EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0591

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/591 tat-30 ta’ April 2020 li jiftaħ skema temporanja eċċezzjonali ta’ għajnuna għall-ħżin privat ta’ ċerti tipi ta’ ġobon u li jiffissa bil-quddiem l-ammont tal-għajnuna

C/2020/2885

OJ L 140, 4.5.2020, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/591/oj

4.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/591

tat-30 ta’ April 2020

li jiftaħ skema temporanja eċċezzjonali ta’ għajnuna għall-ħżin privat ta’ ċerti tipi ta’ ġobon u li jiffissa bil-quddiem l-ammont tal-għajnuna

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 219(1) flimkien mal-Artikolu 228 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (2), u b’mod partikulari l-Artikolu 62(2)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Minħabba l-pandemija attwali tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet estensivi fuq il-moviment li daħħlu l-Istati Membri, kien hemm tnaqqis fid-domanda għal ċerti prodotti tas-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, b’mod partikulari għall-ġobon. It-tixrid tal-marda u l-miżuri li huma fis-seħħ jillimitaw id-disponibbiltà tal-ħaddiema, u b’hekk ixekklu l-iktar l-istadji tal-produzzjoni, tal-ġbir u tal-ipproċessar tal-ħalib. Barra minn hekk, l-għeluq obbligatorju tal-ħwienet, tas-swieq fil-beraħ, tar-ristoranti u ta’ stabbilimenti oħrajn tal-ospitalità waqqaf l-attivitajiet tal-industrija tal-ospitalità u tal-catering, u wassal għal tibdil sinifikanti fix-xejriet tad-domanda għall-ħalib u għall-prodotti tal-ħalib. Madwar 15 % mid-domanda domestika tal-Unjoni għall-ġobon ġejja mill-industrija tal-ospitalità u tal-catering. Barra minn hekk, ix-xerrejja fl-Unjoni u fis-suq dinji qed iħassru l-kuntratti, u qed idewmu l-konklużjoni ta’ kuntratti ġodda huma u jistennew iktar tnaqqis fil-prezzijiet. L-esportazzjonijiet tal-ġobon lejn pajjiżi terzi jirrappreżentaw 8 % mill-ġobon kollu prodott fl-Unjoni

(2)

Minħabba f’hekk l-ipproċessar tal-ħalib mhux ipproċessat qed jinbidel parzjalment biex minnu jsiru prodotti bl-ingrossa li jinħażnu faċilment u li għandhom ħajja twila fuq l-ixkaffa u li jeħtieġu inqas ħaddiema biex jiġu mmanifatturati, bħat-trab tal-ħalib xkumat u l-butir. Madankollu, bosta siti tal-manifattura tal-ġobon fl-Unjoni ma għandhomx il-kapaċità jipproċessaw il-ħalib fi prodotti differenti, u qed ikollhom ikomplu jipproduċu l-ġobon li d-domanda għalih naqset b’mod eċċezzjonali.

(3)

Għalhekk is-settur tal-ġobon qed jiffaċċja sitwazzjoni ta’ tfixkil fis-suq minħabba żbilanċ qawwi bejn il-provvista u d-domanda. Minħabba f’hekk, jekk ma jittiħdux miżuri kontra dan it-tfixkil fis-suq, il-prezzijiet tal-ġobon fl-Unjoni mistennija jonqsu u x’aktarx ikomplu jonqsu.

(4)

Jidher li l-miżuri ta’ intervent fis-suq disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw it-tfixkil fis-suq, minħabba li huma maħsubin għal prodotti oħrajn bħall-butir u t-trab tal-ħalib xkumat, jew huma limitati għall-ġobon li għandu denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta.

(5)

Il-ħżin jista’ jindirizza t-tfixkil fis-suq tal-ġobon. Għalhekk huwa xieraq li tingħata għajnuna għall-ħżin privat tal-ġobon.

(6)

L-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi l-għoti tal-għajnuna għall-ħżin privat tal-ġobon li jibbenefika minn denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew minn indikazzjoni ġeografika protetta skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) biss. Madankollu, il-ġobon li għandu denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta jirrappreżenta ftit biss mill-ġobon kollu prodott fl-Unjoni. Għal raġunijiet ta’ effiċjenza operazzjonali u amministrattiva, huwa xieraq li tiġi stabbilita skema unika ta’ għajnuna għall-ħżin privat li tkun tkopri kull tip ta’ ġobon.

