EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0473

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/473 tat-18 ta’ Diċembru 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/1238 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-rekwiżiti dwar id-dokumenti ta’ informazzjoni, dwar il-kostijiet u t-tariffi inklużi fil-kost massimu u dwar tekniki dwar il-mitigazzjoni tar-riskju tal-Prodott tal-Pensjoni Personali pan-Ewropew (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/9073

OJ L 99, 22.3.2021, p. 1–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/473/oj

22.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 99/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/473

tat-18 ta’ Diċembru 2020

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/1238 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-rekwiżiti dwar id-dokumenti ta’ informazzjoni, dwar il-kostijiet u t-tariffi inklużi fil-kost massimu u dwar tekniki dwar il-mitigazzjoni tar-riskju tal-Prodott tal-Pensjoni Personali pan-Ewropew

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1238 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-Prodott tal-Pensjoni Personali pan-Ewropew (PEPP) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 28(5), ir-raba’ subparagrafu, l-Artikolu 30(2), it-tielet subparagrafu, l-Artikolu 33(3), it-tielet subparagrafu, l-Artikolu 36(2), it-tieni subparagrafu, l-Artikolu 37(2), it-tielet subparagrafu, l-Artikolu 45(3), it-tielet subparagrafu, u l-Artikolu 46(3), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/1238 jistabbilixxi regoli uniformi dwar ir-reġistrazzjoni, il-manifattura, id-distribuzzjoni u s-superviżjoni tal-prodotti tal-pensjoni personali li huma ddistribwiti fl-Unjoni taħt id-denominazzjoni Prodott tal-Pensjoni Personali Pan-Ewropew (PEPP).

(2)

Id-dokumenti ta’ informazzjoni tal-PEPP huma komponenti kruċjali tal-qafas tal-PEPP. Dawk id-dokumenti jippermettu li tal-konsumaturi jingħataw informazzjoni b’mod li jiffaċilita l-fehim u l-komparabbiltà tal-PEPPs u ta’ opzjonijiet ta’ investiment differenti.

(3)

Biex tinkiseb il-komparabbiltà tal-PEPPs u tal-prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażat fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs), fejn xieraq u rilevanti r-rekwiżiti ta’ informazzjoni jenħtieġ li jiġu allinjati mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/653 (2) dwar id-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għall-PRIIPs. F’għadd żgħir ta’ oqsma, jeħtieġ li r-rekwiżiti jitfasslu speċifikament għal prodott ta’ tfaddil fit-tul għall-pensjoni, li jkun jista’ jinżamm matul il-karriera u l-ħajja ta’ individwu, b’enfasi partikolari fuq ir-riskji speċifiċi għall-pensjonijiet, bħall-inflazzjoni u r-riskji fuq iż-żamma tal-kontribuzzjonijiet.

(4)

Meta titqies li d-distribuzzjoni online hija karatteristika importanti tal-PEPPs, huwa partikolarment essenzjali li l-konsumaturi jkunu jistgħu jaċċessaw, jifhmu u jużaw l-informazzjoni ppreżentata f’ambjent diġitali b’mod faċli. Għaldaqstant, id-disinn tad-dokument ta’ informazzjoni jenħtieġ li jiġi żviluppat aktar biex jippreżenta l-informazzjoni b’mod effettiv u trasparenti meta jingħata b’mezzi diġitali bħal sit web, applikazzjoni mobbli, bl-awdjo jew vidjo. Dawk id-disinji jenħtieġ li jiffaċilitaw l-għoti ta’ informazzjoni b’mezzi diġitali b’mod attraenti u li jinftiehem. Il-layering ta’ informazzjoni jenħtieġ li jiżgura biżżejjed flessibbiltà fl-adattament tal-preżentazzjoni ta’ tipi differenti ta’ mezzi diġitali u għall-ambjent diġitali li qiegħed jevolvi.

(5)

Huwa meħtieġ livell għoli ta’ standardizzazzjoni biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jingħataw informazzjoni ewlenija tal-PEPP li tkun faċli biex tinqara u biex tinftiehem, u biex ikun jista’ jsir paragun bejn il-PEPPs. Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġu stabbiliti mudelli obbligatorji għad-dokumenti ta’ informazzjoni. Biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jifhmu faċilment li l-PEPP huwa prodott ta’ tfaddil fit-tul għall-irtirar, ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni jenħtieġ li jitfasslu b’mod speċifiku għall-objettiv tal-pensjoni tal-PEPP, biex tingħata informazzjoni utli għat-teħid tad-deċiżjonijiet b’mod attraenti u ċar għall-faddal potenzjali tal-PEPP fi-rigward tal-faddal potenzjali tal-PEPP u fl-istess waqt ikun jista’ jsir l-użu ta’ mezzi diġitali tad-distribuzzjoni ta’ informazzjoni mill-fornitur tal-PEPP.

(6)

Il-klassifikazzjoni tal-profil tar-riskju/redditu u l-“indikatur tas-sommarju tar-riskju” tal-PEPP jenħtieġ li jsegwi r-riskji speċifiċi għall-pensjonijiet li jiġu identifikati u l-objettiv li jinkiseb introjtu xieraq u stabbli għall-pensjoni. Id-disinn tal-indikatur tas-sommarju tar-riskju jenħtieġ li jipprevedi kategorizzazzjoni tar-riskju konsistenti u komparabbli u jenħtieġ li tiġi kkumplimentata minn informazzjoni supplimentari derivata b’mod konsistenti biex issir distinzjoni bejn strateġiji ta’ investiment “superjuri” u tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju ta’ dawk “inferjuri” biex il-konsumaturi jingħataw informazzjoni rilevanti dwar jekk opzjoni ta’ investiment aktar riskjuż fil-fatt tipprevedix potenzjal ta’ redditu relattivament ogħla.

(7)

Il-projezzjonijiet tal-introjtu futur wara l-irtirar huma importanti biex il-konsumaturi jifhmu l-PEPP u l-adegwatezza tiegħu għall-objettivi individwali tal-irtirar. Għaldaqstant id-dokument bl-informazzjoni ewlenija (KID) tal-PEPP irid juri r-riżultati tal-eżiti tal-irtirar aġġustati għall-inflazzjoni ta’ faddala ġeneriċi tal-PEPP b’perjodi ta’ akkumulazzjoni definiti u b’kontribuzzjonijiet standardizzati.

(8)

L-indikaturi ewlenin għar-riskji u l-kostijiet jenħtieġ li jiġu ddisinjati b’mod li jiġu applikati għal opzjonijiet ta’ investiment differenti u potenzjali tal-PEPP b’manjiera koerenti u konsistenti. Id-divulgazzjoni ta’ kostijiet jenħtieġ li jiffoka fuq ammonti tanġibbli u monetarji u jenħtieġ li jiżgura l-komparabbiltà tal-kostijiet u t-tariffi massimu tal-PEPP Bażiku.

(9)

Jeħtieġ li jitfassal mudell għall-KID tal-PEPP. Dak il-mudell jenħtieġ li jinftiehem b’mod sempliċi u jiffoka fuq l-informazzjoni li hija utli għall-konsumaturi meta jieħdu deċiżjonijiet dwar it-tfaddil għal PEPP u jimmitiga kwalunkwe preġudizzju komportamentali.

(10)

Skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2019/1238, il-fornituri tal-PEPP iridu jiżguraw li l-KIDs tal-PEPP ikunu dejjem preċiżi, ġusti, ċari u mhux qarrieqa biex il-faddala prospettivi tal-PEPP ikunu jistgħu jiddependu fuq l-informazzjoni standardizzata fid-dokument meta jiddeċiedu dwar it-tfaddil fit-tul għall-irtirar. Għaldaqstant ir-regoli jridu jiġu stipulati biex jiġi żgurat rieżami regolari u xieraq tal-KID tal-PEPP u, fejn meħtieġ, rieżami f’waqtu tal-KID tal-PEPP.

(11)

Id-deċiżjoni dwar it-tfaddil fit-tul għall-irtirar hija waħda diffiċli għaliex il-ħtiġijiet tal-irtirar futur jista’ ma jkunx magħruf bis-sħiħ u ċ-ċirkostanzi personali u l-karrieri jistgħu jinbidlu. Għalhekk, anki jekk il-KID tal-PPP ikun iddisinjat b’mod li jagħti informazzjoni utli biex tittieħed deċiżjoni dwar it-tfaddil f’PEPP b’manjiera komprensibbli u affidabbli, il-faddala prospettivi tal-PEPP jenħtieġ li jkollhom biżżejjed żmien – b’kunsiderazzjonijiet tal-ħtiġijiet, l-esperjenza u l-għarfien tagħhom - biex qabel jieħdu deċiżjoni dwar jekk ifaddlux f’PEPP partikolari jifhmu u jqisu l-informazzjoni rilevanti.

(12)

Id-Dikjarazzjoni tal-Benefiċċju tal-PEPP jenħtieġ li tiġi ppreżentata b’mod li jippermetti lill-faddala fil-PEPP jittraċċaw u jimmonitorjaw l-iżvilupp tat-tfaddil tagħhom f’PEPP. Filwaqt li d-Dikjarazzjoni tal-Benefiċċju tal-PEPP hija ta’ natura personalizzata, jenħtieġ li tkun konsistenti ma’ informazzjoni prekuntrattwali u jenħtieġ li tippermetti li jsir paragun kostanti bejn il-PEPPs differenti biex il-faddala f’PEPP ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati meta jibdlu l-opzjoni ta’ investiment, meta jibdlu l-fornitur tal-PEPP jew meta jadattaw il-livelli tal-kontribuzzjonijiet tagħhom biex jiksbu l-objettiv tal-irtirar tal-faddal f’PEPP.

(13)

Sabiex tiġi żgurata l-kosteffiċjenza tal-PEPP Bażiku, huwa meħtieġ li l-kostijiet u t-tariffi kollha jiġu inklużi fil-kost massimu, għajr fejn ikun meħtieġ li jiġi żgurat li l-PEPPs bażiċi li jagħtu karatteristiċi addizzjonali tal-prodott tal-garanzija kapitali ma jkunx żvantaġġati f’paragun ma’ PEPPs Bażiċi li ma joffrux dik il-karatteristika tal-prodott biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi.

(14)

It-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju tal-PEPPs huma essenzjali biex jitrawmu strateġiji ta’ investiment xierqa li jkunu jistgħu jiksbu eżiti aħjar tal-benefiċċji tal-pensjoni. Għal din ir-raġuni, huma meħtieġa kriterji ċari u infurzabbli sabiex il-valutazzjoni tal-effettività ta’ kwalunkwe teknika ta’ mitigazzjoni tar-riskju tkun tista’ ssir b’mod konsistenti. Għalhekk dawk il-kriterji jenħtieġ li japplikaw għat-tliet tipi ewlenin ta’ tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskju taċ-ċikli tal-ħajja, l-istabbiliment ta’ riżervi u garanziji u kunsiderazzjoni tal-ispeċifiċitajiet ta’ dawk it-tipi. Dawk il-kriterji jenħtieġ li japplikaw ukoll għal teknika ġdida, innovattiva tal-mitigazzjoni tar-riskju biex jitrawmu eżiti aħjar tal-irtirar permezz tal-innovazzjoni.

(15)

In-natura dejjiema u l-objettiv tal-introjtu wara l-irtirar tal-PEPPs jirrikjedu mudellar stokastiku, li huwa għodda li tbassar il-probabbiltà ta’ diversi eżiti f’kundizzjonijiet differenti, biex b’hekk il-benefiċċji futuri tal-PEPP jitbassru b’mod raġonevoli. Għalhekk se jkun neċessarju li l-valutazzjoni tal-profil tar-riskju u l-prestazzjoni potenzjali tal-istrateġiji ta’ investimenti offruti mill-fornituri tal-PEPP ssir permezz ta’ mmudellar stokastiku, li jirriproduċi l-firxa ta’ eżiti tal-benefiċċji possibbli tal-PEPP li tkun tista’ tiġi osservata fil-ħajja reali minħabba redditi fuq l-assi u livelli ta’ kontribuzzjoni inċerti. L-immudellar stokastiku jenħtieġ li jintuża wkoll meta jiġu stabbiliti l-livelli xierqa ta’ ambizzjoni f’termini ta’ riskji, meta jiġu stabbiliti x-xenarji tal-prestazzjoni għall-KID tal-PEPP u l-projezzjonijiet tal-benefiċċju tal-pensjoni għad-Dikjarazzjoni tal-Benefiċċju tal-PEPP kif ukoll meta ssir l-implimentazzjoni effettiva tal-metodoloġija tal-indikatur sommarju tar-riskju. Għal din ir-raġuni, huwa xieraq li jiġu stabbiliti ċerti referenzi biex l-immudellar stokastiku ikun jista’ jintuża mill-fornitur tal-PEPP. Il-fornitur tal-PEPP jenħtieġ li jitħalla liberu li juża l-immudellar stokastiku biex jilħaq l-objettiv meħtieġ u jintegra l-mudelli elaborati mill-fornituri tal-PEPP għal prodotti oħra simili.

