EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0851

Regolament (UE) 2020/851 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 862/2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

PE/19/2020/INIT

OJ L 198, 22.6.2020, p. 1–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/851/oj

22.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 198/1


REGOLAMENT (UE) 2020/851 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Ġunju 2020

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 862/2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 338(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi qafas legali komuni u komparabbli għall-istatistika Ewropea dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali.

(2)

B’rispons għal ħtiġijiet ġodda ġewwa l-Unjoni għal statistika dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali, u minħabba l-fatt li l-karatteristiċi tal-migrazzjoni huma soġġetti li jinbidlu malajr, jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas li jippermetti rispons rapidu għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu fir-rigward tal-istatistika dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali.

(3)

Sabiex l-Unjoni tingħata appoġġ biex twieġeb b’mod effettiv għall-isfidi li jirriżultaw mill-migrazzjoni u biex tiżviluppa politiki bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem, hemm il-ħtieġa ta’ ġbir ta’ data dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali fuq bażi subannwali.

(4)

L-istatistika dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali hija fundamentali għall-istudju, il-formulazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ politiki, b’mod partikolari fir-rigward tar-risponsi għall-wasla ta’ persuni li jkunu qed ifittxu l-protezzjoni fl-Ewropa, bil-għan li jiġu ddefiniti u applikati l-aħjar politiki.

(5)

L-istatistika dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali hija essenzjali biex tittieħed stima ġenerali tal-movimenti migratorji ġewwa l-Unjoni u biex l-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw sew il-liġi tal-Unjoni f’konformità mad-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-‘Karta’) u fil-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

(6)

Sabiex tkun żgurata l-kwalità u, b’mod partikolari, il-komparabbiltà tad-data pprovduta mill-Istati Membri, u biex jitfasslu stimi ġenerali affidabbli fil-livell tal-Unjoni, id-data użata jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-istess kunċetti, u jenħtieġ li tirreferi għall-istess data jew perijodu ta’ referenza.

(7)

Id-data pprovduta dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali jenħtieġ li tkun konsistenti mal-istatistika rilevanti miġbura skont ir-Regolament (KE) Nru 862/2007.

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jipprovdi qafas ta’ referenza għall-istatistika Ewropea dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali. B’mod partikolari, dan jirrikjedi li l-Istati Membri jikkonformaw mal-prinċipji tal-indipendenza professjonali, tal-imparzjalità, tal-oġġettività, tal-affidabbiltà, tal-kunfidenzjalità tal-istatistika, u tal-kosteffettività, kif ukoll mal-kriterji tal-kwalità speċifikati fih.

(9)

Ir-rapporti dwar il-kwalità huma essenzjali għall-valutazzjoni, it-titjib u l-komunikazzjoni dwar il-kwalità tal-istatistika Ewropea. Il-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika approva standard tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS, European Statistical System) għall-Istruttura tar-Rapporti dwar il-Kwalità f’konformità mad-dispożizzjoni dwar il-kwalità tal-istatistika stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 223/2009. Dak l-istandard tal-ESS jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni tar-rappurtar dwar il-kwalità taħt ir-Regolament (KE) Nru 862/2007.

(10)

Sabiex tittejjeb l-effiċjenza tal-produzzjoni tal-istatistika, l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika għandhom id-dritt li jaċċessaw u jużaw, fil-pront u mingħajr ħlas, ir-rekords amministrattivi kollha fis-sistemi amministrattivi pubbliċi tagħhom stess u li jintegraw dawk ir-rekords amministrattivi mal-istatistika sa fejn ikun meħtieġ għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea f’konformità mad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għal, u l-użu u l-integrazzjoni ta’, rekords amministrattivi stabbiliti fl-Artikolu 17a tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.

(11)

Meta jiżviluppaw, jipproduċu u jiddisseminaw statistika Ewropea, l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika u dawk Ewropej u, fejn applikabbli, awtoritajiet rilevanti oħra, jenħtieġ li jqisu l-prinċipji stipulati fil-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea, kif rivedut u aġġornat mill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika fis-16 ta’ Novembru 2017.

