EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1018

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1018 tat-13 ta’ Lulju 2020 li japprova l-pirofosfat ferriku bħala sustanza attiva b’risku baxx f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/4604

OJ L 225, 14.7.2020, p. 9–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1018/oj

14.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 225/9


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1018

tat-13 ta’ Lulju 2020

li japprova l-pirofosfat ferriku bħala sustanza attiva b’risku baxx f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) flimkien mal-Artikolu 22(1) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fit-28 ta’ Diċembru 2015 BROS Sp. z o.o. Sp.k. ippreżentat lill-Polonja applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva pirofosfat ferriku.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 9(3) ta’ dak ir-Regolament, il-Polonja, bħala l-Istat Membru relatur, innotifikat lill-applikant, lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) dwar l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni fl-24 ta’ Ġunju 2016.

(3)

Fil-21 ta’ Awwissu 2018, l-Istat Membru relatur ippreżenta abbozz ta’ rapport ta’ valutazzjoni lill-Kummissjoni u bagħat kopja tiegħu lill-Awtorità, u fih ivvaluta jekk jistax jiġi mistenni li dik is-sustanza attiva tissodisfa l-kriterji għall-approvazzjoni stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(4)

L-Awtorità kkonformat mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. F’konformità mal-Artikolu 12(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, talbet li l-applikant jipprovdi informazzjoni addizzjonali lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità. Fid-9 ta’ Awwissu 2019 il-valutazzjoni tal-informazzjoni addizzjonali ġiet ippreżentata mill-Istat Membru relatur lill-Awtorità fil-format ta’ abbozz ta’ rapport ta’ valutazzjoni aġġornat.

(5)

Fis-17 ta’ Diċembru 2019, l-Awtorità kkomunikat lill-applikant, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni l-konklużjoni tagħha (2) dwar jekk is-sustanza attiva pirofosfat ferriku jistax jiġi mistenni li tissodisfa l-kriterji ta’ approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. L-Awtorità ppubblikat il-konklużjoni tagħha.

(6)

Fit-23 u l-24 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf ir-rapport ta’ reviżjoni għall-pirofosfat ferriku u fid-19 ta’ Mejju 2020 ippreżentat l-abbozz ta’ dan ir-Regolament li jipprevedi li l-pirofosfat ferriku huwa approvat.

(7)

L-applikant ingħata l-opportunità li jressaq il-kummenti tiegħu dwar ir-rapport ta’ rieżami.

(8)

Ġie stabbilit li l-kriterji tal-approvazzjoni stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati fir-rigward ta’ użu rappreżentattiv wieħed jew aktar ta’ mill-inqas prodott għall-protezzjoni tal-pjanti wieħed li fih is-sustanza attiva, u b’mod partikolari l-użi li ġew eżaminati u spjegati fir-rapport ta’ rieżami.

(9)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis ukoll li l-pirofosfat ferriku huwa sustanza attiva b’riskju baxx skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Fil-fatt, il-pirofosfat ferriku mhuwiex sustanza ta’ tħassib u jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 5 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, inkluż it-tieni subparagrafu tal-punt 5.1.2. B’mod aktar speċifiku, anki jekk il-pirofosfat ferriku jitqies bħala persistenti, dan eventwalment jidissoċja f’joni li huma kostitwent naturali tad-dieta tal-bniedem, li jinsabu kullimkien fl-ambjent, u li huma essenzjali għall-funzjonijiet tal-annimali u tal-pjanti. B’hekk, l-esponiment addizzjonali tal-bniedem, tal-annimali u tal-ambjent għall-użi approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huwa mistenni jkun negliġibbli meta mqabbel mal-esponiment mistenni f’sitwazzjonijiet naturali realistiċi.

(10)

Għalhekk huwa xieraq li l-pirofosfat ferriku jiġi approvat bħala sustanza b’riskju baxx.

(11)

F’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (3) jiġi emendat skont dan.

(12)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Approvazzjoni tas-sustanza attiva

Is-sustanza attiva pirofosfat ferriku, kif speċifikat fl-Anness I, hija approvata skont il-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  EFSA (l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel), 2020. Conclusion on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance ferric pyrophosphate (Konklużjoni dwar ir-rieżami bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi għas-sustanza attiva pirofosfat ferriku). EFSA Journal 2020;18(1):5986, 25 pp. doi:10.2903/j.efsa.2020.5986.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).


ANNESS I

Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

Isem IUPAC

Purità ( (1))

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

Pirofosfat ferriku

Nru CAS: 10058-44-3

Nru CIPAC: -

Difosfat tal-ħadid(3+)

≥ 802 g/kg

L-impuritajiet li ġejjin huma ta’ tħassib mil-lat tossikoloġiku u ambjentali u ma għandhomx jaqbżu l-livelli li ġejjin fil-materjal tekniku:

Ċomb: 3 mg/kg

Merkurju: 0,1 mg/kg

Kadmju: 1 mg/kg

3.8.2020

3.8.2035

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi, kif imsemmi fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ rieżami dwar il-pirofosfat ferriku, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanzi attivi huma pprovduti fir-rapport ta’ rieżami.


ANNESS II

Fil-Parti D tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, tiżdied l-entrata li ġejja:

Nru

Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

Isem IUPAC

Purità  (1)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“20

Pirofosfat ferriku

Nru CAS: 10058-44-3

Nru CIPAC: -

Difosfat tal-ħadid(3+)

≥ 802 g/kg

L-impuritajiet li ġejjin huma ta’ tħassib mil-lat tossikoloġiku u ambjentali u ma għandhomx jaqbżu l-livelli li ġejjin fil-materjal tekniku:

Ċomb: 3 mg/kg

Merkurju: 0,1 mg/kg

Kadmju: 1 mg/kg

3.8.2020

3.8.2035

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi, kif imsemmi fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ rieżami dwar il-pirofosfat ferriku, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.”


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanzi attivi huma pprovduti fir-rapport ta’ rieżami.


Top