(16)

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma marbuta mill-qrib. Huma jittrattaw ir-rekwiżiti dwar id-dokumenti ta’ informazzjoni, il-kostijiet u t-tariffi tal-PEPP Bażiku, kif ukoll it-tekniċi tal-mitigazzjoni tar-riskju. Minħabba l-interkonnessjonijiet sostantivi bejn id-dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament u biex tittejjeb il-konsistenza bejn l-oqsma regolatorji differenti koperti minn dan ir-Regolament, ikun xieraq li r-regoli f’dawk l-oqsma jiġu speċifikati aktar b’manjiera komprensiva u olistika. Dan huwa neċessarju biex jiġi żgurat livell għoli ta’ konsistenza bejn ir-regoli dwar karatteristiċi ta’ kwalità għolja tal-prodott u r-regoli dwar il-komunikazzjoni effettiva ta’ dawk il-karatteristiċi lill-konsumaturi. Ir-regoli għal karatteristiċi speċifiċi tal-prodott tal-PEPP huma meħtieġa biex tinkiseb valutazzjoni olistika tal-bilanċ tar-riskji u l-benefiċċji għall-faddal fil-PEPP, filwaqt li jiġu aċċertati eżiti aħjar tal-pensjoni permezz tal-innovazzjoni, il-kosteffiċjenzi u diġitalizzazzjoni. Huwa importanti li dan l-approċċi innovattivi jiġu kkomunikati lill-konsumaturi b’manjiera konsistenti u komparabbli. Biex tiġi żgurata l-koerenza bejn id-dispożizzjonijiet, dawn jenħtieġ li jiġu inklużi f’Regolament uniku.

(17)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA).

(18)

L-EIOPA mexxiet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni u l-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Qasam tal-Pensjonijiet tax-Xogħol stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DOKUMENTI TA’ INFORMAZZJONI F’FORMAT ELETTRONIKU

Artikolu 1

Preżentazzjoni ta’ dokumenti ta’ informazzjoni f’ambjent online

Fejn il-kontenut tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija (KID) tal-Pensjoni Personali pan-Ewropea (PEPP) jew id-Dikjarazzjoni ta’ Benefiċċju tal-PEPP jiġu ppreżentati fuq mezz durabbli għajr fuq karti, il-preżentazzjoni għandha tkun konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-informazzjoni għandha tiġi ppreżentata b’mod adattat għall-apparat li jintuża mill-faddal fil-PEPP biex jaċċessa l-KID tal-PEPP jew id-Dikjarazzjoni tal-Benefiċċju tal-PEPP;

(b)

fejn id-daqs tal-komponenti tat-tqassim jinbidel, it-tqassim, l-intestaturi u s-sekwenza tal-format tal-preżentazzjoni standardizzata, kif ukoll il-prominenza u d-daqs relattivi tal-elementi differenti għandhom jinżammu l-istess;

(c)

it-tipa u d-daqs tat-tipa għandhom ikunu tali l-informazzjoni tkun tidher, tkun tinftiehem u tiġi ppreżentata f’format li jkun jista’ jinqara b’mod ċar;

(d)

jekk jintuża awdjo jew vidjo, ir-ritmu tat-taħdit u l-volum tal-awdjo għandhom ikunu tali li, b’attenzjoni ordinarja, jagħmlu l-informazzjoni tkun evidenti, tinftiehem u ppreżentata b’mod li jinstema’ ċar;

(e)

l-informazzjoni li tiġi ppreżentata għandha tkun l-istess bħall-informazzjoni li tingħata fil-KID tal-PEPP jew fid-Dikjarazzjoni tal-Benefiċċju tal-PEPP rispettivament f’verżjoni stampata.

Artikolu 2

Layering tal-informazzjoni

Il-layering tal-informazzjoni fil-KID tal-PEPP jew fid-Dikjarazzjoni ta’ Benefiċċju tal-PEPP rispettivament f’konformità mal-Artikoli 28(3), 35(1) u (2), 36(1) u 37(1) tar-Regolament (UE) 2019/1238 għandu jiġi ddisinjat b’tali mod li ma jtellifx l-attenzjoni tal-konsumatur mill-kontenut tad-dokument jew jaħbi kwalunkwe informazzjoni ewlenija. Fil-każ li jsir layering tal-informazzjoni, għandu jkun possibbli li d-Dikjarazzjoni ta’ Benefiċċju tal-PEPP tiġi stampata bħala dokument uniku.

KAPITOLU II

KONTENUT U PREŻENTAZZJONI TAL-KID TAL-PEPP

Artikolu 3

It-taqsima intitolata “X’inhu l-prodott ?”

1.   L-informazzjoni li tiddikjara l-objettivi fit-tul tal-irtirar tal-PEPP u l-mezzi biex jinkisbu dawk l-objettivi fi-taqsima intitolata “X’inhu l-prodott?” tal-KID tal-PEPP għandha titqassar b’mod sintetiku, ċar u li jinftiehem faċilment. Dik l-informazzjoni għandha tidentifika l-fatturi ewlenin li r-redditu fuq l-investiment u l-eżiti tal-pensjonijiet jiddependu fuqhom, l-assi ta’ investimenti sottostanti u l-valuri ta’ referenza u kif jinħadem ir-redditu, kif ukoll l-impatt tal-livell ta’ kontribuzzjoni u l-perjodu mistenni tat-tfaddil sad-data tal-irtirar. Il-prinċipji tat-tekniki applikati tal-mitigazzjoni tar-riskju, b’mod partikolari l-allokazzjoni tar-redditu f’portafoll lill-kuntratt tal-PEPP individwali, għandhom jiġu spjegati. Għandha tirreferi wkoll għat-tip ta’ fornitur tal-PEPP u għall-karatteristiċi speċifiċi li jirriżultaw tal-kuntratt tal-PEPP.

2.   Id-deskrizzjoni tat-tip ta’ faddala f’PEPP li l-PEPP ikun maħsub biex jiġi kkummerċjalizzat lilu fit-taqsima intitolata “X’inhu l-prodott?” fil-KID tal-PEPP għandha tinkludi informazzjoni dwar il-faddala fil-PEPP fil-mira li jiġu identifikati mill-fornitur tal-PEPP. Id-determinazzjoni tat-tip ta’ faddala f’PEPP li l-PEPP ikun maħsub għalih għandha tissejjes fuq il-kapaċità tal-faddala f’PEPP li jġarrbu telf tal-investimenti u l-preferenzi dwar il-perjodu taż-żmien tal-investiment tagħhom, l-għarfien teoretiku tagħhom u l-esperjenza mgħoddija f’rabta mal-PEPP u mas-swieq finanzjarji inġenerali, kif ukoll il-ħtiġijiet, il-karatteristiċi u l-objettivi tal-faddala potenzjali f’PEPP.

3.   Id-dettalji tal-benefiċċji tal-irtirar tal-PEPP fil-taqsima intitolata “X’inhu l-prodott?” tal-KID tal-PEPP għandhom jinkludu taqsira ġenerali tal-karatteristiċi ewlenin tal-kuntratt tal-PEPP. B’mod partikolari, dawk id-dettalji għandhom jinkludi dawn li ġejjin:

(a)

is-suriet possibbli ta’ pagamenti msemmija fl-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE) 2019/1238, u d-dritt li s-sura tal-pagament tiġi modifikata kif imsemmi fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament;

(b)

speċifikazzjoni ta’ kull benefiċċju tal-irtirar tal-PEPP inkluż, b’dikjarazzjoni spjegattiva li tindika l-valur ta’ dawk il-benefiċċji tinsab fit-taqsima intitolata “X’inhuma r-riskji u x’nista’ niggwadanja?”.

4.   Fil-każi li l-kuntratt tal-PEPP ikopri riskju bijometriku, l-informazzjoni għandha tiġi inkluża fit-taqsima intitolata “X’inhu l-prodott?” tal-KID tal-PEPP dwar dettalji ta’ dik il-kopertura, fosthom lista tar-riskji koperti u ċ-ċirkostanzi li jiskattaw il-kopertura u l-benefiċċji tal-assigurazzjoni. Il-primjum tar-riskju bijometriku, kif ġie deskritt fil-punt 54 tal-Anness VI tar-Regolament (UE) 2017/653, għandu jiġi ppreżentat f’termini perċentwali tal-kontribuzzjoni annwali jew fis-sura tal-impatt tal-primjum tar-riskju bijometriku fuq ir-redditu tal-investiment fi tmiem il-fażi ta’ akkumulazzjoni, abbażi tal-perjodu ta-żamma ġeneriku li jintuża għall-benefiċċji mistennija mill-PEPP. Meta l-primjum jitħallas fil-forma ta’ somma waħda f’daqqa, id-dettalji għandhom jinkludu l-ammont li jiġi investit. Fil-każi li l-primjum jitħallas kull tant żmien, l-għadd ta’ pagamenti perjodiċi u stima tal-primjum medju tar-riskju bijometriku bħala perċentwal tal-kontribuzzjoni annwali għandhom jiġu inklużi fl-informazzjoni.

5.   It-taqsima intitolata “X’inhu l-prodott?” tal-KID tal-PEPP għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja dwar is-servizz ta’ portabbiltà:

(a)

informazzjoni li l-faddala f’PEPP, jekk jirrikorru għalih, id-dritt li jużaw servizz ta’ portabbiltà msemmi fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 2019/1238;

(b)

informazzjoni dwar liema subkonijiet ikunu disponibbli minnufih;

(c)

referenza għar-reġistru pubbliku ċentrali tal-EIOPA msemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2019/1238, fejn tkun tinsab l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet għall-fażi ta’ akkumulazzjoni u l-fażi ta’ dekumulazzjoni tas-subkonijiet nazzjonali stabbiliti mill-Istati Membri;

(d)

l-informazzjoni dwar l-għażla prevista fl-Artikolu 20(5) tar-Regolament (UE) 2019/1238 fil-każ li fornitur tal-PEPP ma jkunx jista’ jiżgura subkont ġdid li jkun jikkorrispondi għall-Istat Membru l-ġdid fejn jirrisjedi l-faddal f’PEPP.

6.   It-taqsima intitolata “X’inhu l-prodott?” tal-KID tal-PEPP għandha tinkludi informazzjoni dwar l-għoti ta’ servizz ta’ bdil, u b’mod partikolari, informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta’ tibdil previsti fl-Artikolu 52(3) tar-Regolament (UE) 2019/1238. Jekk il-fornitur tal-PEPP, f’konformità ma’ dak l-Artikolu, jippermetti li l-faddal f’PEPP jibdel il-fornitur tal-PEPP aktar ta’ sikwit, il-frekwenza għandha tiġi indikata fil-KID tal-PEPP. Il-KID tal-PEPP għandu jispeċifika jekk it-tibdil isirx mingħajr ħlas. Fejn ma jkunx mingħajr ħlas, il-KID tal-PEPP għandu jiddivulga l-kostijiet assoċjati.

L-informazzjoni dwar l-għoti ta’ servizz ta’ tibdil għandha wkoll tinkludi informazzjoni dwar id-dritt li wieħed jirċievi informazzjoni addizzjonali dwar is-servizz ta’ bdil kif imsemmi fl-Artikolu 56(2) tar-Regolament (UE) 2019/1238. Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli għandha tkun disponibbli fuq is-sit web tal-fornitur tal-faddala f’PEPP skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2019/1238.

7.   It-taqsima intitolata “X’inhu l-prodott?” tal-KID tal-PEPP għandha tinkludi informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet biex l-opzjoni ta’ investiment li tintgħażel tkun tista’ tiġi modifikata. B’mod partikolari, fejn rilevanti, l-informazzjoni dwar kwalunkwe opzjoni ta’ investiment alternattiva li tiġi offruta li l-faddal f’PEPP ikun jista’ jagħżilha skont l-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) 2019/1238. Jekk il-fornitur ta’ PEPP jippermetti lil faddal f’PEPP jimmodifika l-opzjoni ta’ investiment li jkun għażel aktar ta’ sikwit mir-rekwiżit minimu, il-frekwenza tal-modifika possibbli għandha tiġi indikata u d-divulgazzjoni għandha tispeċifika li din il-modifika jew tkun mingħajr ħlas jew inkella tiddivulga l-kostijiet assoċjati.

8.   L-informazzjoni relatata mal-prestazzjoni tal-investimenti tal-fornitur tal-PEPP f’termini ta’ fatturi ambjentali, soċjali u tal-governanza (“il-fatturi ASG”) fit-taqsima intitolata “X’inhu l-prodott?” tal-KID tal-PEPP għandha tinkludi spjegazzjonijiet narrattivi u informazzjoni kwantitattiva, fejn dawk ikunu disponibbli, dwar kif l-integrazzjoni tal-fatturi ASG jolqtu l-prestazzjoni reali u mistennija tal-investimenti tal-fornitur tal-PEPP.

