EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0337

Regolament (UE) 2021/337 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2021 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 fir-rigward tal-Prospett ta’ Rkupru tal-UE u aġġustamenti mmirati għall-intermedjarji finanzjarji u d-Direttiva 2004/109/KE fir-rigward tal-użu tal-format elettroniku uniku għar-rapportar għar-rapporti finanzjarji annwali, għas-sostenn tal-irkupru mill-kriżi tal-COVID 19 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

OJ L 68, 26.2.2021, p. 1–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/337/oj

26.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 68/1


REGOLAMENT (UE) 2021/337 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Frar 2021

li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 fir-rigward tal-Prospett ta’ Rkupru tal-UE u aġġustamenti mmirati għall-intermedjarji finanzjarji u d-Direttiva 2004/109/KE fir-rigward tal-użu tal-format elettroniku uniku għar-rapportar għar-rapporti finanzjarji annwali, għas-sostenn tal-irkupru mill-kriżi tal-COVID 19

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-pandemija tal-COVID-19 qed taffettwa b’mod sever lin-nies, lill-kumpaniji, lis-sistemi tal-kura tas-saħħa u lill-ekonomiji tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha tas-27 ta’ Mejju 2020 intitolata “Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss”, saħqet li l-likwidità u l-aċċess għal finanzjament se jkunu sfida kontinwa. Għalhekk huwa kruċjali li jiġi appoġġjat l-irkupru mix-xokk ekonomiku sever ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 bl-introduzzjoni ta’ emendi mmirati għal liġi eżistenti tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji. Dawk l-emendi jiffurmaw pakkett ta’ miżuri u qed jigu adottati taħt it-tikketta “Pakkett ta’ Rkupru tas-Swieq Kapitali”.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi rekwiżiti għat-tfassil, l-approvazzjoni u d-distribuzzjoni tal-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat li jinstab jew li jopera fi ħdan Stat Membru. Bħala parti mill-pakkett ta’ miżuri biex l-emittenti jiġu megħjuna jirkupraw mix-xokk ekonomiku li jirriżulta mill-pandemija tal-COVID-19, huma meħtieġa emendi mmirati għar-reġim tal-prospett. Jenħtieġ li dawk l-emendi jippermettu lill-emittenti u lill-intermedjarji finanzjarji biex inaqqsu l-ispejjeż u jeħilsu r-riżorsi għall-fażi ta’ rkupru immedjatament wara l-pandemija tal-COVID-19. Dawk l-emendi jenħtieġ li jibqgħu konformi mal-objettivi ġenerali tar-Regolament (UE) 2017/1129 sabiex jitrawwem il-ġbir ta’ fondi permezz tas-swieq kapitali, jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri, tiġi xprunata l-konverġenza superviżorja fl-Istati Membri kollha u jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern. Dawk l-emendi jenħtieġ li jqisu wkoll b’mod speċifiku sa liema punt il-pandemija tal-COVID-19 affettwat is-sitwazzjoni preżenti tal-emittenti u l-prospetti futuri tagħhom.

(3)

Il-kriżi tal-COVID-19 tagħmel lill-kumpaniji tal-Unjoni, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u n-negozji ġodda, aktar fraġli u vulnerabbli; Fejn xieraq, sabiex jiġu ffaċilitati u diversifikati s-sorsi ta’ finanzjament għall-kumpaniji tal-Unjoni, b’enfasi partikolari fuq l-SMEs, inklużi n-negozji ġodda u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja, it-tneħħija tal-ostakli mhux ġustifikati u piż amministrattiv eċċessiv tista’ tgħinhom jippromwovu l-kapaċità tal-kumpaniji tal-Unjoni li jaċċessaw swieq tal-ekwità, flimkien mal-promozzjoni ta’ opportunitajiet ta’ investiment aktar diversifikati, fit-tul u kompetittivi għall-investituri fil-livell tal-konsumatur u għall-investituri kbar; F’dak ir-rigward, dan ir-Regolament jenħtieġ li jkollu l-għan ukoll li jagħmilha aktar faċli għall-investituri potenzjali li jkollhom informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ investiment fil-kumpaniji, peress li l-investituri potenzjali spiss ikollhom diffikultà biex jevalwaw kumpaniji ġodda u ditti żgħar b’rekord tan-negozju qasir, li hija sitwazzjoni li twassal għal inqas opportunitajiet innovattivi, speċjalment għal persuni li jibdew negozju.

(4)

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu kienu attivi fl-isforz biex jappoġġjaw kumpaniji li kienu jeħtieġu finanzjament u huma mistennija li jkunu pilastru fundamentali tal-irkupru. Ir-Regolament (UE) 2017/1129 jintitola lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu għal eżenzjoni mill-obbligu li jippubblikaw prospett f’każ ta’ offerta jew ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat ta’ ċerti titoli mingħajr ekwità maħruġa b’mod kontinwu jew ripetut sa ammont aggregat ta’ EUR 75 miljun fuq perjodu ta’ 12-il xahar. Jenħtieġ li dak il-livell limitu tal-eżenzjoni jiżdied għal perjodu limitat ta’ żmien sabiex jitrawwem il-ġbir ta’ fondi għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u jingħataw naqra nifs biex jappoġġjaw lill-klijenti tagħhom fl-ekonomija reali. Peress li l-applikazzjoni ta’ dak il-limitu ta’ eżenzjoni hija limitata għall-fażi ta’ rkupru, jenħtieġ li din tkun disponibbli għal perjodu ta’ żmien limitat, li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2022.

(5)

Sabiex l-impatt ekonomiku sever tal-pandemija tal-COVID-19 jiġi indirizzat malajr, huwa importanti li jiġu introdotti miżuri li jiffaċilitaw l-investimenti fl-ekonomija reali, jippermettu rikapitalizzazzjoni rapida tal-kumpaniji fl-Unjoni u jippermettu lill-emittenti li jisfruttaw is-swieq pubbliċi fi stadju bikri fil-proċess ta’ rkupru. Sabiex jinkisbu dawk l-objettivi, huwa xieraq li jinħoloq prospett ġdid f’forma qasira li għandu jkun magħruf bħala Prospett ta’ Rkupru tal-UE li, filwaqt li jindirizza wkoll il-kwistjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mqajma speċifikament mill-pandemija tal-COVID-19, ikun faċli li jiġi prodott għall-emittenti, ikun faċli li jinftiehem mill-investituri, b’mod partikolari l-investituri fil-livell tal-konsumatur, li jkunu jridu jiffinanzjawhom u li jkun faċli li jiġi skrutinizzat u approvat għall-awtoritajiet kompetenti. Il-Prospett ta’ Rkupru tal-UE jenħtieġ li jitqies primarjament bħala faċilitatur tar-rikapitalizzazzjoni, b’monitoraġġ bir-reqqa mill-awtoritajiet kompetenti biex jiżguraw li r-rekwiżiti ta’ informazzjoni għall-investituri jiġu sodisfati. Huwa importanti li l-emendi għar-Regolament (UE) 2017/1129 li jinsabu f’dan ir-Regolament ma jintużawx biex jissostitwixxu r-rieżami skedat tar-Regolament (UE) 2017/1129, u l-emendar possibbli tiegħu, li jkunu jeħtieġu li jiġu akkumpanjati minn valutazzjoni tal-impatt sħiħa. F’dak ir-rigward, ma jkunx xieraq li jiżdiedu elementi addizzjonali mar-reġimi ta’ divulgazzjoni li mhumiex diġà meħtieġa skont dak ir-Regolament jew ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/980 (4), bl-eċċezzjoni ta’ informazzjoni relatata mal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19. Tali elementi jenħtieġ li jiġu introdotti biss fil-każ ta’ proposta leġiżlattiva mill-Kummissjoni abbażi tar-rieżami tagħha tar-Regolament (UE) 2017/1129, kif previst fl-Artikolu 48 ta’ dak ir-Regolament.