(12)

L-istudji pilota jenħtieġ li jqisu l-valur miżjud tal-Unjoni, jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-introduzzjoni ta’ ġabriet ġodda ta’ data fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 862/2007, jivvalutaw il-fattibbiltà u l-kwalità tal-istatistika, inkluża l-komparabbiltà tagħha bejn pajjiż u ieħor, kif ukoll l-ispejjeż tal-ġabriet relatati ta’ data. Qabel ma jinbeda kull studju pilota partikolari, il-Kummissjoni (Eurostat) jenħtieġ li tirrieżamina s-sorsi amministrattivi rilevanti fil-livell tal-Unjoni u teżamina jekk l-istatistika meħtieġa tistax tkun ibbażata fuq dawk is-sorsi. Jenħtieġ li tingħata prijorità lill-eżami tal-għadd ta’ applikazzjonijiet u tal-għadd ta’ applikazzjonijiet miċħuda għal permessi ta’ residenza għall-ewwel darba. Jenħtieġ li l-Kummissjoni (Eurostat), f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, tevalwa r-riżultati ta’ dawk l-istudji pilota u jenħtieġ li tagħmel ir-riżultati disponibbli għall-pubbliku. L-introduzzjoni ta’ ġabriet ġodda ta’ data fl-Istati Membri jenħtieġ li titqies biss jekk l-evalwazzjoni tar-riżultati tal-istudji pilota tkun pożittiva. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkonsulta wkoll lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data taħt il-kondizzjonijiet għall-konsultazzjoni leġiżlattiva stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(13)

Huwa importanti li jiġi ottimizzat l-użu tal-informazzjoni eżistenti u d-data diġà miġbura fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 862/2007. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jiġu esplorati sorsi eżistenti ta’ data fil-livell tal-Unjoni u fil-livell nazzjonali, kif ukoll modi biex jiġu sfruttati l-oqsfa għall-interoperabbiltà stabbiliti mir-Regolamenti (UE) 2019/817 (5) u (UE) 2019/818 (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sabiex jiġi valutat l-użu tagħhom għal statistika uffiċjali. Tali valutazzjoni jenħtieġ li tinkludi wkoll l-implimentazzjoni tal-kunċett tal-interoperabbiltà fil-livell tal-Unjoni sabiex diversi organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jużaw l-istess data skont il-ħtiġijiet tagħhom u l-awtorizzazzjonijiet li jkollhom.

(14)

Fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 862/2007, jenħtieġ li l-Kummissjoni (Eurostat) timmira li tiżgura l-koordinazzjoni tal-ġabriet ta’ data li jkunu qed jintużaw mill-aġenziji rilevanti tal-Unjoni u jenħtieġ li, għal dak il-għan, tikkonkludi ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ dawk l-aġenziji fil-qafas tal-kompetenza rispettiva tagħhom.

(15)

Sabiex jintlaħaq l-objettiv tar-Regolament (KE) Nru 862/2007, jenħtieġ li jiġu allokati riżorsi finanzjarji suffiċjenti għall-ġbir, l-analiżi u d-disseminazzjoni ta’ statistika Ewropea u nazzjonali, ta’ kwalità għolja, dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali.

(16)

Fejn l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 tkun teħtieġ li s-sistema nazzjonali tal-istatistika ta’ Stat Membru tiżviluppa u timplimenta metodoloġiji ġodda u ġabriet ġodda ta’ data għall-istatistika taħt dak ir-Regolament, inklużi l-parteċipazzjoni ta’ dak l-Istat Membru fi studji pilota u l-aġġornament tas-sorsi tad-data u tas-sistemi tal-IT, jenħtieġ li tiġi pprovduta kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni lil dak l-Istat Membru fil-forma ta’ għotja skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(17)

Dan ir-Regolament josserva d-dritt ta’ rispett għall-ħajja privata u tal-familja, għall-protezzjoni tad-data personali u għan-nondiskriminazzjoni kif stabbilit fil-Karta. Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u r-Regolament (UE) 2018/1725 japplikaw għall-ipproċessar ta’ data personali koperta mir-Regolament (KE) Nru 862/2007.

(18)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 862/2007, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-istabbiliment tal-arranġamenti prattiċi għar-rapporti dwar il-kwalità u l-kontenut tagħhom; tad-definizzjoni tal-formati adatti għat-trasmissjoni tad-data; tal-ispeċifikazzjoni tat-tqassimiet; u tad-determinazzjoni, abbażi tal-evalwazzjoni tar-riżultati tal-istudji pilota, ta’ ġabriet u tqassimiet ġodda ta’ data. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(19)

Fejn l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 tkun tirrikjedi adattamenti estensivi lis-sistema nazzjonali tal-istatistika ta’ Stat Membru, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’, f’każijiet debitament ġustifikati u għal perijodu limitat ta’ żmien, tagħti, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, deroga lill-Istat Membru kkonċernat. Tali adattamenti estensivi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-ħtieġa li tittejjeb il-puntwalità, li jiġi adattat it-tfassil tal-metodi tal-ġbir tad-data, inkluż l-aċċess għal sorsi amministrattivi, jew li jiġu żviluppati għodod ġodda għall-produzzjoni tad-data.

