EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1814

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (EU) 2020/1814 tat-28 ta’ Ġunju 2019 DWAR L-GĦAJNUNA MILL-ISTAT SA.33846 – (2015/C) (ex 2014/NN) (ex 2011/CP) implimentata mill-Finlandja għal Helsingin Bussiliikenne Oy (notifikata bid-dokument C(2019) 3152) (Il-verżjoni Finlandiża u dik Żvediża biss huma awtentiċi) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2019/3152

OJ L 404, 2.12.2020, p. 10–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1814/oj

2.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 404/10


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (EU) 2020/1814

tat-28 ta’ Ġunju 2019

DWAR L-GĦAJNUNA MILL-ISTAT SA.33846 – (2015/C) (ex 2014/NN) (ex 2011/CP) implimentata mill-Finlandja għal Helsingin Bussiliikenne Oy

(notifikata bid-dokument C(2019) 3152)

(Il-verżjoni Finlandiża u dik Żvediża biss huma awtentiċi)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 62(1)(a),

Wara li kkunsidrat id-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni bdiet il-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (1),

Wara li stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq (2) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fil-31 ta’ Ottubru 2011, Nobina Sverige AB u Nobina Finland Oy ressqu lment lill-Kummissjoni fejn allegaw li l-Finlandja tat għajnuna illegali lil Helsingin Bussiliikenne Oy (“HelB”). Fil-15 ta’ Novembru 2011, Nolina AB – il-kumpanija omm ta’ Nobina Sverige AB u Nobina Finland Oy – issieħbet fl-ilment. Nobina Sverige AB, Nobina Finland Oy u Nobina AB minn hawn ’il quddiem issir referenza għalihom bħala “l-ilmentaturi”. L-ilmentaturi pprovdew informazzjoni addizzjonali fit-12 ta’ Diċembru 2011, fis-27 ta’ Frar 2012, fl-4 ta’ April 2012, fil-21 ta’ Ġunju 2012 u fl-4 ta’ Settembru 2012.

(2)

L-ilment flimkien mat-talba tal-Kummissjoni għall-informazzjoni bl-Ingliż intbagħtu lill-Finlandja għall-kummenti fit-22 ta’ Novembru 2011. It-traduzzjoni Finlandiża tal-ilment intbagħtet lill-Finlandja fl-1 ta’ Frar 2012. Il-kummenti tal-Finlandja ġew ipprovduti, flimkien ma’ informazzjoni addizzjonali, permezz ta’ ittra datata t-28 ta’ Frar 2012.

(3)

Il-kummenti tal-Finlandja dwar l-ilment intbagħtu lill-ilmentaturi permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Mejju 2012. L-osservazzjonijiet tal-ilmentaturi ġew ipprovduti fis-27 ta’ Lulju 2012. Il-Finlandja pprovdiet informazzjoni addizzjonali fit-28 ta’ Settembru 2012.

(4)

Permezz ta’ ittra datata l-31 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni bagħtet lill-Finlandja l-osservazzjonijiet tal-ilmentaturi li waslu fis-27 ta’ Lulju 2012 u talbet informazzjoni addizzjonali. Il-Finlandja pprovdiet l-informazzjoni mitluba fit-3 ta’ Jannar 2013 u fis-7 u t-12 ta’ Frar 2013. Barra minn hekk, il-Finlandja pprovdiet informazzjoni addizzjonali permezz ta’ ittra elettronika tas-16 ta’ Mejju 2013.

(5)

Fis-17 ta’ Mejju 2013 saret laqgħa mal-awtoritajiet Finlandiżi, li warajha l-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali permezz ta’ ittra elettronika tal-24 ta’ Mejju 2013. Il-Finlandja pprovdiet l-informazzjoni mitluba fil-31 ta’ Mejju 2013 u fit-3, fis-7 u fl-10 ta’ Ġunju 2013.

(6)

Il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali permezz ta’ ittra elettronika tal-24 ta’ Ottubru 2013 u permezz ta’ ittra datata s-6 ta’ Novembru 2013, li għalihom il-Finlandja wieġbet fit-8 ta’ Novembru 2013 u fil-31 ta’ Jannar 2014, rispettivament.

(7)

Il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali permezz ta’ ittri elettroniċi tas-27 ta’ Frar 2014 u tat-3 ta’ April 2014, li għalihom il-Finlandja wieġbet permezz ta’ ittri elettroniċi tal-5 ta’ Marzu 2014 u tal-11 ta’ April 2014, rispettivament.

(8)

Is-servizzi tal-Kummissjoni ltaqgħu mal-ilmentaturi u mar-rappreżentanti legali tagħhom fid-29 ta’ Jannar 2014 u fl-14 ta’ Ottubru 2014.

(9)

Permezz ta’ ittra datata s-16 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni informat lill-Finlandja li hija kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) fir-rigward tal-allegata għajnuna (“id-Deċiżjoni tal-Ftuħ”).

(10)

Id-Deċiżjoni tal-Ftuħ ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar il-miżuri identifikati fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(11)

Il-Finlandja pprovdiet kummenti dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ fit-18 ta’ Marzu 2015, fit-18 ta’ Ġunju 2015 u fis-6 ta’ Novembru 2015.

(12)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand l-ilmentaturi fit-8 ta’ Mejju 2015 u bagħtithom fl-20 ta’ Mejju 2015 lill-Finlandja, li ngħatat l-opportunità li tirreaġixxi. Il-Finlandja wieġbet għall-kummenti tal-ilmentaturi permezz ta’ ittri datati t-12 ta’ Awwissu 2015 u l-10 ta’ Settembru 2015.