(6)

Huwa importanti li l-informazzjoni għall-investituri fil-livell tal-konsumatur u d-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija jiġu allinjati fi prodotti u liġijiet finanzjarji differenti, u li jiġu żgurati għażla u komparabbiltà sħaħ tal-investiment fl-Unjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri fil-livell tal-konsumatur tiġi kkunsidrata fir-rieżami previst tar-Regolament (UE)2017/1129 biex jiġu żgurati dokumenti ta’ informazzjoni armonizzati, sempliċi u faċli li jinftiehmu għall-investituri kollha fil-livell tal-konsumatur.

(7)

L-informazzjoni dwar kwistjonijiet ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG) mill-kumpaniji qiegħda ssir dejjem aktar rilevanti għall-investituri sabiex jitkejjel l-impatt fuq is-sostenibbiltà tal-investimenti tagħhom u jiġu integrati l-kunsiderazzjonijiet tas-sostenibbiltà fil-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tagħhom ta’ investiment u ta’ ġestjoni tar-riskji. B’riżultat ta’ dan, il-kumpaniji jiffaċċjaw pressjoni dejjem akbar biex iwieġbu għat-talbiet kemm mill-investituri kif ukoll mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu dwar il-kwistjonijiet tal-ESG u huma meħtieġa jikkonformaw ma’ standards multipli għad-divulgazzjonijiet tal-ESG, li spiss ikunu frammentati u inkonsistenti. Għalhekk, għall-fini li ttejjeb id-divulgazzjoni mill-kumpaniji ta’ informazzjoni relatata mas-sostenibbiltà u li tarmonizza r-rekwiżiti għal tali divulgazzjoni pprovduta fir-Regolament (UE) 2017/1129, filwaqt li tqis ukoll liġijiet oħra tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji, il-Kummissjoni jenħtieġ li, fil-kuntest tar-rieżami tar-Regolament (UE) 2017/1129, tivvaluta jekk ikunx xieraq li tintegra informazzjoni relatata mas-sostenibbiltà fir-Regolament (UE) 2017/1129 u tivvaluta jekk ikunx xieraq li tagħmel proposta leġiżlattiva sabiex tiżgura koerenza mal-objettivi ta’ sostenibbiltà u l-komparabbiltà tal-informazzjoni relatata mas-sostenibbiltà fil-liġijiet kollha tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji.

(8)

Il-kumpaniji li kellhom kontinwament ishma ammessi għan-negozjar f’suq regolat jew innegozjati f’suq tat-tkabbir tal-SMEs għal mill-inqas l-aħħar 18-il xahar qabel l-offerta tal-ishma jew l-ammissjoni għall-kummerċ, kellhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni perjodika u kontinwa skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jew, għall-emittenti fi swieq tat-tkabbir tal-SMEs, skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/565 (7). Għaldaqstant, il-biċċa l-kbira tal-kontenut meħtieġ ta’ prospett diġà se jkun disponibbli pubblikament u l-investituri se jkunu qed jinnegozjaw abbażi ta’ dik l-informazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-Prospett ta’ Rkupru tal-UE jintuża biss għal ħruġ sekondarju ta’ ishma. Il-Prospett ta’ Rkupru tal-UE jenħtieġ li jiffaċilita l-finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma u b’hekk jippermetti lill-kumpaniji li jirrikapitalizzaw malajr. Il-Prospett ta’ Rkupru tal-UE jenħtieġ li ma jippermettix lill-emittenti li jiċċaqilqu minn suq tat-tkabbir tal-SMEs għal suq regolat. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Prospett ta’ Rkupru tal-UE jiffoka biss fuq informazzjoni essenzjali li tgħin lill-investituri jieħdu deċiżjonijiet informati ta’ investiment. Madankollu, jekk ikun applikabbli, l-emittenti jew l-offerenti jenħtieġ li jindirizzaw kif il-pandemija tal-COVID-19 affettwat l-attivitajiet kummerċjali tal-emittenti kif ukoll l-impatt futur antiċipat tal-pandemija fuq l-attivitajiet kummerċjali tal-emittenti, jekk ikun hemm.

(9)

Sabiex ikun għodda effiċjenti għall-emittenti, jenħtieġ li l-Prospett ta’ Rkupru tal-UE jkun dokument wieħed ta’ daqs limitat, jippermetti l-inkorporazzjoni b’referenza, u jibbenefika mill-passaport għal offerti pan-Ewropej ta’ ishma lill-pubbliku jew ammissjonijiet għall-kummerċ f’suq regolat.

(10)

Jenħtieġ li l-Prospett ta’ Rkupru tal-UE jinkludi sommarju qasir bħala sors utli ta’ informazzjoni għall-investituri, b’mod partikolari l-investituri fil-livell tal-konsumatur. Jenħtieġ li dak is-sommarju jiġi stipulat fil-bidu tal-Prospett ta’ Rkupru tal-UE u jiffoka fuq informazzjoni ewlenija li tippermetti lill-investituri jiddeċiedu liema offerti lill-pubbliku u ammissjonijiet għall-kummerċ ta’ ishma għandhom jeżaminaw aktar u li wara jirrieżaminaw il-Prospett sħiħ ta’ Rkupru tal-UE sabiex jieħdu d-deċiżjoni tagħhom. L-informazzjoni ewlenija jenħtieġ li tinkludi informazzjoni li tkopri b’mod speċifiku l-impatt fuq in-negozji u finanzjarju„ jekk ikun hemm, tal-COVID-19, kif ukoll l-impatt futur antiċipat tagħha, jekk ikun hemm. Il-Prospett ta’ Rkupru tal-UE jenħtieġ li jiżgura l-protezzjoni tal-investituri fil-livell tal-konsumatur billi jaderixxi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2017/1129, filwaqt li jevita piż amministrattiv eċċessiv. F’dan ir-rigward, huwa essenzjali li s-sommarju ma jnaqqasx il-protezzjoni tal-investituri u lanqas ma jagħtihom impressjoni qarrieqa. L-emittenti jew l-offerenti jenħtieġ, għalhekk, li jiżguraw livell għoli ta’ diliġenza fl-abbozzar tas-sommarju.