(20)

Il-monitoraġġ effettiv tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 jirrikjedi li din tiġi evalwata f’intervalli regolari. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa l-istatistika kumpilata skont dak ir-Regolament, kif ukoll il-kwalità u l-puntwalità tal-forniment tagħha, għall-fini tal-preżentazzjoni tar-rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Jenħtieġ li l-Kummissjoni (Eurostat) tikkonsulta mill-qrib mal-atturi kollha involuti fil-ġbir tad-data dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali u mal-utenti ewlenin ta’ dik l-istatistika.

(21)

Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jirrevedi u jikkompleta r-regoli komuni eżistenti għall-ġbir u l-kumpilazzjoni tal-istatistika Ewropea dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’ pjuttost, għal raġunijiet ta’ armonizzazzjoni u komparabbiltà, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(22)

Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 862/2007 jiġi emendat kif meħtieġ.

(23)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(24)

Il-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika ġie kkonsultat,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 862/2007

Ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

il-proċeduri u l-proċessi amministrattivi u ġudizzjarji fl-Istati Membri relatati mal-immigrazzjoni, mal-għoti ta’ permess ta’ residenza, maċ-ċittadinanza, mal-ażil u ma’ forom oħra ta’ protezzjoni internazzjonali, mad-dħul u s-soġġorn illegali, u mar-ritorni.”;

(2)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punti (j) sa (m) huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“(j)

‘applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali’ tfisser applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali kif definita fil-punt (h) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (*1);

(k)

‘status ta’ refuġjat’ tfisser status ta’ refuġjat kif definit fil-punt (e) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/95/UE;

(l)

‘status ta’ protezzjoni sussidjarja’ tfisser status ta’ protezzjoni sussidjarja kif definit fil-punt (g) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/95/UE;

(m)

‘membri tal-familja’ tfisser membri tal-familja kif definiti fil-punt (g) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (*2);

(*1)  ĠU L 337, 20.12.2011, p. 9."

(*2)  ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31.”;"

(ii)

il-punti (o) sa (q) huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“(o)

‘minorenni mhux akkumpanjat’ tfisser minuri mhux akkumpanjat kif definit fil-punt (l) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/95/UE;

(p)

‘fruntieri esterni’ tfisser fruntieri esterni kif definiti fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (*3);

(q)

‘ċittadini ta’ pajjiż terz miċħuda d-dħul’ tfisser ċittadini ta’ pajjiżi terzi miċħuda d-dħul fil-fruntiera esterna minħabba li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet kollha ta’ dħul stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2016/399 u ma jiffurmawx parti minn kwalunkwe waħda mill-kategoriji ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 6(5) ta’ dak ir-Regolament;

(*3)  ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1.”;"

(b)

il-paragrafu 3 jitħassar;

(3)

l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li jkunu ġew irtirati matul il-perijodu ta’ referenza, imqassmin permezz ta’ rtirar espliċitu u impliċitu kif imsemmi fl-Artikoli 27 u 28 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4);

(*4)  Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 60).”;"

(ii)

fl-ewwel subparagrafu, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(d)

persuni li jkunu ppreżentaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jew li jkunu ġew inklużi f’applikazzjoni tali bħala membri tal-familja matul il-perijodu ta’ referenza u li jkunu applikaw għall-protezzjoni internazzjonali għall-ewwel darba;

(e)

persuni li jkunu ppreżentaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jew li jkunu ġew inklużi f’applikazzjoni tali bħala membri tal-familja matul il-perijodu ta’ referenza u li l-applikazzjonijiet tagħhom ikunu ġew ipproċessati skont il-proċedura mgħaġġla prevista fl-Artikolu 31(8) tad-Direttiva 2013/32/UE;

(f)

persuni li jkunu ppreżentaw applikazzjoni sussegwenti għall-protezzjoni internazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 40 tad-Direttiva 2013/32/UE jew li jkunu ġew inklużi f’applikazzjoni tali bħala membri tal-familja matul il-perijodu ta’ referenza;