(7)

Huwa xieraq li l-ġobon li mhuwiex adattat għall-ħżin jiġi eskluż minnha.

(8)

Huwa xieraq li jiġi stabbilit limitu għall-volum massimu li trid tkopri l-iskema, kif ukoll kif il-volum kollu se jitqassam fost l-Istati Membri abbażi tal-produzzjoni tal-ġobon tagħhom.

(9)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1238 (4) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1240 (5) jistabbilixxu r-regoli għall-implimentazzjoni tal-għajnuna għall-ħżin privat. Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1238 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240 li japplikaw għall-ħżin privat tal-ġobon li għandu denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta jkunu japplikaw mutatis mutandis għall-iskema unika ta’ għajnuna għall-ħżin privat stabbilita f’dan ir-Regolament, ħlief fejn huwa previst mod ieħor f’dan ir-Regolament.

(10)

Jenħtieġ li l-ammont tal-għajnuna jiġi ffissat bil-quddiem sabiex ikun hemm sistema operazzjonali rapida u flessibbli. Jenħtieġ li l-ammont tal-għajnuna jiġi ffissat abbażi tal-ispejjeż tal-ħżin u ta’ elementi rilevanti oħrajn tas-suq. Huwa xieraq li tiġi stabbilita għajnuna għall-ispejjeż fissi tal-ħżin għad-dħul u għall-ħruġ tal-prodotti kkonċernati u għajnuna għal kull jum tal-ħżin għall-ispejjeż għall-ħżin u għall-finanzjament.

(11)

Għal raġunijiet ta’ effiċjenza u ta’ simplifikazzjoni amministrattivi, jenħtieġ li l-applikazzjonijiet jintbagħtu biss għall-ġobon li jkun diġà nħażen u li ma tkunx meħtieġa garanzija.

(12)

Għal raġunijiet ta’ effiċjenza u ta’ simplifikazzjoni amministrattivi, jenħtieġ li tiġi stabbilita l-kwantità minima ta’ prodotti li kull applikazzjoni trid tkopri.

(13)

Il-miżuri li ddaħħlu biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19 jistgħu jaffettwaw il-konformità mar-rekwiżiti għall-kontrolli fuq il-post marbutin mal-għajnuna għall-ħżin privat skont l-Artikolu 60 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240. Huwa xieraq li l-Istati Membri li jintlaqtu minn dawk il-miżuri jingħataw il-flessibbiltà billi jitħallew iwettqu l-kontrolli fiżiċi fuq kampjun statistiku rappreżentattiv biss, billi jittawlilhom il-perjodu biex jagħmlu l-kontrolli tad-dħul fil-post tal-ħżin jew billi jitħallew jissostitwixxu dawn il-kontrolli bl-użu ta’ provi rilevanti oħrajn, u billi ma jkunux obbligati jwettqu l-kontrolli għall-għarrieda. Għalhekk huwa xieraq li tiddaħħal deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240 għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

(14)

Sabiex il-miżura temporanja prevista f’dan ir-Regolament ikollha impatt immedjat fuq is-suq u tikkontribwixxi biex il-prezzijiet jistabbilizzaw ruħhom, jenħtieġ li din tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jipprevedi skema temporanja eċċezzjonali ta’ għajnuna għall-ħżin privat tal-ġobon li jidħol fil-kodiċi tan-NM 0406, ħlief għall-ġobon li mhuwiex adattat għal aktar ħżin wara l-perjodu ta’ maturazzjoni msemmi fl-Artikolu 2.

2.   Il-volum massimu tal-prodott għal kull Stat Membru li għalih tapplika l-iskema tal-għajnuna għall-ħżin privat imsemmija fil-paragrafu 1 huwa stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkollhom fis-seħħ sistema bbażata fuq kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji sabiex ma jinqabżux il-kwantitajiet massimi li jkunu ġew allokati lilhom.

3.   Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1238 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240 li japplikaw għall-ħżin privat tal-ġobon li għandu denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-iskema ta’ għajnuna għall-ħżin privat imsemmija fil-paragrafu 1, ħlief fejn huwa previst mod ieħor f’dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Prodotti eliġibbli

Sabiex il-ġobon jikkwalifika għall-għajnuna skont l-iskema tal-għajnuna għall-ħżin privat imsemmija fl-Artikolu 1(1), minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-għajnuna”, dan għandu jkun ta’ kwalità kummerċjabbli tajba u ġusta u għandu joriġina mill-Unjoni. Dakinhar li jibda l-kuntratt tal-ħżin, il-ġobon għandu jkollu età minima li tkun tikkorrispondi għall-perjodu ta’ maturazzjoni stabbilit fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott fil-każ tal-ġobon li jibbenefika minn denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew minn indikazzjoni ġeografika protetta skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012, u għall-perjodu normali ta’ maturazzjoni stabbilit mill-Istati Membri fil-każ tal-ġobon l-ieħor.

