EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1477

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1477 tal-14 ta’ Ottubru 2020 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 fir-rigward tal-estensjoni temporanja ta’ miżuri eċċezzjonali biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/6916

OJ L 338, 15.10.2020, p. 4–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/1477/oj

15.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 338/4


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1477

tal-14 ta’ Ottubru 2020

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 fir-rigward tal-estensjoni temporanja ta’ miżuri eċċezzjonali biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta’ Jannar 1993 dwar regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10a(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal tnaqqis kbir fit-traffiku tal-ajru bħala riżultat ta’ tnaqqis sinifikanti fid-domanda u minħabba miżuri diretti li ttieħdu mill-Istati Membri kif ukoll minn pajjiżi terzi biex jikkontrollaw il-pandemija.

(2)

Dawn iċ-ċirkostanzi huma barra mill-kontroll tat-trasportaturi tal-ajru u l-kanċellazzjonijiet volontarji jew obbligatorji konsegwenti tas-servizzi tal-ajru mit-trasportaturi tal-ajru huma reazzjoni neċessarja jew leġittima għal dawk iċ-ċirkostanzi.

(3)

Sabiex tiġi protetta s-saħħa finanzjarja tat-trasportaturi tal-ajru u sabiex jiġi evitat l-impatt ambjentali negattiv ta’ titjiriet vojta jew fil-maġġoranza tagħhom vojta operati biss biex jinżammu s-slots tal-ajruporti sottostanti, ir-Regolament (UE) 2020/459 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) emenda r-Regolament (KEE) Nru 95/93. Din l-emenda tipprevedi li l-koordinaturi tas-slots għandhom iqisu slots allokati għall-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-24 ta’ Ottubru 2020 bħallikieku ġew operati mit-trasportatur tal-ajru li lilu kienu ġew allokati inizjalment.

(4)

Ir-Regolament (UE) 2020/459 ta wkoll setgħat delegati lill-Kummissjoni biex temenda l-perjodu speċifikat fl-Artikolu 10a tar-Regolament (KEE) Nru 95/93 f’każ li, abbażi taċ-ċifri ppubblikati mill-Eurocontrol, li hija l-maniġer tan-network għall-funzjonijiet tan-network tat-traffiku tal-ajru tal-Ajru Uniku Ewropew, il-Kummissjoni ssib li t-tnaqqis fil-livell tat-traffiku tal-ajru meta mqabbel mal-livell fil-perjodu korrispondenti fis-sena preċedenti qed jippersisti u x’aktarx li se jkompli jippersisti, u ssib ukoll li abbażi tal-aħjar data xjentifika disponibbli, din is-sitwazzjoni hija r-riżultat tal-impatt tat-tifqigħa ta’ COVID-19.

(5)

Skont il-paragrafu 5 tal-Artikolu 10a tar-Regolament (KEE) Nru 95/93, il-Kummissjoni ppreżentat rapport ta’ sinteżi dwar din il-kwistjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-15 ta’ Settembru 2020, li sab li l-kundizzjonijiet elenkati fil-paragrafu 4 tal-Artikolu 10a biex jiġi emendat il-perjodu speċifikat fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu huma ssodisfati.

(6)

Minkejja żieda gradwali, il-livelli tat-traffiku tal-ajru għadhom baxxi meta mqabbla mal-istess perjodu fl-2019 abbażi tad-data tal-Eurocontrol, it-traffiku tal-ajru f’Awwissu 2020 kien għadu mnaqqas b’-47 % meta mqabbel ma’ Awwissu 2019. Minkejja d-diffikultajiet fit-tbassir preċiż tal-perkors ta’ rkupru tal-livelli tat-traffiku tal-ajru, huwa raġonevoli li wieħed jistenna li s-sitwazzjoni se tippersisti fil-futur qrib. Abbażi ta’ xenarju ta’ approċċ koordinat tal-Eurocontrol (jekk jiġi preżunt approċċ komuni biex jiġu stabbiliti proċeduri operazzjonali u jitneħħew ir-restrizzjonijiet nazzjonali), huwa mistenni li fi Frar 2021, it-traffiku tal-ajru se jkun -15 % anqas meta mqabbel ma’ Frar 2020. Għax-xenarju ta’ approċċ mhux koordinat (l-ebda approċċ komuni biex jiġu stabbiliti proċeduri operazzjonali u jitneħħew ir-restrizzjonijiet nazzjonali), it-tnaqqis fit-traffiku tal-ajru fl-istess perjodu korrispondenti huwa mistenni li jkun -25 %.

(7)

It-tnaqqis persistenti tat-traffiku tal-ajru huwa r-riżultat tal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19. Abbażi tad-data disponibbli dwar il-fiduċja tal-konsumaturi b’riżultat tal-COVID-19, filwaqt li f’April 2020 madwar 60 % tar-rispondenti indikaw li aktarx jerġgħu lura għall-ivvjaġġar bl-ajru fi żmien ftit xhur wara li tkun battiet il-pandemija, dan il-perċentwal niżel għal 45 % f’Ġunju 2020. Id-data disponibbli turi rabta bejn il-pandemija tal-COVID-19 u d-domanda tal-konsumatur għat-traffiku tal-ajru.

