EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0436

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/436 tal-24 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 906/2009 rigward il-perjodu ta’ applikazzjoni tiegħu (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/1734

OJ L 90, 25.3.2020, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/436/oj

25.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 90/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/436

tal-24 ta’ Marzu 2020

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 906/2009 rigward il-perjodu ta’ applikazzjoni tiegħu

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 246/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta’ akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma bejn il-kumpaniji marittimi tal-linja (konsorzji) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1 tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar Prattiċi Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 906/2009 (2) jagħti eżenzjoni ta’ kategorija lill-konsorzji tat-trasport bil-baħar mill-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 101(1) tat-Trattat, liema eżenzjoni hija soġġetta għal ċerti kundizzjonijiet. Dan ir-Regolament japplika sal-25 ta’ April 2020.

(2)

Fuq il-bażi tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tar-Regolament (KE) Nru 906/2009, wara konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni ġabret informazzjoni u data li juru bi grad suffiċjenti ta’ ċertezza li l-konsorzji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 906/2009 xorta jissodisfaw l-erba’ kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 101(3) TFUE. Bil-kundizzjonijiet attwali u dawk mistennija tas-suq, il-konsorzja jnaqqsu l-ispejjeż permezz tal-ekonomiji ta’ skala, ir-razzjonaliżmu tas-servizzi u użu aħjar tal-bastimenti. Għall-akkordji ta’ konsorzji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 906/2009, sehem ġust ta’ dan it-tnaqqis fl-ispejjeż jista’ jkun mistenni li jgħaddi lejn il-klijenti bħala riżultat tal-kompetizzjoni fost il-membri tal-istess konsorzju (kompetizzjoni interna), ikkomplementat mil-limitu tas-sehem mis-suq ta’ 30 %, li jiżgura li l-kompetizzjoni suffiċjenti tibqa’ minn barra kull konsorzju (kompetizzjoni esterna). L-akkordji ta’ konsorzji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 906/2009 huma indispensabbli biex jipproduċu dawn l-effiċjenzi. Ma hemm l-ebda tip ieħor ta’ kooperazzjoni inqas restrittiva fost l-operaturi tat-trasport marittimu tal-containers li jipproduċu l-istess benefiċċji. Fl-aħħar nett, l-akkordji tal-konsorzji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 906/2009 ma jagħtux lill-membri tagħhom il-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali tas-servizzi marittimi tal-linja fis-swieq relevanti rispettivi, minħabba kemm il-kompetizzjoni esterna u kemm il-kompetizzjoni interna. Għalhekk, ir-raġunijiet li jiġġustifikaw eżenzjoni ta’ kategorija għall-konsorzji, li tiffaċilita wkoll l-implimentazzjoni tal-konsorzji rilevanti, għadhom validi.

(3)

Il-kundizzjonijiet li fuqhom l-ambitu u l-kontenut tar-Regolament (KE) Nru 906/2009 kienu determinati, baqgħu suffiċjentement simili għall-applikazzjoni tar-Regolament li jrid ikun estiż.

(4)

Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tqis bidliet possibbli fiċ-ċirkostanzi tas-suq u f’konformità mas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 246/2009, il-perjodu tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 906/2009 jenħtieġ li jkun estiż b’erba’ snin biss.

(5)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 906/2009 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 906/2009 it-tieni paragrafu jiġi mibdul b’dan li ġej:

“Tapplika sal-25 ta’ April 2024”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Marzu 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 79, 25.3.2009, p. 1. B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE saru rispettivament l-Artikoli 101 u 102 TFUE.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 906/2009 tat-28 ta’ Settembru 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta’ akkordji, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma bejn il-kumpaniji marittimi tal-linja (konsorzji) (ĠU L 256, 29.9.2009, p. 31).


Top