9.   It-taqsima intitolata “X’inhu l-prodott?” tal-KID tal-PEPP għandha tinkludi informazzjoni, fejn applikabbli, dwar jekk hemm perjodu ta’ rtirar jew perjodu ta’ kanċellazzjoni għall-faddal f’PEPP, u l-konsegwenzi tagħhom, fosthom it-tariffi u l-penali applikabbli kollha fir-rigward tal-użu tal-perjodu ta’ rtirar jew ta’ kanċellazzjoni għall-kuntratt.

10.   L-informazzjoni fit-taqsima intitolata “X’inhu l-prodott?” tal-KIP tal-PEPP għandha tinkludi referenza għal din l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni fl-imgħoddi tal-opzjonijiet ta’ investiment tal-PEPP, kif jiġu allokati lill-faddal f’PEPP. L-informazzjoni dwar il-prestazzjoni fil-passat għandha tkun disponibbli fis-sit web tal-fornitur tal-PEPP.

11.   Fil-każ li l-informazzjoni tkun ippreżentata f’format elettroniku bil-layering tal-informazzjoni, tal-anqas l-ewwel saff għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3;

(b)

l-informazzjoni dwar jekk il-kuntratt tal-PEPP ikopri r-riskji bijometriċi;

(c)

l-informazzjoni dwar waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

jekk il-PEPP Bażiku jipprovdix garanzija fuq il-kapital jew jekk jiħux il-forma ta’ teknika tal-mitigazzjoni tar-riskju konsistenti mal-objettiv li jippermetti lill-faddal f’PEPP jirkupra l-kapital;

(ii)

jekk u sa fejn kwalunkwe opzjoni alternattiva ta’ investiment, jekk applikabbli, tipprovdix garanzija jew teknika tal-mitigazzjoni tar-riskju.

Tista’ tingħata informazzjoni oħra fis-saffi ta’ dettall addizzjonali.

Artikolu 4

Fit-taqsima dwar “X’inhuma r-riskji u x’redditu nista’ niggwadanja ?”

1.   L-informazzjoni dwar il-profil tar-riskju/redditu ta’ PEPP, fosthom l-ispjegazzjonijiet narrattivi tal-indikatur tar-riskju sommarju fit-taqsima intitolata “X’inhuma r-riskji u x’redditu nista’ niggwadanja?” tal-KID tal-PEPP, għandha tingħata b’manjiera qasira, ċara u li tinftiehem faċilment. L-informazzjoni għandha tispjega l-objettiv u r-riżultati tal-indikatur tar-riskju sommarju biex jiġu identifikati, b’manjiera standardizzat u komparabbli, il-profili tar-riskju/redditu u li l-indikatur tar-riskju sommarju għandhom jitqiesu bħala punt ta’ referenza meta jsir paragun bejn il-profili tar-riskju/redditu ta’ PEPP differenti. Il-fornitur ta’ PEPP għandu jiddikjara b’mod ċar li l-indikatur tar-riskju sommarju tal-PEPP huwa differenti mill-indikatur tar-riskju sommarju ta’ prodotti li jaqgħu taħt ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u mhuwiex komparabbli miegħu (4).

L-informazzjoni għandha tispjega li profil tar-riskju/redditu jimplika li l-faddal f’PEPP ikollu probabbiltà li jirċievu introjtu moderat wara li jirtira, filwaqt li profil tar-riskju/redditu għoli jimplika li l-faddal f’PEPP x’aktarx li jirċievi introjtu relattivament ogħla jew aktar baxx wara li jirtira. L-ispjegazzjonijiet narrattivi għandhom jidentifikaw il-limiti tal-indikatur tar-riskju sommarju fosthom, fejn ikun rilevanti, id-dipendenza tal-profil tar-riskju/redditu fuq l-iżvilupp reali tal-investimenti, il-perjodu tat-tfaddil u l-effettività tat-teknika tal-mitigazzjoni tar-riskju li tiġi applikata.

2.   L-informazzjoni meħtieġa, skont il-punt (ii) tal-Artikolu 28(3)(d) tar-Regolament (UE) 2019/1238 tat-telf massimu possibbli tal-kapital investit fit-taqsima intitolata “X’inhuma r-riskji u x’redditu nista’ niggwadanja?”, tal-KID tal-PEPP għandha timtela’ b’informazzjoni dwar il-kapital akkumulat, stabbilit fuq bażi stokastika u standardizzat b’dekumulazzjoni skont xenarju stressat, ugwali għall-ħames perċentil tad-distribuzzjoni.

3.   Fit-taqsima dwar “X’inhuma r-riskji u x’redditu nista’ niggwadanja?” tal-KID tal-PEPP, l-informazzjoni dwar ix-xenarji standardizzati tal-prestazzjoni ta; favorevoli, l-aħjar stima u mhux favorevoli, għandha tiġi ppreżentata fir-rigward tal-benefiċċji mbassra tal-PEPP wara l-irtirar abbażi tal-elementi li ġejjin:

(a)

il-projezzjonijiet għandhom jinkludu erba’ faddala ġeneriċi f’PEPP b’40 sena, 30 sena, 20 sena u 10 snin sa ma tintemm il-fażi ta’ akkumulazzjoni u jkunu msejsa fuq livell ta’ kontribuzzjoni standardizzat;

(b)

ix-xenarju favorevoli għandu jirreferi għall-85 perċentil tad-distribuzzjoni, ix-xenarju tal-aħjar stima għall-medjan u x-xenarju mhux favorevoli għall-15-il perċentil tad-distribuzzjoni;

(c)

il-kapital akkumulat projettat fi tmiem il-perjodu ta’ akkumulazzjoni u l-benefiċċji projettati ta’ kull xahar wara l-irtirar għandhom jiġu aġġustati għall-effetti tal-inflazzjoni;

(d)

l-informazzjoni għandha tinkludi spjegazzjoni narrattiva, li tinkludi l-ammonti nominali, tat-traduzzjoni fil-valuri tal-preżent minħabba t-tibdil fil-kapaċità tal-akkwist maż-żmien.

4.   Fejn applikabbli, l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tar-redditu tal-faddala f’PEPP jew limiti interni fuq il-prestazzjoni fit-taqsima intitolata “X’inhuwa l-prodott?” tal-KID tal-PEPP għandha tagħmel referenza għad-disinn u għall-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni tat-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju li jiġu applikati.

5.   L-inputs, is-suppożizzjonijiet u l-metodoloġiji tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu konformi mal-Anness III.

6.   Fejn l-informazzjoni tiġi ppreżentata f’format elettroniku bil-layering tal-informazzjoni, l-ewwel saff għandu jinkludi tal-anqas l-indikatur tar-riskju sommarju u l-benefiċċji projettat tal-PEPP wara l-irtirar ta’ erba’ faddala ġeneriċi f’PEPP, filwaqt li l-benefiċċji nominali projettati jistgħu jingħataw fis-saffi ta’ dettall addizzjonali. Tista’ tingħata informazzjoni oħra fis-saffi ta’ dettall addizzjonali.

Artikolu 5

Taqsima intitolata “X’inhuma l-kostijiet ?”

1.   L-informazzjoni fit-taqsima intitolata “X’inhuma l-kostijiet?” tal-KID tal-PEPP għandha tingħata b’manjiera qasira, ċara u li tinftiehem faċilment. Kwalunkwe kost u tariffa li jiġu identifikati fit-taqsima “X’inhuma l-kostijiet?” għandhom għall-kostijiet imġarrba realment, imġarrba direttament fil-livell tal-fornitur jew fil-livell ta’ attività esternalizzata jew ta’ fond ta’ investiment, fosthom il-kostijiet ġenerali relatati. Jekk applikabbli, il-kostijiet u t-tariffi imposti fuq il-faddal prospettiv f’PEPP, qabel ma jfaddal fil-PEPP, għandhom jiġu divulgati separatament bħala “kostijiet inizjali”. Il-kostijiet u t-tariffi, kemm dawk ta’ darba u dawk li rikorrenti, għandhom jiġu ppreżentati bħala “kostijiet totali ta’ kull sena” f’termini monetarji u bħala perċentwal tal-kapital akkumulat, kif definit fl-Artikolu 2(24) tar-Regolament (UE) 2019/1238. L-effett kompost tal-kostijiet għandu jiġi ppreżentat abbażi ta’ kontribuzzjoni standardizzata ta’ kull xahar min-naħa tal-faddal f’PEPP f’termini monetarji, kif inhu speċifikat fil-Parti III tal-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

2.   It-taqsima intitolata “X’inhuma l-kostijiet?” tal-KID tal-PEPP għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

informazzjoni dwar il-kostijiet amministrattivi li jirriżultaw mill-attivitajiet ta’ fornitur tal-PEPP meta jamministra l-kontijiet tal-PEPP, jiġbor il-kontribuzzjonijiet, jagħti informazzjoni lill-membri u jeżegwixxi l-pagamenti;

(b)

informazzjoni dwar il-kostijiet tal-investiment:

(i)

il-kostijiet tal-kustodja tal-assi, fosthom it-tariffi li jitħallsu lill-kustodju għall-kustodja tal-assi u biex jinġabar l-introjtu mid-dividendi u l-introjtu mill-imgħax;

(ii)

il-kostijiet ta’ tranżazzjoni tal-portafoll, fosthom il-pagamenti reali mill-fornitur tal-PEPP lil partijiet terzi biex jitħallsu l-kostijiet marbuta mal-akkwist jew id-disponiment ta’ kwalunkwe assi fil-kont tal-PEPP;

(iii)

kostijiet oħra marbuta mal-ġestjoni tal-investimenti;

(c)

informazzjoni dwar il-kosti tad-distribuzzjoni li jirriżultaw mill-kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ tal-prodott PEPP, fosthom il-kostijiet u t-tariffi relatati mal-għoti ta’ pariri;

(d)

informazzjoni dwar il-kostijiet ta’ garanziji imposti fuq faddal f’PEPP għall-garanzija finanzjarja biex tal-anqas jitħallas lura l-kapital akkumulat f’dekumulazzjoni u kwalunkwe garanzija oħra li tingħata fil-kuntest ta’ kuntratt tal-PEPP.

3.   Fejn fornitur ta’ PEPP jimponi tariffi biex jirkupra l-kostijiet imġarrba għall-parir inizjali matul it-terminu inizjali tal-kuntratt tal-PEPP, qabel il-faddal f’PEPP ikollu d-dritt li jibdel il-fornitur tal-PEPP skont l-Artikolu 52(3) tar-Regolament (UE) 2019/1238, il-fornitur tal-PEPP għandu jinforma lill-faddala prospettivi f’PEPP dwar l-ammont totali ta’ dawk it-tariffi, il-perjodu meta japplikaw tali tariffi kif ukoll il-frekwenza tagħhom.

4.   Fil-każ li l-informazzjoni tkun ippreżentata f’format elettroniku bil-layering tal-informazzjoni, tal-anqas l-ewwel saff għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-informazzjoni dwar il-kostijiet totali kull sena f’termini monetarji u bħala perċentwal tal-kapital akkumulat fi tmiem is-sena, kif inhu speċifikat fil-paragrafu 1;

(b)

jekk applikabbli, l-informazzjoni dwar il-kostijiet inizjali.

Tista’ tingħata informazzjoni oħra fis-saffi ta’ dettall addizzjonali.

Artikolu 6

Tqassim standard tal-KID tal-PEPP

IL-fornituri tal-PEPP għandhom jippreżentaw il-KID tal-PEPP f’konformità mal-Anness I. Fejn l-informazzjoni tiġi ppreżentata f’format elettroniku, il-preżentazzjoni permezz tal-mudell stabbilit f’dak l-Anness tista’ tiġi modifikata biss biex tippermetti l-layering tal-informazzjoni.

KAPITOLU III

RIEŻAMI, REVIŻJONI U FORNIMENT TAL-KID TAL-PEPP

Artikolu 7

Rieżami tal-KID tal-PEPP

1.   Il-fornituri tal-PEPP għandha tagħmel rieżami tal-informazzjoni fil-KID tal-PEPP, f’konformità mal-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2019/1238, kull meta jkun hemm bidla li tolqot b’mod sinifikanti jew x’aktarx li tolqot b’mod sinifikanti l-informazzjoni fil-KID tal-PEPP u tal-anqas kull 12-il xahar wara d-data tal-pubblikazzjoni inizjali tal-KID tal-PEPP.