(8)

Id-data tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa turi li l-għadd ta’ każijiet irreġistrati kuljum fl-Ewropa kien laħaq l-ogħla livell fl-1 ta’ April 2020 bi 43 326 każ ġdid. Fil-perjodu ta’ bejn Mejju u nofs Lulju 2020, ir-rata naqset, u ġeneralment, kuljum kienu jiġu rreġistrati inqas minn 20 000 każ ġdid. Madankollu, lejn l-aħħar ta’ Awwissu 2020, in-numru reġa’ żdied, u f’għadd konsiderevoli ta’ jiem ġie rreġistrat aktar minn 30 000 każ ġdid.

(9)

Ir-rapport ta’ sorveljanza ta’ kull ġimgħa miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) juri li mis-26 ta’ Awwissu 2020, ir-rata ta’ notifika ta’ każijiet ta’ 14-il jum għall-UE/ŻEE u r-Renju Unit kienet ta’ 46 (firxa tal-pajjiżi: 2–176) għal kull 100 000 mill-popolazzjoni. Ir-rata ilha tiżdied għal 38 jum. Okkupazzjonijiet fi sptar u/jew fl-ICU u/jew ammissjonijiet ġodda minħabba l-COVID-19 dan l-aħħar żdiedu fil-Bulgarija, fiċ-Ċekja, fil-Greċja, fil-Polonja, fir-Rumanija u fis-Slovakkja.

(10)

F’Settembru 2020, l-ECDC ikkalkula li r-riskju ta’ eskalazzjoni ulterjuri tal-COVID-19 fil-pajjiżi kollha tal-UE jew taż-ŻEE u fir-Renju Unit huwa moderat (għall-pajjiżi li jkomplu jimplimentaw u jinfurzaw miżuri multipli, inkluż tbegħid fiżiku u li għandhom kapaċità suffiċjenti ta’ traċċar u ta’ ttestjar tal-kuntatti) u għoli ħafna (għall-pajjiżi li ma jimplimentawx jew ma jinfurzawx miżuri multipli, inkluż it-tbegħid fiżiku u ma għandhomx biżżejjed kapaċità ta’ traċċar u ttestjar tal-kuntatti).

(11)

Ir-restrizzjonijiet fuq it-titjiriet introdotti minn xi Stati Membri, bħala riżultat tal-miżuri sanitarji u tas-saħħa relatati mal-COVID-19, jinfluwenzaw ukoll il-fiduċja tal-konsumaturi u d-domanda li tirriżulta għat-traffiku tal-ajru. Filwaqt li l-għadd ta’ tali restrizzjonijiet fuq it-titjiriet naqas fil-bidu tas-sajf tal-2020, xi Stati Membri introduċew restrizzjonijiet ġodda fuq it-titjiriet minn Settembru 2020. Dawn jikkoinċidu maż-żieda mill-ġdid ta’ każijiet COVID-19 f’għadd ta’ Stati Membri.

(12)

Fid-dawl tal-prenotazzjonijiet tat-titjiriet eżistenti u t-tbassir epidemjoloġiku, wieħed jista’ raġonevolment jistenna li jkun hemm għadd sinifikanti ta’ kanċellazzjonijiet attribwibbli għall-pandemija tal-COVID-19 matul l-istaġun ta’ skedar tax-xitwa li jmiss mill-25 ta’ Ottubru 2020 sas-27 ta’ Marzu 2021. In-nuqqas ta’ użu tas-slots allokati għal dak il-perjodu ma għandux iwassal biex it-trasportaturi tal-ajru jitilfu l-possibbiltajiet li kieku jgawdu skont l-Artikoli 8(2) u 10(2) tar-Regolament (KEE) Nru 95/93.

(13)

Huwa għalhekk meħtieġ li tiġi estiża l-eċċezzjoni mir-rekwiżit li hemm f’dawk id-dispożizzjonijiet, li s-serje ta’ slots inkwistjoni tkun tħaddmet, sa ċertu punt, lil hinn mill-istaġun ta’ skedar tas-sajf tal-2020 sal-istaġun kollu tal-iskedar tax-xitwa tal-2020/2021, jiġifieri għall-perjodu mill-25 ta’ Ottubru 2020 sas-27 ta’ Marzu 2021.

(14)

Huwa previst li dan ir-Regolament delegat jidħol fis-seħħ wara tmiem il-perjodu attwalment previst fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 10a tar-Regolament (KEE) Nru 95/93. Biex tiġi evitata l-inċertezza legali, b’mod partikolari għall-koordinaturi tas-slots u għall-operaturi tal-ajru, jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi adottat skont il-proċedura ta’ urġenza spjegata fid-dettall fl-Artikolu 12b tar-Regolament dwar is-Slots, u jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 10a(1) tar-Regolament (KEE) Nru 95/93 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.

Għall-finijiet tal-Artikoli 8(2) u 10(2), il-koordinaturi għandhom iqisu s-slots allokati għall-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sas-27 ta’ Marzu 2021 bħallikieku ġew operati mit-trasportatur tal-ajru li lilu jkunu ġew allokati inizjalment.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 14, 22.1.1993, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2020/459 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (ĠU L 99, 31.3.2020, p. 1).


Top