EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1361

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1361 tat-30 ta’ Settembru 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 rigward ċerti pjanti tal-Malus domestica għat-tħawwil li joriġinaw mis-Serbja, u ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Acer japonicum Thunberg, tal-Acer palmatum Thunberg u tal-Acer shirasawanum Koidzumi, li joriġinaw minn New Zealand

C/2020/6594

OJ L 317, 1.10.2020, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1361/oj

1.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 317/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1361

tat-30 ta’ Settembru 2020

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 rigward ċerti pjanti tal-Malus domestica għat-tħawwil li joriġinaw mis-Serbja, u ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Acer japonicum Thunberg, tal-Acer palmatum Thunberg u tal-Acer shirasawanum Koidzumi, li joriġinaw minn New Zealand

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 42(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Abbażi ta’ valutazzjoni preliminari tar-riskju, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (2), jistabbilixxi lista ta’ pjanti b’riskju għoli, ta’ prodotti mill-pjanti u ta’ oġġetti oħra b’riskju għoli.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2018 (3) jistabbilixxi r-regoli speċifiċi dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex titwettaq il-valutazzjoni tar-riskju msemmija fl-Artikolu 42(4) tar-Regolament (UE) 2016/2031 għal dawk il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u l-oġġetti l-oħra b’riskju għoli.

(3)

Wara valutazzjoni tar-riskju preliminari, fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 iddaħħlu 35 pjanta għat-tħawwil li joriġinaw mill-pajjiżi terzi kollha, bħala pjanti b’riskju għoli, li fosthom hemm il-ġeneri Malus Mill. u Acer L.

(4)

Fil-31 ta’ Lulju 2019, is-Serbja ppreżentat talba lill-Kummissjoni biex tesporta lejn l-Unjoni pjanti tal-ispeċi Malus domestica ta’ sena jew sentejn għat-tħawwil, imlaqqmin, inattivi, u bl-għeruq mikxufin. Dik it-talba kienet sostnuta bid-dossier tekniku rispettiv.

(5)

Fit-13 ta’ Mejju 2020, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ippubblikat opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskju ta’ komodità tal-pjanti tal-Malus domestica mis-Serbja (4). L-Awtorità identifkat lill-Erwinia amylovora bħala pest li hu rilevanti għal dawk il-pjanti għat-tħawwil, evalwat il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji għal dak il-pest deskritti fid-dossier, u stmat il-probabbiltà li jibqgħu ħielsa mill-pest.

(6)

Abbażi ta’ din l-opinjoni, ir-riskju fitosanitarju mill-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ pjanti għat-tħawwil imlaqqma ta’ sena jew sentejn, bl-għeruq mikxufin, inattivi, tal-ispeċi Malus domestica, li joriġinaw mis-Serbja huwa meqjus li tnaqqas għal livell aċċettabbli, dment li jitwettqu l-miżuri ta’ mitigazzjoni x-xierqa biex jiġi indirizzat ir-riskju tal-pesti relatati ma’ dawk il-pjanti għat-tħawwil. Peress li dawn il-miżuri xierqa huma previsti fil-punt 9 tal-Anness X tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (5), jenħtieġ li dawk il-pjanti għat-tħawwil ma jibqgħux jitqiesu bħala pjanti b’riskju għoli, u jenħtieġ li jitħassru mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019.

(7)

Fid-29 ta’ Awwissu 2019, New Zealand ressqet talba lill-Kummissjoni biex tesporta lejn l-Unjoni pjanti għat-tħawwil ta’ bejn sena u tliet snin, bl-għeruq mikxufin, inattivi, mingħajr weraq, imlaqqmin jew imlaqqmin b’għajn, tal-ispeċijiet Acer japonicum Thunberg, Acer palmatum Thunberg u Acer shirasawanum Koidzumi. Dik it-talba kienet sostnuta bid-dossier tekniku rispettiv.

