EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R2092

Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni

OJ L 433I , 22.12.2020, p. 1–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2092/oj

22.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 433/1


REGOLAMENT (UE, Euratom) 2020/2092 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Diċembru 2020

dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 322(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Unjoni hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi, minquxa fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Kif imsemmi fl-Artikolu 2 tat-TUE, dawk il-valuri huma komuni għall-Istati Membri kollha f’soċjetà li fiha jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

(2)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti f’konformità mal-prinċipji ġenerali inkorporati fit-Trattati, b’mod partikolari l-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE. Huwa ssottolinja wkoll l-importanza tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u l-importanza tar-rispett għall-istat tad-dritt.

(3)

L-istat tad-dritt jitlob li s-setgħat pubbliċi kollha jaġixxu fil-limiti stabbiliti mil-liġi, skont il-valuri tad-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet fundamentali kif stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) u strumenti applikabbli oħra, u taħt il-kontroll ta’ qrati indipendenti u imparzjali. Dan jitlob, b’mod partikolari, li jiġu rrispettati (3) l-prinċipji tal-legalità (4) li jimplika proċess trasparenti, responsabbli, demokratiku u pluralistiku għat-tfassil tal-liġijiet; taċ-ċertezza legali (5); tal-projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi (6); tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja, minn qrati indipendenti u imparzjali (7); u tas-separazzjoni tas-setgħat (8).

(4)

Il-kriterji tal-adeżjoni stabbiliti mill-Kunsill Ewropew ta’ Copenhagen fl-1993 u msaħħa mill-Kunsill Ewropew ta’ Madrid fl-1995 huma l-kondizzjonijiet essenzjali li pajjiż kandidat għandu jissodisfa biex isir Stat Membru tal-Unjoni. Dawk il-kriterji issa huma minquxa fl-Artikolu 49 TUE.

(5)

Ladarba pajjiż kandidat isir Stat Membru, huwa jsir parti minn struttura legali li hija bbażata fuq il-premessa fundamentali li kull Stat Membru jikkondividi mal-Istati Membri l-oħra kollha, u jirrikonoxxi li dawn jikkondividu miegħu, sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif jippreċiża l-Artikolu 2 TUE. Din il-premessa timplika u tiġġustifika l-eżistenza ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rikonoxximent ta’ dawn il-valuri u, għalhekk, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni li jimplementahom (9). Jenħtieġ li l-liġijiet u l-prattiki tal-Istati Membri jkomplu jikkonformaw mal-valuri komuni li fuqhom hija msejsa l-Unjoni.

(6)

Filwaqt li m’hemm ebda ġerarkija fost il-valuri tal-Unjoni, ir-rispett tal-istat tad-dritt huwa essenzjali għall-protezzjoni tal-valuri fundamentali l-oħra li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, bħalma huma l-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Ir-rispett għall-istat tad-dritt huwa intrinsikament marbut mar-rispett għad-demokrazija u għad-drittijiet fundamentali. Ma jistax ikun hemm demokrazija u rispett għad-drittijiet fundamentali mingħajr rispett għall-istat tad-dritt u viċi versa.

(7)

Kull meta l-Istati Membri jimplimentaw il-baġit tal-Unjoni, inklużi r-riżorsi allokati permezz tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru stabbilit skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 (10), u permezz ta’ self u strumenti oħra ggarantiti mill-baġit tal-Unjoni, u jkun xi jkun il-metodu ta’ implimentazzjoni li jużaw, ir-rispett għall-istat tad-dritt huwa prekondizzjoni essenzjali għall-konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba minquxa fl-Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(8)

Ġestjoni finanzjarja tajba tista’ tiġi żgurata biss mill-Istati Membri jekk l-awtoritajiet pubbliċi jaġixxu f’konformità mal-liġi, jekk każijiet ta’ frodi, inkluż frodi tat-taxxa, evażjoni tat-taxxa, korruzzjoni, kunflitt ta’ interess jew ksur ieħor tal-liġi, jiġu segwiti b’mod effettiv mis-servizzi investigattivi u ta’ prosekuzzjoni, u jekk deċiżjonijiet arbitrarji jew illegali tal-awtoritajiet pubbliċi, inkluż l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, jistgħu jkunu soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv minn qrati indipendenti u mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(9)

L-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura jenħtieġ li jiġu garantiti dejjem, u s-servizzi ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu jwettqu l-funzjoni tagħhom b’mod xieraq. Il-ġudikatura, u s-servizzi ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni jenħtieġ li jkollhom biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani u proċeduri biex jaġixxu b’mod effettiv u b’mod li jirrispetta bis-sħiħ id-dritt ta’ proċess ġust, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża. Is-sentenzi finali jenħtieġ li jiġu implimentati b’mod effettiv. Dawk il-kondizzjonijiet huma meħtieġa bħala garanzija minima kontra deċiżjonijiet illegali u arbitrarji ta’ awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(10)