(13)

Il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali mingħand il-Finlandja fis-27 ta’ Mejju 2016, fil-15 ta’ Settembru 2016, fit-13 ta’ Ottubru 2016 u fil-21 ta’ Diċembru 2016. Il-Finlandja wieġbet fit-23 ta’ Ġunju 2016, fit-2 ta’ Settembru 2016 u fl-24 ta’ Ottubru 2016. Fis-26 ta’ Ottubru 2016, fit-8 ta’ Diċembru 2016 u fit-13 ta’ Jannar 2017.

(14)

Fis-16 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni ltaqgħet mal-ilmentaturi u mar-rappreżentanti legali tagħhom.

(15)

Il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni mingħand il-Finlandja fil-31 ta’ Ottubru 2017 u fil-21 ta’ Diċembru 2017. Il-Finlandja wieġbet fid-9 ta’ Novembru 2017 u fis-16 ta’ Frar 2018.

(16)

Fid-19 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni ltaqgħet mal-awtoritajiet Finlandiżi. Il-Finlandja ssottomettiet kummenti addizzjonali fl-10 ta’ April 2018.

2.   SFOND

2.1.   L-ilmentaturi

(17)

Nobina AB hija l-akbar kumpanija li toffri servizzi ta’ trasport pubbliku bil-karozzi tal-linja fir-reġjun Nordiku u waħda mill-akbar għaxar kumpaniji tat-trasport pubbliku fl-Ewropa, li huma attivi fis-segmenti tat-traffiku reġjonali u interreġjonali. Is-sehem mis-suq tagħha fis-segment tat-traffiku reġjonali fir-reġjun Nordiku kien ta’ 16 % fl-2015/2016 (ikkalkolat abbażi tan-numru ta’ karozzi tal-linja). Fl-istess perjodu, il-kumpanija ġarret madwar 377 miljun passiġġier. Fl-2015/2016, Nobina AB għamlet profitt wara t-taxxa ta’ bejn wieħed u ieħor SEK 4 miljun (madwar EUR 0,4 miljun).

(18)

Is-suq prinċipali ta’ Nobina AB huwa l-Iżvezja, fejn topera bħala Nobina Sverige AB. Fl-2015/2016, il-bejgħ ta’ Nobina AB fl-Iżvezja kien jikkostitwixxi bejn wieħed u ieħor 71 % tal-bejgħ totali tagħha u s-sehem mis-suq tagħha fl-Iżvezja kien ta’ 30 % (imkejjel bin-numru ta’ karozzi tal-linja). Fl-istess perjodu, il-bejgħ ta’ Nobina AB fil-Finlandja, fejn hija topera bħala Nobina Finland Oy, kien jikkostitwixxi bejn wieħed u ieħor 11 % tal-bejgħ totali tagħha u s-sehem mis-suq tagħha fil-Finlandja kien ta’ 19,1 % (imkejjel bil-valur tas-servizzi).

2.2.   Il-benefiċjarju

(19)

HelB inħolqot fl-1 ta’ Jannar 2005 permezz tal-akkwist tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ HKL Bussiliikenne – unità tan-negozju separata tal-Belt ta’ Ħelsinki (“il-Belt”) – mill-kumpanija tat-trasport tal-Belt Suomen Turistiauto Oy (“STA”), li mbagħad biddlet isimha għal HelB. HelB operat rotot tal-karozzi tal-linja fiż-żona ta’ Ħelsinki u offriet servizzi tat-trasport charter u servizzi ta’ kiri tal-karozzi tal-linja. Madwar iż-żmien tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, hija kellha flotta ta’ bejn wieħed u ieħor 380 karozza tal-linja.

(20)

HKL Bussiliikenne inħolqot fl-1995 bħala ‘spin-off’ mid-dipartiment tas-servizzi tat-trasport tal-Belt. Iċ-ċifri ewlenin li jikkonċernaw is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ HKL Bussiliikenne qabel l-akkwist tagħha minn STA huma ppreżentati fit-Tabella 1 hawn taħt.

Tabella 1

Iċ-ċifri ewlenin ta’ HKL Bussiliikenne (f’EUR 000)

 

1999

2000

2001

2002

2003

2004

Fatturat nett

49 490

49 612

51 936

53 759

58 129

62 863

Profitt operattiv

1 724

512

-917

-1 095

-35

447

Riżultat qabel l-approprjazzjonijiet u t-taxxa

-374

-1 533

-3 036

-3 144

-1 738

-1 086

Sors: Rapporti finanzjarji ta’ HKL Bussiliikenne

(21)

STA kienet kumpanija privata b’responsabbiltà limitata proprjetà tal-Belt, li tipprovdi servizzi tat-trasport. Iċ-ċifri ewlenin li jikkonċernaw is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ STA qabel ma sar l-akkwist ta’ HKL Bussiliikenne u qabel ma biddlet isimha għal HelB huma ppreżentati fit-Tabella 2 hawn taħt.