(g)

persuni li jkunu ppreżentaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jew li jkunu ġew inklużi f’applikazzjoni tali bħala membri tal-familja u li jkunu bbenefikaw minn kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali li jipprovdu lill-applikanti standard ta’ ħajja adegwat, f’konformità mal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5), fi tmiem il-perijodu ta’ referenza;

(*5)  Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 96).”;"

(iii)

it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-istatistika taħt il-punti (a) sa (f) għandha tkun imqassma skont l-età u s-sess, skont iċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati u skont il-minorenni mhux akkumpanjati. Din għandha tkun relatata ma’ perijodi ta’ referenza ta’ xahar kalendarju u għandha tiġi pprovduta lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien xahrejn minn tmiem ix-xahar ta’ referenza. L-ewwel xahar ta’ referenza għandu jkun Jannar 2021.

L-istatistika taħt il-punt (g) għandha tkun relatata ma’ perijodi ta’ referenza ta’ sena kalendarja waħda u għandha tiġi pprovduta lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien sitt xhur minn tmiem is-sena ta’ referenza. L-ewwel sena ta’ referenza għandha tkun l-2021.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“(b)

persuni koperti minn deċiżjonijiet tal-ewwel istanza, meħuda minn korpi amministrattivi jew ġudizzjarji matul il-perijodu ta’ referenza, li jagħtu, jirrevokaw, itemmu jew jiċħdu li jġeddu l-istatus ta’ refuġjat;

(c)

persuni koperti minn deċiżjonijiet tal-ewwel istanza, meħudin minn korpi amministrattivi jew ġudizzjarji matul il-perijodu ta’ referenza, li jagħtu, jirrevokaw, itemmu jew jiċħdu li jġeddu l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja;”;

(ii)

it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Din l-istatistika għandha tkun imqassma skont l-età u s-sess, skont iċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati u skont il-minorenni mhux akkumpanjati. Din għandha tkun relatata ma’ perijodi ta’ referenza ta’ tliet xhur kalendarji u għandha tiġi pprovduta lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien xahrejn minn tmiem il-perijodu ta’ referenza. L-ewwel perijodu ta’ referenza għandu jkun Jannar sa Marzu 2021.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punti (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“(c)

persuni koperti minn deċiżjonijiet finali, meħuda minn korpi amministrattivi jew ġudizzjarji matul il-perijodu ta’ referenza, li jagħtu, jirrevokaw, itemmu jew jiċħdu li jġeddu l-istatus ta’ refuġjat;

(d)

persuni koperti minn deċiżjonijiet finali, meħuda minn korpi amministrattivi jew ġudizzjarji matul il-perijodu ta’ referenza, li jagħtu, jirrevokaw, itemmu jew jiċħdu li jġeddu l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja;”;

(ii)

it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Din l-istatistika għandha tkun imqassma skont l-età u s-sess, skont iċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati, u, minbarra l-punt (a), skont il-minorenni mhux akkumpanjati. Barra minn hekk, l-istatistika taħt il-punt (g) għandha tkun imqassma skont il-pajjiż ta’ residenza u skont it-tip ta’ deċiżjoni dwar l-ażil.

L-istatistika msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkun relatata ma’ perijodi ta’ referenza ta’ sena kalendarja waħda u għandha tiġi pprovduta lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien tliet xhur minn tmiem is-sena ta’ referenza. L-ewwel sena ta’ referenza għandha tkun l-2021.”;

(d)

il-paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:

(i)

fl-ewwel subparagrafu, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(f)

in-numru ta’ talbiet ta’ rieżami għar-riammissjoni jew għat-teħid tal-inkarigu ta’ persuna li tfittex l-ażil;

(g)

id-dispożizzjonijiet li fuqhom huma bbażati t-talbiet imsemmija fil-punt (f);

(h)

id-deċiżjonijiet meħuda b’rispons għat-talbiet imsemmija fil-punt (f);

(i)

in-numru ta’ trasferimenti li għalihom iwasslu d-deċiżjonijiet imsemmija fil-punt (h).”;

(ii)

it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Din l-istatistika għandha tkun imqassma skont is-sess u skont il-minorenni akkumpanjati u mhux akkumpanjati. Din għandha tkun relatata ma’ perijodi ta’ referenza ta’ sena kalendarja waħda u għandha tiġi pprovduta lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien tliet xhur minn tmiem is-sena ta’ referenza. L-ewwel sena ta’ referenza għandha tkun l-2021.”;