L-indipendenza tal-ġudikatura tippresupponi, b’mod partikolari, li l-korp ġudizzjarju ikkonċernat ikun jista’ jeżerċita, kemm skont ir-regoli rilevanti kif ukoll fil-prattika, il-funzjonijiet ġudizzjarji tiegħu kompletament b’mod awtonomu, mingħajr ma jkun soġġett għal ebda restrizzjoni ġerarkika jew ikun subordinat għal ebda korp ieħor, u mingħajr ma jirċievi ordnijiet jew struzzjonijiet minn ebda sors, u li għalhekk huwa protett minn interventi jew minn pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza ta’ ġudizzju tal-membri tiegħu u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom. Il-garanziji tal-indipendenza u tal-imparzjalità jeżiġu regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-korp u tal-ħatra, tat-tul ta’ servizz u tar-raġunijiet għar-rifjut u t-tkeċċija ta’ membri tiegħu, sabiex jitneħħa kwalunkwe dubju raġonevoli li jista’ jkollhom xi wħud dwar l-impermeabbiltà ta’ dak il-korp għal fatturi esterni u dwar in-newtralità tiegħu fir-rigward tal-interessi ppreżentati quddiemu.

(11)

Ir-rispett għall-istat tad-dritt mhuwiex essenzjali biss għaċ-ċittadini tal-Unjoni, iżda wkoll għall-inizjattivi imprenditorjali, għall-innovazzjoni, għall-investiment, għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, li jiffjorixxu l-aktar meta jkun hemm fis-seħħ qafas ġuridiku u istituzzjonali sod.

(12)

L-Artikolu 19 TUE, li jagħti espressjoni konkreta għall-valur tal-istat tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2 TUE, jeżiġi li l-Istati Membri jagħtu protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mil-liġi tal-Unjoni, inkluż dawk relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni. L-eżistenza stess ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv maħsub sabiex jiżgura l-konformità mal-liġi tal-Unjoni hija l-essenza tal-istat tad-dritt u tirrikjedi qrati indipendenti (11). Huwa essenzjali li tinżamm l-indipendenza tal-qrati, kif ikkonfermat mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (12). Dan huwa minnu, b’mod partikolari, għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-validità ta’ miżuri, kuntratti jew strumenti oħra li jagħtu lok għal nefqa jew dejn pubbliku, fost l-oħrajn fil-kuntest tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku li jistgħu jinġiebu quddiem il-qrati.

(13)

Hemm għalhekk relazzjoni ċara bejn ir-rispett tal-istat tad-dritt u l-implimentazzjoni effiċjenti tal-baġit tal-Unjoni f’konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba.

(14)

L-Unjoni żviluppat għadd ta’ strumenti u proċessi li jippromwovu l-istat tad-dritt u l-applikazzjoni tiegħu, inkluż appoġġ finanzjarju għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-Mekkaniżmu Ewropew tal-Istat tad-Dritt u t-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE, u li jipprovdu tweġiba effettiva mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-ksur tal-istat tad-dritt permezz ta’ proċedimenti ta’ ksur u l-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE. Il-mekkaniżmu previst f’dan ir-Regolament jikkomplementa dawn l-istrumenti billi jipproteġi l-baġit tal-Unjoni kontra ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt li jaffettwa l-ġestjoni finanzjarja tajba tiegħu jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(15)

Ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt, b’mod partikolari dawk li jaffettwaw il-funzjonament tajjeb tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-istħarriġ ġudizzjarju effettiv, jista’ jagħmel ħsara serja lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Dan huwa l-każ għal ksur individwali tal-prinċipji tal-istat tad-dritt u saħansitra aktar għal ksur mifrux jew minħabba prattiki rikorrenti jew ommissjonijiet mill-awtoritajiet pubbliċi, jew għal miżuri ġenerali adottati minn tali awtoritajiet.

(16)

L-identifikazzjoni ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt teħtieġ valutazzjoni kwalitattiva bir-reqqa mill-Kummissjoni. Dik il-valutazzjoni jenħtieġ li tkun oġġettiva, imparzjali u ġusta, u jeħtieġ li tqis l-informazzjoni rilevanti minn sorsi disponibbli u minn istituzzjonijiet rikonoxxuti, inkluż sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, rapporti tal-Qorti tal-Awdituri, ir-Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt u t-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE, rapporti tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) kif rilevanti, u konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet u networks internazzjonali rilevanti, inklużi l-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa bħall-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (GRECO) u l-Kummissjoni ta’ Venezja, b’mod partikolari l-lista ta’ kontroll tagħha dwar l-istat tad-dritt, u n-networks Ewropej tal-qrati supremi u l-kunsilli tal-ġudikatura. Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u l-Kummissjoni ta’ Venezja jekk ikun meħtieġ biex titħejja bir-reqqa il-valutazzjoni kwalitattiva.

