Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0045

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/45 tal-20 ta’ Jannar 2020 li jemenda ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1379 dwar l-estensjoni tad-dazju tal-anti-dumping impost fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ ċerti komponenti tar-roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/97

C/2020/172

ĠU L 16, 21.1.2020, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/45/oj

21.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 16/7


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/45

tal-20 ta’ Jannar 2020

li jemenda ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1379 dwar l-estensjoni tad-dazju tal-anti-dumping impost fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ ċerti komponenti tar-roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/97

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u, b’mod partikolari, l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2474/93 (2), il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/97 (3) estenda l-miżuri għall-importazzjoni ta’ ċerti partijiet ta’ roti li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, wara investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni. L-estensjonijiet tal-miżuri wara investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni jibqgħu fis-seħħ sakemm il-miżuri oriġinali jibqgħu fis-seħħ.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1379 (4) tawwal il-miżuri fuq l-importazzjonijiet tar-roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal ħames snin oħra wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036. Peress li ma semmiex b’mod espliċitu l-estensjoni għal ċerti komponenti tar-roti, jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-estensjoni tal-miżuri hija miżmuma wkoll għall-importazzjonijiet ta’ dawk il-partijiet tar-roti li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

(4)

Jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1379 jiġi emendat ukoll biex ikun ċar li l-prodott soġġett għal rieżami jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM indikati f’dak ir-Regolament biss fil-mument li ġie ppubblikat, u li l-bidliet potenzjali fil-kodiċijiet NM ma għandhom l-ebda impatt fuq il-miżuri.

(5)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1379 jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1379 huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-premessa (37) tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“(37)

Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huwa roti u ċikletti oħra (inklużi triċikli għall-kunsinni, iżda esklużi l-uniċikli), mingħajr mutur, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM 8712 00 30 u ex 8712 00 70 (kodiċijiet TARIC 8712007091, 8712007092 u 8712007099) (“il-prodott soġġett għal rieżami” jew “roti”)”

(2)

Fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   B’dan qed jiġi impost dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ roti u ta’ ċikletti oħra (inklużi triċikli għall-ġarr tal-prodotti, iżda esklużi l-uniċikli), mhux motorizzati, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 8712 00 30 u ex 8712 00 70 (kodiċijiet TARIC 8712007091, 8712007092 u 8712007099), li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.”

(3)

Fl-Artikolu 1, jiddaħħal il-paragrafu [4a] li ġej:

“4a.   L-estensjoni tad-dazju anti-dumping impost fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ ċerti komponenti tar-roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/97, qiegħda b’dan tinżamm fis-seħħ.

Id-dazju anti-dumping definittiv imsemmi fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/97 għandu jkun id-dazju antidumping għall-“kumpaniji l-oħra kollha” impost bl-Artikolu 1(2).”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Jannar 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2474/93 tat-8 ta’ Settembru 1993 li jimponi dazju definittiv anti-dumping lejn il-Komunità ta’ biċikletti li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u jiġbor definittivament id-dazju proviżorju anti-dumping (ĠU L 228, 9.9.1993, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/97 tal-10 ta’ Jannar 1997, li jestendi d-dazju definittiv anti-dumping impost bir-Regolament (KEE) Nru 2474/93 fuq roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjoni ta’ ċerti parts tar-roti mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, u l-impożizzjoni ta’ dazju estiż fuq dawn l-importazzjonijiet rreġistrati skont ir-Regolament (KE) Nru 703/96 (ĠU L 16, 18.1.1997, p. 55).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1379 tat-28 ta’ Awwissu 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina kif estiż għall-importazzjonijiet ta’ roti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka, mit-Tuneżija, mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw minn dawn il-pajjiżi kif ukoll jekk le, wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 (ĠU L 225, 29.8.2019, p. 1).


Top