2.   Meta jagħmlu r-rieżami imsemmi fil-paragrafu 1, il-fornituri tal-PEPP għandhom jivverifikaw jekk l-informazzjoni fil-KID tal-PEPP tkun preċiża, ġusta, ċara u mhux qarrieqa. B’mod partikolari, għandu jivverifika l-konformità mal-kritejri li ġejjin:

(a)

jekk l-informazzjoni fil-KID tal-PEPP tkunx konformi mar-rekwiżiti dwar il-forma u l-kontenut ġenerali skont l-Artikolu 26, 27 u 28 tar-Regolament (UE) 2019/1238, u mar-rekwiżiti tal-forma u l-kontenut speċifiċi stipulati fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament;

(b)

jekk ir-riskji u r-redditi tal-PEPP jinbidlux, fejn tali bidla jkollha l-effett li twassal għall-bdil minn klassi ta’ PEPP għal oħra tal-indikatur tar-riskju sommarju minn dik attribwita fil-KID tal-PEPP li jkun se jiġi rieżaminat.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-fornituri tal-PEPP għandhom jistabbilixxu u jżommu proċessi adegwati tul il-ħajja tal-PEPP biex il-faddala f’PEPP ikunu jistgħu jidentifikaw dejjem u mingħajr dewmien kwalunkwe ċirkostanza li tkun tista’ tirriżulta f’tibdil li jaffettwa jew x’aktarx li jaffettwa l-preċiżjoni, l-imparzjalità jew iċ-ċarezza tal-informazzjoni inkluża fil-KID tal-PEPP.

Artikolu 8

Reviżjoni tal-KID tal-PEPP

1.   Il-fornituri tal-PEPP għandu jirrevedi minnufih il-KID ta’ PEPP kull meta rieżami skont l-Artikolu 7 jikkonkludi li jeħtieġ li jsir tibdil fil-KID tal-PEPP. Il-fornituri tal-PEPP għandhom jiżguraw li t-taqsimiet kollha tal-KID tal-PEPP milquta mit-tibdil jiġu aġġornati.

2.   Il-fornitur tal-PEPP għandu jippubblika l-KID riveduta tal-PEPP fuq is-sit web tiegħu u jgħarraf lill-faddala f’PEPP minnufih skont l-Artikolu 7(3).

Artikolu 9

Forniment tal-KID tal-PEPP

1.   Il-persuna li tagħti pariri dwar il-PEPP jew il-bejgħ ta’ PEPP għandu jipprovdi l-KID tal-PEPP kmieni biżżejjed biex jippermetti lill-faddal prospettiv jew attwali f’PEPP biżżejjed żmien biex jikkunsidra d-dokument qabel ma jintrabat b’kuntratt jew offerta relatata ma’ dak il-PEPP, indipendentement minn jekk il-faddal prospettiv jew attwali f’PEPP jingħatax perjodu ta’ rtirar jew le.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-persuna li tagħti pariri dwar il-PEPP għandha tivvaluta ż-żmien li kull faddal prospettivi jew attwali f’PEPP ikollu bżonn biex jikkunsidra l-KID tal-PEPP, b’kunsiderazzjoni tal-kriterji li ġejjin:

(a)

l-għarfien u l-esperjenza tal-faddal prospettiv jew attwali f’PEPP dwar PEPP jew dwar PEPP ta’ natura simili jew dwar riskji simili għal dawk li jirriżultaw mill-PEPP;

(b)

il-kumplessità, in-natura dejjiema u rimborsabbiltà limitata tal-PEPP;

(c)

fejn il-pariri jew il-bejgħ isiru fuq inizjattiva tal-faddal prospettiv u attwali tal-PEPP, l-urġenza espliċita murija mill-faddal prospettiv jew attwali f’PEPP li jikkonkludi l-kuntratt jew l-offerta li jiġu proposti.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, jekk il-KID tal-PEPP jingħata online, dan għandu jkun konformi mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

għandu jitpoġġa fil-parti tas-sib web jew tal-applikazzjoni mobbli fejn ikun jista’ jinstab u aċċessat faċilment;

(b)

għandu jingħata fi stadju tal-proċess tal-akkwist fejn il-faddal prospettiv jew attwali f’PEPP jingħata żmien biżżejjed biex jikkunsidra d-dokument qabel ma jintrabat b’kuntratt tal-PEPP jew ma’ offerta relatata mal-kuntratt tal-PEPP.

KAPITOLU IV

PREŻENTAZZJONI U TQASSIM TAD-DIKJARAZZJONI TA’ BENEFIĊĊJU TAL-PEPP

Artikolu 10

Preżentazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Benefiċċju tal-PEPP

1.   L-informazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Benefiċċju tal-PEPP għandha tingħata b’manjiera qasira, ċara u li tinftiehem faċilment. L-informazzjoni għandha tiġi ppreżentata fis-sekwenza li ġejja għal kull subkont eżistenti:

(a)

informazzjoni msemmija fl-Artikolu 35(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/1238;

(b)

fit-taqsima intitolata “Isem il-prodott”, l-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2019/1238;

(c)

fit-taqsima intitolata “Kemm faddalt fil-PEPP tiegħi?”, l-informazzjoni li ġejja:

(i)

l-informazzjoni msemmija fil-punt (i) tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2019/1238;

(ii)

l-informazzjoni dwar l-ammont totali tal-kont tal-PEPP, maqsum skont il-kontribuzzjoni mħallsa u r-redditi akkumulati fuq l-investiment nett mill-kosti u t-tariffi minn meta l-faddal f’PEPP ikun beda jfaddal fil-PEPP;

(iii)

l-informazzjoni jew primjums tar-riskju bijometriku;

(d)

fit-taqsima intitolata “X’se nirċievi la nirtira?”, l-informazzjoni li ġejja:

(i)

l-informazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 36(1) u l-punt (d) tal-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2019/1238 u l-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-Regolament, fejn il-kontribuzzjonijiet reali, il-livell mistennija tal-kontribuzzjoni u t-termini u l-kundizzjonijiet individwali li jiġu applikati;

(ii)

fejn applikabbli, l-informazzjoni dwar il-projezzjonijiet addizzjonali tal-benefiċċji tal-pensjoni abbażi ta’ regoli nazzjonali skont l-Artikolu 37(3) tar-Regolament (UE) 2019/1238;

(e)

l-informazzjoni dwar il-kapital akkumulat projettat fi tmiem il-perjodu ta’ akkumulazzjoni u l-benefiċċji tal-irtirar ta’ kull xahar projettati;

(f)

fit-taqsima intitolata “X’tibdil kien hemm fil-PEPP tiegħi f’dawn l-aħħar 12-il xahar?”, l-informazzjoni msemmija fil-punti (e), (f) u (h) tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2019/1238 dwar l-evoluzzjoni tal-kont tal-PEPP fit-12-il xahar ta’ qabel, li tirrikonċilja l-bilanċ tal-bidu mal-bilanċ finali billi tippreżenta l-kontribuzzjonijiet li jkun tħallsu, ir-redditi tal-investiment allokati fil-kont tal-PEPP u l-kostijiet u t-tariffi msemmija fl-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-Regolament;

(g)

fit-taqsima intitolata “Fatturi ewlenin li jaffettwaw il-prestazzjoni tal-PEPP tiegħi”, fejn rilevanti l-informazzjoni msemmija fl-punti (g), (j) u (l) tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2019/1238 u tal-Artikolu 3(10) ta’ dan ir-Regolament;

(h)

fit-taqsima intitolata “Informazzjoni importanti”, l-informazzjoni li ġejja:

(i)

l-informazzjoni dwar kwalunkwe bidla materjali fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-PEPP imsemmija fl-Artikolu 35(5) u (6) tar-Regolament (UE) 2019/1238;

(ii)

indikazzjoni dwar minn fejn u kif tista’ tinkiseb informazzjoni supplimentari msemmija fil-punti (a), (b) u (c) u (e) tal-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2019/1238;

(iii)

jekk applikabbli, referenza għad-dikjarazzjoni ta’ politiki ta’ investiment li jikkunsidraw il-fatturi ASG skont il-punt (c) tal-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2019/1238.

L-informazzjoni msemmija fil-punt (c) (iii) tal-ewwel subparagrafu għandha tiġi ppreżentata separatament skont l-Artikolu 3(4).

L-informazzjoni msemmija fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu għandha tiġi ppreżentata aġġustata għall-effetti tal-inflazzjoni. L-informazzjoni għandha tiġi kkumplimentata minn spjegazzjoni narrattiva tat-traduzzjoni fil-valuri attwali minħabba t-tibdil fil-kapaċità tal-akkwist maż-żmien.

Għall-finijiet tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu l-effett kompost tal-kostijiet fuq il-kapital akkumulat projettat fid-dekumulazzjoni skont il-punt (f) tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2019/1238 għandu jiġi ppreżentat bħala “Tnaqqis fil-Ġid” kif inhu speċifikat fil-Parti III tal-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

L-informazzjoni msemmija fil-punt (g) tal-ewwel subparagrafu għandha tirreferi għall-prestazzjoni mgħoddija tal-opzjoni ta’ investiment tal-faddal f’PEPP, kif tiġi allokata lill-faddala f’PEPP, u jekk possibbli għandha tingħata għall-għaxar snin ta’ qabel. Jekk ma jkunx possibbli li tingħata l-informazzjoni għall-għaxar snin ta’ qabel, l-informazzjoni għandha tingħata għall-itwal perjodu li l-faddal f’PEPP ikun ilu jfaddal fil-PEPP. Dik l-informazzjoni għandha tiġi ppreżentata bħala r-redditu medju fuq l-investiment, mingħajr ma jitqiesu l-kostijiet tal-investiment għall-perjodi tas-sena ta’ qabel, it-tliet snin ta’ qabel, il-ħames snin ta’ qabel u l-għaxar snin ta’ qabel, bħala perċentwal tal-kapital akkumulat.

2.   Is-suppożizzjonijiet tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu konformi mal-Anness III.

3.   Fil-każ li l-informazzjoni tkun ippreżentata f’format elettroniku bil-layering tal-informazzjoni, tal-anqas l-ewwel saff għandu jinkludi l-informazzjoni koperta l-punti (a), (b), (d) u (e) tal-paragrafu 1. Tista’ tingħata informazzjoni oħra fis-saffi ta’ dettall addizzjonali.

Artikolu 11

Tqassim standard tad-Dikjarazzjoni ta’ Benefiċċju tal-PEPP

Il-fornituri tal-PEPP għandhom jippreżentaw Dikjarazzjoni ta’ Benefiċċju tal-PEPP f’konformità mal-Anness II. Fejn l-informazzjoni tiġi ppreżentata f’format elettroniku, il-mudell stabbilit f’dak l-Anness jista’ jiġi modifikat biss biex jippermetti l-layering tal-informazzjoni.

KAPITOLU V

IL-KOSTIJIET U T-TARIFFI GĦALL-PEPP BAŻIKU

Artikolu 12

Tipi ta’ kostijiet u tariffi għall-PEPP Bażiku

1.   Il-kostijiet u t-tariffi msemmija fl-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2019/1238, fir-rigward tal-kapital akkumulat tal-faddal f’PEPP Bażiku fi tmiem is-sena rispettiva, għandhom jinkludu l-kostijiet u t-tariffi reali mġarrba, imġarrba direttament fil-livell tal-fornitur jew fil-livell ta’ attività esternalizzata, fosthom il-kostijiet u t-tariffi ġenerali fir-rigward tat-tfaddil fil-PEPP Bażiku u d-distribuzzjoni tal-PEPP Bażiku. B’mod partikolari dawn il-kostijiet u t-tariffi għandhom jinkludu l-kostijiet li ġejjin:

(a)

il-kostijiet amministrattivi;

(b)

kostijiet tal-investiment;

(c)

il-kostijiet tad-distribuzzjoni.

2.   Kwalunkwe kost u tariffa marbuta ma’ elementi u karatteristiċi addizzjonali tal-PEPP Bażiku, li ma humiex mitluba mill-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) 2019/1238, u kwalunkwe kost u tariffa marbuta mas-servizzi ta’ bdil stipulati fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) 2019/1238, ma għandhomx jiġu inklużi fil-kostijiet imsemmija fl-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2019/1238.

Artikolu 13

Kostijiet u tariffi tal-PEPP Bażiku

1.   Jekk il-PEPP Bażiku jipprevedi garanzija fuq il-kapital, li tkun se tagħlaq fil-bidu tal-fażi ta’ dekumulazzjoni u matul il-fażi ta’ dekumulazzjoni kif previst fl-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) 2019/1238, il-kostijiet marbuta direttament ma’ dik il-garanzija fuq il-kapital ma għandhomx jinkludu l-kostijiet imsemmija fl-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2019/1238.

2.   Il-fornitur tal-PEPP għandu jiddivulga b’mod espliċitu u separat il-kostijiet imposti fuq il-garanzija fuq il-kapital fit-taqsima intitolata “X’inhuma l-kostijiet?” fil-KID tal-PEPP u fit-taqsima intitolata “X’tibdil kien hemm fil-PEPP tiegħi matul l-aħħar sena?” fid-Dikjarazzjoni ta’ Benefiċċju tal-PEPP.