(17)

Il-miżuri skont dan ir-Regolament huma meħtieġa b’mod partikolari f’każijiet fejn proċeduri oħra stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma jippermettux li l-baġit tal-Unjoni jiġi protett b’mod aktar effettiv. Il-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-Unjoni u r-regoli speċifiċi għas-settur u finanzjarji applikabbli jipprevedu diversi possibbiltajiet biex jiġi protett il-baġit tal-Unjoni, inklużi interruzzjonijiet, sospensjonijiet jew korrezzjonijiet finanzjarji marbuta ma’ irregolaritajiet jew nuqqasijiet serji fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll. Jenħtieġ li jiġu ddeterminati l-miżuri li għandhom jiġu adottati f’każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt u l-proċedura biex jiġu adottati t-tali miżuri. Jenħtieġ li tali miżuri jinkludu s-sospensjoni tal-pagamenti u tal-impenji, is-sospensjoni tal-iżborż tal-pagamenti parzjali jew il-ħlas lura bikri tas-self, tnaqqis tal-finanzjament skont l-impenji eżistenti, u projbizzjoni milli jsiru impenji ġodda mar-riċevituri jew milli jsiru ftehimiet ġodda dwar self jew strumenti oħra ggarantiti mill-baġit tal-Unjoni.

(18)

Jenħtieġ li japplika l-prinċipju ta’ proporzjonalità meta jiġu determinati l-miżuri li għandhom jiġu adottati, b’mod partikolari billi jitqiesu s-serjetà tas-sitwazzjoni, iż-żmien li għadda mindu seħħ l-aġir rilevanti, id-durata u r-rikorrenza tal-aġir, l-intenzjoni, il-livell ta’ kooperazzjoni tal-Istat Membru biex itemm il-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt, u l-effetti fuq il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(19)

Huwa essenzjali li l-interessi leġittimi tar-riċevituri u tal-benefiċjarji finali jkunu protetti kif xieraq meta jiġu adottati miżuri f’każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt. Meta tikkunsidra l-adozzjoni tal-miżuri, il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis l-impatt potenzjali tagħhom fuq ir-riċevituri u l-benefiċjarji finali. Meta jitqies li, f’ġestjoni kondiviża, il-pagamenti mill-Kummissjoni lill-Istati Membri huma legalment indipendenti mill-pagamenti mill-awtoritajiet nazzjonali lill-benefiċjarji, il-miżuri xierqa skont dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jitqisux li jaffettwaw id-disponibbiltà tal-finanzjament għall-pagamenti lill-benefiċjarji skont l-iskadenzi tal-pagamenti stabbiliti skont ir-regoli speċifiċi għas-settur u finanzjarji applikabbli. Id-deċiżjonijiet adottati skont dan ir-Regolament u l-obbligi lejn ir-riċevituri jew il-benefiċjarji finali stabbiliti f’dan ir-Regolament huma parti mil-liġi tal-Unjoni applikabbli fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-finanzjament f’ġestjoni kondiviża. L-Istati Membri kkonċernati mill-miżuri jenħtieġ li jirrapportaw regolarment lill-Kummissjoni dwar il-konformità mal-obbligi tagħhom lejn ir-riċevituri jew il-benefiċjarji finali. Ir-rappurtar dwar il-konformità mal-obbligi ta’ pagament lejn il-benefiċjarji stabbiliti fir-regoli speċifiċi għas-settur u finanzjarji applikabbli jenħtieġ li jippermetti lill-Kummissjoni tivverifika li d-deċiżjonijiet skont dan ir-Regolament ma jkollhom ebda impatt, direttament jew indirettament, fuq il-pagamenti li jridu jsiru skont ir-regoli speċifiċi għas-settur u finanzjarji applikabbli.

