EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1040

Regolament (UE) 2020/1040 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1628 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tiegħu biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

PE/21/2020/REV/1

OJ L 231, 17.7.2020, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/1040/oj

17.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 231/1


REGOLAMENT (UE) 2020/1040 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Lulju 2020

li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1628 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tiegħu biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi rekwiżiti relatati mal-limiti tal-emissjonijiet għal inkwinanti gassużi u partikolati u l-proċeduri tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għal diversi kategoriji ta’ magni għal makkinarju mobbli mhux tat-triq.

(2)

Id-dati applikabbli għall-valuri tal-limitu l-ġodda tal-emissjonijiet, identifikati bħala –“Stadju V” fir-Regolament (UE) 2016/1628, huma stabbiliti biex il-fabbrikanti jingħataw informazzjoni ċara u komprensiva, kif ukoll perijodu ta’ żmien xieraq għat-tranżizzjoni lejn l-Istadju V, filwaqt li fl-istess ħin il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet tal-approvazzjoni jitnaqqas b’mod sostanzjali.

(3)

It-tifqigħa tal-COVID-19 ikkawżat interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista ta’ parts u komponenti kritiċi, u dan wassal għal dewmien għall-magni u għall-makkinarju mgħammar b’dawk il-magni li jikkonformaw ma’ valuri tal-limitu ta’ emissjonijiet li huma inqas stretti minn dawk tal-Istadju V u li jeħtieġ jitqiegħdu fis-suq qabel id-dati stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/1628.

(4)

Bħala riżultat tal-interruzzjonijiet ikkawżati mit-tifqigħa tal-COVID-19, huwa probabbli ħafna li l-fabbrikanti tal-makkinarju mobbli mhux tat-triq, imsemmija bħala “fabbrikanti ta’ tagħmir oriġinali” jew “OEMs” fir-Regolament (UE) 2016/1628, ma jkunux jistgħu jiżguraw li l-magni u l-makkinarju mgħammar b’dawk il-magni li jibbenefikaw mill-perijodu ta’ tranżizzjoni taħt ir-Regolament (UE) 2016/1628 jirrispettaw l-iskadenzi stabbiliti f’dak ir-Regolament mingħajr ma dawn il-fabbrikanti jsofru ħsarat ekonomiċi serji.

(5)

Fid-dawl taċ-ċirkostanzi kurrenti, u biex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern, biex tiġi pprovduta ċ-ċertezza legali u biex jiġu evitati interruzzjonijiet potenzjali fis-suq, jeħtieġ li jittawwal iż-żmien ta’ ċerti dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament (UE) 2016/1628.

(6)

Minħabba li l-prolongazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji mhi se jkollha l-ebda impatt ambjentali, peress li l-magni ta’ tranżizzjoni kkonċernati diġà ġew prodotti, flimkien mal-fatt li huwa diffiċli li tiġi mbassra d-durata eżatta tad-dewmien ikkawżat mill-interruzzjonijiet ikkawżati mill-COVID-19, l-estensjoni tal-perijodu rilevanti jenħtieġ li tkun ta’ 12-il xahar.

(7)

Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jittawwal iż-żmien ta’ ċerti dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament (UE) 2016/1628, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (“TUE”). F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(8)

Minħabba l-urġenza li tirriżulta miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mit-tifqigħa tal-COVID-19, tqies li huwa xieraq li tiġi prevista eċċezzjoni għall-perijodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(9)

Ir-Regolament (UE) 2016/1628 jenħtieġ għalhekk li jiġi emendat skont dan.

(10)

Fid-dawl tal-fatt li l-perijodu ta’ tranżizzjoni previst fir-Regolament (UE) 2016/1628 għal ċerti subkategoriji ta’ magni se jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2020 u li l-OEMs kellhom sat-30 ta’ Ġunju 2020 biex jipproduċu makkinarju mobbli mhux tat-triq li jkun mgħammar b’magni ta’ tranżizzjoni ta’ dawk is-subkategoriji, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Lulju 2020. Tali applikazzjoni hija ġġustifikata min-natura imprevedibbli u ħesrem tat-tifqigħa tal-COVID-19 kif ukoll mill-ħtieġa li jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u t-trattament ugwali tal-OEMs irrispettivament minn jekk dawn jipproduċux makkinarju mobbli mhux tat-triq qabel jew wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) 2016/1628 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-paragrafu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għal magni tas-subkategoriji tal-kategorija NRE li għalihom id-data stipulata fl-Anness III għat-tqegħid fis-suq tal-magni ta’ Stadju V hija l-1 ta’ Jannar 2020, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-estensjoni tal-perijodu ta’ tranżizzjoni u tal-perijodu ta’ 18-il xahar imsemmijin fl-ewwel subparagrafu b’perijodu addizzjonali ta’ 12-il xahar għall-OEMs bi produzzjoni annwali totali ta’ inqas minn 100 unità ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq mgħammar b’magni tal-kombustjoni interna. Għall-finijiet tal-kalkolu ta’ dik il-produzzjoni annwali totali, l-OEMs kollha taħt il-kontroll tal-istess persuna fiżika jew ġuridika għandhom jitqiesu bħala OEM wieħed.”;

(b)

it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għal magni tas-subkategoriji tal-kategorija NRE li għalihom id-data stipulata fl-Anness III għat-tqegħid fis-suq tal-magni ta’ Stadju V hija l-1 ta’ Jannar 2020, użati fi krejnijiet mobbli, il-perijodu ta’ tranżizzjoni u l-perijodu ta’ 18-il xahar imsemmijin fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu estiżi bi 12-il xahar.”;

(c)

jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Għal magni tas-subkategoriji kollha li għalihom id-data stipulata fl-Anness III għat-tqegħid fis-suq tal-magni ta’ Stadju V hija l-1 ta’ Jannar 2019, minbarra l-magni msemmija fir-raba’ subparagrafu, il-perijodu ta’ tranżizzjoni u l-perijodu ta’ 18-il xahar imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu estiżi bi 12-il xahar.”;

(2)

fil-paragrafu 7, jiżdied il-punt li ġej:

“(d)

36 xahar mid-data applikabbli għat-tqegħid fis-suq tal-magni stabbilita fl-Anness III, fil-każ previst fil-ħames subparagrafu tal-paragrafu 5.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

J. KLOECKNER


(1)  Opinjoni tal-11 ta’ Ġunju 2020 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Lulju 2020 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar ir-rekwiżiti relatati mal-limiti tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti gassużi u partikolati u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni b’kombustjoni interna għal makkinarju mobbli mhux tat-triq, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1024/2012 u (UE) Nru 167/2013, u li jemenda u jirrevoka d-Direttiva 97/68/KE (ĠU L 252, 16.9.2016, p. 53).


Top