EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D1137

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1137 tat-30 ta’ Ġunju 2021 dwar it-talba għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “EcoScore Ewropew” (European EcoScore) skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2021) 4951) (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

C/2021/4951

OJ L 246, 12.7.2021, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/1137/oj

12.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 246/4


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1137

tat-30 ta’ Ġunju 2021

dwar it-talba għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “EcoScore Ewropew” (European EcoScore) skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2021) 4951)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) u (3) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-13 ta’ Mejju 2021, ġiet ippreżentata talba lill-Kummissjoni għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “EcoScore Ewropew”.

(2)

L-objettivi tal-inizjattiva huma espressi kif ġej: “Aħna moviment ta’ ċittadini mmexxi minn grupp ta’ żgħażagħ minn madwar l-Ewropa kollha li jixtiequ jieħdu azzjoni konkreta għall-ambjent tagħna! Fid-dawl tal-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku għall-Ewropa u l-Ftehim ta’ Pariġi, nappellaw lill-Kummissjoni Ewropea biex timponi “EcoScore Ewropew” affidabbli. Dan jikkonsisti f’tikketta li tipprovdi lill-konsumaturi Ewropej b’informazzjoni trasparenti dwar l-impatt ambjentali tal-prodotti manifatturati jew mibjugħa fis-suq tal-Unjoni Ewropea. Din l-indikazzjoni obbligatorja u viżibbli b’mod ċar fuq l-imballaġġ tipprovdi informazzjoni sempliċi u affidabbli dwar l-impatt ambjentali tal-prodott skont l-ittra magħżula (‘A’ = li jiffavorixxi l-ambjent għalkollox, filwaqt li ‘F’ = li jagħmel ħsara kbira lill-ambjent).”

(3)

L-objettivi speċifiċi tal-inizjattiva huma dawn li ġejjin: “[1] biex il-konsumaturi Ewropej ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati li jqisu l-impatt ambjentali tal-prodotti offruti, abbażi ta’ indikazzjoni ċara u affidabbli; [2] biex jinkoraġġixxu lill-professjonisti jnaqqsu l-impatt ambjentali tal-prodotti tagħhom filwaqt li jenfasizzaw il-prodotti li diġà huma favur l-ambjent; [3] li tiġi offruta tikketta uniformi bbażata fuq kalkolu standardizzat għat-territorju Ewropew kollu kemm hu, filwaqt li tiġi evitata l-konfużjoni għall-konsumatur li jiffaċċja l-multiplikazzjoni tat-tikketti ambjentali.”

(4)

L-Anness jipprovdi aktar dettalji dwar is-suġġett, l-objettivi u l-isfond tal-inizjattiva. L-organizzaturi jfaħħru l-fatt li l-Unjoni diġà qed tieħu azzjoni proattiva biex tiġġieled it-tibdil fil-klima. Huma jsostnu li hemm domanda dejjem tikber mill-konsumaturi għal informazzjoni ċara u trasparenti dwar il-prodotti li jixtru. Dawn jirreferu għas-suċċess ta’ inizjattivi u tikketti simili oħra li jindikaw il-kwalità nutrittiva tal-prodotti tal-ikel jew jirrappurtaw dwar l-impatt ambjentali tal-prodotti. Peress li dawn huma prinċipalment inizjattivi privati, l-organizzaturi jiddikjaraw li hemm nuqqas ta’ armonizzazzjoni fl-approċċ u fl-implimentazzjoni madwar l-Unjoni. Fil-fehma tagħhom, jenħtieġ li t-tikketta Ewropea “EcoScore” proposta tkun obbligatorja, u li tkun toffri indikazzjoni uniformi bbażata fuq proċess ta’ kalkolu identiku għall-Unjoni kollha. Jenħtieġ li d-determinazzjoni tal-metodi ta’ kalkolu li jintużaw tkun ibbażata fuq evidenza xjentifika, bit-tikketta faċilment disponibbli għall-konsumaturi (pereżempju, barcode fuq il-prodott li jista’ jiġi skennjat).

(5)

L-organizzaturi jistiednu lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni li timponi tikketta uniformi għall-prodotti mmanifatturati jew mibjugħa fl-Unjoni li tipprovdi liċ-ċittadini tal-Unjoni b’informazzjoni trasparenti dwar l-impatt ambjentali ta’ dawn il-prodotti.

(6)

Din il-proposta tista’ tkun ibbażata fuq l-Artikolu 114 jew l-Artikolu 192 tat-Trattat. L-Artikolu 114 tat-Trattat jipprovdi bażi legali għall-Kummissjoni biex tipproponi miżuri għall-approssimizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li l-għan tagħhom huwa l-istabbiliment u t-tħaddim tas-suq intern. L-Artikolu 192 tat-Trattat jipprovdi bażi legali għall-Kummissjoni biex tipproponi miżuri biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent, stabbiliti fl-Artikolu 191 tat-Trattat, b’mod partikolari l-preservazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, l-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali u l-promozzjoni ta’ miżuri fil-livell internazzjonali biex jittrattaw problemi ambjentali reġjonali jew dinjija, u b’mod partikolari l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

(7)

Għal dawn ir-raġunijiet, l-ebda parti mill-inizjattiva ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati.

(8)

Din il-konklużjoni hija mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet fattwali u sostantivi konkreti meħtieġa biex il-Kummissjoni taġixxi, inklużi l-konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, ikunux issodisfati f’dan il-każ.

(9)

Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-Regolament.

(10)

L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma hija manifestament kuntrarja għall-valuri tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-drittijiet minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(11)

Jenħtieġ, għalhekk, li l-inizjattiva intitolata “EcoScore Ewropew” tiġi rreġistrata,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “EcoScore Ewropew” għandha tiġi rreġistrata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “EcoScore Ewropew”, irrappreżentat mis-Sur Antoine THILL u mis-Sinjura Elsa KRAEMER li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Věra JOUROVÁ

Viċi President


(1)  ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55.


Top