Tabella 2

Iċ-ċifri ewlenin ta’ STA (f’EUR 000)

 

1999

2000

2001

2002

2003

2004

Fatturat nett

29 460

32 187

34 069

29 921

29 511

25 674

Profitt operattiv

-777

-624

-1 139

-2 334

-2 892

-2 546

Riżultat qabel l-approprjazzjonijiet u t-taxxa

-1 109

-1 085

-1 638

-2 366

-3 220

-2 833

Sors: Rapporti finanzjarji ta’ STA

(22)

HelB kienet 100 % proprjetà tal-Belt sa Diċembru 2015. Iċ-ċifri ewlenin li jikkonċernaw is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ HelB fl-2005-2014 huma ppreżentati fit-Tabella 3 hawn taħt.

Tabella 3

Iċ-ċifri ewlenin ta’ HelB (f’EUR 000)

 

2005

2006

2007

2008

2009

2010

2011

2012

2013

2014

Fatturat nett

85 134

88 169

90 194

91 913

98 164

93 641

91 506

99 407

89 943

80 696

Profitt operattiv

-2 214

-1 590

-2 399

-8 470

-4 319

-3 621

-6 136

-1 941

-1 511

-4 498

Riżultat qabel l-approprjazzjonijiet u t-taxxa

-2 842

-2 321

-2 231

-7 505

-3 768

-3 308

-6 123

-1 845

111

-7 031

Sors: Rapporti finanzjarji ta’ HelB

(23)

Fl-14 ta’ Diċembru 2015, HelB inbiegħet (4) lil operatur privat tal-karozzi tal-linja Viikin Linja Oy (“ix-xerrej”), kompetitur tal-ilmentaturi u l-akbar operatur tal-karozzi tal-linja fil-Finlandja, li jappartjeni għall-Koiviston Auto Group (“KAG”). Fl-2016, is-sehem mis-suq stmat ta’ KAG fil-Finlandja kien ta’ 21,9 % (abbażi tal-valur tas-servizzi) u l-profitt tiegħu wara t-taxxa kien ta’ EUR 3,8 miljun.

2.3.   Is-suq tat-trasport lokali fiż-żona ta’ Ħelsinki

(24)

L-ewwel sejħa għall-offerti għas-servizzi tat-trasport lokali bil-karozzi tal-linja f’Ħelsinki saret fl-1998 (5). Ir-responsabbiltà għall-ippjanar tat-trasport pubbliku u x-xiri tas-servizzi tat-trasport pubbliku fiż-żona metropolitana ta’ Ħelsinki, inkluża l-Belt, hija tal-Awtorità tat-Trasport Reġjonali ta’ Ħelsinki.

(25)

Hemm għadd ta’ kumpaniji li joperaw fiż-żona ta’ Ħelsinki flimkien ma’ HelB, b’mod partikolari Nobina Finland Oy u Veolia Transport Finland Oy. Il-perċentwali stmati tal-ishma tas-suq tal-operaturi tal-karozzi tal-linja fis-suq tat-trasport lokali ta’ Ħelsinki kull sena huma ppreżentati fit-tabella ta’ hawn taħt.

Tabella 4

Is-Sehem mis-Suq tat-Traffiku Lokali f’Ħelsinki għal kull Operatur f’% (linja/km) mill-1 ta’ Jannar ta’ kull sena

Image 1

Sors: Nobina

3.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURI

3.1.   Is-self għat-tagħmir tal-2002

(26)

Fis-6 ta’ Mejju 2002, il-Belt tat lil HKL Bussiliikenne self għat-tagħmir ta’ EUR 14,5 miljun biex tiffinanzja l-akkwist ta’ tagħmir għat-trasport bil-karozzi tal-linja. Is-self tħallas kif ġej: EUR 13-il miljun fl-24 ta’ Mejju 2002, EUR 1 miljun fil-31 ta’ Awwissu 2002 u EUR 0,5 miljun fit-30 ta’ Settembru 2002. Il-maturità tas-self kienet ta’ 12-il sena b’perjodu ta’ grazzja ta’ sentejn. Ir-rata tal-imgħax ġiet stabbilita bħala r-rata EURIBOR fuq 12-il xahar flimkien ma’ marġini ta’ 0,05 %. Il-Belt setgħet terġa’ tistabbilixxi r-rata tal-imgħax kull ħames snin mill-ewwel ħlas tas-self, jiġifieri fl-24 ta’ Mejju 2007 u fl-24 ta’ Mejju 2012. L-imgħax kellu jitħallas fil-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena, mill-2002, u l-kapital kellu jitħallas lura kull sena fi 12-il pagament indaqs, li jibdew mill-31 ta’ Diċembru 2004. Is-self ma kien garantit minn ebda kollateral.

(27)

Fl-1 ta’ Jannar 2005, HelB assumiet is-self għat-tagħmir bl-istess termini kif kien ingħata lil HKG Bussiliikenne, ħlief li l-ebda ħlas parzjali ma kellu jitħallas lura fis-snin 2005 u 2006.

(28)

Fl-1 ta’ Ottubru 2007, il-Belt iddeċidiet li testendi l-ħlas lura tas-self għat-tagħmir sal-31 ta’ Diċembru 2023 (jiġifieri bi tmien snin meta mqabbel mal-iskeda oriġinali).

(29)

HelB ħallset lura l-imgħax u EUR 3,8 miljun tal-kapital tas-self għat-tagħmir. Fit-13 ta’ Jannar 2016, il-Belt eżentat lil HelB (6) mill-obbligu li tħallas lura l-kapital pendenti tas-self, jiġifieri EUR 10,7 miljun. Dan ġara wara li n-negozju ta’ HelB flimkien mal-isem kummerċjali tagħha “Helsingin Bussiliikenne” nbiegħ lil Viikin Linja Oy (ara l-premessi (45) sa (49)).

