EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020H0408(01)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2020 bl-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta’defiċit eċċessiv tal-gvern fir-Rumanija 2020/C 116/01

ST/6305/2020/INIT

OJ C 116, 8.4.2020, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 116/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-3 ta’ April 2020

bl-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta’defiċit eċċessiv tal-gvern fir-Rumanija

(2020/C 116/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 126(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Istati Membri għandhom jevitaw li jkollhom defiċits eċċessivi tal-gvern.

(2)

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) huwa bbażat fuq l-objettiv ta’ finanzi pubbliċi sodi bħala mezz li jsaħħaħ il-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b’saħħtu li jwassal għall-ħolqien ta’ impjiegi.

(3)

Fit-3 ta’ April 2020, il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 126(6) tat-TFUE, li hemm defiċit eċċessiv fir-Rumanija.

(4)

L-Artikolu 126(7) TFUE u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (1) jirrikjedu li l-Kunsill jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istat Membru kkonċernat bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv fi żmien determinat. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jistabbilixxu żmien massimu ta’ sitt xhur għal azzjoni effettiva li għandha tittieħed mill-Istat Membru kkonċernat biex jikkoreġi d-defiċit eċċessiv. Barra minn hekk, f’rakkomandazzjoni biex jiġi kkoreġut id-defiċit eċċessiv, il-Kunsill għandu jitlob li jintlaħqu l-miri baġitarji annwali li, abbażi tat-tbassir li fuqu tissejjes ir-rakkomandazzjoni, jkunu konsistenti ma’ titjib minimu annwali fil-bilanċ strutturali, jiġifieri bilanċ aġġustat ċiklikament minbarra l-miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħrajn, ta’ mill-inqas 0,5 % tal-prodott domestiku gross (PDG) bħala valur ta’ referenza.

(5)

Skont it-tbassir tax-xitwa għall-2020 tal-Kummissjoni, estiż b’fatturi fiskali varjabbli sal-2022, it-tkabbir reali tal-PDG huwa previst li kien ta’ 3,9 % fl-2019. Dment li ma jkunx hemm xi bidla fil-politika, il-Kummissjoni tbassar li t-tkabbir reali tal-PDG se jimmodera, iżda se jibqa’ b’saħħtu bi 3,8 % fl-2020 u bi 3,5 % fl-2021 u fl-2022. Minn naħa, l-istimolu fiskali sinifikanti implikat permezz tal-politiki attwali se jkompli jagħti ċertu spinta lill-konsum privat. Min-naħa l-oħra, it-tkabbir kontinwu tad-defiċit fiskali jdgħajjef il-fiduċja tal-konsumaturi u tal-investituri fis-sostenibbiltà tat-tkabbir tal-ekonomija. B’riżultat ta’ dan, l-investiment huwa mistenni li jiddgħajjef, peress li l-investituri privati jieħdu kont tal-iżbilanċi makroekonomiċi dejjem ikbar. Il-kontribut tal-esportazzjonijiet netti huwa mistenni li jibqa’ negattiv matul il-perijodu ta’ tbassir, peress li l-esportazzjonijiet ikomplu jiġu affettwati minn domanda esterna dgħajfa filwaqt li l-importazzjonijiet huma appoġġati mill-konsum privat. Dan imbagħad ikompli jgħarraq d-defiċit fil-kont kurrenti li diġà huwa għoli.

(6)

Fl-10 ta’ Diċembru 2019 il-gvern adotta u bagħat lill-Parlament l-Istrateġija Baġitarja Fiskali għall-2020-22 tiegħu (l-"Istrateġija Fiskali”), bil-mira tad-defiċit tal-gvern ġenerali tkun 3,8 % tal-PDG fl-2019, ogħla mill-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG. Din ir-reviżjoni, ogħla mit-2,8 % tal-PGD tal-2019 li oriġinarjament kien ippjanat, kienet ibbażata fuq id-data marbuta mal-eżekuzzjoni tal-baġit tas-sena s’issa. L-Istrateġija Fiskali ġiet ippromulgata fil-liġi fit-18 ta’ Diċembru 2019.

(7)

