EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020Y1229(01)

Konklużjonijiet Konġunti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar Objettivi u Prijoritajiet ta’ Politika għall-2020-2024 2021/C 451 I/02

OJ C 451I, 29.12.2020, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CI 451/4


Konklużjonijiet Konġunti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar

Objettivi u Prijoritajiet ta’ Politika għall-2020-2024

(2021/C 451 I/02)

Għat-terminu leġiżlattiv sal-2024, it-tliet Istituzzjonijiet jaqblu li jwettqu aġenda politika u leġiżlattiva ambizzjuża għall-irkupru u l-vitalità mġedda. Din hija aġenda pożittiva għal Unjoni aktar reżiljenti li qed tagħmel l-almu tagħha biex tirkupra mill-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 filwaqt li taħtaf l-opportunitajiet taż-żewġ trasformazzjonijiet - dik klimatika u dik diġitali - u ssaħħaħ l-awtonomija strateġika miftuħa tal-Ewropa. Biex inqiegħdu l-Unjoni u s-sħab tagħha fit-triq lejn l-irkupru u nħejju għal dawn it-tranżizzjonijiet, aħna ser nagħtu prijorità lill-objettivi li ġejjin matul l-erba’ snin li ġejjin:

1.

Ser nagħmlu kull sforz biex niżguraw irkupru sħiħ mill-pandemija tal-COVID-19 li ma jħalli lil ħadd jibqa’ lura. Ser inkomplu nipproteġu l-ħajjiet u l-għajxien, nappoġġaw il-persunal mediku u niżguraw id-disponibbiltà ta’ oġġetti mediċi fl-UE u barra minnha, u nagħtu prijorità lill-iżvilupp u d-distribuzzjoni madwar id-dinja ta’ vaċċin. Ser inkomplu nikkonċentraw l-isforzi tagħna fuq miżuri biex jittaffew l-effetti tal-kriżi ekonomika. Ser nużaw il-baġit pluriennali ambizzjuż tagħna, imsaħħaħ minn NextGenerationEU, biex nixprunaw l-irkupru u nsawru l-ekonomija ta’ għada filwaqt li nimplimentaw il-pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda. Ser napprofondixxu s-suq uniku biex nirfdu rkupru b’saħħtu u nsawru Ewropa aktar kompetittiva u aktar sostenibbli. Ser nindirizzaw it-tagħlimiet mill-kriżi tas-saħħa u l-vulnerabbiltajiet li kixfet, b’kooperazzjoni aktar ambizzjuża fis-saħħa u l-protezzjoni ċivili, u nibnu Unjoni Ewropea tas-Saħħa, filwaqt li nirrispettaw il-kompetenzi nazzjonali.

2.

Lil hinn mill-immaniġġar tal-pandemija b’mod koordinat, ser nintensifikaw il-ħidma tagħna biex nibnu l-Unjoni ta’ għada. Għal dan il-għan, ser nagħtu prijorità lill-azzjonijiet li jaċċelleraw it-tranżizzjoni lejn soċjetà aktar ġusta, aktar sana, aktar ekoloġika u aktar diġitali fl-UE u fix-xena globali. Ser nagħtu spinta lir-riċerka u l-iżvilupp tagħna kif ukoll lill-kapaċità ta’ innovazzjoni tagħna biex naċċelleraw it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, b’mod partikolari f’oqsma ewlenin bħas-settur tal-enerġija, il-computing ta’ prestazzjoni għolja u l-intelliġenza artifiċjali affidabbli.

3.

It-tmexxija globali tal-UE fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima tibqa’ prijorità ewlenija peress li t-tnaqqis drastiku fl-emissjonijiet u l-użu aktar effiċjenti tar-riżorsi fis-setturi kollha tal-ekonomija saru imperattiv urġenti. Fl-istess ħin, it-tranżizzjoni ekoloġika ġġib magħha opportunitajiet kbar ħafna għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, filwaqt li ttejjeb ir-reżiljenza tagħna għat-tibdil fil-klima. Fl-erba’ snin li ġejjin, ser insegwu l-għanijiet tagħna ta’ newtralità klimatika sal-2050, tat-tranżizzjoni soċjalment ġusta lejn ekonomija kompetittiva, sostenibbli u ċirkolari, tal-protezzjoni tal-bijodiversità, u tal-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU għall-2030.

