Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D1851

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1851 tal-15 ta’ Ottubru 2021 dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor fir-rigward tal-emendi tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 u l-iskeda taż-żmien għall-implimentazzjoni tagħhom

ST/12289/2021/INIT

ĠU L 374, 22.10.2021, p. 49–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/1851/oj

22.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 374/49


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1851

tal-15 ta’ Ottubru 2021

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor fir-rigward tal-emendi tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 u l-iskeda taż-żmien għall-implimentazzjoni tagħhom

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni 92/580/KEE (1), l-Unjoni saret parti mill-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (2) (“l-ISA”), u membru tal-Organizzazzjoni Internazzjonali taz-Zokkor (“l-ISO”).

(2)

F’konformità mal-Artikolu 8 tal-ISA, il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor (“l-ISC”) iwettaq jew iħejji għat-twettiq ta’ funzjonijiet kollha li jkunu meħtieġa biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet tal-ISA. Skont l-Artikolu 13 tal-ISA, id-deċiżjonijiet kollha tal-ISC fil-prinċipju jittieħdu b’kunsens. Fin-nuqqas ta’ kunsens, id-deċiżjonijiet isiru permezz ta’ vot b’maġġoranza sempliċi, sakemm l-ISA ma jipprevedix vot speċjali.

(3)

Skont l-Artikolu 25 tal-ISA, il-membri tal-ISO għandhom 2 000 vot b’kollox. Kull membru tal-ISO għandu għadd speċifiku ta’ voti li kull sena jiġi aġġustat f’konformità mal-kriterji stipulati f’dak l-Artikolu.

(4)

Madankollu, id-distribuzzjoni tal-voti fost il-membri tal-ISO li tiddetermina wkoll il-kontribuzzjonijiet finanzjarji ta’ dawk il-membri lill-ISO, ma għadhiex tirrifletti r-realtajiet tas-suq dinji taz-zokkor.

(5)

Skont ir-regoli tal-ISA dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-ISO, is-sehem tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni baqa’ ma nbidilx mill-1992 ’il hawn, għalkemm is-suq dinji taz-zokkor, u b’mod partikolari l-pożizzjoni relattiva tal-Unjoni fih, inbidlu b’mod sostanzjali minn dak iż-żmien ’il hawn. Għaldaqstant, f’dawn l-aħħar snin l-Unjoni assumiet sehem sproporzjonatament kbir tal-kostijiet baġitarji u tar-responsabbiltà fl-ISO.

(6)

Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2242 (3), il-Kummissjoni ġiet awtorizzata mil-Kunsill, biex tiftaħ negozjati mal-partijiet l-oħra għall-ISA fi ħdan l-ISC bil-għan li tiġi mmodernizzata l-ISA, b’mod partikolari fir-rigward tad-diskrepanzi bejn l-għadd ta’ voti u l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri tal-ISO minn naħa, u l-pożizzjoni relattiva tagħhom fis-suq dinji taz-zokkor, min-naħa l-oħra.

(7)

Abbażi tal-awtorizzazzjoni li ngħatat permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2017/2242, il-Kummissjoni fetħet negozjati ma’ pajjiżi membri tal-ISO u ppreżentat proposti konkreti għall-emendar tal-Artikolu 25 tal-ISA, li jirregola l-adozzjoni tal-baġit amministrattiv u l-kontribuzzjonijiet tal-membri. Waqt il-55 sessjoni tiegħu, fid-19 ta’ Lulju 2019, l-ISC iddeċieda li jiftaħ negozjati għal reviżjoni parzjali tal-ISA qabel il-laqgħa tiegħu li jmiss f’Novembru 2019, skont il-gwida tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp.

(8)

Wara talbiet minn diversi membri tal-ISO, l-ISC iddeċieda li, minbarra l-emendar tal-Artikolu 25 tal-ISA, partijiet oħra tal-ISA jridu jkunu soġġetti għal negozjati, b’mod partikolari, l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1 tal-ISA, il-prijoritajiet ta’ ħidma tal-ISO skont l-Artikoli 32, 33 u 34 tal-ISA, u r-regoli għall-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv stabbiliti fl-Artikolu 23 tal-ISA.