Biex tissaħħaħ il-protezzjoni tar-riċevituri jew tal-benefiċjarji finali, il-Kummissjoni jenħtieġ li tipprovdi informazzjoni u gwida permezz ta’ sit web jew portal fuq l-Internet, flimkien ma’ għodod adegwati biex il-Kummissjoni tkun informata dwar kwalunkwe ksur tal-obbligu ġuridiku tal-entitajiet tal-gvern u tal-Istati Membri biex ikomplu jagħmlu pagamenti wara li jiġu adottati l-miżuri skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Kummissjoni ssegwi din l-informazzjoni biex tivverifika jekk ir-regoli applikabbli ġewx rispettati, b’mod partikolari l-Artikolu 63, il-punt (b) tal-Artikolu 68(1) u l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) 2020/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ xxx li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi (13). Fejn meħtieġ, sabiex jiġi żgurat li kwalunkwe ammont dovut mill-entitajiet tal-gvern jew mill-Istati Membri jitħallas effettivament lir-riċevituri jew lill-benefiċjarji finali, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirkupra l-pagamenti li jkunu saru, jew, fejn xieraq, tagħmel korrezzjoni finanzjarja billi tnaqqas l-appoġġ tal-Unjoni għal programm f’konformità mar-regoli speċifiċi għas-settur u finanzjarji applikabbli.

(20)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u minħabba l-importanza tal-effetti finanzjarji tal-miżuri adottati skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill, li jenħtieġ jaġixxi fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni.

(21)

Qabel ma tipproponi l-adozzjoni ta’ kwalunkwe miżura skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni jenħtieġ li tinforma lill-Istat Membru kkonċernat għalfejn hija tqis li f’dak l-Istat Membru jista’ jkun hemm ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tinforma mingħajr dewmien lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar kwalunkwe notifika bħal din u dwar il-kontenut tagħha. L-Istat Membru kkonċernat jenħtieġ li jitħalla jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkunsidra dawn l-osservazzjonijiet.

(22)

Meta tistabbilixxi l-limiti ta’ żmien f’konformità ma’ dan ir-Regolament għall-Istat Membru kkonċernat, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis, b’mod partikolari, l-ammont ta’ informazzjoni pprovduta u mitluba, il-kumplessità tal-fatti rilevanti u tal-valutazzjoni tagħhom, kif ukoll il-kapaċità amministrattiva tal-Istat Membru kkonċernat.

(23)

Jenħtieġ li, fejn il-Kummissjoni, wara li tanalizza l-osservazzjonijiet tal-Istat Membru kkonċernat, tikkunsidra li l-kondizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ miżuri huma ssodisfati, hija tippreżenta proposta għall-adozzjoni ta’ miżuri xierqa lill-Kunsill. Il-Kunsill jenħtieġ li jaġixxi fuq il-proposta tal-Kummissjoni biex jiġu adottati miżuri xierqa permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni fi żmien xahar, li eċċezzjonalment jista’ jiġi estiż b’massimu ta’ xahrejn addizzjonali. Bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-Kunsill jieħu d-deċiżjoni f’dawk il-limiti ta’ żmien, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel l-aktar użu xieraq mid-drittijiet tagħha skont l-Artikolu 237 TFUE u r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (14).

(24)

Wara li tiġi adottata kwalunkwe miżura skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tissorvelja regolarment is-sitwazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta mill-ġdid is-sitwazzjoni meta l-Istat Membru kkonċernat jadotta miżuri ta’ rimedju ġodda, jew fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn sena wara l-adozzjoni tal-miżuri.

(25)

Jenħtieġ li l-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, ineħħi l-miżuri li għandhom effett sospensiv jekk is-sitwazzjoni li tkun wasslet għall-impożizzjoni ta’ dawn il-miżuri tkun ġiet rimedjata biżżejjed.

(26)

Il-proċedura għall-adozzjoni u t-tneħħija tal-miżuri jenħtieġ li tirrispetta l-prinċipji ta’ oġġettività, in-nondiskriminazzjoni u t-trattament ugwali tal-Istati Membri u jenħtieġ li titwettaq skont approċċ mhux partiġġjan u bbażat fuq l-evidenza.Jekk, b’mod eċċezzjonali, l-Istat Membru kkonċernat iqis li hemm ksur serju ta’ dawk il-prinċipji, jista’ jitlob lill-President tal-Kunsill Ewropew biex jirreferi l-kwistjoni lill-Kunsill Ewropew li jmiss. F’tali ċirkostanzi eċċezzjonali, jenħtieġ li ma tittieħed ebda deċiżjoni dwar il-miżuri sakemm il-Kunsill Ewropew ma jkunx iddiskuta l-kwistjoni. Dan il-proċess għandu, bħala regola, ma jiħux aktar minn tliet xhur wara li l-Kummissjoni tkun ippreżentat il-proposta tagħha lill-Kunsill.

(27)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li żżomm lill-Parlament Ewropew infurmat dwar kwalunkwe miżura proposta, adottata u mneħħija skont dan ir-Regolament.

(28)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Meta tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkunsidra, minbarra l-effettività tal-miżuri adottati, l-effettività ġenerali tal-proċedura stabbilita f’dan ir-Regolament u l-komplementarjetà ta’ dan l-istrument ma’ oħrajn.