3.2.   Is-self tal-kapital tal-2005

(30)

Fl-1 ta’ Jannar 2005, malli ġiet stabbilita, HelB ħadet f’idejha l-obbligazzjonijiet li ġejjin mingħand HKL Bussiliikenne u STA:

(a)

“self għat-twaqqif” mogħti mill-Belt fl-1994 fl-ammont ta’ EUR 16,3 miljun, li EUR 12,3 miljun minnhom kienu għadhom ma tħallsux fil-karta bilanċjali ta’ HKL Bussiliikenne fil-31 ta’ Diċembru 2004 (it-termini ewlenin tas-“self għat-twaqqif” kienu: rata tal-imgħax ta’ 9 %, tul ta’ 25 sena, ebda kollateral);

(b)

obbligazzjoni ta’ STA li toriġina minn investiment kapitali inizjali magħmul mill-Belt f’HKL Bussiliikenne, li minnha kien għad hemm EUR 3,6 miljun fil-31 ta’ Diċembru 2004.

Il-Belt iddeċidiet li tiffinanzja mill-ġdid dawk l-obbligazzjonijiet billi kkonvertiethom f’self tal-kapital fl-ammont totali ta’ EUR 15 893 700,37 (fil-31 ta’ Diċembru 2004, hija kkonvertiet is-“self għat-twaqqif” pendenti fl-ammont ta’ EUR 12 255 223,50 u, fit-18 ta’ April 2006, hija kkonvertiet l-obbligazzjoni ta’ STA fl-ammont ta’ EUR 3 638 476,87).

(31)

Ir-rata tal-imgħax fuq is-self tal-kapital kienet ta’ 6 %. Dak is-self kellu jitħallas lura biss jekk u sal-punt li l-kapital azzjonarju u elementi mhux distribwibbli oħrajn fuq il-karta bilanċjali kienu koperti kompletament. Fi kliem ieħor, jekk f’sena finanzjarja partikolari l-kumpanija tkun iġġenerat telf jew ma tkunx iġġenerat profitt tali li, flimkien mal-ammont ta’ self tal-kapital, jaqbeż it-telf akkumulat tagħha, is-self tal-kapital ma kellux jitħallas lura. L-imgħax mhux imħallas kien kapitalizzat. Is-self kien subordinat għad-djun l-oħrajn kollha, ma kienx garantit minn xi kollateral u kien għal tul ta’ żmien mhux limitat.

(32)

Is-self tal-kapital ma tħallasx lura (la l-kapital u lanqas l-imgħax). Wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, fil-11 ta’ Diċembru 2015, il-Belt ikkonvertietu f’ekwità ta’ HelB.

3.3.   Is-self tal-kapital tal-2011

(33)

Fil-31 ta’ Jannar 2011, il-Belt tat lil HelB it-tieni self tal-kapital fl-ammont ta’ EUR 5,8 miljun bl-istess termini tas-self tal-kapital tal-2005. B’mod partikolari, is-self tal-kapital tal-2011 kellu jitħallas lura biss li kieku HelB iġġenerat biżżejjed profitti, kien subordinat, ma kien garantit minn ebda kollateral u kien għal tul ta’ żmien mhux limitat. Is-self intuża biex tiġi żgurata l-likwidità ta’ HelB.

(34)

Is-self tal-kapital tal-2011 ma tħallasx lura u wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, fil-11 ta’ Diċembru 2015, il-Belt ikkonvertietu f’ekwità ta’ HelB.

3.4.   Is-self tal-kapital tal-2012

(35)

Fit-23 ta’ Mejju 2012, il-Belt tat lil HelB it-tielet self tal-kapital fl-ammont ta’ EUR 8 miljun bl-istess termini tas-self tal-kapital tal-2005 u tal-2011.

(36)

Is-self tal-kapital tal-2012 ma tħallasx lura lanqas u, wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, fil-11 ta’ Diċembru 2015, il-Belt ikkonvertietu f’ekwità ta’ HelB.

3.5.   Miżuri oħrajn

(37)

Din id-deċiżjoni ma teżaminax il-konverżjoni f’ekwità tas-self tal-kapital tal-2005, tal-2011 u tal-2012, li saret wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Din id-deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni ta’ tali miżuri sussegwenti.

(38)

Din id-deċiżjoni mhijiex se tindirizza l-miżuri li jikkonċernaw ir-Ruskeasuo Depot (“id-Depot”), id-depot tal-karozzi tal-linja li jinsab fiż-żona metropolitana ta’ Ħelsinki. Dawk il-miżuri ġew deskritti fil-premessi (38) sa (46) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ. Il-Kummissjoni ddeċidiet li żżomm il-proċedura miftuħa għal dawn il-miżuri.

4.   ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI LI TIFTAĦ IL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI

(39)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk ir-rata tal-imgħax fuq is-self għat-tagħmir tal-2002 kinitx konformi mas-suq minħabba li kienet tirrifletti r-rata tal-imgħax li l-Belt innifisha kienet kisbet għas-self tagħha fis-suq, mingħajr ma qieset is-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli tal-benefiċjarju.