(11)

Peress li l-Prospett ta’ Rkupru tal-UE se jipprovdi ammont sinifikament inqas ta’ informazzjoni minn prospett simplifikat skont ir-reġim simplifikat ta’ divulgazzjoni għall-ħruġ sekondarju, jenħtieġ li ma jkunx possibbli li l-emittenti jużawh għal ħruġ dilwittiv ħafna ta’ ishma b’impatt sinifikanti fuq l-istruttura tal-kapital, il-prospetti u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-emittent. Għalhekk, l-użu tal-Prospett ta’ Rkupru tal-UE jenħtieġ li jkun limitat għal offerti li jikkonsistu f’mhux aktar minn 150 % tal-kapital pendenti. Jenħtieġ li kriterji speċifiċi għall-kalkolu ta’ tali limitu jkunu stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(12)

Sabiex tinġabar data li tappoġġja l-valutazzjoni tar-reġim tal-Prospett ta’ Rkupru tal-UE, jenħtieġ li l-Prospett ta’ Rkupru tal-UE jiġi inkluż fil-mekkaniżmu ta’ ħżin imsemmi fl-Artikolu 21(6) tar-Regolament (UE) 2017/1129. Sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv għat-tibdil ta’ dak il-mekkaniżmu ta’ ħżin, il-Prospett ta’ Rkupru tal-UE jenħtieġ li jkun jista’ juża l-istess data bħal dik definita għall-prospett ta’ ħruġ ta’ titoli sekondarju stabbilit fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2017/1129, dment li ż-żewġ tipi ta’ prospetti jibqgħu differenzjati b’mod ċar.

(13)

Jenħtieġ li l-Prospett ta’ Rkupru tal-UE jikkumplimenta l-forom l-oħra ta’ prospetti stipulati fir-Regolament (UE) 2017/1129 fid-dawl tal- speċifiċitajiet ta’ tipi differenti ta’ titoli, emittenti, offerti u ammissjonijiet. Għalhekk, sakemm ma jiġix iddikjarat espliċitament mod ieħor, ir-referenzi kollha għat-terminu “prospett” skont ir-Regolament (UE) 2017/1129 għandhom jinftiehmu li jirreferu għall-forom kollha differenti ta’ prospetti, inkluż il-Prospett ta’ Rkupru tal-UE stabbilit f’dan ir-Regolament.

(14)

Ir-Regolament (UE) 2017/1129 jirrikjedi li l-intermedjarji finanzjarji jinfurmaw lill-investituri bil-possibbiltà tal-pubblikazzjoni ta’ suppliment u, f’ċerti ċirkostanzi, li jikkuntattjaw lill-investituri fl-istess jum li jiġi ppubblikat suppliment. L-iskadenza sa meta l-investituri jeħtiġilhom jiġu kkuntattjati, kif ukoll l-ambitu tal-investituri li għandhom jiġu kkuntattjati jistgħu jqajmu xi diffikultajiet għall-intermedjarji finanzjarji. Sabiex tingħata għajnuna u jiġu liberati riżorsi għall-intermedjarji finanzjarji filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni għall-investitur, jenħtieġ li jiġi stabbilit reġim aktar proporzjonat. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġi kkjarifikat li l-intermedjarji finanzjarji jenħtieġ li jikkuntattjaw l-investituri li jixtru jew li jissottoskrivu titoli sa mhux aktar tard mit-tmiem il-perjodu tal-offerta inizjali. Il-perjodu tal-offerta inizjali jenħtieġ li jinftiehem li jirreferi għal perjodu ta’ żmien li matulu t-titoli jiġu offruti lill-pubbliku mill-emittent jew mill-offerent kif preskritt fil-prospett u jeskludi perjodi sussegwenti li matulu t-titoli jerġgħu jinbigħu fis-suq. Il-perjodu tal-offerta inizjali jenħtieġ li jinkludi kemm il-ħruġ primarju kif ukoll dak sekondarju tat-titoli. Jenħtieġ li tali reġim jispeċifika liema investituri jenħtieġ li jiġu kkuntattjati mill-intermedjarji finanzjarji meta jiġi ppubblikat suppliment u jenħtieġ li tiġi estiża l-iskadenza biex jiġu kkuntattjati dawk l-investituri. Irrispettivament mir-reġim il-ġdid previst f’dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet eżistenti tar-Regolament (UE) 2017/1129, li jiżguraw li s-suppliment huwa aċċessibbli għall-investituri kollha billi tiġi rikjesta pubblikazzjoni tas-suppliment fuq sit web disponibbli għall-pubbliku, jenħtieġ li jibqgħu japplikaw.

(15)

Peress li r-reġim tal-Prospett ta’ Rkupru tal-UE huwa limitat għall-fażi ta’ rkupru, jenħtieġ li dak ir-reġim jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2022. Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-Prospetti ta’ Rkupru tal-UE, jenħtieġ li dawk il-Prospetti ta’ Rkupru tal-UE li ġew approvati qabel l-iskadenza tar-reġim tal-Prospett ta’ Rkupru tal-UE jibbenefikaw minn dispożizzjoni ta’ anterjorità.

(16)

Sal-21 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/1129, akkumpanjat fejn meħtieġ bi proposta leġiżlattiva. Jenħtieġ li dak ir-rapport jivvaluta, inter alia, jekk ir-reġim ta’ divulgazzjoni għal Prospetti ta’ Rkupru tal-UE huwiex adegwat biex jintlaħqu l-objettivi segwiti minn dan ir-Regolament. Dik il-valutazzjoni jenħtieġ li tindirizza l-kwistjoni jekk il-Prospett ta’ Rkupru tal-UE jilħaqx bilanċ xieraq bejn il-protezzjoni tal-investitur u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv.

(17)

Id-Direttiva 2004/109/KE tirrikjedi lill-emittenti li t-titoli tagħhom jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat li jinsab jew jopera fi Stat Membru biex iħejju u jiddivulgaw ir-rapporti finanzjarji annwali tagħhom f’format elettroniku uniku għar-rapportar b’bidu mis-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2020 jew wara. Dak il-format elettroniku uniku għar-rapportar huwa speċifikat fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/815 (8). Peress li t-tħejjija tar-rapporti finanzjarji annwali bl-użu tal-format elettroniku uniku għar-rapportar tirrikjedi l-allokazzjoni ta’ riżorsi umani u finanzjarji addizzjonali, b’mod partikolari matul l-ewwel sena ta’ tħejjija, u b’kunsiderazzjoni tal-limitazzjonijiet fuq ir-riżorsi tal-emittenti minħabba l-pandemija tal-COVID-19, Stat Membru jenħtieġ li jkunu jista’ jipposponi b’sena l-applikazzjoni tar-rekwiżit tat-tħejjija u d-divulgazzjoni tar-rapporti finanzjarji annwali bl-użu tal-format ta’ rapportar elettroniku uniku. Sabiex jeżerċita dik l-għażla, Stat Membru jenħtieġ li jinnotifika lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li jippermetti tali posponiment u l-intenzjoni tiegħu jenħtieġ li tiġi debitament ġustifikata.