3.   Fejn rilevanti, il-fornitur tal-PEPP għandu jkun jista’ jipprovdi provi li l-kostijiet rispettivi jkunu marbuta direttament mal-garanzija fuq il-kapital fuq talba tal-awtorità nazzjonali kompetenti jew tal-EIOPA.

KAPITOLU VI

TEKNIKI TAL-MITIGAZZJONI TAR-RISKJU

Artikolu 14

Objettiv tat-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju

1.   Meta t-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju jintużaw għall-istrateġija t’ investiment tal-PEPP, il-fornituri tal-PEPP għandhom jistabbilixxu objettiv konformi mal-objettiv tal-irtirar speċifiku tal-faddal f’PEPP jew grupp ta’ faddala f’PEPP, f’konformità mal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) 2019/1238.

2.   Il-fornitur tal-PEPP għandu jfassal it-teknika tal-mitigazzjoni tar-riskju b’mod li jikseb l-objettiv li jiġi pprovdut introjtu xieraq, individwali fil-futur wara li persuna tirtira, b’kunsiderazzjoni tad-durata mistennija li jkun għad fadal tal-fażi ta’ akkumulazzjoni individwali tal-faddal f’PEPP jew grupp ta’ faddala f’PEPP u l-opzjoni ta’ dekumulazzjoni li tingħażel mill-faddal tal-PEPP. Biex dak l-objettiv jiġi implimentat, it-teknika tal-mitigazzjoni tar-riskju għandha tiġi ddisinjata bil-manjiera li ġejja:

(a)

li tiżgura li t-telf mistenni, definit bħala d-diskrepanza bejn iċ-ċifri projettata tal-kontribuzzjonijiet u l-kapital akkumulat projettat fi tmiem il-fażi ta’ akkumulazzjoni, ma jkunx ogħla minn 20 % fix-xenarju ta’ stress, li jkun indaqs il-ħames perċentil tad-distribuzzjoni;

(b)

li timmira li jkollha prestazzjoni aħjar mir-rata annwali tal-inflazzjoni bi probabbiltà ta’ mill-anqas 80 % fuq fażi ta’ akkumulazzjoni ta’ 40 snin;

(c)

li tqis ir-riżultati ta’ mudellar stokastiku.

3.   Għall-PEPP Bażiku, meta l-fornitur tal-PEPP ma joffrix garanzija fuq il-kapital kif inhu msemmi fl-Artikolu 13, il-fornitur tal-PEPP għandu juża strateġija ta’ investiment li tiżgura, b’kunsiderazzjoni tar-riżultati tal-immudellar stokastiku, l-irkupru tal-kapital fil-bidu tal-fażi ta’ dekumulazzjoni u matul il-fażi ta’ dekumulazzjoni bi probabbiltà ta’ mill-anqas 92,5 %. Madankollu, fil-każ fejn il-fażi ta’ akkumulazzjoni li jifdal tkun ta’ għaxar snin jew anqas mill-bidu ta’ PEPP Bażiku, meta tintuża l-istrateġija ta’ investiment tkun tista’ tintuża probabbiltà ta’ mill-anqas 80 %.

4.   Fl-iddisinjar ta’ teknika għall-mitigazzjoni tar-riskju għal grupp ta’ faddala f’PEPP, il-fornitur tal-PEPP għandu jiddisinja teknika għall-mitigazzjoni tar-riskju b’tali mod li jiżgura protezzjoni ġusta u ekwa ta’ kull faddal individwali f’PEPP fil-grupp u għandu jiddiżinċentivizza l-imġiba opportunistika ta’ faddala individwali f’PEPP fil-grupp.

5.   Il-fornituri tal-PEPP għandhom jiżguraw li kwalunwe prestazzjoni marbuta mar-remunerazzjoni ta’ individwi li jaġixxu f’isem il-fornitur tal-PEPP u jimplimentaw it-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju twassal għall-objettiv tat-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju.

6.   Il-fornituri tal-PEPP għandhom jissalvagwardjaw l-adegwatezza, l-effiċjenza u l-effettività tat-teknika tal-mitigazzjoni tar-riskju permezz ta’ proċess u dispożizzjonijiet speċifiċi fil-qafas ta’ sorveljanza u governanza tal-prodott, skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2019/1238. Dak il-qafas għandu jkun soġġett għal rieżami superviżorju u għal rapportar superviżorju.

7.   Jekk faddal f’PEPP jagħżel opzjoni ta’ investiment differenti skont l-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) 2019/1238 jew jibdel il-fornitur tal-PEPP skont l-Artikolu 20(5) jew l-Artikolu 52 ta’ dak ir-Regolament, il-fornitur tal-PEPP għandu jikkontribwixxi r-riżervi allokati, jekk ikun hemm, b’mod ġust, u r-redditi fuq l-investiment lill-faddal f’PEPP li jkun se jitlaq. Il-fornitur tal-PEPP għandu jiżgura li l-allokazzjoni tkun ugwalment ġusta għall-faddal f’PEPP li jkun se jitlaq u għall-faddal li jibqa’ fil-PEPP.

8.   Fil-każ ta’ żviluppi ekonomiċi negattivi fi żmien tliet snin qabel it-tmiem mistenni tad-durata tal-fażi ta’ akkumulazzjoni tal-faddal f’PEPP, il-fornitur tal-PEPP għandi jestendi l-aħħar fażi taċ-ċiklu tal-ħajja tat-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju b’perjodu ta’ żmien addizzjonali xieraq sa tliet snin wara tmiem li inizjalment ikun mistenni tal-fażi ta’ akkumulazzjoni. Din l-estensjoni għandha tkun soġġetta għall-kunsens espliċitu tal-faddal f’PEPP u għandha ssir skont il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) 2019/1238.

Artikolu 15

Ċiklu tal-ħajja

1.   Meta tintuża teknika tal-mitigazzjoni tar-riskju li tadatta l-allokazzjoni tal-investiment b’mod li jimmitiga r-riskji finanzjarji tal-investimenti għad-durata li jkun għad fadal, il-fornitur ta’ PEPP għandu jispeċifika l-iskopertura medja għall-istrumenti ta’ ekwità u ta’ dejn filwaqt li jiżgura l-konformità mal-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) 2019/1238 għas-subportafolli potenzjali kollha li jikkorrispondu għall-fażijiet taċ-ċiklu tal-ħajja.

2.   Il-fornitur ta’ PEPP għandu jiddisinja ċ-ċiklu tal-ħajja b’tali mod li jiżgura li l-faddala f’PEPP li l-aktar ikunu distanti mit-tmiem mistenni ta’ fażi ta’ akkumulazzjoni jinvestu, skont limitu speċifikat f’kuntratt, f’investimenti fit-tul li jibbenefikaw minn redditi ogħla fuq l-investiment minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom ta’ riskju u redditu, fosthom karatteristiċi illikwidi jew fil-forma ta’ ekwità. Għal dawk il-faddal f’PEPP li jkun jinsabu l-eqreb għat-tmiem mistenni tal-fażi ta’ akkumulazzjoni, il-fornitur tal-PEPP għandu jiżgura li l-investimenti jkunu likwidi fil-parti l-kbira tagħhom, ta’ kwalità għolja u li juru redditu fissi fuq l-investiment.

Artikolu 16

Stabbiliment ta’ riżervi

1.   Meta tintuża teknika tal-mitigazzjoni tar-riskju li tistabbilixxi riżervi mill-kontribuzzjoni jew mir-redditi fuq l-investiment tal-faddal f’PEPP, fil-kuntratt tal-PEPP il-fornituri tal-PEPP għandhom jistabbilixxu b’mod trasparenti u komprensibbli r-regoli tal-allokazzjoni tal-kapital akkumulat u tar-redditi fuq l-investiment fil-kont tal-faddal individwali f’PEPP mir-riżervi jew fihom u, jekk ikun japplika, lill-grupp korrispondenti ta’ faddala f’PEPP.

2.   Il-fornitur tal-PEPP għandu jalloka kontribuzzjonijiet u redditi fuq l-investiment tal-assi assenjati għar-riżervi f’mod trasparenti u komprensibbli, bl-objettiv li jinġemgħu biżżejjed riżervi fi żminijiet ta’ redditi pożittivi fuq l-investiment. Bl-istess mod, fi żminijiet ta’ redditi negattivi fuq l-investiment, il-fornitur tal-PEPP għandu jalloka jagħmel allokazzjoni mir-riżervi lejn il-kont tal-faddal individwali f’PEPP u, jekk ikun japplika, lill-grupp korrispondenti ta’ faddal f’PEPP b’mod ekwu u trasparenti.

3.   Il-fornitur tal-PEPP għandu jidentifika u jalloka b’mod ċar l-assi investiti għall-faddala f’PEPP. Il-fornitur tal-PEPP ma għandux ikun jista’ jinnegozja assi f’ismu bl-assi li jkunu ġew allokati għall-faddala f’PEPP.

4.   Fl-ewwel għaxar snin tal-istabbiliment ta’ PEPP ġdid, il-fornitur tal-PEPP jista’ jikkontribwixxi għall-istabbiliment tar-riżervi billi jagħti self jew investiment ta’ ekwità lill-assi tal-faddal f’PEPP. F’dak il-każ, il-fornitur tal-PEPP għandu jispeċifika u jippreżenta b’mod trasparenti u komprensibbli fil-kuntratt tal-PEPP it-termini u l-kundizzjonijiet tal-kontribuzzjoni u tal-kondiviżjoni tal-profitti tiegħu, kif ukoll ix-xejra tal-iżvestiment gradwali fuq perjodu massimu ta’ għaxar snin.

Artikolu 17

Garanziji ta’ redditu minimu

1.   Fil-każi meta l-fornitur tal-PEPP joffri garanziji ta’ redditu minimu, il-fornitur tal-PEPP għandu jiddeskrivi b’mod ċar il-karatteristiċi, fosthom il-limiti tal-garanzija, u jispeċifika jekk il-garanzija tkunx tapplika għar-redditi aġġustati għall-inflazzjoni jew għar-redditi nominali.

2.   Il-fornitur tal-PEPP għandu jiżvela b’mod espliċitu fil-KID tal-PEPP, u sussegwentement fir-Rapport tal-Benefiċċju tal-PEPP, jekk il-livell tal-garanzija tkunx ġiet aġġustata jew le għar-rata annwali tal-inflazzjoni.

Artikolu 18

Valutazzjoni olistika tar-riskji u l-benefiċċji tal-PEPP

Għall-finijiet tal-Artikoli 3, 4, 5, 10 u 14, il-fornituri tal-PEPP għandhom japplikaw il-metodoloġiji stabbiliti fl-Anness III.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 198, 25.7.2019, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/653 tat-8 ta’ Marzu 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) billi jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji dwar il-preżentazzjoni, il-kontenut, ir-rieżami u r-reviżjoni tad-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija u l-kundizzjonijiet biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit li jiġu pprovduti dawn id-dokumenti (ĠU L 100, 12.4.2017, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) (ĠU L 352, 9.12.2014, p. 1).


ANNESS I

MUDELL GĦAD-DOKUMENT TA’ INFORMAZZJONI EWLENIJA TAL-PEPP

Parti I. Struzzjonijiet għall-mili tal-mudell għad-Dokument ta’ Informazzjoni Ewlenjia tal-PEPP

1.

Il-fornituri tal-PEPP għandhom jikkonformaw mal-ordni, it-titoli, l-għodod ta’ preżentazzjoni u l-ikoni tat-taqsima stabbiliti fil-mudell għad-Dokument ta’ Informazzjoni Ewlenjia tal-PEPP fil-Parti II ta’ dan l-Anness, li madankollu ma jiffissax parametri rigward it-tul tat-taqsimiet individwali u t-tqegħid tal-waqfiet tal-paġna, u huwa soġġett għal massimu globali ta’ ħames naħat ta’ karta ta’ daqs A4 meta jiġi stampat.

2.

Taħt it-titolu prominenti “Dokument ta’ Informazzjoni Ewlenjia tal-PEPP”, għandha tiżdied id-dikjarazzjoni li ġejja: “Dan id-dokument jipprovdilek informazzjoni ewlenija dwar dan il-Prodott tal-Pensjoni Personali pan-Ewropew (PEPP). Dan mhuwiex materjal ta’ kummerċjalizzazzjoni. L-informazzjoni hija meħtieġa bil-liġi biex tgħinek tifhem in-natura, ir-riskji, il-kostijiet, il-qligħ u t-telf potenzjali ta’ dan il-prodott tal-pensjoni personali u biex tgħinek tqabbel ma’ PEPPs oħra.”

3.

Fil-formola, il-fornituri tal-PEPP jistgħu jinkludu kodiċi QR marbut mal-verżjoni elettronika tal-KID tal-PEPP.

