EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D0748

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/748 tas-6 ta’ Mejju 2021 dwar il-parteċipazzjoni tal-Kanada fil-proġett PESCO Mobbiltà Militari

ST/7557/2021/INIT

OJ L 160, 7.5.2021, p. 106–108 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/748/oj

7.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 160/106


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/748

tas-6 ta’ Mejju 2021

dwar il-parteċipazzjoni tal-Kanada fil-proġett PESCO Mobbiltà Militari

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 46(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2315 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li tistabbilixxi kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) u li tiddetermina l-lista ta’ Stati Membri parteċipanti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tagħha,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1639 tal-5 ta’ Novembru 2020 li tistabbilixxi kondizzjonijiet ġenerali li skonthom Stati terzi jkunu jistgħu b’mod eċċezzjonali jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fi proġetti individwali tal-PESCO (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(4) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

L-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 jipprevedi li l-Kunsill għandu jiddeċiedi f’konformità mal-Artikolu 46(6) tat-Trattat jekk Stat terz, li l-Istati Membri parteċipanti li qed jieħdu sehem fi proġett jixtiequ jistiednu biex jieħu sehem f’dak il-proġett, jissodisfax ir-rekwiżiti li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill.

(2)

Fis-6 ta’ Marzu 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/340 (3). L-Artikolu 1 ta’ dik id-Deċiżjoni jipprevedi li proġett intitolat “Mobbiltà Militari” (il-“proġett PESCO Mobbiltà Militari”) għandu jiġi żviluppat taħt il-PESCO minn 24 membru tal-proġett, inkluż in-Netherlands bħala koordinatur tal-proġett.

(3)

Fil-5 ta’ Novembru 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, li stabbiliet il-kondizzjonijiet ġenerali li skonthom Stati terzi jkunu jistgħu b’mod eċċezzjonali jiġu mistiedna jipparteċipaw fi proġetti individwali tal-PESCO. L-Artikolu 2(4) ta’ dik id-Deċiżjoni jipprevedi li, abbażi ta’ notifika mill-koordinatur jew il-koordinaturi ta’ proġett tal-PESCO, u wara opinjoni mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS), il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 46(6) tat-Trattat u l-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 dwar jekk il-parteċipazzjoni tal-Istat terz f’dak il-proġett tissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639.

(4)

Fil-15 ta’ Frar 2021, il-Kanada bagħtet lill-koordinatur tal-proġett PESCO Mobbiltà Militari t-talba tagħha għall-parteċipazzjoni f’dak il-proġett, f’konformità mal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639. Il-membri tal-proġett imbagħad ivvalutaw, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Kanada, jekk hija tikkonformax mal-kondizzjonijiet ġenerali, skont l-Artikolu 2(2) ta’ dik id-Deċiżjoni.

(5)

Fis-17 ta’ Marzu 2021, il-koordinatur tal-proġett PESCO Mobbiltà Militari innotifika lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, f’konformità mal-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, li l-membri ta’ dak il-proġett kienu qablu b’mod unanimu f’dik id-data li jixtiequ jistiednu lill-Kanada biex tipparteċipa f’dak il-proġett. Il-membri tal-proġett qablu b’mod unanimu wkoll dwar l-ambitu, il-forma u l-istadji rilevanti tal-parteċipazzjoni tal-Kanada f’dak il-proġett, u li l-Kanada tikkonforma mal-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dik d-Deċiżjoni.

(6)

Fit-30 ta’ Marzu 2021, il-KPS qabel dwar opinjoni dwar in-notifika rigward it-talba mill-Kanada biex tipparteċipa fil-proġett PESCO Mobbiltà Militari. B’mod partikolari, il-KPS ħa nota tad-deskrizzjoni ta’ dak il-proġett kif ipprovduta fin-notifika, inkluż l-objettivi, l-organizzazzjoni u t-teħid ta’ deċiżjonijiet tiegħu kif ukoll l-oqsma ta’ prijorità ta’ ħidma tiegħu. Il-KPS innota wkoll li l-ebda informazzjoni klassifikata jew sensittiva tal-UE ma tiġi kondiviża f’dak il-proġett u li l-proġett mhuwiex implimentat bl-appoġġ tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża fis-sens tal-Artikolu 3(g) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639. Barra minn hekk, il-KPS innota li l-proġett PESCO Mobbiltà Militari ma jinvolvix l-akkwist ta’ armamenti, ir-riċerka u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet, jew l-użu u l-esportazzjoni ta’ armi jew kapaċitajiet u teknoloġija u li ma jinvolvix entitajiet, investimenti, finanzjament mill-Istati Membri parteċipanti tal-PESCO, jew talbiet għal finanzjament mill-Unjoni għal attivitajiet tal-proġett.

(7)

Fl-opinjoni tiegħu, il-KPS qabel ukoll mal-ambitu, il-forma u l-firxa proposti tal-parteċipazzjoni tal-Kanada fil-proġett PESCO Mobbiltà Militari kif deskritti fin-notifika. Huwa rrikonoxxa li l-Kanada kienet esprimiet li hija tappoġġa bis-sħiħ l-ambitu ta’ dak il-proġett kif definit fin-notifika.