(4)

fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-istatistika taħt il-punt (a) għandha tkun imqassma skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/399.”;

(b)

it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-istatistika taħt il-punt (b) għandha tkun imqassma skont l-età u s-sess, skont iċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati, skont ir-raġunijiet għall-arrest tagħhom u skont il-post tal-arrest.”;

(5)

l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) bi statistika dwar in-numru ta’:

(a)

permessi ta’ residenza maħruġa lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi, imqassmin kif ġej:

(i)

permessi maħruġa matul il-perijodu ta’ referenza fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun qed jingħata l-permess li jirrisjedi għall-ewwel darba, imqassmin skont iċ-ċittadinanza, skont ir-raġuni għall-ħruġ tal-permess, skont it-tul tal-validità tal-permess, skont l-età u skont is-sess;

(ii)

permessi maħruġa matul il-perijodu ta’ referenza u mogħtija meta ċittadin ta’ pajjiż terz jibdel l-istatus tal-immigrazzjoni jew ir-raġuni biex jibqa’, imqassmin skont iċ-ċittadinanza, skont ir-raġuni għall-ħruġ tal-permess, skont it-tul tal-validità tal-permess, skont l-età u skont is-sess;

(iii)

permessi validi fi tmiem il-perijodu ta’ referenza (in-numru ta’ permessi maħruġa, mhux irtirati u mhux skaduti), imqassmin skont iċ-ċittadinanza, skont ir-raġuni għall-ħruġ tal-permess, skont it-tul tal-validità tal-permess, skont l-età u skont is-sess;

(b)

residenti fit-tul fi tmiem il-perijodu ta’ referenza, imqassmin skont iċ-ċittadinanza, skont it-tip ta’ status fit-tul, skont l-età u skont is-sess;

(c)

ċittadini ta’ pajjiżi terzi li matul is-sena ta’ referenza kisbu permess ta’ residenza fit-tul, imqassmin skont l-età u s-sess.”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.

L-istatistika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun relatata ma’ perijodi ta’ referenza ta’ sena kalendarja waħda u għandha tiġi pprovduta lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien sitt xhur minn tmiem is-sena ta’ referenza. L-ewwel sena ta’ referenza għandha tkun l-2021.”;

(6)

l-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

in-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li fil-fatt ħallew it-territorju tal-Istat Membru, wara deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, kif imsemmi fil-punt (a), imqassam skont iċ-ċittadinanza tal-persuni ritornati, skont it-tip ta’ ritorn u l-assistenza rċevuta, u skont il-pajjiż ta’ destinazzjoni.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.

L-istatistika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun imqassma skont l-età u s-sess tal-persuna kkonċernata u skont il-minorenni mhux akkumpanjati. Din għandha tkun relatata ma’ perijodi ta’ referenza ta’ tliet xhur kalendarji u għandha tiġi pprovduta lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien xahrejn minn tmiem il-perijodu ta’ referenza. L-ewwel perijodu ta’ referenza għandu jkun Jannar sa Marzu 2021.”;

(7)

l-Artikolu 8 jitħassar;

(8)

l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“1a.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-kwalità tad-data u tal-metadata trasmessi taħt dan ir-Regolament.

1b.

Il-kriterji ta’ kwalità elenkati fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*6) għandhom japplikaw għall-fini ta’ dan ir-Regolament.

(*6)  Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasmissjoni ta’ data soġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).”;"

(b)

il-paragrafi 2 sa 5 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.

L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni (Eurostat), fil-forma ta’ rapporti dwar il-kwalità, dwar is-sorsi ta’ data użati, ir-raġunijiet għall-għażla ta’ dawk is-sorsi, l-effetti tas-sorsi ta’ data magħżula fuq il-kwalità tal-istatistika, il-miżuri tekniċi u organizzattivi użati biex tkun żgurata l-protezzjoni tad-data personali u l-metodi ta’ stima użati, u għandhom iżommu lill-Kummissjoni (Eurostat) informata bi kwalunkwe tibdil fihom.

3.

Fuq it-talba tal-Kummissjoni (Eurostat), l-Istati Membri għandhom jipprovdulha l-kjarifika addizzjonali meħtieġa biex tevalwa l-kwalità tal-informazzjoni statistika.

4.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni (Eurostat) mingħajr dewmien dwar kwalunkwe reviżjoni jew korrezzjoni fl-istatistika provduta taħt dan ir-Regolament, dwar kwalunkwe bidla fil-metodi u s-sorsi ta’ data użati, u dwar kwalunkwe informazzjoni rilevanti jew bidla fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament li tista’ tinfluwenza l-kwalità tad-data trasmessa.

