EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D1202

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1202 tal-20 ta’ Lulju 2021 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fl-Estonja (notifikata bid-dokument C(2021) 5559) (It-test Estonjan biss huwa awtentiku) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/5559

OJ L 262, 22.7.2021, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/09/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/1202/oj

22.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 262/1


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1202

tal-20 ta’ Lulju 2021

dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fl-Estonja

(notifikata bid-dokument C(2021) 5559)

(It-test Estonjan biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-deni Afrikan tal-ħnieżer hu marda virali infettiva li taffettwa l-annimali porċini miżmuma u selvaġġi, u jista’ jkollha impatt serju fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernati u fuq il-profittabbiltà tal-biedja, u tikkawża tfixkil fil-movimenti ta’ kunsinni ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti tagħhom fl-Unjoni u l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

(2)

F’każ ta’ tifqigħa tad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’annimali porċini miżmuma, hemm riskju serju li dik il-marda tinxtered fi stabbilimenti oħra tal-annimali porċini miżmuma.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2020/687 (2) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1)(a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) 2016/429, u ddefinit bħala mard tal-kategoriji A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni(UE) Nru 2018/1882 (3). B’mod partikolari, l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona ristretta f’każ ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A, inkluż id-deni Afrikan tal-ħnieżer, kif ukoll ċerti miżuri li jridu jiġu applikati fiha. Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat jipprevedi li ż-żona ristretta trid tinkludi żona ta’ protezzjoni, żona ta’ sorveljanza, u jekk ikun meħtieġ aktar żoni ristretti madwar iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza jew maġenbhom.

(4)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/605 (4) jistabbilixxi miżuri ta’ kontroll speċjali għad-deni Afrikan tal-ħnieżer B’mod partikolari, il-punt (a) tal-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jipprevedi l-istabbiliment ta’ żona ristretta fil-każ ta’ tifqigħa tad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’annimali porċini miżmuma, f’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687.

(5)

L-Estonja infurmat lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fit-territorju tagħha, wara tifqigħa ta’ dik il-marda fil-kontea ta’ Harju kkonfermata fl-14 ta’ Lulju, u, f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/605, stabbiliet żona ristretta, li tinkludi żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, li fiha jiġu applikati l-miżuri ġenerali għall-kontroll tal-mard stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, sabiex jiġi evitat aktar tixrid ta’ dik il-marda.

(6)

Sabiex jiġi evitat kull xkiel bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni u sabiex jiġu evitati ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi, jeħtieġ li fil-livell tal-Unjoni, tiġi identifikata malajr iż-żona ristretta, li tinkludi ż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, b’rabta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fl-Estonja u b’kollaborazzjoni ma’ dak l-Istat Membru.

(7)

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tat-tixrid tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, huwa importanti li l-miżuri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni japplikaw malajr kemm jista’ jkun.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Estonja għandha tiżgura li ż-żona ristretta stabbilita minn dak l-Istat Membru, li fiha japplikaw il-miżuri previsti għaż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, tinkludi mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta’ Settembru 2021.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Estonja.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2021.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/605 tas-7 ta’ April 2021 li jistabbilixxi miżuri ta’ kontroll speċjali għad-deni Afrikan tal-ħnieżer (ĠU L 129, 15.4.2021, p. 1).


ANNESS

Iż-żoni stabbiliti bħala ż-żona ristretta fl-Estonja kif imsemmi fl-Artikolu 1

Id-data sa meta applikabbli

Żona ta’ protezzjoni:

Kiili vald: il-villaġġi ta’ Kiili, Lähtse, Vaela, Sausti, Mõisaküla

30 ta’ Settembru 2021

Żona ta’ sorveljanza:

Kiili vald esklużi l-villaġġi ta’ Kiili, Lähtse, Vaela, Sausti, Mõisaküla;

Saku vald: il-villaġġi ta’ Tammejärve, Kajamaa, Saustinõmme, Lokuti, Sookaera-Metsanurga, Tõdva, Kirdalu, Tagadi;

Rae vald: il-villaġġi ta’ Vaidasoo, Vaida, Patika, Suurest, Veskitaguse, Aaviku, Kautjala, Seli, Limu, Pajupea, Vaskjala, Jüri, Karla, Pildiküla, Lehmja, Kurna, Uuesalu, Assaku, Järveküla, Peetri, Rae.


Top