(29)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jaffettwax il-kompetenza tal-UPPE jew l-obbligi tal-Istati Membri li ma jipparteċipawx fil-kooperazzjoni msaħħa stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (15),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli meħtieġa għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“l-istat tad-dritt” tirreferi għall-valur tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 2 TUE. Dan jinkludi l-prinċipji ta’ legalità li jimplika proċess trasparenti, responsabbli, demokratiku u pluralistiku għat-tfassil tal-liġijiet; taċ-ċertezza legali; tal-projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi; tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja, minn qrati indipendenti u imparzjali, anke fir-rigward tad-drittijiet fundamentali; tas-separazzjoni tas-setgħat; u n-nondiskriminazzjoni u tal-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi. L-istat tad-dritt għandu jinftiehem fid-dawl tal-valuri u l-prinċipji l-oħra tal-Unjoni minquxa fl-Artikolu 2 TUE;

(b)

“entità tal-gvern” tfisser awtorità pubblika fi kwalunkwe livell tal-gvern, inkluż l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll organizzazzjonijiet tal-Istati Membri fis-sens tal-punt (42) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) (ir-“Regolament Finanzjarju”).

Artikolu 3

Ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, dawn li ġejjin jistgħu jkunu indikattivi ta’ ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt:

(a)

it-tqiegħed f’periklu tal-indipendenza tal-ġudikatura;

(b)

in-nuqqas milli jiġu impediti, ikkoreġuti jew issanzjonati deċiżjonijiet arbitrarji jew illegali mill-awtoritajiet pubbliċi, inkluż mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, iż-żamma ta’ riżorsi finanzjarji u umani li jaffettwaw il-funzjonament tajjeb tagħhom jew in-nuqqas milli jiġi żgurat li ma jeżistux kunflitti ta’ interess;

(c)

il-limitazzjoni tad-disponibbiltà u tal-effikaċja tar-rimedji legali, inkluż permezz ta’ regoli proċedurali restrittivi u n-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ sentenzi, jew il-limitazzjoni ta’ investigazzjonijiet, ta’ prosekuzzjoni u ta’ sanzjonar effettivi ta’ ksur tal-liġi.

Artikolu 4

Kondizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ miżuri

1.   Għandhom jittieħdu miżuri xierqa fejn ikun stabbilit skont l-Artikolu 6 li ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fi Stat Membru jaffettwa jew jirriskja serjament li jaffettwa l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’mod suffiċjentement dirett.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt għandu jikkonċerna wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

il-funzjonament xieraq tal-awtoritajiet li qed jimplimentaw il-baġit tal-Unjoni, inkluż self jew strumenti oħrajn iggarantiti mill-baġit tal-Unjoni b’mod partikolari fil-kuntest tal-akkwist pubbliku jew tal-proċeduri għal għotjiet;

(b)

il-funzjonament xieraq tal-awtoritajiet li jwettqu kontroll finanzjarju, monitoraġġ u awditjar, u l-funzjonament xieraq ta’ sistemi effettivi u trasparenti tal-ġestjoni finanzjarja u tal-obbligu ta’ rendikont;

(c)

il-funzjonament xieraq tas-servizzi ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni pubblika fir-rigward tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ frodi, inkluż frodi tat-taxxa, korruzzjoni jew ksur ieħor tal-liġi tal-Unjoni b’rabta mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni jew mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

(d)

l-istħarriġ ġudizzjarju effettiv minn qrati indipendenti ta’ azzjonijiet jew ommissjonijiet mill-awtoritajiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c);

(e)

il-prevenzjoni u s-sanzjonar ta’ frodi, inkluż frodi tat-taxxa, korruzzjoni jew ksur ieħor tal-liġi tal-Unjoni b’rabta mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni jew mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u l-impożizzjoni ta’ pieni effettivi u dissważivi fuq ir-riċevituri minn qrati nazzjonali jew minn awtoritajiet amministrattivi;

(f)

l-irkupru ta’ fondi mħallsa indebitament;

(g)

il-kooperazzjoni effettiva u f’waqtha mal-OLAF u, soġġett għall-parteċipazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, mal-UPPE fl-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjonijiet tagħhom skont l-atti tal-Unjoni applikabbli f’konformità mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera;

(h)

sitwazzjonijiet jew imġiba oħra ta’ awtoritajiet li huma rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Artikolu 5

Miżuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni

1.   Dment li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament jiġu ssodisfati, jistgħu jiġu adottati miżura waħda jew aktar minn dawn li ġejjin skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament:

(a)

meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit tal-Unjoni b’ġestjoni diretta jew indiretta skont il-punti (a) u (c) tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju, u meta entità tal-gvern tkun ir-riċevitur:

(i)

sospensjoni tal-pagamenti jew tal-implimentazzjoni tal-impenn legali jew terminazzjoni tal-impenn legali skont l-Artikolu 131(3) tar-Regolament Finanzjarju;

(ii)

projbizzjoni li jsiru impenji legali ġodda;

(iii)

sospensjoni tal-iżborż ta’ pagamenti parzjali, b’mod sħiħ jew parzjali, jew ħlas lura bikri ta’ self garantit mill-baġit tal-Unjoni;

(iv)

sospensjoni jew tnaqqis tal-vantaġġ ekonomiku taħt strument garantit mill-baġit tal-Unjoni;

(v)

projbizzjoni li jsiru ftehimiet ġodda dwar self jew strumenti oħra ggarantiti mill-baġit tal-Unjoni;

(b)

meta l-Kummissjoni timplimenta l-baġit tal-Unjoni taħt ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri skont il-punt (b) tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju:

(i)

sospensjoni tal-approvazzjoni ta’ programm wieħed jew aktar, jew emendar tagħha;

(ii)

sospensjoni tal-impenji;

(iii)

tnaqqis tal-impenji, inkluż permezz ta’ korrezzjonijiet finanzjarji jew trasferimenti għal programmi ta’ nfiq oħrajn;

(iv)

tnaqqis fil-prefinanzjament;

(v)

interruzzjoni tal-iskadenzi tal-pagamenti;

(vi)

sospensjoni tal-pagamenti.

2.   Sakemm id-deċiżjoni li tadotta l-miżuri ma tipprevedix mod ieħor, l-impożizzjoni ta’ miżuri xierqa ma għandhiex taffettwa l-obbligi tal-entitajiet governattivi msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 jew tal-Istati Membri msemmija f’punt (b) tal-paragrafu 1 li jimplimentaw il-programm jew il-fond affettwat mill-miżura, u b’mod partikolari l-obbligi li għandhom lejn ir-riċevituri jew il-benefiċjarji finali, inkluż l-obbligu li jagħmlu pagamenti skont dan ir-Regolament u r-regoli speċifiċi għas-settur jew finanzjarji applikabbli. Meta jimplimentaw fondi tal-Unjoni taħt ġestjoni kondiviża, l-Istati Membri kkonċernati mill-miżuri adottati skont dan ir-Regolament għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar il-konformità tagħhom ma’ dawk l-obbligi kull tliet xhur mill-adozzjoni ta’ dawk il-miżuri.

Il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk kienx hemm konformità mal-liġi applikabbli u, fejn meħtieġ, tieħu l-miżuri xierqa kollha biex tipproteġi l-baġit tal-Unjoni, f’konformità mar-regoli speċifiċi għas-settur u finanzjarji.

3.   Il-miżuri meħuda għandhom ikunu proporzjonati. Huma għandhom jiġu ddeterminati fid-dawl tal-impatt reali jew potenzjali tal-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fuq il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. In-natura, it-tul ta’ żmien, il-gravità u l-ambitu tal-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt għandhom jitqiesu kif xieraq. Il-miżuri għandhom, sa fejn ikun possibbli, ikollhom fil-mira l-azzjonijiet tal-Unjoni affettwati mill-ksur.

4.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni u gwida għall-benefiċċju tar-riċevituri jew tal-benefiċjarji finali dwar l-obbligi mill-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 2 permezz ta’ sit web jew portal fuq l-Internet. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi wkoll, fuq l-istess sit web jew portal fuq l-Internet, għodod adegwati għar-riċevituri jew għall-benefiċjarji finali biex dawn jinformaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe ksur ta’ dawn l-obbligi li, fil-fehma ta’ dawn ir-riċevituri jew il-benefiċjarji finali, jaffettwahom direttament. Dan il-paragrafu għandu jiġi applikat b’mod li jiżgura l-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni, f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17). L-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri jew mill-benefiċjarji finali skont dan il-paragrafu għandha tkun akkumpanjata minn prova li r-riċevitur jew il-benefiċjarju finali kkonċernat ikun ressaq ilment formali mal-awtorità rilevanti tal-Istat Membru kkonċernat.

5.   Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri jew mill-benefiċjarji finali f’konformità mal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tagħmel l-almu tagħha kollu biex tiżgura li kwalunkwe ammont dovut mill-entitajiet tal-gvern jew mill-Istati Membri kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu effettivament jitħallas lir-riċevituri jew lill-benefiċjarji finali, f’konformità b’mod partikolari mal-Artikolu 63, il-punt (b) tal-Artikolu 68(1) u l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) 2020/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ xxx li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi.