5.

Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni:

(a)

li jistabbilixxu l-arranġamenti prattiċi għal, u l-kontenut ta’, ir-rapporti dwar il-kwalità msemmijin fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(b)

fir-rigward tal-miżuri relatati mad-definizzjoni tal-formati adatti għat-trasmissjoni ta’ data taħt dan ir-Regolament.

L-atti msemmija fil-punt (a) ma għandhomx jimponu piżijiet jew spejjeż addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni msemmijin f’dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).”;

(9)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 9a

Studji pilota

1.   F’konformità mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tistabbilixxi studji pilota, li għandhom jitwettqu fuq bażi volontarja mill-Istati Membri, sabiex tiġi ttestjata l-fattibbiltà ta’ ġabriet jew tqassimiet ġodda ta’ data fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inklużi d-disponibbiltà ta’ sorsi adatti ta’ data u ta’ tekniki adatti ta’ produzzjoni, il-kwalità u l-komparabbiltà tal-istatistika u l-ispejjeż u l-piżijiet involuti. L-Istati Membri għandhom, flimkien mal-Kummissjoni (Eurostat), jiżguraw li l-istudji jkunu rappreżentattivi fil-livell tal-Unjoni.

2.   Qabel ma jinbeda kull studju pilota speċifiku, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tevalwa jekk l-istatistika l-ġdida tistax tkun ibbażata fuq l-informazzjoni disponibbli fis-sorsi amministrattivi rilevanti fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu armonizzati l-kunċetti użati, fejn possibbli, u sabiex jiġu mminimizzati l-piżijiet addizzjonali fuq l-istituti nazzjonali tal-istatistika u fuq awtoritajiet nazzjonali oħra u biex jittejjeb l-użu tad-data eżistenti f’konformità mal-Artikolu 17a tar-Regolament (KE) Nru 223/2009. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tqis ukoll il-piż li jirriżulta minn studji pilota oħra li jkunu għaddejjin sabiex tillimita n-numru ta’ studji pilota konkurrenti matul l-istess perijodu ta’ żmien.

3.   L-istudji pilota msemmija f’dan l-Artikolu għandhom ikunu relatati mas-suġġetti li ġejjin:

(a)

għall-istatistika meħtieġa taħt l-Artikolu 4 komplessivament, tqassim skont ix-xahar li fih tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali;

(b)

għall-istatistika meħtieġa taħt l-Artikolu 4(1):

(i)

in-numru ta’ persuni li ppreżentaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jew li ġew inklużi f’applikazzjoni tali bħala membri tal-familja u li:

kienu eżentati minn proċedura mgħaġġla jew proċedura fuq il-fruntiera jew li l-applikazzjonijiet tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali ġew ipproċessati taħt tali proċedura fuq il-fruntiera;

ma kinux reġistrati fil-Eurodac;

ippreżentaw evidenza dokumentarja li tista’ tgħin fl-istabbiliment tal-identità tagħhom;

inżammu f’detenzjoni, imqassmin skont it-tul taż-żmien f’detenzjoni u skont ir-raġunijiet għad-detenzjoni, jew kienu soġġetti għal deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju li ordnaw id-detenzjoni tagħhom jew alternattiva għad-detenzjoni, imqassmin skont it-tip ta’ alternattiva u skont ix-xahar li fih inħarġu tali deċiżjoni jew att;

ibbenefikaw minn assistenza legali mingħajr ħlas;

ibbenefikaw minn kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali kif speċifikat taħt il-punt (g) tal-Artikolu 4(1), imqassmin skont l-età, skont is-sess, skont iċ-ċittadinanza u skont minorenni mhux akkumpanjati, u l-possibbiltà li din l-istatistika tkun relatata ma’ perijodi ta’ referenza ta’ xahar;

kienu minorenni mhux akkumpanjati li għalihom inħatar rappreżentant, jew kienu minorenni mhux akkumpanjati li ngħataw aċċess għas-sistema tal-edukazzjoni jew kienu minorenni mhux akkumpanjati li tqiegħdu skont l-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2011/95/UE;

saritilhom valutazzjoni tal-età, inklużi r-riżultati ta’ tali valutazzjonijiet;

(ii)

in-numru medju ta’ minorenni mhux akkumpanjati li jkunu ppreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għal kull rappreżentant;