(9)

Billi l-awtorizzazzjoni li ngħatat permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2017/2242 skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2019 u minħabba l-bżonn li n-negozjati jkomplu, ingħatat awtorizzazzjoni ġdida mill-Kunsill permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2136. (4)

(10)

Il-formulazzjoni tal emendi tal-ISA intlaħaq qbil dwarha mill-ISC matul is-57 sessjoni f’Novembru 2020 u t-58 sessjoni f’Ġunju 2021 tiegħu.

(11)

Kull emenda miftiehma fin-negozjati trid tiġi adottata f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 44 tal-ISA. Skont dak l-Artikolu, l-ISC jista’, permezz ta’ vot speċjali, jirrakkomanda lill-membri tal-ISO, emenda tal-ISA. Bħala membru tal-ISC, f’konformità mal-Artikolu 7 tal-ISA, l-Unjoni tista’ tieħu sehem f’dak il-vot speċjali li għandu l-għan li jniedi l-proċedura għall-emendar tal-qafas istituzzjonali tal-ISA.

(12)

Skont l-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tar-reviżjoni parzjali tal-ISA, il-vot speċjali f’konformità mal-Artikolu 44 tal-ISA, li jirrakkomanda lill-membri jemendaw l-ISA, ser isir matul id-59 sessjoni tal-ISC ippjanata għal Novembru 2021.

(13)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan l-ISC, matul id-59 sessjoni tiegħu, fir-rigward tal-emendi tal-ISA. Jenħtieġ li dik il-pożizzjoni tirrifletti li l-emendar tal-ISA abbażi tal-eżitu tan-negozjati għar-rieżami parzjali tiegħu huwa fl-interess tal-Unjoni.

(14)

Barra minn hekk, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan l-ISC, matul id-59 sessjoni tiegħu, fir-rigward tal-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tal-emendi għall-ISA. Jenħtieġ li dik il-pożizzjoni tirrifletti li id-dħul fis-seħħtal-emendi tal-ISA sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2024 hija fl-interess tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni - matul il-votazzjoni votazzjoni speċjali fid-59 sessjoni tal-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor (“l-ISC”) fir-rigward tal-emendi tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor (“l-ISA”) u l-iskeda taż-żmien għall-implimentazzjoni tagħhom għandha tkun li tivvota favur:

(a)

ir-rakkomandazzjoni lill-membri tal-Organizzazzjoni Internazzjonali taz-Zokkor biex jemendaw l- ISA biex jirrifletti n-negozjati għar-reviżjoni parzjali tiegħu fir-rigward tal-Artikoli 1, 23, 25, 32, 33 u 34 tal-ISA;

(b)

l-approvazzjoni tal-iskeda ta’ żmien, kif miftiehem matul it-58 sessjoni tal-ISC f’Ġunju 2021, li tistabbilixxi l-iskadenzi għall-istadji differenti tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 44 tal-ISA;

(c)

l-implimentazzjoni tal-emendi msemmija fil-punt (a) f’konformità mal-iskeda ta’ żmien imsemmija fil-punt (b), biex b’hekk jiġi żgurat li dawk l-emendi jidħlu fis-seħħ sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2024.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-15 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. CIGLER KRALJ


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/580/KEE tat-13 ta’ Novembru 1992 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor 1992 (ĠU L 379, 23.12.1992, p. 15).

(2)  Il-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor 1992 (ĠU L 379, 23.12.1992, p. 16).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2242 tat-30 ta’ Novembru 2017 li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati għall-emendar tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (ĠU L 322, 7.12.2017, p. 29).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2136 tal-5 ta’ Diċembru 2019 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati biex jiġi emendat il-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (ĠU L 324, 13.12.2019, p. 3).


Top