 24631-3.


    Top