(c)

għall-istatistika meħtieġa taħt l-Artikolu 4(2) u (3):

(i)

għall-persuni koperti mill-punt (a) tal-Artikolu 4(2) jew il-punt (b) tal-Artikolu 4(3), tqassim skont id-deċiżjonijiet li ċaħdu applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali:

bħala inammissibbli, skont ir-raġuni għall-inammissibbiltà;

bħala bla bażi;

bħala manifestament bla bażi skont il-proċedura regolari, skont ir-raġuni għaċ-ċaħda;

bħala manifestament bla bażi skont proċedura mgħaġġla, skont ir-raġuni għaċ-ċaħda u skont ir-raġuni għall-għaġla;

minħabba li l-applikant ikun eliġibbli għall-protezzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha;

(ii)

għall-persuni koperti mill-punti (b) u (c) tal-Artikolu 4(2) u l-punti (c) u (d) tal-Artikolu 4(3), tqassim skont deċiżjonijiet dwar il-waqfien jew l-esklużjoni, imqassmin ulterjorment skont ir-raġuni għall-waqfien jew l-esklużjoni;

(iii)

in-numru ta’ persuni li fir-rigward tagħhom ittieħdu deċiżjonijiet wara intervista personali;

(iv)

in-numru ta’ persuni li fir-rigward tagħhom ittieħdu deċiżjonijiet tal-ewwel istanza jew deċiżjonijiet finali li naqqsu jew irtiraw il-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali;

(d)

għall-istatistika meħtieġa taħt l-Artikolu 4(3), it-tul tal-appelli;

(e)

għall-istatistika meħtieġa taħt l-Artikolu 4(4), tqassim skont l-età u skont iċ-ċittadinanza;

(f)

għall-istatistika meħtieġa taħt l-Artikolu 6, in-numru ta’:

(i)

applikazzjonijiet u applikazzjonijiet miċħuda għal permessi ta’ residenza għall-ewwel darba minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi matul il-perijodu ta’ referenza, imqassmin skont iċ-ċittadinanza, skont ir-raġuni għat-talba għall-permess, skont l-età u skont is-sess;

(ii)

applikazzjonijiet miċħuda għal permess ta’ residenza meta ċittadin ta’ pajjiż terz ibiddel l-istatus ta’ immigrazzjoni jew ir-raġuni għas-soġġorn;

(iii)

permessi ta’ residenza maħruġa għal raġunijiet ta’ familja, imqassmin skont ir-raġuni għall-ħruġ tal-permess u skont l-istatus tal-isponsor taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz;

(g)

għall-istatistika meħtieġa taħt l-Artikolu 7, tqassim skont:

(i)

ir-raġunijiet għad-deċiżjonijiet jew l-atti msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu;

(ii)

in-numru ta’ persuni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu li kienu soġġetti għal projbizzjoni fuq id-dħul;

(iii)

in-numru ta’ persuni fi proċeduri ta’ ritorn soġġetti għal deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju li ordnaw id-detenzjoni tagħhom, imqassmin ulterjorment skont it-tul taż-żamma f’detenzjoni, jew soġġetti għal alternattiva għal detenzjoni, imqassmin skont it-tip ta’ alternattiva, u skont ix-xahar li fih tali deċiżjoni jew att inħarġu;

(iv)

in-numru ta’ persuni ritornati, imqassmin ulterjorment skont il-pajjiż tad-destinazzjoni u skont it-tip ta’ deċiżjoni jew att kif ġej:

f’konformità ma’ ftehim formali ta’ riammissjoni tal-Unjoni;

f’konformità ma’ ftehim informali ta’ riammissjoni tal-Unjoni;

f’konformità ma’ ftehim ta’ riammissjoni nazzjonali.

4.   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tevalwa r-riżultati tal-istudji pilota f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u għandha tagħmel ir-riżultati disponibbli għall-pubbliku. L-evalwazzjoni għandha tinkludi valutazzjoni tal-valur miżjud tal-ġabriet ġodda ta’ data taħt l-istudji pilota fil-livell tal-Unjoni u analiżi tal-kosteffettività, inkluża valutazzjoni tal-piż fuq dawk li jwieġbu u tal-ispejjeż tal-produzzjoni f’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.

5.   B’kont meħud tal-evalwazzjoni pożittiva tar-riżultati tal-istudji pilota, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni fir-rigward tas-suġġetti msemmija fil-paragrafu 3. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).

