EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D0845

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/845 tas-26 ta’ Mejju 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1202 fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ kif l-akkumulazzjonijiet tat-trab jaqbdu spontanjament

C/2021/3542

OJ L 186, 27.5.2021, p. 28–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/09/2022; Impliċitament imħassar minn 32022D1668

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/845/oj

27.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 186/28


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/845

tas-26 ta’ Mejju 2021

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1202 fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ kif l-akkumulazzjonijiet tat-trab jaqbdu spontanjament

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-prodotti li jkunu konformi ma’ standards armonizzati jew ma’ partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu preżunti konformi mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza stabbiliti fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva koperti minn dawk l-istandards jew minn partijiet minnhom.

(2)

Bl-ittra BC/CEN/46-92 – BC/CLC/05-92 tat-12 ta’ Diċembru 1994, il-Kummissjoni għamlet talba lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) għat-tfassil u għar-reviżjoni tal-istandards armonizzati b’appoġġ għad-Direttiva 94/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Dik id-Direttiva ġiet sostitwita bid-Direttiva 2014/34/UE mingħajr ma nbidlu r-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva 94/9/KE.

(3)

B’mod partikolari, is-CEN u s-CENELEC intalbu jfasslu standard dwar id-disinn u l-ittestjar ta’ tagħmir għall-użu f’atmosferi potenzjalment esplużivi kif indikat fil-Kapitolu I tal-programm ta’ standardizzazzjoni maqbul bejn is-CEN u s-CENELEC u l-Kummissjoni u mehmuża mat-talba BC/CEN/46-92 – BC/CLC/05-92. Is-CEN u s-CENELEC intalbu wkoll jirrevedu l-istandards eżistenti bl-għan li jallinjawhom mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza tad-Direttiva 94/9/KE.

(4)

Abbażi tat-talba BC/CEN/46-92 – BC/CLC/05-92, is-CEN irreveda l-istandard EN 15188:2007 dwar id-determinazzjoni ta’ kif akkumulazzjoni ta’ trab taqbad spontanjament. Bħala riżultat ta’ dik ir-reviżjoni, is-CEN ippreżenta lill-Kummissjoni l-istandard EN 15188:2020.

(5)

Il-Kummissjoni flimkien mas-CEN ivvalutat jekk l-istandard EN 15188:2020 imfassla mis-CEN huwiex konformi mat-talba BC/CEN/46-92 – BC/CLC/05-92.

(6)

L-istandard EN 15188:2020 jissodisfa r-rekwiżiti li għandu l-għan li jkopri u li huma stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva 2014/34/UE. Għalhekk jixraq li tiġi ppubblikata r-referenza ta’ dak l-istandard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(7)

L-istandard EN 15188:2020 jissostitwixxi l-istandard EN 15188:2007. Għalhekk jeħtieġ li r-referenza tal-istandard EN 15188:2007 tiġi rtirata minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(8)

Sabiex il-manifatturi jkollhom biżżejjed żmien biex jadattaw il-prodotti tagħhom għall-verżjoni riveduta tal-istandard EN 15188:2007, jeħtieġ li l-irtirar tar-referenza ta’ dak l-istandard jiġi differit.

(9)

Ir-referenzi tal-istandards armonizzati mfassla b’appoġġ għad-Direttiva 2014/34/UE huma ppubblikati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1202 (4). Sabiex jiġi żgurat li r-referenzi tal-istandards armonizzati mfassla b’appoġġ għad-Direttiva 2014/34/UE jkunu elenkati fl-istess att, ir-referenzi tal-istandards EN 15188:2020 u EN 15188:2007 jenħtieġ li jiġu inklużi f’dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni.

(10)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1202 tiġi emendata skont dan.

(11)

Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta’ tali standard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1202 huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-Anness II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1202 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12

(2)  Id-Direttiva 2014/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għal tagħmir u sistemi ta’ protezzjoni maħsuba għall-użu f’atmosferi potenzjalment esplużivi (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 309).

(3)  Id-Direttiva 94/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Marzu 1994 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jikkonċernaw it-tagħmir u sistemi ta’ protezzjoni maħsuba għall-użu f’atmosferi potenzjalment esplussivi (ĠU L 100, 19.4.1994, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1202 tat-12 ta’ Lulju 2019 dwar l-istandards armonizzati għal tagħmir u sistemi ta’ protezzjoni maħsuba għall-użu f’atmosferi potenzjalment esplużivi mfassla b’sostenn għad-Direttiva 2014/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 189, 15.7.2019, p. 71).


ANNESS I

Fl-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1202 tiżdied l-entrata li ġejja:

Nru

Referenza tal-istandard

“3.

EN 15188:2020

Determinazzjoni ta’ kif l-akkumulazzjonijiet tat-trab jaqbdu spontanjament”.


ANNESS II

Fl-Anness II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1202 tiżdied l-entrata li ġejja:

Nru

Referenza tal-istandard

Data tal-irtirar

“3.

EN 15188:2007

Determinazzjoni ta’ kif l-akkumulazzjonijiet tat-trab jaqbdu spontanjament

Is-27 ta’ Novembru 2022”.


Top