It-tbassir tax-xitwa għall-2020 tal-Kummissjoni, estiż b’varjabbli fiskali sal-2022, ibassar li d-defiċit tal-gvern ġenerali se jibqa’ ’l fuq mill-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG għall-perijodu ta’ tbassir kollu. Il-Kummissjoni tipprevedi defiċit tal-gvern ġenerali ta’ 4 % tal-PDG fl-2019, ta’ 4,9 % fl-2020, ta’ 6,9 % fl-2021 u ta’ 7,7 % fl-2022, bl-ipoteżi li ma jkun hemm l-ebda bidla fil-politika. Id-defiċit strutturali huwa previst li jiddeterjora b’1 % tal-PDG fl-2020, b’1,9 % oħra tal-PDG fl-2021 u b’0,8 % oħra fl-2022. Iż-żieda fid-defiċit prevista mill-Kummissjoni hija fil-biċċa l-kbira xprunata minn żidiet sinifikanti fil-pensjoni adottati fis-sajf tal-2019. L-infiq ogħla fuq il-pensjonijiet se jikkontribwixxi għal 0,9 punti perċentwali tal-PDG fiż-żieda tad-defiċit għall-2020, għal 1,7 punti perċentwali tal-PDG għall-2021 u għal 1,1 punti perċentwali tal-PDG għall-2022. L-irduppjar tal-allowance għat-tfal, li għandu jidħol fis-seħħ f’Awwissu 2020, huwa stmat li se jkollu spiża baġitarja annwali ta’ 0,6 % tal-PDG. Fl-Istratġija Fiskali tiegħu, il-gvern jipprevedi li d-defiċit tiegħu se jkun 3,6 % tal-PDG fl-2020, 3,4 % fl-2021 u 2,8 % fl-2022. Abbażi tal-istimi tal-gvern, dan iwassal għal aġġustament strutturali ta’ 0,3 % fl-2020, ta’ 0,2 % fl-2021 u ta’ 0,6 % fl-2022. L-aġġustament għall-Istrateġija Fiskali huwa fil-biċċa l-kbira bbażat fuq in-nefqa. B’mod partikolari, l-infiq fuq il-kumpens tal-impjegati, l-oġġetti u s-servizzi u fuq l-infiq kapitali kkofinanzjat mhux mill-UE huma previsti li jonqsu bħala sehem mill-PDG. It-tbassir ta’ defiċit aktar baxx fl-Istrateġija Fiskali, meta mqabbel mat-tbassir tal-Kummissjoni jirriżulta minn projezzjonijiet makroekonomiċi sottostanti aktar ottimisti fl-Istrateġija Fiskali u mill-fatt li l-Istrateġija Fiskali ma tqisx l-impatt fiskali ta’ xi miżuri implimentati, filwaqt li l-moderazzjoni ppjanata tal-infiq attwali mhijiex appoġġata kompletament permezz ta’ miżuri implimentati, jew imħabbra b’mod kredibbli u għaldaqstant ma setgħetx titqies kompletament fit-tbassir tal-Kummissjoni.

(8)

Id-dejn tal-gvern ġenerali fir-Rumanija ammonta għal 34,7 % tal-PDG fl-2018. Skont it-tbassir tal-Kummissjoni d-dejn tal-gvern ġenerali huwa previst li jiżdied għal 46,6 % tal-PDG fl-2022, u għaldaqstant se jibqa’ taħt il-valur ta’ referenza tat-Trattat.

(9)

Skont l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv għandha titlesta fis-sena ta’ wara li jkun ġie identifikat id-defiċit (f’dan il-każ l-2021) sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi speċjali. Il-pjan ta’ aġġustament jenħtieġ li jiġi determinat f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1467/97, filwaqt li titqies il-pożizzjoni ekonomika u fiskali tal-Istat Membru.

(10)

Fis-sitwazzjoni attwali, tali ċirkostanzi speċjali jeżistu fir-Rumanija. Il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2021 tirrikjedi aġġustament fiskali qawwi wisq u tirriżulta f’telf tal-output sinifikanti. Perkors itwal ta’ aġġustament, filwaqt li xorta waħda jkun jeħtieġ aġġustamenti annwali sostanzjali, ikollu impatt aktar gradwali fuq it-tkabbir u jkun iqis il-fatt li s-sena baġitarja 2020 tkun diġà bdiet. Ir-riformi strutturali segwiti b’mod parallel mal-konsolidazzjoni fiskali se jikkontribwixxu biex tiġi żgurata korrezzjoni fit-tul tad-defiċit eċċessiv. Fid-dawl ta’ dan, u meta titqies is-sitwazzjoni ekonomika u fiskali tar-Rumanija, huwa ġġustifikat li tiġi stabbilita skadenza sal-2022 għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv.

(11)

Perkors ta’ aġġustament kredibbli u sostenibbli skont din l-iskadenza jkun jirrikjedi li r-Rumanija tilħaq il-mira tad-defiċit nominali tal-gvern ġenerali ta’ 3,6 % tal-PDG fl-2020, ta’ 3,4 % tal-PDG fl-2021 u ta’ 2,8 % tal-PDG fl-2022 li, abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni, hija konsistenti ma’ rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa primarja netta tal-gvern (2) ta’ 8,2 % fl-2020, ta’ 5,5 % fl-2021 u ta’ 5,5 % fl-2022. Din ir-rata ta’ tkabbir tan-nefqa netta se tkun l-indikatur primarju użat biex jiġi vvalutat l-isforz fiskali jekk tkun meħtieġa analiżi bir-reqqa. L-aġġustament annwali korrispondenti għall-bilanċ strutturali huwa ta’ 0,5 % tal-PDG fl-2020, ta’ 0,8 % tal-PDG fl-2021 u ta’ 0,8 % tal-PDG fl-2022. Abbażi tat-tbassir attwali, dawn il-miri xorta jippermettu żidiet annwali fin-nefqa netta reali. Biex jintlaħqu dawk il-miri x’aktarx ikun hemm bżonn li jiġu kkunsidrati mill-ġdid iż-żidiet kbar fil-pensjonijiet leġiżlati u miżuri oħra reċenti li jixprunaw id-deterjorament qawwi tad-defiċit fix-xenarju bażi.