6.   Sabiex ikun iffaċilitat it-twettiq tal-istudji pilota msemmija f’dan l-Artikolu, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tipprovdi l-finanzjament adatt f’konformità mal-Artikolu 9b lill-Istati Membri li jwettqu dawk l-istudji pilota.

7.   Sat-13 ta’ Lulju 2022 u kull sentejn sussegwenti, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tirrapporta dwar il-progress ġenerali li jkun sar fir-rigward tas-suġġetti msemmija fil-paragrafu 3. Ir-rapport għandu jsir disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 9b

Finanzjament

1.   Għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu pprovduti kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-baġit ġenerali tal-Unjoni lill-istituti nazzjonali tal-istatistika u lil awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħra msemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 għal:

(a)

l-iżvilupp ta’ metodoloġiji ġodda għall-istatistika taħt dan ir-Regolament, inkluża l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fi studji pilota kif imsemmi fl-Artikolu 9a;

(b)

l-iżvilupp jew l-implimentazzjoni ta’ ġabriet u tqassimiet ġodda ta’ data fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluż l-aġġornament tas-sorsi ta’ data u tas-sistemi tal-IT, għal perijodu ta’ mhux aktar minn ħames snin.

2.   Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni kif imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu pprovduti f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*7).

(*7)  Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).”;"

(10)   l-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 10

Atti ta’ implimentazzjoni għall-ispeċifikazzjoni ta’ tqassimiet

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni għall-fini tal-ispeċifikazzjoni ta’ tqassimiet f’konformità mal-Artikoli 4 sa 7. Meta tkun qed tadotta tali atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiġġustifika l-ħtieġa għat-tqassimiet ikkonċernati għall-finijiet tal-iżvilupp u l-monitoraġġ tal-politiki tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni u l-ażil u għandha tiżgura li tali atti ta’ implimentazzjoni ma jimponux spejjeż jew piżijiet addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(2) sa mhux aktar tard minn 18-il xahar qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ referenza, fejn id-data tirreferi għal sena kalendarja, u mhux aktar tard minn 6 xhur qabel tmiem il-perijodu ta’ referenza, fejn id-data tirreferi għal perijodu inqas minn sena.”;

(11)   l-Artikolu 11 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 11

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 223/2009. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*8).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(12)   jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

Artikolu 11a

Derogi

1.   Fejn l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jew tal-atti ta’ implimentazzjoni adottati taħtu, tkun tirrikjedi li jsiru adattamenti estensivi lis-sistema nazzjonali tal-istatistika ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni tista’ tagħti, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, deroga għat-tul ta’ żmien mitlub mill-Istat Membru kkonċernat, sakemm dak il-perijodu ma jeċċedix tliet snin. Meta tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-komparabbiltà tad-data tal-Istati Membri u l-kalkolu f’waqtu tat-tqassimiet Ewropej rappreżentattivi u affidabbli meħtieġa u għandha tqis il-piż fuq l-Istati Membri u fuq dawk li jwieġbu.

2.   Fejn deroga skont il-paragrafu 1 tkun għadha ġustifikata b’evidenza suffiċjenti fi tmiem il-perijodu li għalih tkun ingħatat, il-Kummissjoni tista’ tagħti, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, deroga għal perijodu ulterjuri ta’ żmien mitlub mill-Istat Membru kkonċernat sakemm il-perijodu ma jkunx aktar minn sentejn.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, Stat Membru għandu jippreżenta talba ġustifikata kif dovut lill-Kummissjoni sat-13 ta’ Ottubru 2020 jew fi żmien tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-att ta’ implimentazzjoni kkonċernat, jew fi żmien sitt xhur qabel tmiem il-perijodu li għalih tkun ingħatat id-deroga attwali, skont il-każ.

4.   Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-punt (3)(a) u (b) u l-punt (6) tal-Artikolu 1 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Marzu 2021.

Il-punt (3)(c) u (d) u l-punt (5) tal-Artikolu 1 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Lulju 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

N. BRNJAC


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ April 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-20 ta’ Marzu 2020 (ĠU C 139, 28.4.2020 p. 1). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-17 ta’ Ġunju 2020 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 311/76 dwar il-kumpilazzjoni ta’ statistika dwar ħaddiema barranin (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 23).

(3)  Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

(4)  Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(5)  Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam ta’ fruntieri u viża u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1726 u (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 27).

(6)  Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/816 (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 85).

(7)  Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(8)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(9)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(10)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).


Top