(8)

Fl-20 ta’ Mejju 2020, l-Awtorità ppubblikat opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskju ta’ komodità tal-pjanti għat-tħawwil Acer spp. minn New Zealand (6). L-Awtorità identifikat il-pesti Eotetranychus sexmaculatus, Meloidogyne fallax, Oemona hirta u Platypus apicalis bħala rilevanti għal dawk il-pjanti għat-tħawwil, evalwat il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji għal dawk il-pesti li hemm deskritti fid-dossier, u stmat il-probabbiltà ta’ ħelsien minn kull pest li hu rilevanti għal dawk il-prodotti bażiċi.

(9)

Abbażi ta’ din l-opinjoni, ir-riskju fitosanitarju mill-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ pjanti għat-tħawwil ta’ bejn sena u tliet snin, bl-għeruq mikxufin, inattivi, mingħajr weraq, imlaqqmin jew imlaqqmin b’għajn, tal-ispeċijiet Acer japonicum Thunberg, Acer palmatum Thunberg u Acer shirasawanum Koidzumi, li joriġinaw minn New Zealand huwa meqjus li tnaqqas għal livell aċċettabbli, dment li jitwettqu l-miżuri ta’ mitigazzjoni x-xierqa biex jiġi indirizzat ir-riskju tal-pesti relatati ma’ dawk il-pjanti għat-tħawwil. Peress li dawn il-miżuri x-xierqa huma previsti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/XXX (7), jenħtieġ li dawk il-pjanti għat-tħawwil ma jibqgħux jitqiesu bħala pjanti b’riskju għoli, u jenħtieġ li jitneħħew mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019.

(10)

Sabiex ikun hemm konformità mal-obbligi tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri sanitarji u fitosanitarji (8), l-importazzjoni ta’ dawk il-prodotti bażiċi għandha tkompli fl-iqsar żmien possibbli. Għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara li jiġi ppubblikat.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 tat-18 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi lista proviżorja ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra ta’ riskju għoli, fis-sens tal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2016/2031 u lista ta’ pjanti li ma jeħtiġux ċertifikati fitosanitarji għall-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 73 ta’ dak ir-Regolament (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 10).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2018 tat-18 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi regoli speċifiċi rigward il-proċedura li trid tiġi segwita sabiex issir il-valutazzjoni tar-riskju ta’ pjanti b’riskju għoli, il-prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra fit-tifsira tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 7).

(4)  Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti, 2020. Scientific Opinion on the commodity risk assessment of Malus domestica plants from Serbia. EFSA Journal 2020;18(5):6109, 53 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2020.6109.

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1).

(6)  Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti, 2020. Scientific Opinion on the commodity risk assessment of Acer spp. plants from New Zealand. EFSA Journal 2020; 18(5): 6105. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2020.6105.

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/XXX tat-30 ta’ Settembru 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1213 rigward il-miżuri fitosanitarji għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Acer japonicum Thunberg, tal-Acer palmatum Thunberg u tal-Acer shirasawanum Koidzumi, li joriġinaw minn New Zealand (ara l-paġna … ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(8)  Il-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-Applikazzjoni ta’ Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (il-Ftehim SPS), https://www.wto.org/english/tratop_e/sps_e/spsagr_e.htm


ANNESS

Fil-punt 1 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019, it-tieni kolonna “Deskrizzjoni” hija emendata kif ġej:

(a)

l-entrata ta’ “Malus Mill.” hija sostitwita b’dan li ġej:

Malus Mill., għajr pjanti għat-tħawwil ta’ bejn sena u sentejn, bl-għeruq mikxufin, inattivi, imlaqqmin tal-Malus domestica li joriġinaw mis-Serbja”;

(b)

l-entrata ta’ “Acer L.” hija sostitwita b’dan li ġej:

Acer L. għajr pjanti għat-tħawwil ta’ bejn sena u tliet snin, bl-għeruq mikxufin, inattivi, mingħajr weraq, imlaqqmin jew imlaqqmin b’għajn, tal-Acer japonicum Thunberg, tal-Acer palmatum Thunberg, u tal-Acer shirasawanum Koidzumi, li joriġinaw minn New Zealand”.


Top