(40)

Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li investitur privat razzjonali kien iwettaq valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja ta’ HKL Bussiliikenne qabel ma jagħtiha self biex ikun ċert mill-kapaċità tal-kumpanija li tħallas lura d-dejn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li, anki jekk HKL Bussiliikenne kienet unità kummerċjali tal-Belt f’dak iż-żmien, madankollu, hija kienet involuta fil-forniment ta’ servizzi tat-trasport fis-suq u, għalhekk, jenħtieġ li titqies bħala operatur ekonomiku, mhux bħala sempliċi estensjoni tal-amministrazzjoni pubblika. Għalhekk, il-forniment tas-self għat-tagħmir tal-2002 ma setax jitqies bħala arranġament purament intern. Barra minn hekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ kollateral ma deherx li kien rifless kif xieraq fir-rata tal-imgħax imposta fuq is-self.

(41)

Fir-rigward tas-self tal-kapital tal-2005, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li qabel ma kien iwaqqaf kumpanija suċċessura ġdida (jiġifieri HelB) u jipprovdilha self ta’ kapital ta’ EUR 15,9 miljun, investitur privat motivat mill-profitt kien jikkunsidra jekk il-likwidazzjoni ta’ HKL Bussiliikenne u ta’ STA kinitx preferibbli f’termini ekonomiċi, fid-dawl tal-indikaturi finanzjarji ta’ HKL Bussiliikenne u STA qabel it-trasferiment tan-negozju lil HelB. Il-Kummissjoni kellha wkoll dubji dwar jekk investitur privat razzjonali kienx jipprovdi lil HelB self ta’ kapital fl-2005 b’rata tal-imgħax ta’ 6 % mingħajr l-ebda kollateral, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-predeċessuri ta’ HelB, u wkoll meta wieħed iżomm f’moħħu s-sitwazzjoni tas-suq lokali tal-karozzi tal-linja f’dak iż-żmien. Minbarra dan, il-Kummissjoni osservat li l-eżempji pprovduti mill-Finlandja ta’ self ta’ kapital mogħti lil kumpaniji oħrajn ma kinux komparabbli bis-sħiħ mas-self tal-kapital tal-2005.

(42)

Fir-rigward tas-self tal-kapital tal-2011, il-Kummissjoni kellha dubji dwar il-konformità tiegħu mas-suq, minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli ta’ HelB (telf sinifikanti, ekwità negattiva). Il-Kummissjoni waslet għal konklużjoni preliminari li investitur privat razzjonali ma kienx jipprovdi s-self tal-kapital lil HelB b’rata tal-imgħax ta’ 6 %. Barra minn hekk, billi s-self tal-kapital tal-2005 ma kienx tħallas lura, il-Kummissjoni qieset li kien dubjuż jekk investitur tas-suq kienx jagħmel investiment ripetut fil-forma tat-tieni self ta’ kapital.

(43)

Il-Kummissjoni kellha wkoll dubji dwar jekk is-self tal-kapital tal-2012 setax jitqies bħala konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq, minħabba sitwazzjoni finanzjarja saħansitra agħar ta’ HelB minn meta ngħata s-self tal-kapital tal-2011. Il-Kummissjoni qieset li kien dubjuż jekk investitur tas-suq kienx jinvesti f’ditta li kienet qed tagħmel it-telf għat-tielet darba konsekuttiva.

(44)

Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE.

5.   Il-bejgħ ta’ HelB wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali

(45)

Kif imsemmi fil-premessa (23), HelB inbiegħet fl-14 ta’ Diċembru 2015 lix-xerrej Viikin Linja Oy (KAG) u l-bejgħ daħal fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2015. Ma ġiet organizzata l-ebda sejħa pubblika għall-offerti. Skont il-Finlandja, il-Belt ikkuntattjat lil bosta xerrejja potenzjali, jiġifieri operaturi tal-karozzi tal-linja attivi fis-suq fil-Finlandja u barra mill-pajjiż, u l-unika offerta waslet mingħand Viikin Linja Oy.

(46)

Il-prezz tal-bejgħ miftiehem kien ta’ EUR 24 210 193. Id-dokumenti tat-tranżazzjonijiet kienu jinkludu wkoll dispożizzjoni li tindennizza bis-sħiħ lix-xerrej fil-każ ta’ talba għall-irkupru tal-għajnuna mill-Istat u parti mill-prezz tal-bejgħ fl-ammont ta’ EUR 1 879 766 ġiet iddepożitata f’kont miżmum minn terzi. L-arranġament f’idejn terzi huwa fis-seħħ sakemm tintlaħaq deċiżjoni finali fil-każ preżenti ta’ għajnuna mill-Istat jew sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2022. Barra minn hekk, ġie nnegozjat mekkaniżmu għall-possibbiltà ta’ ħlas lura sabiex jiġi inkluż fl-att tal-bejgħ, li abbażi tiegħu x-xerrej intrabat li jħallas lill-bejjiegħ bonus fl-istess kont miżmum minn terzi jekk jinqabżu l-livelli ta’ profitt miftiehma qabel (7). Il-mekkaniżmu għall-possibbiltà ta’ ħlas lura fis-seħħ għall-perjodu 2016-2020 u l-bonuses għas-snin 2016 u 2017 ġew ikkalkolati li huma EUR 2 524 302,19 għall-2016 u EUR 2 558 068,21 għall-2017.