4.

Il-kriżi tal-COVID-19 aċċellerat l-iperkonnettività u l-integrazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda li jsawru l-mod kif ngħixu u jittrasformaw il-mod kif nitgħallmu, naħdmu, nissoċjalizzaw u nikkunsmaw. Il-kriżi kixfet ukoll il-vulnerabbiltajiet li qed tiffaċċa l-Ewropa - li jvarjaw miċ-ċibersigurtà għal kwistjonijiet ta’ kapaċità u infrastruttura tal-broadband insuffiċjenti f’bosta reġjuni. Biex insaħħu postna fl-ekonomija globali u niddefendu l-valuri tagħna, ser insawru s-soluzzjonijiet diġitali tagħna stess u nistabbilixxu s-sovranità diġitali tal-Ewropa. L-isforzi tagħna jeħtieġ li jiffukaw fl-istess ħin fuq l-aċċess għad-data u l-protezzjoni tagħha, l-iżvilupp ta’ teknoloġija innovattiva u l-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tagħna. Biex nużaw il-momentum attwali u npoġġu lill-Ewropa fuq perkors ambizzjuż lejn diġitalizzazzjoni ulterjuri, ser niddefinixxu miri diġitali ċari għall-2030 u naħdmu b’mod konġunt lejn ir-realizzazzjoni tagħhom. L-effetti ekonomiċi tal-kriżi u l-veloċità tal-irkupru mhux ser ikunu l-istess għall-gruppi kollha fis-soċjetà u f’kull reġjun tal-UE. Il-kriżi żiedet il-qgħad, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ u n-nisa li jaħdmu f’tipi vulnerabbli ta’ impjiegi. Huwa għalhekk li ser nadottaw miżuri biex inkomplu nimplimentaw il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b’mod partikolari biex nissalvagwardjaw id-drittijiet tal-ħaddiema fl-ekonomija diġitali, nipprovdu opportunitajiet indaqs għal kulħadd, niżviluppaw qafas għal pagi minimi adegwati, u nagħmlu l-pagi aktar trasparenti.

5.

Biex l-ekonomija tagħna ssir aktar reżiljenti u robusta, ser inkomplu nsaħħu l-pedamenti tagħha. Ser niżguraw il-moviment liberu permezz tal-funzjonament tajjeb taż-Żona Schengen, ninfurzaw, napprofondixxu u nerġgħu nagħtu l-ħajja lis-suq uniku, nappoġġaw il-programmi nazzjonali ta’ riforma u ta’ investiment, u ninċentivaw l-investimenti privati biex nirriattivaw l-ekonomija. Ser insegwu politika industrijali Ewropea ambizzjuża biex nagħmlu l-industrija tagħha aktar sostenibbli, ekoloġika, globalment kompetittiva u aktar reżiljenti. Jeħtieġ li nsaħħu l-munita unika tagħna, niżguraw stabbiltà finanzjarja akbar u nipproteġu lilna nfusna mill-kriminalità finanzjarja, il-frodi, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, u l-ħasil tal-flus. In-negozji u l-popli Ewropej jeħtieġ li jkunu protetti minn kompetizzjoni inġusta minn barra. Biex niksbu dan, ser nintroduċu sett xieraq ta’ azzjonijiet dwar it-tassazzjoni u nindirizzaw l-effetti distorsivi li ċerti sussidji barranin għandhom fuq is-suq uniku tagħna. Biex nevitaw nuqqasijiet fil-provvista u dipendenzi fuq oġġetti li huma kruċjali għas-sikurezza taċ-ċittadini tagħna jew għall-funzjonament tal-ekonomija tagħna, ser nidentifikaw dipendenzi strateġiċi u nieħdu azzjoni biex innaqqsuhom. Ser insaħħu l-awtonomija strateġika miftuħa u r-reżiljenza tagħna u nżommu l-impenn sod tagħna għal kummerċ miftuħ u bbażat fuq ir-regoli.

6.

