EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D1482

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1482 tal-14 ta’ Settembru 2021 li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment ħieles fl-Unjoni, taċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa mill-Istat tal-Iżrael maċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/6751

OJ L 325, 15.9.2021, p. 51–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/1482/oj

15.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 325/51


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1482

tal-14 ta’ Settembru 2021

li tistabbilixxi l-ekwivalenza, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment ħieles fl-Unjoni, taċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa mill-Istat tal-Iżrael maċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/953 jistipula qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (“Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE”) għall-fini tal-faċilitazzjoni tal-eżerċizzju mid-detenturi tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19. Huwa għandu jikkontribwixxi wkoll għall-faċilitazzjoni tat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu stabbiliti mill-Istati Membri, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, b’mod ikkoordinat.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2021/953 jippermetti l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa minn pajjiżi terzi liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom jekk il-Kummissjoni tikkonstata li dawk iċ-ċertifikati COVID-19 jinħarġu f’konformità ma’ standards li jitqiesu ekwivalenti għal dawk stabbiliti skont dak ir-Regolament. Barra minn hekk, f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli stipulati fir-Regolament (UE) 2021/953 għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, imma li jkunu qed joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorju tagħhom u li għandhom id-dritt li jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, kwalunkwe sejba ta’ ekwivalenza stipulata f’din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika għaċ-ċertifikati tat-tilqim u tal-fejqan mill-COVID-19 maħruġa mil-Istat tal-Iżrael liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom. B’mod simili, abbażi tar-Regolament (UE) 2021/954, jenħtieġ li tali sejbiet ta’ ekwivalenza japplikaw ukoll għaċ-ċertifikati tat-tilqim jew tal-fejqan milll-COVID-19 maħruġa mill-Istat tal-Iżrael liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament.

(3)

Fid-19 ta’ Lulju 2021, l-Istat tal-Iżrael ipprovda lill-Kummissjoni b’informazzjoni dettaljata dwar il-ħruġ ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan skont is-sistema intitolata “Ramzor” (Health Pass). L-Istat tal-Iżrael infurma lill-Kummissjoni li hija tqis li ċ-ċertifikati COVID-19 tagħha qed jinħarġu f’konformità ma’ sistema standard u teknoloġika li jkunu interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 u jippermettu l-verifika tal-awtentiċità, tal-validità u tal-integrità taċ-ċertifikati. F’dan ir-rigward, l-Istat tal-Iżrael infurma lill-Kummissjoni li ċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa mill-Istat tal-Iżrael f’konformità mas-sistema “Ramżor” (Health Pass) fihom id-data stabbilita fl-Anness tar-Regolament (UE) 2021/953.

(4)

Fis-6 ta’ Settembru 2021, wara talba mill-Istat tal-Iżrael, il-Kummissjoni wettqet testijiet tekniċi li wrew li ċ-ċertifikati tat-tilqim u tal-fejqan mill-COVID-19 huma maħruġa mill-Istat tal-Iżrael skont sistema, “Ramzor” (Health Pass) li hija interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 u tippermetti l-verifika tal-awtentiċità, tal-validità u tal-integrità taċ-ċertifikati. Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll li ċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa mill-Istat tal-Iżrael f’konformità mas-sistema “Ramzor” (Health Pass) fihom id-data meħtieġa.

(5)

Minbarra dan, l-Istat tal-Iżrael infurma lill-Kummissjoni li qed joħroġ ċertifikati interoperabbli tat-tilqim għall-vaċċini kontra l-COVID-19. Dawn bħalissa jinkludu Comirnaty u Spikevax.

(6)

Barra minn hekk, l-Istat tal-Iżrael informa lill-Kummissjoni li huwa joħroġ ċertifikati interoperabbli tal-fejqan. Dawn iċ-ċertifikati huma validi għal mhux aktar minn 180 jum wara d-data tal-ewwel test pożittiv.

(7)

L-Istat tal-Iżrael informa wkoll lill-Kummissjoni li se jaċċetta ċ-ċertifikati tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa mill-Istati Membri f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.

(8)

L-Istat tal-Iżrael informa wkoll lill-Kummissjoni li jaċċetta ċ-ċertifikat tat-tilqim u jirrinunzja r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għal persuni mlaqqma b’vaċċini li jkunu rċevew awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq fl-UE kollha skont ir-Regolament (KE) Nru 726/2004.

(9)

L-Istat tal-Iżrael informa wkoll lill-Kummissjoni li jaċċetta ċ-ċertifikati tat-Test ta’ Amplifikazzjoni ta’ Aċidu Nukleiu COVID-19 (NAAT) (eż. Reazzjoni ta’ Reazzjoni Katina Polimerażi bi Traskrizzjoni Reversa, RT-PCR) maħruġa mill-Istati Membri u l-pajjiżi taż-ŻEE. Madankollu, l-Istat tal-Iżrael jindika li l-vjaġġaturi kollha, inklużi dawk li għandhom riżultati tat-testijiet lokali, iridu jirrepetu NAAT (eż. RT-PCR) mal-inżul, li jindika li l-ebda restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar ma hija rrinunzjata b’riżultat tat-test ta’ qabel it-titjira għajr biex jippermetti l-imbark tat-titjira. Barra minn hekk, l-Iżrael ma jaċċettax testijiet rapidi tal-antiġeni.

(10)

Minbarra dan, Iżrael infurma lill-Kummissjoni li meta l-verifikaturi fl-Istat tal-Iżrael jivverifikaw iċ-ċertifikati, id-data personali inkluża fiċ-ċertifikati tiġi pproċessata biss biex jiġu vverifikati t-tilqim, ir-riżultat tat-test jew l-istatus tal-fejqan tad-detentur u mhux se tinżamm wara.

(11)

Għalhekk, l-elementi meħtieġa biex jiġi stabbilit li ċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa mill-Istat tal-Iżrael f’konformità mas-sistema “Ramzor” (Health Pass) għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 huma ssodisfati.

(12)

Għalhekk, iċ-ċertifikati COVID-19 maħruġa mill-Istat tal-Iżrael f’konformità mas-sistema “Ramzor” (Health Pass) jenħtieġ li jiġu aċċettati bil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(5) u fl-Artikolu 7(8) tar-Regolament (UE) 2021/953.

(13)

Sabiex din id-Deċiżjoni tkun operattiva, jenħtieġ li l-Istat tal-Iżrael ikun konness mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953.

(14)

Sabiex tipproteġi l-interessi tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tas-saħħa pubblika, il-Kummissjoni tista’ tuża s-setgħat tagħha biex tissospendi jew ittemm din id-Deċiżjoni jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2021/953 ma jibqgħux jiġu ssodisfati.

(15)

Fid-dawl tal-ħtieġa li l-Istat tal-Iżrael jiġi konness mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 malajr kemm jista’ jkun, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(16)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 2021/953,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Iċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan maħruġa mill-Istat tal-Iżrael f’konformità mas-sistema “Ramzor” (Health Pass) għandhom, għall-fini tal-faċilitazzjoni tad-dritt tal-moviment liberu fl-Unjoni, jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953.

Artikolu 2

L-Istat tal-Iżrael għandu jkun konness mal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Settembru 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 211, 15.6.2021, p. 24).


Top