(18)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu introdotti miżuri li jiffaċilitaw l-investimenti fl-ekonomija reali, jippermettu rikapitalizzazzjoni rapida tal-kumpaniji fl-Unjoni u jippermettu lill-emittenti li jisfruttaw is-swieq pubbliċi fi stadju bikri fil-proċess ta’ rkupru, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(19)

Jenħtieġ għalhekk li r-Regolament (UE) 2017/1129 u d-Direttiva 2004/109/KE jiġu emendati skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) 2017/1129

Ir-Regolament (UE) 2017/1129 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1(4), jiżdied il-punt li ġej:

“(1)

mit-18 ta’ Marzu 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2022, titoli mingħajr ekwità maħruġa b’manjiera kontinwa jew ripetuta mill-istituzzjoni ta’ kreditu, fejn il-korrispettiv aggregat totali fl-Unjoni għat-titoli offruti jkun inqas minn EUR 150 000 000 għal kull istituzzjoni ta’ kreditu kkalkolat fuq perjodu ta’ 12-il xahar, bil-kondizzjoni li dawn it-titoli:

(i)

ma jkunux issubordinati, konvertibbli jew skambjabbli; kif ukoll

(ii)

ma jagħtux id-dritt li jiġu sottoskritti jew miksuba tipi oħra ta’ titoli u ma jkunux marbuta ma’ strument derivattiv.”;

(2)

fl-Artikolu 1(5), fl-ewwel subparagrafu, jiżdied il-punt li ġej:

“(k)

mit-18 ta’ Marzu 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2022, titoli mingħajr ekwità maħruġa b’manjiera kontinwa jew ripetuta mill-istituzzjoni ta’ kreditu, fejn il-korrispettiv aggregat totali fl-Unjoni għat-titoli offruti jkun inqas minn EUR 150 000 000 għal kull istituzzjoni ta’ kreditu kkalkolat fuq perjodu ta’ 12-il xahar, bil-kondizzjoni li dawn it-titoli:

(i)

ma jkunux issubordinati, konvertibbli jew skambjabbli; kif ukoll

(ii)

ma jagħtux id-dritt li jiġu sottoskritti jew miksuba tipi oħra ta’ titoli u li ma jkunux marbuta ma’ strument derivattiv.”;

(3)

fl-Artikolu 6(1), il-parti introduttorja tal-ewwel subparagrafu hija sostitwita b’dan li ġej:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 14(2), 14a(2) u 18(1), prospett għandu jkun fih l-informazzjoni meħtieġa li tkun sinifikanti għal investitur biex jagħmel valutazzjoni infurmata ta’:”;

(4)

fl-Artikolu 7, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“12a.   B’deroga mill-paragrafi 3 sa 12 ta’ dan l-Artikolu, Prospett ta’ Rkupru tal-UE mfassal skont l-Artikolu 14a għandu jinkludi sommarju mfassal skont dan il-paragrafu.

Is-sommarju ta’ Prospett ta’ Rkupru tal-UE għandu jitfassal bħala dokument qasir miktub b’mod konċiż u ta’ tul massimu ta’ żewġ faċċati ta’ karta ta’ daqs A4 meta jiġi stampat.

Is-sommarju ta’ Prospett ta’ Rkupru tal-UE ma għandux ikun fih kontroreferenzi għal partijiet oħra tal-prospett jew jinkorpora informazzjoni skont referenza u għandu:

(a)

jiġi ppreżentat u strutturat b’mod li jkun faċli li jinqara, bl-użu ta’ tipa ta’ daqs li tinqara;

(b)

ikun miktub b’lingwaġġ u bi stil li jiffaċilita l-fehim tal-informazzjoni, b’mod partikolari, b’lingwaġġ li jkun ċar, mhux tekniku, konċiż u li jinftiehem għall-investituri.

(c)

ikun magħmul mill-erba’ taqsimiet li ġejjin:

(i)

introduzzjoni li jkun fiha l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, inklużi t-twissijiet u d-data ta’ approvazzjoni tal-Prospett ta’ Rkupru tal-UE;

(ii)

informazzjoni ewlenija dwar l-emittent, inkluża, jekk tkun applikabbli, referenza speċifika ta’ mhux inqas minn 200 kelma għall-impatt tan-negozju u finanzjarju fuq l-emittent, tal-pandemija tal-COVID-19;

(iii)

informazzjoni ewlenija dwar l-ishma, inklużi d-drittijiet marbutin ma’ dawk l-ishma u kwalunkwe limitu fuq dawk id-drittijiet;

(iv)

informazzjoni ewlenija dwar l-offerta ta’ ishma lill-pubbliku u/jew l-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat.”;

(5)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Article 14a

Prospett ta’ Rkupru tal-UE

1.   Il-persuni li ġejjin jistgħu jagħżlu li jħejju Prospett ta’ Rkupru tal-UE skont ir-reġim ta’ żvelar simplifikat stabbilit f’dan l-Artikolu fil-każ ta’ offerta ta’ ishma lill-pubbliku jew ammissjoni għall-kummerċ ta’ ishma f’suq regolat:

(a)

emittenti li l-ishma tagħhom ikunu ġew ammessi għall-kummerċ f’suq regolat b’mod kontinwu għal mill-inqas l-aħħar 18-il xahar u li joħorġu ishma funġibbli ma’ ishma eżistenti li jkunu nħarġu qabel;

(b)

emittenti li l-ishma tagħhom ikunu diġà ġew negozjati f’suq tat-tkabbir tal-SMEs kontinwament għal mill-inqas l-aħħar 18-il xahar, sakemm ikun ġie ppubblikat prospett għall-offerta ta’ dawk l-ishma, u li joħorġu ishma funġibbli b’ishma eżistenti li jkunu nħarġu qabel.

(c)

offerenti ta’ ishma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat jew f’suq tat-tkabbir tal-SMEs kontinwament għal mill-inqas l-aħħar 18-il xahar.

L-emittenti jistgħu jfasslu Prospett ta’ Rkupru tal-UE biss sakemm l-għadd ta’ ishma maħsuba li jiġu offruti jirrappreżenta, flimkien mal-għadd ta’ ishma diġà offruti permezz ta’ Prospett ta’ Rkupru tal-UE fuq perjodu ta’ 12-il xahar, jekk ikun hemm, mhux aktar minn 150 % tal-għadd ta’ ishma diġà ammessi għall-kummerċ f’suq regolat jew suq tat-tkabbir tal-SMEs, skont il-każ, fid-data tal-approvazzjoni tal-Prospett ta’ Rkupru tal-UE;

Il-perjodu ta’ 12-il xahar imsemmi fit-tieni subparagrafu għandu jibda fid-data tal-approvazzjoni tal-Prospett ta’ Rkupru tal-UE.