Artikolu 6

Proċedura

1.   Meta l-Kummissjoni tqis li għandha raġunijiet validi biex tqis li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 huma ssodisfati, hija għandha, sakemm ma tqisx li proċeduri oħra stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jippermettulha tipproteġi l-baġit tal-Unjoni b’mod aktar effettiv, tibgħat notifika bil-miktub lill-Istat Membru kkonċernat, fejn tistabbilixxi l-elementi fattwali u r-raġunijiet speċifiċi li fuqhom huma bbażati s-sejbiet tagħha. Il-Kummissjoni għandha tinforma mingħajr dewmien lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar din in-notifika u l-kontenut tagħha.

2.   Fid-dawl tal-informazzjoni riċevuta skont il-paragrafu 1, il-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-Kummissjoni għal djalogu strutturat dwar is-sejbiet tiegħu.

3.   Meta tivvaluta jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 humiex issodisfati, il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni rilevanti minn sorsi disponibbli, inkluż deċiżjonijiet, konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra u ta’ istituzzjonijiet rikonoxxuti oħra.

4.   Il-Kummissjoni tista’ titlob kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li teħtieġ sabiex tkun tista’ twettaq il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, kemm qabel kif ukoll wara li tkun bagħtet in-notifika bil-miktub skont il-paragrafu 1.

5.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa u jista’ jagħmel osservazzjonijiet dwar is-sejbiet ippreżentati fin-notifika msemmija fil-paragrafu 1 f’limitu ta’ żmien li għandu jkun speċifikat mill-Kummissjoni, li għandu jkun tal-inqas xahar u mhux aktar minn tliet xhur mid-data tan-notifika tas-sejbiet. Fl-osservazzjonijiet tiegħu, l-Istat Membru jista’ jipproponi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ rimedju biex jindirizza s-sejbiet stabbiliti fin-notifika tal-Kummissjoni.

6.   Il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni li tasal u kwalunkwe osservazzjoni magħmula mill-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll l-adegwatezza ta’ kwalunkwe miżura ta’ rimedju proposta, meta tkun qed tiddeċiedi jekk tippreżentax proposta għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni dwar il-miżuri xierqa. Il-Kummissjoni għandha twettaq il-valutazzjoni tagħha f’limitu ta’ żmien indikattiv ta’ xahar mill-wasla ta’ kwalunkwe informazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat jew tal-osservazzjonijiet tiegħu, jew, meta ma tasal l-ebda informazzjoni jew osservazzjoni, mill-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit f’konformità mal-paragrafu 5, u fi kwalunkwe każ f’perijodu ta’ żmien raġonevoli.

7.   Fejn il-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li tagħmel proposta skont il-paragrafu 9, hija għandha, qabel ma tagħmel dan, tagħti lill-Istat Membru l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, b’mod partikolari fuq il-proporzjonalità tal-miżuri previsti, fi żmien xahar.

8.   Meta tivvaluta l-proporzjonalità tal-miżuri li għandhom jiġu imposti, il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni u l-gwida msemmija fil-paragrafu 3.

9.   Meta l-Kummissjoni tqis li l-kondizzjonijiet tal-Artikolu 4 huma ssodisfati u li l-miżuri ta’ rimedju, jekk ikun hemm, proposti mill-Istat Membru skont il-paragrafu 5, ma jindirizzawx adegwatament is-sejbiet fin-notifika tal-Kummissjoni, hija għandha tippreżenta proposta għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni dwar il-miżuri xierqa lill-Kunsill fi żmien xahar minn meta tirċievi l-osservazzjonijiet tal-Istat Membru jew, f’każ li ma ssir ebda osservazzjoni, mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien xahar mill-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 7. Il-proposta għandha tippreżenta r-raġunijiet speċifiċi u l-evidenza li fuqhom il-Kummissjoni bbażat is-sejbiet tagħha.

10.   Il-Kunsill għandu jadotta d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu fi żmien xahar minn meta jirċievi l-proposta tal-Kummissjoni. Jekk jinqalgħu ċirkostanzi eċċezzjonali, il-perijodu għall-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni jista’ jiġi estiż b’massimu ta’ xahrejn. Bil-ħsieb li tiġi żgurata deċiżjoni f’waqtha, il-Kummissjoni għandha tuża d-drittijiet tagħha skont l-Artikolu 237 TFUE, fejn tqis li dan ikun xieraq.

11.   Il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jemenda l-proposta tal-Kummissjoni u jadotta t-test emendat permezz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni.