Qed jiżdiedu t-tentattivi minn reġimi awtoritarji biex ixerrdu narrattivi qarrieqa dwar il-pandemija tal-COVID-19 u jimminaw is-soċjetajiet demokratiċi tagħna. Il-futur tal-Unjoni tagħna ser jiddependi fuq il-kapaċità tagħna li niddefendu l-valuri komuni tagħna u nsaħħu l-mudell demokratiku tagħna. Aħna impenjati bis-sħiħ għall-prinċipju tal-istat tad-dritt li fuqu hija bbażata s-sistema demokratika tagħna. Ser naġixxu b’mod deċiżiv biex niggarantixxu s-sigurtà tal-Ewropej. Ser insaħħu wkoll il-kapaċità komuni tagħna li nirreaġixxu għat-terroriżmu u t-theddid ibridu, it-theddid u r-reati transsettorjali, transkonfinali u ibridi emerġenti u eżistenti. Il-poplu huwa l-qalb li tħabbat tad-demokrazija tagħna. Ser nindirizzaw il-kwistjonijiet urġenti tas-soċjetà relatati mat-tibdil demografiku. Ser inkomplu niddefendu r-rispett għad-drittijiet fundamentali u n-nondiskriminazzjoni kemm fil-pajjiżi tagħna kif ukoll barra minnhom. Ser niġġieldu r-razziżmu u naħdmu għal Unjoni ta’ ugwaljanza bi drittijiet u opportunitajiet indaqs għal kulħadd. Ser niffinalizzaw il-ħidma tagħna fuq riforma komprensiva tas-sistema tagħna tal-migrazzjoni u l-ażil biex niżguraw approċċ effiċjenti u uman u ngħammru lilna nfusna bl-għodod biex niffaċċjaw sfidi futuri.

7.

Ser insaħħu r-rwol tal-UE bħala attur globali: il-kooperazzjoni hija essenzjali biex jiġu influwenzati l-iżviluppi globali li jsawru l-futur tagħna u biex tiġi sostnuta s-saħħa tal-pjaneta tagħna. Huwa għalhekk li ser nippromwovu u nirriformaw l-ordni globali multilaterali u bbażat fuq ir-regoli. Ser naħdmu mill-qrib mas-sħab strateġiċi tagħna u pajjiżi tal-istess fehma, b’mod partikolari mal-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti, biex niksbu dawn l-objettivi. Ser insegwu politika ta’ tkabbir imsaħħa mill-ġdid, nagħtu attenzjoni partikolari lis-sħab tagħna fil-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar u nippromwovu sħubija vibranti mal-Afrika. Ser intejbu l-kapaċitajiet ta’ difiża tagħna għal Ewropa aktar b’saħħitha bħala parti minn alleanza transatlantika aktar b’saħħitha. Ser naħdmu għal WTO b’saħħitha u kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, filwaqt li niżguraw il-kapaċità tagħna li nirreaġixxu għal prattiki inġusti u nuqqas ta’ reċiproċità.

Dawn l-objettivi u l-prijoritajiet ta’ politika ser jispiraw u jiggwidaw l-azzjoni tagħna fis-snin li ġejjin. Ser ninkorporaw il-previżjoni strateġika fit-tfassil ta’ politika tagħna biex nifhmu aħjar l-effetti futuri tal-għażliet ta’ politika tal-lum, biex nirnexxu fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u biex insaħħu l-kapaċità tagħna li ninfluwenzaw l-iżviluppi globali. Ser naħdmu flimkien sabiex inġibu r-riżultati għaċ-ċittadini tagħna. F’dan ir-rigward, ser nipprovdu mezzi biex isemmgħu leħinhom fit-tfassil ta’ politika tal-UE, inkluż permezz tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa. Ser inkunu ggwidati mill-prinċipji tal-valur miżjud Ewropew, is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u l-użu tal-potenzjal sħiħ li joffru t-Trattati.

Magħmul fi Brussel fl-għaxar jum ta’ Diċembru fis-sena elfejn u għoxrin.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Image 1

David SASSOLI

Għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Il-President

Image 2

Angela MERKEL

Għall-Kummissjoni Ewropea

Il-President

Image 3

Ursula von der LEYEN


Top