4.

Fin-naħa ta’ fuq tal-mudell, taħt it-taqsima bit-titolu “ħarsa ġenerali lejn il-PEPP”, il-fornituri tal-PEPP għandhom jistabbilixxu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-kapital akkumulat ipproġettat għal kontribuzzjoni ta’ kull xahar ta’ EUR 100 għal perjodu ta’ 40 sena, skont ix-xenarju sfavorevoli u favorevoli;

(b)

il-kostijiet totali fis-sena bħala perċentwal tal-kapital akkumulat fuq il-bażi ta’ kontribuzzjonijiet ta’ kull xahar ta’ EUR 100;

(c)

il-klassifikazzjoni tal-indikatur sommarju tar-riskju; kif ukoll

(d)

dikjarazzjoni dwar jekk il-prodott jipprevedix garanzija.

5.

Il-fornitur tal-PEPP għandu jżid id-dikjarazzjoni li ġejja: “Il-prodott tal-irtirar deskritt f’dan id-dokument huwa prodott fuq terminu twil b’tifdija limitata li ma jistax jiġi tterminat fi kwalunkwe ħin.”

6.

Fit-Taqsima li ġejja, il-fornitur tal-PEPP jista’ jżid il-marka korporattiva jew il-logo tiegħu u għandu jipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tal-fornitur tal-PEPP;

(b)

l-awtoritajiet kompetenti tal-fornitur tal-PEPP;

(c)

l-isem tal-PEPP u n-numru ta’ reġistrazzjoni tal-PEPP fir-reġistru pubbliku ċentrali;

(d)

taħt “tip ta’ prodott”, jekk huwiex PEPP Bażiku jew le; jekk le, jekk il-KID tal-PEPP jirreferix għal opzjoni ta’ investiment alternattiva speċifika jew jipprovdix informazzjoni ġenerika għal firxa ta’ għażliet alternattivi ta’ investiment; kif ukoll

(e)

id-data tad-dokument.

7.

Taħt it-titolu “Kif jiġu investiti l-flus tiegħi? il-fornitur tal-PEPP għandu jippreżenta l-informazzjoni skont l-Artikolu 3(1). Il-fornituri tal-PEPP jistgħu jużaw il-kolonna tan-naħa tal-lemin jew iż-żona ewlenija biex jipprovdu informazzjoni skont l-Artikolu 3(10) ta’ dan ir-Regolament.

8.

Taħt it-titolu “Dan għal min hu?”, il-fornitur tal-PEPP għandu jippreżenta l-informazzjoni skont l-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament.

9.

Taħt it-titolu “It-tfaddil tiegħi huwa garantit?”, il-fornitur tal-PEPP għandu jindika:

(a)

jekk il-PEPP Bażiku jipprovdix garanzija fuq il-kapital jew jekk jiħux il-forma ta’ teknika tal-mitigazzjoni tar-riskju konsistenti mal-objettiv li jippermetti lill-faddal tal-PEPP jirkupra l-kapital; jew

(b)

jekk u sa fejn kwalunkwe opzjoni alternattiva ta’ investiment, jekk applikabbli, tipprovdix garanzija jew teknika tal-mitigazzjoni tar-riskju.

10.

Taħt it-titolu “X’jiġri meta nirtira?”, il-fornitur tal-PEPP għandu jippreżenta l-informazzjoni skont l-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-Regolament.

11.

Taħt it-titolu “X’jiġri mit-tfaddil tal-PEPP tiegħi jekk immut/niġi diżabbli/ngħix għal żmien itwal minn dak preżunt fil-kuntratt tal-PEPP tiegħi?”, il-fornitur tal-PEPP għandu jippreżenta l-informazzjoni skont l-Artikolu 3(4) ta’ dan ir-Regolament.

12.

Taħt it-titolu “X’jiġri jekk niċċaqlaq mill-pajjiż?”, il-fornitur tal-PEPP għandu jippreżenta l-informazzjoni skont l-Artikolu 3(5) ta’ dan ir-Regolament. Il-fornituri tal-PEPP jistgħu jużaw il-kolonna tan-naħa tal-lemin jew iż-żona ewlenija biex jindikaw fejn tista’ tinkiseb aktar informazzjoni.

13.

Taħt it-titolu “Nista’ nirtira mill-prodott kmieni?”, il-fornitur tal-PEPP għandu jinkludi dikjarazzjoni dwar il-konsegwenzi għall-faddal tal-PEPP:

(a)

tal-irtirar bikri mill-PEPP, inklużi t-tariffi, il-penali, u t-telf possibbli tal-protezzjoni tal-kapital u t-telf possibbli ta’ vantaġġi u inċentivi kollha applikabbli oħra; kif ukoll

(b)

jekk il-faddal tal-PEPP jieqaf jikkontribwixxi għall-PEPP, inklużi t-tariffi, il-penali, u t-telf possibbli tal-protezzjoni tal-kapital u t-telf possibbli ta’ vantaġġi u inċentivi applikabbli kollha oħra.

14.

Taħt it-titolu “Nista’ naqleb il-fornitur tiegħi?”, il-fornitur tal-PEPP għandu jippreżenta l-informazzjoni skont l-Artikolu 3(6) ta’ dan ir-Regolament, il-fornituri tal-PEPP jistgħu jużaw il-kolonna tan-naħa tal-lemin jew iż-żona ewlenija biex jindikaw fejn tista’ tinkiseb aktar informazzjoni.

15.

Taħt it-titolu “Nista’ nbiddel l-opzjoni ta’ investiment tiegħi?”, il-fornitur tal-PEPP għandu jippreżenta l-informazzjoni skont l-Artikolu 3(7) ta’ dan ir-Regolament.

16.

Taħt it-titolu “Il-flus tiegħi se jiġu investiti b’mod sostenibbli?”, il-fornitur tal-PEPP għandu jippreżenta l-informazzjoni skont l-Artikolu 3(8) ta’ dan ir-Regolament. Il-fornituri tal-PEPP jistgħu jużaw il-kolonna tan-naħa tal-lemin jew iż-żona ewlenija biex jindikaw fejn tista’ tinkiseb aktar informazzjoni.

17.

Taħt it-titolu “Dan huwa rregolat mil-liġi ta’ [Stat Membru]?”, il-fornitur tal-PEPP għandu jippreżenta informazzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-kuntratt tal-PEPP meta l-partijiet ma jkollhomx għażla libera tal-liġi jew, meta l-partijiet ikunu liberi li jagħżlu l-liġi applikabbli, il-liġi li l-fornitur tal-PEPP jipproponi li jagħżel.

18.

Taħt it-titolu “Nista’ nikkanċella jew inbiddel fehmti?”, il-fornitur tal-PEPP għandu jippreżenta l-informazzjoni skont l-Artikolu 3(9) ta’ dan ir-Regolament.

19.

Taħt it-titolu “X’inhu l-profil tar-riskju ta’ dan il-prodott?”, il-fornitur tal-PEPP għandu jippreżenta l-informazzjoni skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament. Il-fornituri tal-PEPP jistgħu jużaw il-kolonna tan-naħa tal-lemin jew iż-żona ewlenija biex jindikaw fejn tista’ tinkiseb aktar informazzjoni, b’mod partikolari dwar il-metodoloġiji applikati għall-indikatur sommarju tar-riskju.

20.

Taħt it-titolu “Hemm riskju li se nitlef il-kapital investit kollu tiegħi?”, il-fornitur tal-PEPP għandu jippreżenta l-informazzjoni skont l-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-Regolament.

21.

Taħt it-titolu “X’nista’ nistenna meta nirtira?”, il-fornitur tal-PEPP għandu, meta jippreżenta l-informazzjoni fl-Artikolu 4(3) u 4(4), jistabbilixxi l-informazzjoni skont l-Artikolu 4(3)(a) sa (c) kif ġej:

(a)

ix-xenarju mhux favorevoli taħt il-kategorija “jekk l-investimenti tiegħek ma jmorrux tajjeb”;

(b)

l-aħjar xenarju stmat taħt il-kategorija “jekk l-investimenti tiegħek ikollhom suċċess medju”;

(c)

ix-xenarju favorevoli taħt il-kategorija “jekk l-investimenti tiegħek imorru tajjeb ħafna”;

(d)

il-projezzjonijiet tal-perjodu ta’ akkumulazzjoni ta’ 40 sena għall-“età attwali tiegħek hija 25 sena”, tal-perjodu ta’ akkumulazzjoni ta’ 30 sena għal “35 sena”, tal-perjodu ta’ akkumulazzjoni ta’ 20 sena għal “45 sena” u tal-perjodu ta’ akkumulazzjoni ta’ 10 snin għal “55 sena” rispettivament.

22.

Taħt it-titolu “X’nista’ nistenna meta nirtira?”, il-fornitur tal-PEPP għandu jippreżenta dikjarazzjoni li l-liġi tat-taxxa tal-Istat Membru tar-residenza tal-faddal tal-PEPP jista’ jkollha impatt fuq il-ħlas reali.

23.

Taħt it-taqsima bit-titolu “X’jiġri jekk [l-isem tal-fornitur tal-PEPP] ma jkunx jista’ jħallas?”, il-fornitur tal-PEPP għandu jżid deskrizzjoni qasira ta’ jekk it-telf relatat huwiex kopert minn skema ta’ kumpens jew ta’ garanzija mill-investitur u jekk iva, liema skema hija, l-isem tal-garanti u liema riskji huma koperti mill-iskema u liema mhumiex.

24.

Taħt it-titolu “Kostijiet ta’ darba”, il-fornitur tal-PEPP għandu jippreżenta l-kostijiet għall-iffirmar tal-kuntratt u t-tariffi ta’ darba jekk il-kuntratt jiġi tterminat fi żmien ħames snin.

25.

Taħt it-titolu “Kostijiet annwali”, il-fornitur tal-PEPP għandu jippreżenta l-informazzjoni skont l-Artikolu 5(1) u (3). Il-fornituri tal-PEPP jistgħu jużaw il-kolonna tan-naħa tal-lemin jew iż-żona ewlenija biex jispjegaw kwalunkwe kost addizzjonali li l-fornitur tal-PEPP jew id-distributur tal-PEPP jiċċarġjaw u jipprovdu informazzjoni li tispjega fid-dettall kwalunkwe kost tad-distribuzzjoni li mhuwiex diġà inkluż fil-kostijiet speċifikati taħt it-titoli preċedenti, sabiex il-faddal tal-PEPP ikun jista’ jifhem l-effett kumulattiv li dawk il-kostijiet aggregati għandhom fuq ir-redditu tal-investiment.

26.

Taħt it-taqsima intitolata “X’inhuma r-rekwiżiti speċifiċi għas-subkont li jikkorrispondi għal [l-Istat Membru ta’ residenza tiegħi]?” u taħt is-sottotaqsima intitolata “Rekwiżiti għall-fażi ta’ ħlas”, il-fornitur tal-PEPP għandu jiddeskrivi l-kundizzjonijiet għall-fażi ta’ akkumulazzjoni, kif determinat mill-Istat Membru ta’ residenza tal-faddal tal-PEPP. Taħt is-sottotaqsima bit-titolu: “Rekwiżiti għall-fażi tal-ħlas”, il-fornitur tal-PEPP għandu jiddeskrivi l-kundizzjonijiet għall-fażi ta’ dekumulazzjoni, kif iddeterminat mill-Istat Membru ta’ residenza tal-faddal tal-PEPP.

27.

Taħt it-taqsima bit-titolu “Kif nista’ nressaq ilment?”, il-fornitur tal-PEPP għandu jippreżenta informazzjoni dwar kif u lil min faddal tal-PEPP jista’ jressaq ilment dwar il-PEPP jew l-imġiba tal-fornitur tal-PEPP jew tad-distributur tal-PEPP.

Parti II. Mudell

Image 1

Image 2

Image 3

Image 4

Image 5


ANNESS II

MUDELL GĦAD-DIKJARAZZJONI TAL-BENEFIĊĊJU TAL-PEPP

Parti I. Struzzjonijiet għall-mili tal-mudell għad-Dikjarazzjoni tal-Benefiċċju tal-PEPP

1.

Il-fornituri tal-PEPP għandhom jikkonformaw mal-ordni tat-taqsima, it-titoli u l-għodod ta’ preżentazzjoni jew iċ-ċarts u l-ikoni stabbiliti fil-mudell, li madankollu ma jiffissax parametri rigward it-tul tat-taqsimiet individwali u t-tqegħid tal-waqfiet tal-paġna.

2.

Fil-mudell, il-fornituri tal-PEPP jistgħu jinkludu kodiċi QR li jkun marbut mal-verżjoni elettronika tad-Dikjarazzjoni tal-Benefiċċju tal-PEPP u jistgħu jżidu l-marka korporattiva jew il-logo tal-fornitur tal-PEPP.

3.