2.   B’deroga mill-Artikolu 6(1), u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18(1), il-Prospett ta’ Rkupru tal-UE għandu jinkludi l-informazzjoni mqassra rilevanti li hija meħtieġa biex l-investituri jkunu jistgħu jifhmu:

(a)

il-prospetti u l-prestazzjoni finanzjarja tal-emittent u l-bidliet sinifikanti fil-pożizzjoni finanzjarja u tan-negozju tal-emittent li jkunu seħħew mit-tmiem tal-aħħar sena finanzjarja, jekk ikun hemm, kif ukoll l-istrateġija u l-objettivi kummerċjali fit-tul finanzjarji u mhux finanzjarji tiegħu, inkluża, jekk ikun applikabbli, referenza speċifika ta’ mhux inqas minn 400 kelma għall-impatt tan-negozju u finanzjarju tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-emittent u l-impatt futur antiċipat fuqu;

(b)

l-informazzjoni essenzjali dwar l-ishma, inklużi d-drittijiet marbuta ma’ dawk l-ishma u kwalunkwe limitazzjoni fuq dawk id-drittijiet, ir-raġunijiet għall-ħruġ u l-impatt tiegħu fuq l-emittent, inkluż fuq l-istruttura ġenerali tal-kapital tal-emittent, kif ukoll l-iżvelar tal-kapitalizzazzjoni u d-dejn, dikjarazzjoni tal-kapital operatorju u l-użu tar-rikavati.

3.   L-informazzjoni li tinsab fil-Prospett ta’ Rkupru tal-UE għandha tkun miktuba u ppreżentata f’forma li tkun faċilment analizzabbli, konċiża u li tinftiehem u għandha tippermetti lill-investituri, speċjalment l-investituri fil-livell tal-konsumatur, sabiex jagħmlu deċiżjoni informata filwaqt li jikkunsidraw l-informazzjoni regolata li diġà ġiet divulgata lill-pubbliku skont id-Direttiva 2004/109/KE, meta applikabbli, ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 u, meta applikabbli, l-informazzjoni msemmija fir-Regolament Delegat talKummissjoni (UE) 2017/565 (*1).

4.   Il-Prospett ta’ Rkupru tal-UE għandu jitfassal bħala dokument uniku li jkun fih l-informazzjoni minima stipulata fl-Anness Va. Dan għandu jkun ta’ tul massimu, inkluż is-sommarju, ta’ 30 faċċata ta’ karta daqs A4 meta jiġi stampat u għandu jiġi ppreżentat u stabbilit b’tali mod li jkun faċli li jinqara, bl-użu ta’ tipa ta’ daqs li tinqara.

5.   La s-sommarju u lanqas l-informazzjoni inkorporata b’referenza skont l-Artikolu 19 ma għandhom jitqiesu fir-rigward tat-tul massimu msemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

6.   L-emittenti jistgħu jiddeċiedu l-ordni li fih l-informazzjoni stipulata fl-Anness Va tiġi stabbilita fil-Prospett ta’ Rkupru tal-UE.

(*1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/565 tal-25 ta’ April 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward rekwiżiti organizzazzjonali u kundizzjonijiet għall-operat għal ditti tal-investiment u termini definiti għall-finijiet ta’ dik id-Direttiva (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 1).”;"

(6)

fl-Artikolu 20, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“6a.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 2 u 4, il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 u fil-paragrafu 4 għandhom jitnaqqsu għal sebat ijiem ta’ xogħol għal Prospett ta’ Rkupru tal-UE. L-emittent għandu jinforma lill-awtorità kompetenti mill-inqas ħamest ijiem ta’ xogħol qabel id-data prevista għas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-approvazzjoni.”;

(7)

fl-Artikolu 21, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“5a.   Prospett ta’ Rkupru tal-UE għandu jiġi kklassifikat fil-mekkaniżmu tal-ħażna imsemmi fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu. Id-data użata għall-klassifikazzjoni tal-prospetti mfassla skont l-Artikolu 14 tista’ tintuża għall-klassifikazzjoni tal-Prospetti ta’ Rkupru tal-UE mfassla skont l-Artikolu 14a, dment li ż-żewġ tipi ta’ prospetti jkunu differenzjati f’dak il-mekkaniżmu ta’ ħażna.”;

(8)

l-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a   B’deroga mill-paragrafu 2, mit-18 ta’ Marzu 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2022, meta l-prospett ikollu x’jaqsam ma’ offerta ta’ titoli lill-pubbliku, l-investituri li jkunu digà qablu li jixtru jew jissottoskrivu t-titoli qabel ma s-suppliment jiġi ppubblikat għandu jkollhom id-dritt, li jiġi eżerċitat fi żmien tliet ijiem ta’ xogħol wara l-pubblikazzjoni tas-suppliment, li jirtiraw l-aċċettazzjonijiet tagħhom, bil-kundizzjoni li l-fattur ġdid sinifikanti, l-iżball sinifikanti jew l-ineżattezza sinifikanti msemmija fil-paragrafu 1 ikunu feġġew jew ikunu ġew innotati qabel l-għeluq tal-perjodu tal-offerta jew l-għoti tat-titoli, skont liema minnhom iseħħ l-ewwel. Dak il-perjodu jista’ jiġi estiż mill-emittent jew l-offerent. Id-data finali tad-dritt ta’ rtirar għandha tiġi ddikjarata fis-suppliment.

Is-suppliment għandu jkun fih dikjarazzjoni prominenti dwar id-dritt ta’ rtirar, li tiddikjara b’mod ċar:

(a)

li dritt ta’ rtirar jingħata biss lil dawk l-investituri li kienu diġà qablu li jixtru jew jissottoskrivu t-titoli qabel ma ġie ppubblikat is-suppliment u meta t-titoli kienu għadhom ma ntbagħtux lill-investituri fil-ħin meta l-fattur ġdid sinifikanti, l-iżball sinifikanti jew l-ineżattezza sinifikanti feġġew jew ġew innotati;

(b)

il-perjodu li fih l-investituri jistgħu jeżerċitaw id-dritt ta’ rtirar tagħhom; u

(c)

lil min l-investituri jistgħu jikkuntattjaw jekk ikunu jixtiequ jeżerċitaw id-dritt ta’ rtirar.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   B’deroga mill-paragrafu 3, mit-18 ta’ Marzu 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2022, meta l-investituri jixtru jew jissottoskrivu titoli permezz ta’ intermedjarju finanzjarju bejn iż-żmien meta l-prospett għal dawk it-titoli jiġi approvat u l-għeluq tal-perjodu tal-offerta inizjali, dak l-intermedjarju finanzjarju għandu jinforma lil dawk l-investituri bil-possibbiltà li jiġi ppubblikat suppliment, fejn u meta jiġi ppubblikat u li l-intermedjarju finanzjarju jgħinhom biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jirtiraw l-aċċettazzjonijiet f’każ bħal dan.

Fejn l-investituri msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jkollhom id-dritt ta’ rtirar imsemmi fil-paragrafu 2a, l-intermedjarju finanzjarju għandu jikkuntattja lil dawk l-investituri sa tmiem l-ewwel jum ta’ xogħol ta’ wara dak li fih ġie ppubblikat is-suppliment.

Fejn it-titoli jinxtraw jew jiġu sottoskritti direttament mill-emittent, dak l-emittent għandu jinforma lill-investituri bil-possibbiltà li jiġi ppubblikat suppliment u fejn ser jiġi ppubblikat u li, f’dak il-każ, huma jista’ jkollhom dritt li jirtiraw l-aċċettazzjoni.”;

(9)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 47a

Limitu ta’ żmien ta’ validazzjoni tar-reġim tal-Prospett ta’ Rkupru tal-UE

Ir-reġim tal-Prospett ta’ Rkupru tal-UE stipulat fl-Artikolu 7(12a), l-Artikolu 14a, l-Artikolu 20(6a) u l-Artikolu 21(5a) jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2022.