Artikolu 7

Tneħħija tal-miżuri

1.   L-Istat Membru kkonċernat jista’, fi kwalunkwe mument, jadotta miżuri ta’ rimedju ġodda u jippreżenta lill-Kummissjoni notifika bil-miktub li tinkludi evidenza biex juri li l-kondizzjonijiet tal-Artikolu 4 ma jkunux għadhom issodisfati.

2.   Fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, jew fuq l-inizjattiva tagħha stess u mhux aktar tard minn sena wara l-adozzjoni tal-miżuri mill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tivvaluta mill-ġdid is-sitwazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat, waqt li tqis kwalunkwe evidenza ppreżentata mill-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll l-adegwatezza ta’ kwalunkwe miżura ta’ rimedju ġdida adottata mill-Istat Membru kkonċernat.

Meta l-Kummissjoni tqis li ma għadhomx aktar issodisfati l-kondizzjonijiet tal-Artikolu 4, hija għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tneħħi l-miżuri adottati.

Meta l-Kummissjoni tqis li s-sitwazzjoni li twassal għall-adozzjoni ta’ miżuri tkun ġiet irrimedjata parzjalment, hija għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li tadatta l-miżuri adottati.

Meta l-Kummissjoni tqis li ma tkunx ġiet rimedjata s-sitwazzjoni li twassal għall-adozzjoni ta’ miżuri, hija għandha tindirizza lill-Istat Membru kkonċernat b’deċiżjoni motivata u tinforma lill-Kunsill dwarha.

Meta l-Istat Membru kkonċernat jippreżenta notifika bil-miktub skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-proposta tagħha jew tadotta d-deċiżjoni tagħha fi żmien xahar minn meta tirċievi dik in-notifika. Dan il-perijodu jista’ jiġi estiż f’ċirkostanzi debitament ġustifikati, u f’dak il-każ il-Kummissjoni għandha tinforma mingħajr dewmien lill-Istat Membru kkonċernat bir-raġunijiet għall-estensjoni.

Il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 3, 4, 5, 6, 9, 10 u 11 tal-Artikolu 6 għandha tapplika b’analoġija kif xieraq.

3.   Meta jitneħħew il-miżuri li jikkonċernaw is-sospensjoni tal-approvazzjoni ta’ programm wieħed jew aktar jew tal-emendar tagħha msemmija fil-punt (i) tal-Artikolu 5(1)(b) jew is-sospensjoni tal-impenji msemmija fil-punt (ii) tal-Artikolu 5(1)(b), l-ammonti li jikkorrispondu għall-impenji sospiżi għandhom jiddaħħlu fil-baġit tal-Unjoni soġġett għall-[Artikolu 5] tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (18). L-impenji sospiżi tas-sena n ma jistgħux jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mis-sena n+2.

Artikolu 8

Informazzjoni lill-Parlament Ewropew

Il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-Parlament Ewropew dwar kwalunkwe miżura proposta, adottata jew imneħħija skont l-Artikoli 5, 6 u 7.

Artikolu 9

Rapportar

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta sat-12 ta’ Jannar 2024 dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, partikolarment dwar l-effikaċja tal-miżuri adottati.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  ĠU C 291, 17.8.2018, p. 1.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ April 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-14 ta’ Diċembru 2020. Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Diċembru 2020 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt”, COM(2014) 0158 final, Anness I.

(4)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, CAS Succhi di Frutta, C-496/99 PECLI:EU:C:2004:236, il-paragrafu 63.

(5)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 1981, Amministrazione delle finanze dello Stato v Srl Meridionale Industria Salumi et al Ditta Italo Orlandi & Figlio u Ditta Vincenzo Divella v Amministrazione delle finanze dello Stato. Il-Kawżi magħquda minn 212 sa 217/80, ECLI:EU:C:1981:270, il-paragrafu 10.

(6)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst, il-Kawżi magħquda 46/87 u 227/88, ECLI:EU:C:1989:337, il-paragrafu 19.

(7)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses v Tribunal de Contas C-64/16, ECLI:EU:C:2018:117, il-paragrafi 31, 40-41; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 2018, LLM, C-216/18 PPU, ECLI:EU:C:2018:586, il-paragrafi 63-67.

(8)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas, C-477/16, ECLI:EU:C:2016:861, il-paragrafu 36; Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Novembru 2016, PPU Poltorak, C-452/16, ECLI:EU:C:2016:858, il-paragrafu 35; u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB,C-279/09, ECLI:EU:C:2010:811, il-paragrafu 58.

(9)  Opinjoni 2/13, EU:C:2014:2454, paragrafu 168.

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ara paġna 23 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(11)  Kawża C-64/16, para 32-36.

(12)  Kawża C-64/16, para 40-41.

(13)  Għadu mhux ippublikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

(14)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).

(15)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(16)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r- Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(17)  Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).

(18)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027 (ara paġna 11 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


Top