Artikolu 3

Tressiq tal-applikazzjonijiet u ammissibbiltà tagħhom

1.   L-applikazzjonijiet għall-għajnuna jistgħu jitressqu mis-7 ta’ Mejju 2020 ’il quddiem. L-aħħar data għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għandha tkun it-30 ta’ Ġunju 2020.

2.   L-applikazzjonijiet għandhom isiru għal prodotti li jkunu diġà nħażnu.

3.   Il-kwantità minima għal kull applikazzjoni hija ta’ 0,5 tunnellati.

Artikolu 4

Ammont tal-għajnuna u perjodu tal-ħżin

1.   L-ammont tal-għajnuna għandu jkun kif ġej:

EUR 15,57 għal kull tunnellata ta’ ħżin għall-ispejjeż fissi tal-ħżin;

EUR 0,40 għal kull tunnellata għal kull jum ta’ ħżin kuntrattwali.

2.   Il-ħżin kuntrattwali għandu jintemm fil-jum ta’ qabel dak tat-tneħħija mill-ħżin.

3.   L-għajnuna tista’ tingħata biss meta l-perjodu tal-ħżin kuntrattwali jkun ta’ bejn 60 u 180 jum.

Artikolu 5

Kontrolli

1.   B’deroga mill-Artikolu 60(1) u (2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240, meta minħabba l-miżuri li ddaħħlu biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19, minn hawn ’il quddiem imsejħin “il-miżuri”, l-aġenzija tal-pagamenti ma tkunx tista’ twettaq il-kontrolli msemmijin fl-Artikolu 60(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament fil-ħin dovut, l-Istat Membru kkonċernat jista’:

(a)

jestendi l-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(1) għat-twettiq ta’ dawk il-kontrolli b’perjodu massimu ta’ 30 jum wara li jintemmu l-miżuri; jew

(b)

jissostitwixxi dawk il-kontrolli fil-perjodu li matulu jkunu japplikaw il-miżuri bl-użu ta’ provi rilevanti, fosthom ta’ ritratti mmarkati bil-post ġeografiku u ta’ provi oħrajn f’format elettroniku.

2.   B’deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 60(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240, il-kontrolli fiżiċi sabiex tiġi vverifikata l-kwantità kuntrattwali għandhom isiru fuq kampjun statistiku rappreżentattiv ta’ mill-inqas 5 % mil-lottijiet li jkunu jkopru tal-inqas 5 % mill-kwantitajiet kollha li jkunu nħażnu.

3.   B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240, meta minħabba l-miżuri l-aġenzija tal-pagamenti ma tkunx tista’ twettaq il-kontrolli fuq il-post għall-għarrieda, hija ma għandhiex tkun obbligata twettaq il-kontrolli għall-għarrieda fil-perjodu li matulu jkunu fis-seħħ il-miżuri.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1238 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-intervent pubbliku u l-għajnuna għall-ħżin privat (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 15).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1240 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ intervent pubbliku u ta’ għajnuna għall-ħżin privat (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 71).


ANNESS

Stat Membru

Kwantitajiet massimi (f’tunnellati)

Il-Belġju

1 130

Il-Bulgarija

889

Iċ-Ċekja

1 265

Id-Danimarka

4 373

Il-Ġermanja

21 726

L-Estonja

434

L-Irlanda

2 180

Il-Greċja

2 121

Spanja

4 592

Franza

18 394

Il-Kroazja

300

L-Italja

12 654

Ċipru

270

Il-Latvja

459

Il-Litwanja

978

Il-Lussemburgu

27

L-Ungerija

809

Malta

28

In-Netherlands

8 726

L-Awstrija

1 959

Il-Polonja

8 277

Il-Portugall

775

Ir-Rumanija

931

Is-Slovenja

157

Is-Slovakkja

413

Il-Finlandja

843

L-Iżvezja

792

Ir-Renju Unit

4 499


Top