Il-Prospetti ta’ Rkupru tal-UE li jiġu approvati bejn it-18 ta’ Marzu 2021 u l-31 ta’ Diċembru 2022 għandhom ikomplu jiġu rregolati skont l-Artikolu 14a sa tmiem il-validità tagħhom jew sa ma jkunu għaddew tnax-il xahar mill-31 ta’ Diċembru 2022, skont liema minn dawn iseħħ l-ewwel.”;

(10)

fl-Artikolu 48, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Ir-rapport għandu jevalwa, fost affarijiet oħrajn, jekk is-sommarju tal-prospett, ir-reġimi ta’ żvelar stipulati fl-Artikoli 14, 14a u 15 u d-dokument tar-reġistrazzjoni universali msemmi fl-Artikolu 9 jibqgħux xierqa fid-dawl tal-għanijiet segwiti tagħhom. B’mod partikolari, ir-rapport għandu jinkludi dawn li ġejjin:

(a)

l-għadd ta’ Prospetti ta’ Tkabbir tal-UE ta’ persuni f’kull waħda mill-kategoriji msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 15(1) u analiżi tal-evoluzzjoni ta’ kull wieħed minn dawn u tax-xejriet fl-għażla tal-postijiet ta’ negozjar mill-persuni intitolati li jużaw il-Prospett ta’ Tkabbir tal-UE;

(b)

analiżi dwar jekk il-Prospett ta’ Tkabbir tal-UE jilħaqx bilanċ tajjeb bejn il-protezzjoni tal-investitur u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi għall-persuni ntitolati li jużawh;

(c)

l-għadd ta’ Prospetti ta’ Rkupru tal-UE approvati u analiżi tal-evoluzzjoni ta’ dan l-għadd, kif ukoll stima tal-kapitalizzazzjoni tas-suq addizzjonali attwali mmobilizzata mill-Prospetti ta’ Rkupru tal-UE fid-data tal-ħruġ sabiex tinġabar esperjenza dwar il-Prospett ta’ Rkupru tal-UE għal valutazzjoni expost;

(d)

il-kost tat-tħejjija u li jkun hemm Prospett ta’ Rkupru tal-UE approvat meta mqabbel mal-kostijiet attwali għat-tħejjija u l-approvazzjoni ta’ prospett standard, prospett sekondarju ta’ ħruġ u Prospett ta’ Tkabbir tal-UE, flimkien ma’ indikazzjoni tal-iffrankar finanzjarju globali miksub u liema kostijiet jistgħu jitnaqqsu aktar, u l-kostijiet totali tal-konformità ma’ dan ir-Regolament għall-emittenti, l-offerenti u l-intermedjarji finanzjarji flimkien ma’ kalkolu ta’ dawk il-kostijiet bħala perċentwal tal-kostijiet operattivi;

(e)

analiżi dwar jekk il-Prospett ta’ Rkupru tal-UE jilħaqx il-bilanċ ġust bejn il-protezzjoni tal-investitur u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-persuni ntitolati li jużawh u dwar l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni essenzjali għall-investituri.

(f)

analiżi ta’ jekk ikunx xieraq li jiġi estiż it-tul tar-reġim tal-Prospett ta’ Rkupru tal-UE, inkluż jekk il-limitu msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14a(1), li lil hinn minnu Prospett ta’ Rkupru tal-UE ma jkunx jista’ jintuża, ikunx xieraq;

(g)

analiżi dwar jekk il-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 23(2a) u 23(3a) laħqux l-objettiv li jipprovdu ċarezza u flessibbiltà addizzjonali kemm lill-intermedjarji finanzjarji kif ukoll lill-investituri u jekk ikunx xieraq li dawk il-miżuri jsiru permanenti.”;

(11)

it-test stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament jiddaħħal bħala l-Anness Va.

Artikolu 2

Emenda għad-Direttiva 2004/109/KE

Fl-Artikolu 4(7), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.   Għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2020 jew wara, ir-rapporti finanzjarji annwali kollha għandhom jitħejjew f’format elettroniku uniku għar-rappurtar dment li tkun saret analiżi tal-kostbenefiċċju mill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (ESMA) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2). Madankollu, Stat Membru jista’ jippermetti lill-emittenti japplikaw dak ir-rekwiżit ta’ rappurtar għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2021 jew wara, dment li dak l-Istat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li jippermetti tali dewmien sad-19 ta’ Marzu 2021, u li l-intenzjoni tiegħu tiġi debitament ġustifikata.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Frar 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIS


(1)  ĠU C 10, 11.1.2021, p. 30.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Frar 2021(għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2021.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU L 168, 30.6.2017, p. 12).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/980 tal-14 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-format, il-kontenut, l-iskrutinju u l-approvazzjoni tal-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2004 (ĠU L 166, 21.6.2019, p. 26).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38).

(7)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/565 tal-25 ta’ April 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward rekwiżiti organizzazzjonali u kundizzjonijiet għall-operat għal ditti tal-investiment u termini definiti għall-finijiet ta’ dik id-Direttiva (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 1).

(8)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/815 tas-17 ta’ Diċembru 2018 li jissupplimenta d-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-ispeċifikazzjoni tal-format elettroniku uniku għar-rapportar (ĠU L 143, 29.5.2019, p. 1).


ANNESS

“ANNESS Va

INFORMAZZJONI MINIMA LI TRID TIĠI INKLUŻA FIL-PROSPETT TA’ RKUPRU TAL-UE

I.   Sommarju

Il-Prospett ta’ Rkupru tal-UE irid jinkludi sommarju mfassal skont l-Artikolu 7(12a).

II.   Isem l-emittent, il-pajjiż tal-inkorporazzjoni, link għas-sit web tal-emittent

Tiġi identifikata l-kumpanija li toħroġ l-ishma, inkluż l-identifikatur ta’ entità ġuridika tagħha (LEI, legal entity identifier), l-isem legali u kummerċjali tagħha, il-pajjiż ta’ inkorporazzjoni tagħha u s-sit web fejn l-investituri jistgħu jsibu informazzjoni dwar l-operazzjonijiet tan-negozju tal-kumpanija, il-prodotti li tagħmel jew is-servizzi li tipprovdi, is-swieq prinċipali fejn tikkompeti, l-azzjonisti prinċipali, il-kompożizzjoni tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji u l-maniġment superjuri tagħha u, fejn applikabbli, l-informazzjoni inkorporata b’referenza (b’dikjarazzjoni ta’ ċaħda li l-informazzjoni fuq is-sit web ma tiffurmax parti mill-prospett sakemm dik l-informazzjoni ma tkunx inkorporata b’referenza fil-prospett).

III.   Dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà u d-dikjarazzjoni dwar l-awtorità kompetenti

1.   Dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà

Jiġu identifikati l-persuni responsabbli għat-tfassil tal-Prospett ta’ Rkupru tal-UE u li inkluża dikjarazzjoni minn dawkil-persuni li, sa fejn jafu huma, l-informazzjoni li tinsab fil-Prospett ta’ Rkupru tal-UE hija skont il-fatti u li l-Prospett ta’ Rkupru tal-UE ma jagħmel l-ebda ommissjoni li x’aktarx taffettwa l-importazzjoni tiegħu.