(47)

F’konformità mat-termini tal-att tal-bejgħ, l-isem tan-negozju ta’ HelB “Helsingin Bussiliikenne Oy” ittieħed mix-xerrej Viikin Linja Oy, li mbagħad biddel ismu għal “Helsingin Bussiliikenne Oy” (“il-HelB il-ġdida”). Il-HelB l-antika, proprjetà tal-Belt, biddlet isimha għal “Helsingin kaupungin Linja-autotoiminta Oy” (“il-HelB l-antika”). Għalkemm il-linja prinċipali tan-negozju ta’ HelB l-antika mdaħħla fir-reġistru tan-negozji ma nbidlitx, il-HelB l-antika bħalissa ma qed twettaq l-ebda operazzjoni ta’ negozju u ma għandha l-ebda assi, ħlief għall-ammonti li jistgħu potenzjalment jiġu riċevuti mill-kont miżmum minn terzi u permezz tal-mekkaniżmu għall-possibbiltà ta’ ħlas lura, kif imsemmi hawn fuq.

(48)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim ma kienx ikopri l-ishma tal-HelB l-antika, iżda pjuttost l-operazzjonijiet tan-negozju kollha tagħha u kien jinkludi l-ftehimiet tal-HelB l-antika (inkluż il-ftehim dwar is-servizz tat-trasport mal-Awtorità Reġjonali tat-Trasport ta’ Ħelsinki), l-ordnijiet u l-offerti, il-persunal, l-assi fissi u l-inventarji, u d-drittijiet intanġibbli meħtieġa għan-negozju tal-kumpanija, kif ukoll ir-responsabbiltajiet u l-obbligi relatati mal-ftehimiet, l-ordnijiet u l-offerti, il-persunal, il-proprjetà, il-proprjetà intanġibbli u l-kuntratti ta’ lokazzjoni u liċenzjar. Id-918-il impjegat kollha tal-HelB l-antika ġew trasferiti lill-HelB il-ġdida.

(49)

Madankollu, is-self għat-tagħmir u s-self tal-kapital miksuba mill-HelB l-antika mingħand il-proprjetarju tagħha, il-Belt ta’ Ħelsinki, ma ġewx ittrasferiti lill-HelB il-ġdida. Minflok, il-Belt eżentat lill-HelB l-antika mill-obbligu li tħallas lura l-ammont ta’ kapital pendenti tas-self għat-tagħmir fit-13 ta’ Jannar 2016, kif imsemmi fil-premessa (29), u kkonvertiet l-ammonti pendenti tas-self tal-kapital (8) f’ekwità tal-HelB l-antika fil-11 ta’ Diċembru 2015.

6.   KUMMENTI MILL-FINLANDJA DWAR ID-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ

(50)

Fl-opinjoni tal-awtoritajiet Finlandiżi, il-miżuri li qed jiġu vvalutati ma jinvolvu l-ebda għajnuna mill-Istat. Il-Finlandja ssostni li l-Belt, bħala s-sid ta’ HelB (kif ukoll ta’ HKL Bussiliikenne u STA), ipprovdiet il-finanzjament lil HelB skont it-termini tas-suq u kontra redditu li jkun sodisfaċenti għal azzjonist privat li jopera taħt il-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq.

(51)

Il-Finlandja tafferma li meta nħolqot HelB fl-2005, l-għan kien li jittejbu l-profittabbiltà u l-kompetittività ta’ HelB, kif ukoll l-iżvilupp futur tagħha b’tali mod li tkun tista’ topera bħala fornitur tat-trasport pubbliku ta’ kwalità għolja u li jagħmel profitt. Il-Finlandja tirrimarka wkoll li l-miżuri jenħtieġ li jiġu vvalutati fil-kuntest taż-żmien meta effettivament ingħataw. Għal dan l-għan, il-Finlandja tirreferi għas-sottomissjoni tagħhom datata t-28 ta’ Frar 2012, li kienet tinkludi lista tar-rati tal-imgħax applikati għas-self tal-kapital mogħti lil kumpaniji oħrajn fil-Finlandja fil-perjodu 2004-2006.

(52)

Il-Finlandja ssostni li l-fatt li l-prestazzjoni ta’ HelB ma kinitx kif mistennija mhuwiex dovut għas-saħħa kompetittiva dgħajfa ta’ HelB, li kienet tkun teħtieġ spinta permezz ta’ injezzjoni ta’ finanzjament, iżda biss għas-sitwazzjoni distorta fis-suq lokali tal-karozzi tal-linja. Skont il-kontijiet finanzjarji disponibbli għall-pubbliku, operaturi ewlenin oħrajn tal-karozzi tal-linja attivi fiż-żona metropolitana ta’ Ħelsinki kienu qed jagħmlu telf ukoll matul il-perjodu 2005-2012. Fid-dawl ta’ dan, l-azzjonijiet meħuda mill-Belt kienu simili ħafna għal dawk meħuda mis-sidien ta’ negozji privati jew mill-investituri li effettivament qegħdin joperaw fis-suq.

(53)

Fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ HelB, il-Finlandja tammetti li din iddeterjorat matul iż-żmien u li, fil-perjodu 2008-2010, deher li kien meħtieġ li jiġu implimentati miżuri biex itejbu l-profittabbiltà tagħha, inklużi bidliet fl-istruttura tal-prezzijiet, tnaqqis tal-persunal, eċċ. Fil-kummenti preċedenti tagħha, jiġifieri qabel id-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Finlandja ma kinitx tal-fehma li HelB kienet ditta f’diffikultà skont it-tifsira tal-Linji Gwida tal-Komunità tal-2004 dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà (9) (“il-Linji Gwida R&R tal-2004”).

6.1.   L-eżistenza tal-għajnuna

(54)

Fir-rigward tas-self għat-tagħmir tal-2002 lil HKL Bussiliikenne, il-Finlandja ttenni li r-rata tal-imgħax fuq is-self tista’ titqies bħala konformi mas-suq, prinċipalment minħabba li kienet marbuta mar-rata tal-imgħax tas-suq, jiġifieri l-EURIBOR fuq 12-il xahar.