(12)

Miżuri ta’ konsolidazzjoni tal-baġit jenħtieġ li jiżguraw korrezzjoni fit-tul filwaqt li jkunu mmirati lejn it-titjib tal-kwalità tal-finanzi pubbliċi u r-raffurzar tal-potenzjal ta’ tkabbir tal-ekonomija.

(13)

Sa mill-2016, ir-Rumanija b’mod sistematiku u b’mod ripetut kellha derogi għar-regoli fiskali stabbiliti fil-qafas fiskali nazzjonali, u b’hekk irrendiethom ineffettivi. Huwa kruċjali li fil-futur, ir-Rumanija tiżgura l-applikazzjoni sħiħa tal-qafas fiskali nazzjonali.

(14)

Fuq terminu medju u fit-tul, ir-riskji għal finanzi pubbliċi sodi jidhru għoljin, xprunati minn defiċits fiskali għoljin u spejjeż għat-tixjiħ. Iż-żieda fil-pensjonijiet, li daħlet fis-seħħ fis-sajf tal-2019 u li hija skedata li tidħol fis-seħħ matul l-2019-2021, għandha sehem kbir f’dawk ir-riskji. Dan jikkonferma l-ħtieġa urġenti li terġa’ tiġi stabbilita kollha kemm hi s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi,

B’DAN JIRRAKKOMANDA:

(1)

Jenħtieġ li r-Rumanija ttemm il-qagħda attwali ta’ defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2022.

(2)

Ir-Rumanija jenħtieġ li tilħaq il-miri tad-defiċit nominali tal-gvern ġenerali ta’ 3,6 % tal-PDG għall-2020, ta’ 3,4 % tal-PDG għall-2021 u ta’ 2,8 % tal-PDG għall-2022, li huma konsistenti ma’ rata ta’ tkabbir nominali ta’ nefqa primarja netta tal-gvern ta’ 8,2 % għall-2020, ta’ 5,5 % għall-2021 u ta’ 5,5 % għall-2022, li jikkorrispondu għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,5 % tal-PDG fl-2020, ta’ 0,8 % tal-PDG fl-2021 u ta’ 0,8 % tal-PDG fl-2022.

(3)

Jenħtieġ li r-Rumanija tispeċifika u timplimenta b’mod rigoruż il-miżuri li huma meħtieġa biex tikkoreġi tad-defiċit eċċessiv tagħha sal-2022. Jenħtieġ li l-miżuri ta’ konsolidazzjoni tal-baġit jiggarantixxu korrezzjoni fit-tul f’manjiera li tiffavorixxi t-tkabbir. Jenħtieġ li r-Rumanija tuża kull qligħ mhux mistenni għat-tnaqqis tad-defiċit.

(4)

Il-Kunsill jistabbilixxi l-iskadenza tal-15 ta’ Settembru 2020 sabiex ir-Rumanija tieħu azzjoni effettiva u, f’konformità mal-Artikolu 3(4a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, biex tirrapporta fid-dettall l-istrateġija ta’ konsolidazzjoni prevista biex jintlaħqu l-miri. U minn hawn ’il quddiem l-awtoritajiet Rumeni jenħtieġ li jirrappurtaw dwar il-progress li jsir fl-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet mill-inqas kull sitt xhur, sakemm tkun seħħet il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Rumeni jenħtieġ li jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tal-qafas fiskali nazzjonali tagħhom. Biex jiġi żgurat is-suċċess tal-istrateġija ta’ konsolidazzjoni fiskali, se jkun importanti wkoll li l-konsolidazzjoni fiskali tkun sostnuta b’riformi strutturali komprensivi, b’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill indirizzati lir-Rumanija fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u b’mod partikolari dawk relatati mal-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku,

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ April 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

G. GRLIĆ RADMAN


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

(2)  In-nefqa primarja netta tal-gvern tikkonsisti min-nefqa totali tal-gvern, esklużi n-nefqa tal-imgħax, in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni koperti kollha kemm huma minn dħul li ġej mill-fondi tal-Unjoni u l-bidliet mhux diskrezzjonali fin-nefqa marbuta mal-benefiċċju tal-qgħad. Il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss iffinanzjata f’livell nazzjonali hija mifruxa fuq perijodu ta’ erba’ (4) snin. Fil-kalkolu jiddaħħlu l-miżuri diskrezzjonali b’rabta mad-dħul jew żidiet fid-dħul preskritti bil-liġi. Miżuri ta’ darba, kemm fin-naħa tad-dħul kif ukoll tan-nefqa, huma esklużi.


Top