Fejn applikabbli, id-dikjarazzjoni trid tinkludi informazzjoni li toriġina minn partijiet terzi, inkluż is-sors(i) ta’ dik l-informazzjoni, u dikjarazzjonijiet jew rapporti attribwiti lil persuna bħala espert u d-dettalji li ġejjin ta’ dik il-persuna:

(a)

isem;

(b)

l-indirizz tan-negozju;

(c)

kwalifiki; kif ukoll

(d)

interess sinifikanti fl-emittent (jekk ikun hemm).

2.   Dikjarazzjoni dwar l-awtorità kompetenti

Id-dikjarazzjoni trid tindika l-awtorità kompetenti li tkun approvat, f’konformità ma’ dan r-Regolament, il-Prospett ta’ Rkupru tal-UE, tispeċifika li tali approvazzjoni mhix approvazzjoni tal-emittent u lanqas tal-kwalità tal-ishma relatati mal-Prospett ta’ Rkupru tal-UE, li l-awtorità kompetenti approvat biss il-Prospett ta’ Rkupru tal-UE bħala li jissodisfa l-istandards ta’ kompletezza, komprensibbiltà u konsistenza imposti minn dan ir-Regolament, u tispeċifika li l-Prospett ta’ Rkupru tal-UE tfassal skont l-Artikolu 14a.

IV.   Fatturi ta’ riskju

Deskrizzjoni tar-riskji sinifikanti li huma speċifiċi għall-emittent, u deskrizzjoni tar-riskji sinifikanti li huma speċifiċi għall-ishma li qed jiġu offruti lill-pubbliku u/jew ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, f’għadd limitat ta’ kategoriji, fit-taqsima intitolata “Fatturi ta’ Riskju”.

F’kull kategorija, l-aktar riskji sinifikanti, fil-valutazzjoni mwettqa mill-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob l-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat, filwaqt li jitqies l-impatt negattiv fuq l-emittent kif ukoll fuq l-ishma li qed jiġu offruti lill-pubbliku u/jew ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u l-probabbiltà tal-okkorrenza tagħhom, għandhom jiġu stabbiliti l-ewwel. Ir-riskji għandhom jiġu kkorroborati mill-kontenut tal-Prospett ta’ Rkupru tal-UE.

V.   Dikjarazzjonijiet finanzjarji

Il-Prospett ta’ Rkupru tal-UE jrid jinkludi r-rapporti finanzjarji (annwali u kull sitt xhur) ippubblikati matul perijodu ta’ 12-il xahar qabel l-approvazzjoni tal-Prospett ta’ Rkupru tal-UE. Fejn kemm ir-rapporti finanzjarji annwali kif ukoll dawk ta’ kull sitt xhur ikunu ġew ippubblikati, ir-rapporti annwali biss iridu jkunu meħtieġa jekk dawn ikunu saru wara r-rapporti finanzjarji ta’ kull sitt xhur.

Ir-rapporti finanzjarji annwali jridu jiġu awditjati b’mod indipendenti. Ir-rapport tal-awditjar irid jitħejja skont id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u r-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

Meta d-Direttiva 2006/43/KE u r-Regolament (UE) Nru 537/2014 ma japplikawx, il-kontijiet finanzjarji annwali jridu jiġu awditjati jew irrappurtati fir-rigward ta’ jekk, għall-finijiet tad-dokument tar-reġistrazzjoni tal-Prospett ta’ Rkupru tal-UE, jagħtux opinjoni vera u ġusta jew le skont l-istandards tal-awditjar applikabbli fi Stat Membru jew standard ekwivalenti. Jekk dan mhux il-każ, l-informazzjoni li ġejja trid tiġi inkluża fil-Prospett ta’ Rkupru tal-UE:

(a)

dikjarazzjoni prominenti li tiddivulga liema standards ta’ awditjar ġew applikati;

(b)

spjegazzjoni ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ osservanza sinifikanti tal-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar.

Fejn rapporti ta’ awditjar dwar il-kontijiet finanzjarji annwali jkunu ġew irrifjutati mill-awdituri statutorji jew meta jinkludu kwalifiki, modifiki ta’ opinjoni, dikjarazzjonijiet ta’ ċaħda jew osservazzjonijiet, trid tingħata r-raġuni, u dawn il-kwalifiki, modifiki, dikjarazzjonijiet ta’ ċaħda jew osservazzjonijiet iridu jiġu riprodotti fl-intier tagħhom.

Deskrizzjoni ta’ kull bidla sinifikanti fil-pożizzjoni finanzjarja tal-grupp li seħħet mit-tmiem tal-aħħar perjodu finanzjarju li għalih jew rapporti finanzjarji awditjati jew informazzjoni finanzjarja proviżorja jkunu ġew ippubblikati, trid tiġi inkluża wkoll, jew trid tiġi pprovduta dikjarazzjoni negattiva xierqa.

Fejn applikabbli, trid tiġi inkluża wkoll informazzjoni pro forma.

VI.   Il-politika tad-dividendi

Deskrizzjoni tal-politika tal-emittent dwar id-distribuzzjonijiet tad-dividendi u kwalunkwe restrizzjoni attwali fuqhom, kif ukoll dwar ix-xiri lura ta’ ishma.

VII.   Informazzjoni dwar ix-xejriet

Deskrizzjoni ta’:

(a)

Ix-xejriet riċenti l-aktar sinifikanti fil-produzzjoni, il-bejgħ u l-inventarju, u l-kostijiet u l-prezzijiet tal-bejgħ mit-tmiem tal-aħħar sena finanzjarja sad-data tal-Prospett ta’ Rkupru tal-UE;

(b)

informazzjoni dwar kwalunkwe xejra, inċertezza, talba, impenn jew avveniment magħrufa li raġonevolment x’aktarx li jkollhom effett sinifikanti fuq il-prospetti tal-emittent tal-inqas matul is-sena finanzjarja attwali;

(c)

informazzjoni dwar l-istrateġija u l-objettivi tan-negozju finanzjarji kif ukoll mhux finanzjarji, fuq terminu qasir u twil tal-emittent, inkluża, jekk applikabbli, referenza speċifika ta’ mhux inqas minn 400 kelma għall-impatt tan-negozju u dak finanzjarju tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-emittent u l-impatt futur antiċipat tal-istess.

Jekk ma jkun hemm l-ebda bidla sinifikanti f’xi waħda mix-xejriet imsemmija fil-punti (a) jew (b) ta’ din it-taqsima, trid issir dikjarazzjoni f’dak is-sens.

VIII.   Termini u kundizzjonijiet tal-offerta, impenji sodi ta’ xiri u intenzjonijiet ta’ sottoskrizzjoni u karatteristiċi ewlenin tal-ftehimiet ta’ sottoskrizzjoni u kollokament.

Jiġi stipulat il-prezz tal-offerta, l-għadd ta’ ishma offruti, l-ammont tal-ħruġ/offerta, il-kundizzjonijiet li għalihom hija soġġetta l-offerta, u l-proċedura għall-eżerċizzju ta’ kwalunkwe dritt ta’ prelazzjoni.

