EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1295

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1295 tas-16 ta’ Settembru 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/408 fir-rigward tal-inklużjoni tas-sustanzi attivi karbetammid, emamektin, flurokloridon, gamma-ċjalotrina, alosulfuron-metil, ipkonażol u tembotrijon fil-lista ta’ kandidati għas-sostituzzjoni (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/6239

OJ L 303, 17.9.2020, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1295/oj

17.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 303/18


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1295

tas-16 ta’ Settembru 2020

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/408 fir-rigward tal-inklużjoni tas-sustanzi attivi karbetammid, emamektin, flurokloridon, gamma-ċjalotrina, alosulfuron-metil, ipkonażol u tembotrijon fil-lista ta’ kandidati għas-sostituzzjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 78(2) u 80(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/408 (2) jistabbilixxi lista ta’ sustanzi attivi li jissodisfaw il-kriterji stipulati fil-punt 4 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 biex jitqiesu bħala kandidati għas-sostituzzjoni.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/408 kien ibbażat fuq studju li janalizza l-informazzjoni għas-sustanzi attivi approvati qabel il-31 ta’ Jannar 2013. Għall-finijiet tal-konsistenza u tat-trattament indaqs, jixraq li l-lista tas-sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni tiġi aġġornata billi tinkludi fiha sustanzi oħra, approvati skont ir-regoli tranżizzjonali skont l-Artikolu 80(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, li jissodisfaw il-kriterji stipulati bil-punt 4 tal-Anness II ta’ dak ir-Regolament.

(3)

Il-karbetammid, il-flurokloridon, l-alosulfuron-metil u l-ipkonażol ġew approvati skont l-Artikolu 80(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 iżda ma ġewx inklużi fil-lista tal-kandidati għas-sostituzzjoni minħabba li f’dak iż-żmien ma kinux jissodisfaw il-kriterji tal-punt 4 tal-Anness II ta’ dak ir-Regolament. Fl-opinjonijiet riċenti tiegħu, il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi kien ikkonkluda li dawn is-sustanzi attivi jenħtieġ li jiġu klassifikati bħala tossiċi għar-riproduzzjoni Kategorija 1B f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-karbetammid, il-flurokloridon, l-alosulfuron-metil u l-ipkonażol (4) jitqiesu li jissodisfaw il-kriterju stipulat fis-sitt inċiż tal-punt 4 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(4)

L-emamektin, il-gamma-ċjalotrina u t-tembotrijon ma tqisux għall-istabbiliment tal-lista tal-kandidati għas-sostituzzjoni għaliex kienu għadhom mhumiex approvati fil-31 ta’ Jannar 2013 li kienet id-data finali għall-approvazzjoni tas-sustanzi meqjusa fl-istudju li kien il-bażi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/408, u għalhekk tħallew barra mil-lista stabbilita minn dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(5)

Madankollu, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) kienet ikkonkludiet, qabel l-approvazzjoni tas-sustanzi attivi emamektin (5) u tembotrijon (6), li dawn is-sustanzi jissodisfaw il-kriterju stipulat fl-ewwel inċiż tal-punt 4 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 minħabba li d-doża aċċettabbli ta’ kuljum u l-livell ta’ esponiment tal-operatur aċċettabbli tagħhom rispettivament huma ferm inqas mill-valuri ta’ referenza tal-maġġoranza tas-sustanzi attivi approvati.

(6)

L-Awtorità kkonkludiet ukoll li l-gamma-ċjalotrina (7) tissodisfa l-kriterju stipulat fl-ewwel inċiż tal-punt 4 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 minħabba li l-livell ta’ esponiment tal-operatur aċċettabbli u d-doża akuta ta’ referenza għal din is-sustanza huma ferm inqas mill-valuri ta’ referenza tal-maġġoranza tas-sustanzi attivi approvati.

(7)

Għalhekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/408 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan biex jitqiesu dawn il-valutazzjonijiet.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/408 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-isem “karbetammid” jiddaħħal bejn l-entrata “karbendażim” u l-entrata “klorotoluron”.

(2)

L-isem “emamektin” jiddaħħal bejn l-entrata “dikwat” u l-entrata “epossikonażol”.

(3)

L-isem “flurokloridon” jiddaħħal bejn l-entrata “flukwinkonażol” u l-entrata “glufosinat”.

(4)

L-isem “gamma-ċjalotrina” jiddaħħal bejn l-entrata “flukwinkonażol” u l-entrata “glufosinat”.

(5)

L-isem “alosulfuron-metil” jiddaħħal bejn l-entrata “glufosinat” u l-entrata “alossifop-P”.

(6)

L-isem “ipkonażol” jiddaħħal bejn l-entrata “imażosulfuron” u l-entrata “isoproturon”.

(7)

L-isem “tembotrijon” jiddaħħal bejn l-entrata “tebufenpirad” u l-entrata “tepralossidim”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/408 tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 80(7) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jistabbilixxi lista ta’ kandidati għas-sostituzzjoni (ĠU L 67, 12.3.2015, p. 18).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

(4)  Opinion proposing harmonised classification and labelling at EU level of: carbetamide (12 March 2015)

https://echa.europa.eu/documents/10162/b72929b7-77cc-148b-532c-4d5aab8661d4,

flurochloridone (3 November 2018) https://echa.europa.eu/documents/10162/f186167a-b346-82dc-f237-fc8f580416b2;

halosulfuron-methyl (22 September 2017) https://echa.europa.eu/documents/10162/4f58f826-4c3d-9388-7c59-a2b101f0d2c4 and of

ipconazole (9 March 2018) https://echa.europa.eu/documents/10162/bebd7903-5dc4-864a-da7a-7c3967da6e4d.

(5)  EFSA (Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel), 2012. Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance emamectin, EFSA Journal 2012;10(11):2955.

(6)  EFSA (Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel), 2013. Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance tembotrione, EFSA Journal 2013;11(3):3131.

(7)  EFSA (Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel), 2014. Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance gamma-cyhalothrin, EFSA Journal 2014;12(2):3560.


Top