(8)

Fl-istess opinjoni, il-KPS ikkonferma l-fehma maqbula b’mod unanimu mill-membri tal-proġett PESCO Mobbiltà Militari li l-Kanada tikkonforma mal-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, kif ġej:

il-Kanada tissodisfa l-kondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(a), li teħtieġ il-kondiviżjoni tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat, u l-prinċipji msemmija fl-Artikolu 21(1) tat-Trattat, kif ukoll l-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) fil-punti (a), (b), (c) u (h) tal-Artikolu 21(2) tat-Trattat; li ma tmurx kontra l-interessi tas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, inkluż ir-rispett għall-prinċipju ta’ relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat mal-Istati Membri; u li jkollha djalogu politiku mal-Unjoni, li jenħtieġ li jkopri wkoll aspetti ta’ sigurtà u difiża meta tipparteċipa f’dan il-proġett tal-PESCO Mobbiltà Militari;

fir-rigward tal-kondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(b) dwar il-valur miżjud sostanzjali tal-Kanada għall-proġett PESCO Mobbiltà Militari, in-notifika tipprovdi deskrizzjoni dettaljata tal-kontribut tal-Kanada, inkluż dwar l-ambitu, il-forma u l-firxa tal-parteċipazzjoni tagħha f’dak il-proġett, li tissostanzja l-issodisfar ta’ dik il-kondizzjoni;

fir-rigward tal-kondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(c), il-parteċipazzjoni tal-Kanada fil-proġett PESCO Mobbiltà Militari ser tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) u l-livell ta’ ambizzjoni tal-Unjoni inkluż b’appoġġ għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, kif speċifikat ukoll fin-notifika;

fir-rigward tal-kondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(d), il-proġett PESCO Mobbiltà Militari ma jindirizzax l-akkwist ta’ armamenti, ir-riċerka u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet, u lanqas l-użu u l-esportazzjoni ta’ armi jew kapaċitajiet u teknoloġija. Ma jiżviluppa l-ebda kapaċità jew teknoloġija. Konsegwentement, il-parteċipazzjoni tal-Kanada f’dak il-proġett mhux ser twassal għal dipendenzi fuq il-Kanada jew għal restrizzjonijiet imposti minnha kontra xi Stat Membru;

il-konsistenza meħtieġa, stabbilita fl-Artikolu 3(e), tal-parteċipazzjoni tal-Kanada mal-impenji aktar vinkolanti rilevanti tal-PESCO, rigward ukoll il-kapaċità ta’ skjerament u l-interoperabbiltà tal-forzi li dan il-proġett qed jgħin biex jitwettqu, kif speċifikat fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315, hija ssodisfata wkoll, kif spjegat aktar fid-dettall fin-notifika. Peress li l-proġett PESCO Mobbiltà Militari mhuwiex proġett orjentat lejn il-kapaċitajiet, il-kondizzjoni dwar il-kontribut tal-parteċipazzjoni tal-Kanada għall-issodisfar tal-prijoritajiet li joħorġu mill-Pjan tal-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet u r-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża jew għal impatt pożittiv fuq il-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea mhijiex applikabbli f’dan il-kuntest;

ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 3(f) huwa ssodisfat peress li ftehim dwar is-sigurtà tal-informazzjoni bejn l-Unjoni u l-Kanada (4) ilu fis-seħħ mill-1 ta’ Ġunju 2018;

il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(g) mhijiex applikabbli f’dan il-każ, peress li l-proġett PESCO Mobbiltà Militari mhuwiex implimentat bl-appoġġ tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u għalhekk mhuwiex meħtieġ arranġament amministrattiv li daħal fis-seħħ ma’ dik l-Aġenzija;

fir-rigward tal-kondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(h), il-Kanada impenjat ruħha li tfittex li tikkonkludi arranġament amministrattiv speċifiku għall-proġett u kwalunkwe dokumentazzjoni neċessarja oħra tal-proġett f’konformità mad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (PESK) 2017/2315 u (PESK) 2018/909 (5).

(9)

Il-KPS irrakkomanda fl-opinjoni tiegħu tat-30 ta’ Marzu 2021 li l-Kunsill jieħu deċiżjoni pożittiva dwar jekk il-parteċipazzjoni tal-Kanada fil-proġett PESCO Mobbilità Militari tissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639.

(10)

Il-Kunsill għandu għalhekk jiddeċiedi li l-parteċipazzjoni tal-Kanada fil-proġett PESCO Mobbilità Militari tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639. Sussegwentament, il-koordinatur tal-proġett għandu jibgħat stedina għall-parteċipazzjoni f’dak il-proġett lill-Kanada, f’isem il-membri tal-proġett. Il-Kanada għandha tingħaqad ma’ dak il-proġett fid-data speċifikata fl-arranġament amministrattiv li għandhom jidħlu fih il-membri tal-proġett u l-Kanada, skont l-Artikolu 2(7) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, u għandu jkollha d-drittijiet u l-obbligi ddeterminati f’dak l-arranġament, f’konformità mal-Artikolu 4(1) ta’ dik id-Deċiżjoni. Il-Kunsill għandu jeżerċita s-sorveljanza tiegħu f’konformità mal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, u fil-każ li jseħħu ċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 6(2) jew (3) ta’ dik id-Deċiżjoni il-Kunsill jista’ jieħu deċiżjonijiet ulterjuri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-parteċipazzjoni tal-Kanada fil-proġett PESCO Mobbilità Militari tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  ĠU L 331, 14.12.2017, p. 57.

(2)  ĠU L 371, 6.11.2020, p. 3.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/340 tas-6 ta’ Marzu 2018 li tistabbilixxi l-lista ta’ proġetti li għandhom jiġu żviluppati taħt il-PESCO (ĠU L 65, 8.3.2018, p. 24).

(4)  Il-Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 333, 15.12.2017, p. 2).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/909 tal-25 ta’ Ġunju 2018 li tistabbilixxi sett komuni ta’ regoli ta’ governanza għall-proġetti PESCO (ĠU L 161, 26.6.2018, p. 37).


Top