(55)

Barra minn hekk, il-Finlandja tqis li huwa probabbli li HKL Bussiliikenne kienet tikseb self b’kundizzjonijiet simili minn istituzzjoni finanzjarja privata. Skont il-Finlandja, l-affidabbiltà kreditizja ta’ HKL Bussiliikenne, li hija parti organizzattiva mill-Belt u mhux persuna ġuridika separata, kienet tkun l-istess bħal dik tal-Belt (jiġifieri tajba). Skont il-Finlandja, ir-rata tal-imgħax stabbilita għas-self għat-tagħmir kienet ibbażata fuq ir-rata tal-imgħax fuq self estern meħud mill-Belt fis-suq finanzjarju f’dak iż-żmien.

(56)

Il-Finlandja spjegat ukoll li s-self għat-tagħmir jenħtieġ li jitqies bħala arranġament purament intern fil-Belt, minħabba li l-Belt u HKL Bussiliikenne kienu jikkostitwixxu l-istess persuna ġuridika. Is-self ma kellu l-ebda kollateral minħabba li kien arranġament intern bħal dan.

(57)

Barra minn hekk, il-Finlandja tidher li qed issostni li, jekk is-self għat-tagħmir jitqies bħala għajnuna mill-Istat (kuntrarju għall-fehma tal-Finlandja), huwa jenħtieġ li jitqies bħala għajnuna eżistenti sal-1 ta’ Jannar 2005, meta HKL Bussiliikenne, entità fi ħdan il-Belt mingħajr personalità ġuridika separata, kienet segwita minn HelB, kumpanija proprjetà tal-Belt bil-personalità ġuridika tagħha stess. Sabiex tappoġġa l-argument tagħha, il-Finlandja tirreferi għall-ittra tas-servizzi tal-Kummissjoni f’każ preċedenti fejn il-Kummissjoni sabet li l-miżuri mogħtija favur aġenziji li huma proprjetà tal-muniċipalità fil-Finlandja (eżenzjoni minn ċerti taxxi, rifużjoni tal-VAT u garanzija Statali mingħajr limitu li jirriżultaw minn proprjetà tal-Istat u n-nuqqas assoċjat ta’ riskju ta’ falliment) dehru li jikkostitwixxu għajnuna eżistenti skont it-tifsira tal-Artikolu 108(1) tat-TFUE minħabba li dawn kienu jmorru lura fiż-żmien qabel l-adeżjoni tal-Finlandja mal-Unjoni. (10)

(58)

Fir-rigward tal-estensjoni tas-self għat-tagħmir fl-2007, il-Finlandja ssostni li din kienet ġustifikata fuq il-bażi li tali self kien wieħed b’rata varjabbli u li r-rati tal-imgħax [bażi] kienu qed jiżdiedu fl-2007 u kienu mistennija li jkomplu jiżdiedu. It-tnaqqis tar-rati tal-imgħax għal-livell baxx attwali ma setax jiġi mbassar f’dak iż-żmien.

(59)

Fir-rigward tas-self tal-kapital tal-2005, il-Finlandja ssostni li dan ma kienx self ġdid, iżda pjuttost proċedura purament teknika ta’ kif is-“self għat-twaqqif”, li kien ġie inkluż fil-karta bilanċjali ta’ HKL Bussiliikenne għal aktar minn għaxar snin, jinbidel f’self ta’ kapital. L-iskop ta’ dik il-proċedura kien li tiġi żgurata l-konformità mal-liġi Finlandiża tal-kumpaniji, li abbażi tagħha “self għat-twaqqif” ta’ kumpanija li hija proprjetà ta’ muniċipalità ma setax jitħalla fuq il-karta bilanċjali ta’ kumpanija b’responsabbiltà limitata. Self ta’ kapital huwa forma normali ta’ finanzjament mill-azzjonisti għal kumpaniji b’responsabbiltà limitata.

(60)

B’rabta mar-rata tal-imgħax ta’ 6 % fuq is-self tal-kapital tal-2005, il-Finlandja tinnota li din kienet l-istess bħar-rata tal-imgħax fuq is-“self għat-twaqqif” għal HKL Bussiliikenne. Meta jitqies li, fl-opinjoni tal-Finlandja, din kienet bidla purament teknika u mhux arranġament ta’ finanzjament ġdid, l-istess rata tal-imgħax trid titqies bħala ġustifikata. Il-Finlandja tirrimarka wkoll li qabel kienet ipprovdiet rieżami estensiv tas-self tal-kapital mogħti minn operaturi oħrajn f’dak iż-żmien. Ir-rati tal-imgħax fuq dak is-self kienu bejn 4,7 % u 7,539 %. Is-self tal-kapital kollu msemmi fir-rieżami kien mingħajr kollateral u subordinat, kif meħtieġ mil-liġi u, bħala tali, il-Finlandja tqisu bħala grupp ta’ referenza komparabbli.