Taħt it-titolu “X’se nirċievi meta nirtira?”, il-fornitur tal-PEPP għandu jippreżenta r-riżultati tax-xenarji li ġejjin:

(a)

ix-xenarju mhux favorevoli taħt il-kategorija “jekk l-investimenti ma jmorrux tajjeb”;

(b)

l-aħjar xenarju stmat taħt il-kategorija “jekk l-investimenti jkollhom suċċess medju”;

(c)

ix-xenarju favorevoli taħt il-kategorija “jekk l-investimenti jmorru tajjeb ħafna”.

Parti II. Mudell

Image 6

Image 7

Image 8


ANNESS III

INPUTS, SUPPOŻIZZJONIJIET U METODOLOĠIJI

Parti I. Metodoloġija li tirfed il-preżentazzjoni tar-riskju u l-gwadann

Indikatur sommarju tar-riskju

1.

Il-fornituri tal-PEPP għandhom jallokaw il-PEPP Bażiku u l-għażliet ta’ investiment alternattivi individwali għal erba’ kategoriji differenti: “1”, “2”, “3” u “4”. L-allokazzjoni għandha tkun ibbażata fuq:

(a)

ir-riskju li ma jiġux irkuprati l-kontribuzzjonijiet aġġustati għall-inflazzjoni;

(b)

in-nuqqas mistenni; kif ukoll

(c)

għandha titqabbel mal-gwadann mistenni f’termini tal-ilħuq ta’ ċertu livell ta’ benefiċċji tal-PEPP, kif xieraq, fil-bidu tal-fażi ta’ dekumulazzjoni jew matul il-fażi ta’ dekumulazzjoni.

2.

Sabiex jiġi kkalkulat ir-riskju li ma jiġux irkuprati l-kontribuzzjonijiet aġġustati għall-inflazzjoni, il-fornituri tal-PEPP għandhom jiddeterminaw b’mod stokastiku l-firxa tal-kapital akkumulat mistenni fi tmiem il-perjodu ta’ akkumulazzjoni għall-faddala ġeneriċi tal-PEPP, it-tul ġeneriku tal-perjodi ta’ akkumulazzjoni u l-livelli standardizzati ta’ kontribuzzjoni. Wara simulazzjoni stokastika, ir-riskju għandu jiġi espress bħala l-probabbiltà f’punti perċentwali, li tiġi tradotta min-numru ta’ osservazzjonijiet fejn is-somma tal-kontribuzzjonijiet aġġustati għall-inflazzjoni tkun ogħla mill-valur mistenni tal-kapital akkumulat fi tmiem il-perjodu ta’ akkumulazzjoni, meta mqabbel man-numru tal-osservazzjonijiet kollha.

3.

Ir-riskju tal-opzjoni ta’ investiment individwali li ma jiġux irkuprati l-kontribuzzjonijiet aġġustati għall-inflazzjoni għandu jiġi allokat għall-kategoriji differenti kif ġej:

Kategoriji

Perjodi ta’ akkumulazzjoni

40 sena

30 sena

20 sena

10 snin

1

sa 13,75 %

sa 17 %

sa 27 %

sa 36 %

2

13,8 sa 16,55 %

17 sa 19,75 %

27 sa 29,25 %

36 sa 43,25 %

3

16,6 sa 19,35 %

19,8 sa 22,55 %

29,3 sa 31,55 %

43,3 sa 50,55 %

4

‘il fuq minn 19,4 %

‘il fuq minn 22,6 %

‘il fuq minn 31,6 %

‘il fuq minn 50,6 %

Meta l-kategorija tar-riskju tal-opzjoni ta’ investiment tvarja bejn il-perjodi ta’ akkumulazzjoni differenti, għandha tintuża l-ogħla kategorija ta’ riskju.

4.

Biex jikkalkulaw in-nuqqas mistenni, il-fornituri tal-PEPP għandhom jiddeterminaw b’mod stokastiku l-firxa tal-kapital akkumulat mistenni fi tmiem il-perjodu ta’ akkumulazzjoni għall-faddala ġeneriċi tal-PEPP, it-tul ġeneriku tal-perjodi ta’ akkumulazzjoni u l-livelli standardizzati ta’ kontribuzzjoni. Wara simulazzjoni stokastika, ir-riskju għandu jiġi espress bħala l-perċentwal tan-nuqqas mistenni fir-rigward tas-somma tal-kontribuzzjonijiet aġġustati għall-inflazzjoni. In-nuqqas mistenni jiġi ddeterminat mill-osservazzjonijiet fejn il-kontribuzzjonijiet aġġustati għall-inflazzjoni jkunu ogħla mill-valur mistenni tal-kapital akkumulat fi tmiem il-perjodu ta’ akkumulazzjoni u t-telf medju ta’ dawn l-osservazzjonijiet.

5.

Ir-riskju tal-opzjoni ta’ investiment individwali f’termini ta’ nuqqas mistenni jiġi allokat għall-kategoriji differenti kif ġej:

Kategoriji

Perjodi ta’ akkumulazzjoni

40 sena

30 sena

20 sena

10 snin

1

sa -20 %

sa -17 %

sa -13 %

sa -8 %

2

-20 sa -23 %

-17 sa -20,25 %

-13 sa -16,5 %

-8 sa -11,25 %

3

-23,5 sa -26,5 %

-20,3 sa -23,55 %

-16,6 sa -20,1 %

-11,3 sa -14,55 %

4

‘il fuq minn -26,5 %

‘il fuq minn -23,6 %

‘il fuq minn -20,1 %

‘il fuq minn -14,6 %

Meta l-kategorija tar-riskju tal-opzjoni ta’ investiment tvarja bejn il-perjodi ta’ akkumulazzjoni differenti, għandha tintuża l-ogħla kategorija ta’ riskju.

6.

Biex jikkalkulaw il-benefiċċji mistennija biex jintlaħaq ċertu livell ta’ benefiċċji tal-PEPP, il-fornituri tal-PEPP għandhom jiddeterminaw b’mod stokastiku l-firxa tal-kapital akkumulat mistenni fi tmiem il-perjodu ta’ akkumulazzjoni għall-faddala ġeneriċi tal-PEPP, it-tul ġeneriku tal-perjodi ta’ akkumulazzjoni u l-livelli standardizzati ta’ kontribuzzjoni. Il-fornituri tal-PEPP għandhom jesprimu l-gwadanni f’termini tal-kapital akkumulat medjan fi tmiem il-perjodu ta’ akkumulazzjoni bħala multiplu tas-somma tal-kontribuzzjonijiet aġġustati għall-inflazzjoni.

7.

Il-gwadanni tal-opzjoni ta’ investiment individwali biex jintlaħaq ċertu livell ta’ benefiċċji tal-PEPP għandhom jiġu allokati għall-kategoriji differenti kif ġej:

Kategoriji

Perjodi ta’ akkumulazzjoni

40 sena

30 sena

20 sena

10 snin

1

sa 1,7

sa 1,3

sa 1,08

sa 0,93

2

1,7 sa 2,03

1,3 sa 1,45

1,08 sa 1,165

0,93 sa 0,985

3

2,035 sa 2,36

1,455 sa 1,61

1,17 sa 1,255

0,99 sa 1,045

4

aktar minn 2,365

aktar minn 1,615

aktar minn 1,26

aktar minn 1,05

Meta l-kategorija tal-gwadanni tal-opzjoni ta’ investiment tvarja bejn il-perjodi ta’ akkumulazzjoni differenti, għandha tintuża l-inqas kategorija ta’ gwadanni.

8.

Sabiex jaggregaw l-eżiti tal-kategorizzazzjoni tal-opzjonijiet ta’ investiment individwali għall-indikatur sommarju tar-riskju, il-fornituri tal-PEPP għandhom:

(a)

iqabblu ż-żewġ kategoriji ta’ riskju u fejn il-valur tal-kategorija jvarja, jagħżlu l-ogħla waħda;

(b)

iqabblu l-kategorija ta’ riskju li tirriżulta mal-valur tal-kategorija tal-gwadanni għall-fornitur tal-PEPP biex jikkomplementa l-informazzjoni skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament, billi jqabbel il-gwadanni tal-opzjoni ta’ investiment meta mqabbla mal-livell ta’ riskju tiegħu.

Xenarji ta’ prestazzjoni

9.

Il-fornituri tal-PEPP għandhom jiddeterminaw b’mod stokastiku l-benefiċċji mistennija tal-PEPP, kif xieraq, fil-bidu tal-fażi ta’ dekumulazzjoni jew matul il-fażi ta’ dekumulazzjoni, filwaqt li jqisu:

(a)

il-livelli ta’ kontribuzzjoni standardizzati jew personalizzati;

(b)

it-tul tal-fażi ta’ akkumulazzjoni;

(c)

l-istennija tal-għomor tal-faddal medju tal-PEPP, fejn rilevanti;

(d)

ix-xejriet fit-tkabbir tal-pagi, fejn applikabbli;

(e)

ir-redditu fuq l-investiment nominali mistenni, wara l-istrateġija ta’ investiment, l-allokazzjoni tal-investiment strateġiku;

(f)

ir-rata annwali tal-inflazzjoni; kif ukoll

(g)

il-livelli tal-kostijiet.

10.

Il-valuri tax-xenarju tal-benefiċċji mistennija tal-PEPP fix-xenarji ta’ prestazzjoni differenti għandhom jiġu ddeterminati f’konformità mad-dispersjoni stokastika tal-benefiċċji mistennija tal-PEPP:

(a)

ix-xenarju favorevoli għandu jkun il-valur tal-benefiċċji tal-PEPP fil-85 perċentil tad-distribuzzjoni;

(b)

l-aħjar xenarju ta’ stima għandu jkun il-valur tal-benefiċċji tal-PEPP fil-50 perċentil tad-distribuzzjoni;

(c)

ix-xenarju sfavorevoli għandu jkun il-valur tal-benefiċċji tal-PEPP fil-15-il perċentil tad-distribuzzjoni;

(d)

ix-xenarju ta’ stress għandu jkun il-valur tal-benefiċċji tal-PEPP fil-ħames perċentil tad-distribuzzjoni.

Parti II. Regoli biex jiġu ddeterminati s-suppożizzjonijiet dwar il-projezzjonijiet tal-benefiċċju tal-pensjoni

Ir-rata annwali tar-redditi nominali tal-investiment

11.

Il-fornituri tal-PEPP għandhom jiddeterminaw ir-redditi nominali mistennija fuq l-investiment tal-PEPP Bażiku u tal-opzjonijiet ta’ investiment alternattivi b’approċċ stokastiku xieraq, li jirrifletti l-istrateġija ta’ investiment korrispondenti, l-allokazzjoni tal-investiment strateġiku u t-teknika tal-mitigazzjoni tar-riskju applikata għall-opzjoni ta’ investiment individwali.

12.

Meta jiddeterminaw l-elementi differenti tal-mudell stokastiku, il-fornituri tal-PEPP għandhom jużaw ir-rata annwali tal-inflazzjoni u jistgħu jikkunsidraw li jieħdu approċċ modulari għall-kalkolu stokastiku ta’, mill-inqas:

(a)

ir-rati ta’ imgħax nominali;

(b)

il-firxiet tal-kreditu, inklużi l-migrazzjoni u l-inadempjenza; kif ukoll

(c)

ir-redditu fuq l-ekwità.

13.

Għad-determinazzjoni tar-rati tal-imgħax nominali, il-fornitur tal-PEPP jista’ juża l-mudell ta’ rata qasira G2++, kif deskritt minn Brigo et al. (2006) (1), li huwa ekwivalenti għall-mudell Hull-White b’żewġ fatturi u jippermetti rati tal-imgħax negattivi. L-imġiba tiegħu hija xprunata minn ħames parametri, tnejn għal kull fattur u wieħed għall-korrelazzjoni. Il-komponenti tal-proċess Wiener bidimensjonali huma korrelatati u fattur ta’ xift deterministiku jippermetti adattament perfett tal-istruttura tat-terminu inizjali mar-rati tas-suq.

L-ekwazzjonijiet stokastiċi differenzjali għaż-żewġ fatturi x(t) u y(t) huma

Image 9

kif ukoll

Image 10,

fejn a, b, σ u η huma parametri pożittivi u Image 11 u Image 12 proċessi Wiener korrelatati taħt il-miżura newtrali tar-riskju Image 13. Il-parametru ta’ korrelazzjoni ρ huwa definit permezz

Image 14.

14.

Il-valutazzjoni newtrali tar-riskju li tuża l-miżura newtrali tar-riskju Image 15 teħtieġ adattament għall-miżura tad-dinja realiImage 16, li tista’ tintgħażel bħala prezz kostanti tas-suq tar-riskju indipendenti mill-ħin.

15.

Bl-użu tat-teorija ta’ Girsanov, il-kalkolu jsegwi

Image 17

bi λi li huwa l-prezz tas-suq tar-riskju. Id-dinamika taħt il-kejl ta’ Image 18 tista’ mbagħad tiġi deskritta bħala

Image 19

kif ukoll

Image 20.