Sa fejn ikun jaf l-emittent, tiġi pprovduta informazzjoni dwar jekk l-azzjonisti prinċipali jew il-membri tal-korpi amministrattivi, tal-maniġment jew superviżorji tal-emittent għandhomx l-intenzjoni li jissottoskrivu għall-offerta, jew jekk xi persuna għandhiex l-intenzjoni li tissottoskrivi għal aktar minn 5 % tal-offerta.

Jiġi ppreżentat kwalunkwe impenn sod għas-sottoskrizzjoni għal aktar minn 5 % tal-offerta u l-karatteristiċi sinifikanti kollha tal-ftehimiet ta’ sottoskrizzjoni u kollokament, inklużi l-isem u l-indirizz tal-entitajiet li qed jaqblu li jissottoskrivu jew iqiegħdu l-ħruġ fuq il-bażi ta’ impenn sod ta’ xiri jew ta’ arranġamenti tal-“aħjar sforzi u l-kwoti”.

IX.   Informazzjoni essenzjali dwar l-ishma u dwar is-sottoskrizzjoni tagħhom

Tiġi pprovduta l-informazzjoni essenzjali li ġejja dwar l-ishma offruti lill-pubbliku jew ammessi għall-kummerċ f’suq regolat:

(a)

in-numru internazzjonali għall-identifikazzjoni tat-titoli (“ISIN”);

(b)

id-drittijiet marbuta mal-ishma, il-proċedura għall-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet u kwalunkwe limitu ta’ dawk id-drittijiet;

(c)

meta l-ishma jistgħu jiġu sottoskritti kif ukoll dwar il-perjodu ta’ żmien, inkluża kwalunkwe emenda possibbli, li matulu l-offerta ser tkun miftuħa u deskrizzjoni tal-proċess ta’ applikazzjoni flimkien mad-data tal-ħruġ ta’ ishma ġodda.

X.   Raġunijiet għall-offerta u l-użu tar-rikavat

Tiġi pprovduta informazzjoni dwar ir-raġunijiet għall-offerta u, fejn applikabbli, l-ammont nett stmat tar-rikavat maqsum f’kull użu intenzjonat prinċipali u ppreżentat skont l-ordni tal-prijorità ta’ dawn l-użi.

Meta l-emittent ikun konxju li r-rikavat antiċipat mhuwiex se jkun biżżejjed sabiex jiffinanzja l-użi kollha proposti, huwa jrid jiddikjara l-ammont u s-sorsi tal-fondi l-oħra meħtieġa. Iridu jingħataw ukoll dettalji fir-rigward tal-użu tar-rikavat, partikolarment fejn ir-rikavat jintuża għall-akkwist tal-assi, għajr fil-kors normali tan-negozju, sabiex jiġu ffinanzjati akkwisti mħabbra ta’ negozju ieħor, jew sabiex jitneħħa, jitnaqqas jew jiġi rtirat id-dejn.

XI.   Riċeviment ta’ appoġġ ta’ għajnuna mill-Istat

Tingħata dikjarazzjoni bl-informazzjoni dwar jekk l-emittent ibbenefikax minn għajnuna mill-Istat tkun f’liema forma tkun fil-kuntest tal-irkupru, kif ukoll l-għan tal-għajnuna, it-tip ta’ strument u l-ammont ta’ għajnuna riċevuta u l-kundizzjonijiet marbutin magħha, jekk ikun hemm.

Id-dikjarazzjoni dwar jekk l-emittent irċeviex għajnuna mill-Istat trid tinkludi dikjarazzjoni li tindika li l-informazzjoni hija pprovduta biss taħt ir-responsabbiltà tal-persuni responsabbli għall-prospett, kif imsemmi fl-Artikolu 11(1), li r-rwol tal-awtorità kompetenti fl-approvazzjoni tal-prospett huwa li tiskrutinizza l-kompletezza, il-komprensibbiltà u l-konsistenza tiegħu, u li għalhekk fir-rigward tad-dikjarazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat l-awtorità kompetenti mhijiex obbligata li tivverifika indipendentement dik id-dikjarazzjoni.

XII.   Dikjarazzjoni tal-kapital operatorju

Dikjarazzjoni mill-emittent, li fl-opinjoni tiegħu, il-kapital operatorju huwa suffiċjenti għar-rekwiżiti preżenti tal-emittent jew, jekk le, kif l-emittent jipproponi li jipprovdi l-kapital operatorju addizzjonali meħtieġ.

XIII.   Kapitalizzazzjoni u dejn

Dikjarazzjoni tal-kapitalizzazzjoni u d-dejn (issir distinzjoni bejn dejn garantit u mhux garantit, dejn kopert u mhux kopert minn kollateral) minn data mhux qabel 90 jum qabel id-data tal-Prospett ta’ Rkupru tal-UE. It-terminu “dejn” jinkludi wkoll id-dejn indirett u kontinġenti.

Fil-każ ta’ bidliet importanti fil-pożizzjoni tal-kapitalizzazzjoni u tad-dejn tal-emittent fi żmien il-perjodu ta’ 90 jum, trid tingħata informazzjoni addizzjonali permezz tal-preżentazzjoni ta’ deskrizzjoni narrattiva ta’ tali bidliet jew permezz tal-aġġornament ta’ dawk iċ-ċifri.

XIV.   Kunflitti ta’ interess

Tiġi pprovduta informazzjoni dwar kwalunkwe interess relatat mal-ħruġ, inklużi kunflitti ta’ interess, u b’dettalji tal-persuni involuti u n-natura tal-interess.

XV.   Dilwizzjoni u parteċipazzjoni azzjonarja wara l-ħruġ

Jiġi ppreżentat paragun bejn il-parteċipazzjoni fil-kapital azzjonarju u d-drittijiet tal-vot għall-azzjonisti eżistenti qabel u wara ż-żieda fil-kapital li tirriżulta mill-offerta lill-pubbliku, bis-suppożizzjoni li l-azzjonisti eżistenti ma jissottoskrivux għall-ishma l-ġodda u, separatament, bis-suppożizzjoni li l-azzjonisti eżistenti infatti jeżerċitaw id-dritt tagħhom.

XVI.   Dokumenti disponibbli

Dikjarazzjoni li tindika li matul it-terminu tal-Prospett ta’ Rkupru tal-UE, jistgħu jiġu spezzjonati d-dokumenti li ġejjin, fejn ikun applikabbli:

(a)

il-memorandum u l-artikoli ta’ assoċjazzjoni aġġornati tal-emittent;

(b)

ir-rapporti, l-ittri, u d-dokumenti l-oħrajn kollha, valwazzjonijiet u dikjarazzjonijiet imħejjija minn espert fuq talba tal-emittent, li kwalunkwe parti minnhom tkun inkluża jew imsemmija fil-Prospett ta’ Rkupru tal-UE.

Indikazzjoni fuq is-sit web tal-liema dokumenti jistgħu jiġu spezzjonati.

”.

(1)  Id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar rekwiżiti speċifiċi dwar l-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/909/KE (ĠU L 158, 27.5.2014, p. 77).


Top