Il-proċess ta’ rata qasira r(t) huwa s-somma taż-żewġ fatturi u x-xift deterministiku, jiġifieri

r(t) = x(t) + y(t) + φ(t),

fejn għall-fattur tax-xift deterministiku φ(t)

Image 21

hija vera. F’din l-ekwazzjoni, fM (0, T) tirrappreżenta r-rata ’l quddiem istantanja tas-suq fil-ħin inizjali 0 bl-orizzont T.

16.

Skont il-mudell G2++, jeżistu soluzzjonijiet analitiċi tal-prezz ta’ bond ta’ kupun żero billi jiġu definiti

Image 22,

Image 23,

kif ukoll

Image 24

Li għalih il-prezz ta’ bond ta’ kupun żero fil-mudell G2++ huwa

P(t,T) = A(t,T) e –B ( a,t,T ) x ( t ) –B ( b,t,T ) y ( t ).

PM (t,T) jiddenota hawnhekk il-prezz tas-suq ta’ bond ta’ kupun żero fil-ħin t għall-maturità T.

17.

Il-fornitur tal-PEPP jista’ juża l-prezzijiet mudell għad-determinazzjoni tar-redditi ta’ investimenti mingħajr riskju f’bonds. Barra minn hekk, ir-rata qasira tista’ tintuża bħala input għall-immudellar tar-redditi tal-ekwità u potenzjalment għar-redditi fuq il-proprjetà.

18.

Għad-determinazzjoni tal-firxiet tal-kreditu, il-fornitur tal-PEPP jista’ juża s-simulazzjoni tal-firxiet tal-kreditu biex jikkombina l-istruttura tat-terminu tal-bonds ta’ kupun żero mingħajr riskju biex jipproduċi struttura tat-terminu tal-bond ta’ kupun żero b’riskju ta’ kreditu. Ir-rati ta’ periklu tal-bonds ta’ klassijiet ta’ klassifikazzjoni differenti jistgħu jiġu mmudellati permezz tal-użu tal-proċessi Cox-Ingersoll-Ross (CIR). Ir-rata ta’ periklu πi tiżviluppa fil-miżura newtrali għar-riskju skont l-ekwazzjoni differenzjali stokastika:

Image 25

flimkien mal-kundizzjoni 2 > σ 2 sabiex jinżamm π(t) pożittiv għal kulħadd t. Jekk wieħed jassumi prezz tas-suq tar-riskju tal-forma

Image 26,

id-dinamika tad-dinja reali tingħata permezz ta’

Image 27.

19.

Il-fornituri tal-PEPP jistgħu jimmudellaw ir-rati ta’ periklu għall-klassijiet ta’ klassifikazzjoni AAA (i = 1), AA, A, BBB u BB (i = 5), potenzjalment differenzjati għal bonds korporattivi, koperti u oħrajn). Il-probabbiltajiet ta’ inadempjenza pi (t,T) huma mbagħad ikkalkulati bħala l-prodott tal-prezzijiet CIR Pi (t,T) fil-ħin t għall-maturità T, i.e.

Image 28,

meta

Image 29,

Image 30 u

Image 31.

Il-firxiet si (t,T) imbagħad jiġu ddeterminati permezz ta’

Image 32,

b’δ bħala r-rata ta’ rkupru.

20.

Għad-determinazzjoni tar-redditi tal-ekwità, il-fornitur tal-PEPP jista’ juża mudell għall-iżvilupp ta’ indiċi wieħed tas-suq tal-ishma permezz tal-użu ta’ mozzjoni ġeometrika Brownian. Dan il-mudell għandu żewġ parametri: il-volatilità u l-primjum tar-riskju tal-ekwità. Il-mudell tar-rata tal-imgħax nominali jipprovdi r-rata mingħajr riskju applikabbli u l-output tal-mudell huwa redditi annwalizzati annwali għal investimenti fl-indiċi tas-suq.

dSt = (r(t) + λ) Stdt + σStdWt

21.

Sabiex jiddeterminaw il-volatilità annwali, il-fornituri tal-PEPP jistgħu jużaw id-devjazzjoni standard tar-redditi ta’ kull xahar ta’ indiċi tal-ekwità xieraq għal perjodu ta’ żmien rappreżentattiv xieraq biex jiġi annwalizzat ir-riżultat.

22.

Il-fornituri tal-PEPP jistgħu japplikaw il-primjum tar-riskju tal-ekwità λeq bħala miżura implikata wara Damodaran (2020) (2), iżda jikkalkulawh direttament fuq l-indiċi tal-ekwità xieraq mingħajr primjums ulterjuri tar-riskju tal-pajjiż. Dan huwa definit bħala

λeq := E[Rm ] – Rf ,

fejn E[Rm ] hu r-redditu tas-suq mistenni u r-rata mingħajr riskju Rf tista’ tintgħażel bħala r-rata spot 10Y tal-kurva tal-BĊE jew tal-Bank Ċentrali Nazzjonali.

23.

Għar-rata tat-tkabbir g, il-fornitur tal-PEPP jista’ juża t-tbassir tal-EPS tat-tkabbir fit-tul, filwaqt li γ hija s-somma tar-rendiment tad-dividend u r-rendiment tax-xiri lura. Il-flussi tal-flus jistgħu jiġu ddeterminati bl-użu tar-rata ta’ tkabbir kostanti għal ħames snin, li warajha l-fluss finali tal-flus ikun perpetwu bir-rata ħielsa mir-riskju bħala r-rata ta’ tkabbir.

Image 33

fejn PVindex huwa l-valur preżenti tal-indiċi f’dan il-mudell tad-dividend skontat u P 0 huwa l-prezz tal-indiċi fil-ħin t = 0.

Billi jintalab

P 0 = PVIndex,

ir-redditu mistenni mis-suq jista’ jiġi solvut u l-primjum tar-riskju tal-ekwità jista’ jiġi kkalkulat.

Ir-rata annwali tal-inflazzjoni

24.

Biex jikkalkula r-rata annwali tal-inflazzjoni, il-fornitur tal-PEPP għandu juża proċess Vasicek b’fattur wieħed. Id-dinamika ta’ riverżjoni medja tal-mudell hija xprunata minn tliet parametri. L-ekwazzjoni stokastika differenzjali tal-mudell hija

di(t) = k(θ – i(t))dt + σdW(t), i(0)=i 0,

fejni(t) huwa r-rata ta’ inflazzjoni fil-ħin t k jirreferi għall-veloċità tar-riverżjoni medja, θ għal-livell ta’ riverżjoni medja u σ għall-volatilità.

25.

L-immudellar għandu jimmira għal-livell fil-mira tar-rata ta’ inflazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew għaż-Żona tal-euro jew, fejn applikabbli, tal-banek ċentrali korrispondenti għal pajjiżi barra ż-żona tal-euro fit-terminu medju, flimkien mad-devjazzjoni standard osservata tar-rati tal-inflazzjoni. Il-veloċità tar-riverżjoni medja, flimkien mar-rata ta’ inflazzjoni attwali, għandhom jintużaw biex il-mudell ikun jaqbel mal-ambjent attwali u t-tbassir tar-rata ta’ inflazzjoni fuq medda qasira ta’ żmien.

26.

Il-kalibrazzjoni tar-rata tal-inflazzjoni għandha tuża għaż-żona tal-Euro, il-Bank Ċentrali Ewropew jew, għall-Istati Membri barra ż-żona tal-Euro, il-mira tal-inflazzjoni tal-bank ċentrali għall θ-parametru. Is-serje kronoloġika tar-rata ta’ inflazzjoni ta’ sena fuq sena ta’ kull xahar tal-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) tal-Istat Membru għandha tintuża biex tiġi derivata d-devjazzjoni standard tar-rata ta’ inflazzjoni fit-tul, li għandha tiġi preżunta bħala 100 sena. Mill-istess serje ta’ żmien, għandu jintuża l-valur inizjali tar-rata ta’ inflazzjoni fid-data ta’ referenza. Il-fornitur tal-PEPP għandu juża l-projezzjonijiet tal-inflazzjoni għall-HICP tal-Istat Membru, ippubblikati bħala l-projezzjonijiet makroekonomiċi biannwali tal-persunal tal-Eurosistema għall-pajjiżi taż-Żona tal-euro, jew tat-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea għall-pajjiżi barra ż-Żona tal-euro, sakemm il-bank ċentrali korrispondenti ma jipprevedix projezzjonijiet. Dawk il-projezzjonijiet ta’ inflazzjoni għandhom jintużaw biex titwaħħal il-veloċità tar-riverżjoni medja.

Xejra tal-pagi futuri

27.

Sabiex jitqiesu x-xejriet tal-pagi futuri, fejn applikabbli, il-fornituri tal-PEPP għandhom jikkunsidraw iż-żieda reali fil-pagi fl-Istati Membri differenti, filwaqt li jqisu d-data tal-Eurostat u jqisu li l-pagi reali jiżdiedu b’mod sinifikanti matul il-parti bikrija tal-karriera tal-faddal tal-PEPP u jesperjenzaw tkabbir jew telf ferm aktar baxx fil-partijiet ta’ wara. Il-fornitur tal-PEPP jista’ jikkunsidra li xejra fil-perkorsi tal-pagi reali tal-faddala tal-PEPP parzjalment tilħaq plateau eqreb lejn tmiem il-fażi ta’ akkumulazzjoni u parzjalment tilħaq il-plateau aktar kmieni, li jfisser 20 sena mill-irtirar u taqa’ minn hemm ’il quddiem.

28.

Sabiex jirrifletti firxa kbira ta’ perkorsi possibbli, il-fornitur tal-PEPP jista’ juża indiċi tal-pagi reali wara ekwazzjoni kwadratika mal-età: paga = a(massimu - età)2 + b. Il-koeffiċjent “a” jittieħed minn distribuzzjoni uniformi bejn -0,15 u 0,011; massimu jittieħed minn distribuzzjoni uniformi bejn 47 u 64 u jikkorrispondi għall-età meta l-pagi reali jkunu fil-valur massimu tagħhom; u l-koeffiċjent b jiġi solvut sabiex l-indiċi tal-pagi jibda minn 100 fl-età ta’ 25.

Parti III. Metodoloġija għall-kalkolu tal-kostijiet, inkluża l-ispeċifikazzjoni ta’ indikaturi sommarji

29.

Fil-KID tal-PEPP, il-fornitur tal-PEPP għandu jippreżenta l-kostijiet annwali totali, li jinkludu l-kostijiet kollha mġarrba u debitabbli fi żmien 12-il xahar f’termini monetarji u bħala perċentwal tal-kapital akkumulat ipproġettat wara 12-il xahar. Fejn meħtieġ, dawn l-ammonti jistgħu jiġu kkalkulati bħala l-kostijiet annwali totali medji matul it-terminu tal-kuntratt tal-PEPP. Il-kalkolu tal-effett kompost tal-kostijiet għandu jkun ibbażat fuq perjodu ta’ akkumulazzjoni ta’ 40 sena, ibbażat fuq kontribuzzjonijiet ta’ kull xahar ta’ EUR 100 u fuq il-kapital akkumulat ipproġettat fl-aħjar xenarju ta’ stima.

30.

Fid-Dikjarazzjoni tal-Benefiċċju tal-PEPP, il-fornitur tal-PEPP għandu jippreżenta l-impatt stmat tal-kostijiet fuq il-benefiċċji finali tal-PEPP billi juża l-approċċ “Tnaqqis fil-Ġid”. It-“Tnaqqis fil-Ġid” għandu jiġi kkalkulat bħala d-differenza bejn l-iffrankar akkumulat ipproġettat fi tmiem l-akkumulazzjoni u l-iffrankar akkumulat ipproġettat fi tmiem il-perjodu ta’ akkumulazzjoni f’xenarju mingħajr kostijiet. Id-differenza għandha tiġi divulgata f’termini monetarji u perċentwali relattivi għall-iffrankar akkumulat ipproġettat. Il-kalkolu għandu jkun ibbażat fuq il-livell ta’ kontribuzzjoni personalizzat tal-faddal tal-PEPP individwali u bbażat fuq l-aħjar xenarju ta’ stima tal-punt 10.

(1)  Brigo, D., Mercurio, F.: Interest Rate Models – Theory and Practice (Mudelli tar-Rata tal-Imgħax — Teorija u Prattika), it-Tieni Edizzjoni, Springer-Verlag Berlin Heidelberg, 2001, 2006.

(2)  Damodaran, Aswath, Equity Risk Premiums (Primjums tar-Riskju ta’ Ekwità): Determinants, Estimation and Implications (Determinanti, Stima u Implikazzjonijiet) — L-Edizzjoni tal-2020 (il-05 ta' Marzu 2020). NYU Stern School of Business.


Top