(61)

B’rabta mas-self tal-kapital tal-2011, il-Finlandja tkompli tafferma li dan jenħtieġ li jitqies bħala self ipprovdut minn sid fit-tul tal-grupp u mhux bħala deċiżjoni ta’ finanzjament waħda fuq perjodu qasir minn investitur estern. Il-Finlandja tammetti li f’dak iż-żmien is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ HelB kienet ħażina u kienet meħtieġa injezzjoni rapida ta’ finanzjament addizzjonali. Barra minn hekk, HelB implimentat miżuri biex ittejjeb il-profittabbiltà tagħha fil-perjodu 2008-2010, inkluż tnaqqis tal-ispejjeż tal-kumpanija, bidliet fl-istruttura tal-prezzijiet, tibdil tal-ftehim kollettiv applikabbli, tnaqqis fil-persunal u l-għeluq ta’ wieħed mid-depots (id-depot ta’ Koskela). Il-Finlandja tenfasizza li s-self tal-kapital tal-2011 kien l-ewwel miżura mill-Belt li ttieħdet minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli ta’ HelB.

(62)

Il-Finlandja pprovdiet eżempju ta’ self ta’ kapital mogħti lil kumpanija oħra fil-perjodu 2011-2012, fejn ir-rata tal-imgħax fuq is-self kienet l-EURIBOR fuq perjodu ta’ sitt xhur + 4,75 %. Billi r-rata tal-imgħax tas-self tal-kapital tal-2011 kienet ogħla (6 %), il-Finlandja tqis li din hija konformi mas-suq.

(63)

Barra minn hekk, il-Finlandja tafferma li, meta jitqies li l-liġi nazzjonali tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar is-self tal-kapital, il-fatt li s-self tal-kapital tal-2005 ma kienx tħallas lura fil-mument tal-għoti tas-self tal-kapital tal-2011 minnu nnifsu ma jistax jitqies bħala fattur sinifikanti fid-determinazzjoni tal-konformità mas-suq.

(64)

Il-Finlandja tqis li s-self tal-kapital tal-2012 huwa “prinċipalment l-istess bħas-self tal-2011”. Il-Finlandja ssostni li ma kinitx għajnuna mill-Istat iżda miżura ta’ finanzjament ġustifikata mill-azzjonisti mwettqa biex tiġi żgurata l-likwidità tas-sussidjarja bi sjieda sħiħa. B’rabta mar-rata tal-imgħax fuq is-self tal-kapital tal-2012, il-Finlandja tirreferi għall-kummenti tagħha dwar is-self tal-kapital tal-2011. Fl-aħħar nett, skont il-Finlandja, minħabba l-fatt li s-self tal-kapital tal-2012 ingħata wara li tressaq l-ilment f’Ottubru 2011, il-Bord Eżekuttiv tal-Belt talab li s-self tal-kapital tal-2012 jiġi pprovdut skont it-termini tas-suq. Abbażi ta’ dan, il-Finlandja tafferma li s-self tal-kapital tal-2012 ma jinvolvi l-ebda għajnuna u ma jkunx hemm bżonn li jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni.

6.2.   Il-kompatibbiltà tal-għajnuna

(65)

Il-Finlandja ma pprovdiet l-ebda raġuni għall-kompatibbiltà billi tenniet il-pożizzjoni tagħha ppreżentata matul il-fażi ta’ valutazzjoni preliminari li l-miżuri inkwistjoni ma jikkostitwixxu l-ebda għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE għar-raġunijiet li dawn twettqu skont it-termini tas-suq.

6.3.   Il-kontinwità ekonomika

(66)

Il-Finlandja ssostni li ma hemm l-ebda kontinwità ekonomika bejn il-HelB l-antika u l-HelB il-ġdida minħabba l-fatt li l-bejgħ tan-negozju tal-HelB l-antika kien interpretat bħala ftehim ta’ assi.

(67)

Il-Finlandja tafferma wkoll li minkejja l-fatt li n-negozju tal-HelB l-antika ma nbiegħx permezz ta’ proċess ta’ sejħa għall-offerti miftuħ, trasparenti, mhux diskriminatorju u mhux kundizzjonali, il-proġett tal-bejgħ ġie ppubblikat b’mod tant wiesa’ li l-prezz tat-tranżazzjonijiet stabbilit abbażi tal-offerta u t-tweġiba għall-offerta u matul in-negozjati jirrappreżenta l-valur tas-suq tal-operazzjonijiet tan-negozju ta’ HelB. B’appoġġ għal dan, barra minn hekk, il-Finlandja tipprovdi wkoll evalwazzjoni magħmula minn espert estern indipendenti, Inspira Oy, li tqis li l-prezz tat-tranżazzjonijiet maqbul huwa konformi mal-valuri kkalkolati fl-evalwazzjoni fuq il-bażi tal-biċċa l-kbira tal-metodi ta’ stima.

7.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

(68)

L-ilmentaturi kkummentaw dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ permezz ta’ ittra konġunta datata t-8 ta’ Mejju 2015. Huma approvaw il-fatti kif ukoll ir-raġunament espress mill-Kummissjoni f’dik id-Deċiżjoni.

(69)

L-ilmentaturi enfasizzaw li HelB [l-antika] tikkwalifika b’mod ċar bħala impriża f’diffikultà skont it-tifsira tal-Linji Gwida R&R tal-2004, kif ukoll skont il-Linji Gwida tal-2014 dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti mhux finanzjarji f’diffikultà (11) (“il-Linji Gwida R&R tal-2014”). Skont l-ilmentaturi, l-istess japplika għal HKL Bussiliikenne skont il-Linji Gwida tal-Komunità tal-1999 dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà (12) (“il-Linji Gwida R&R tal-1999”).

(70)

L-ilmentaturi jsostnu li l-għoti ta’ appoġġ mill-Istat lil ditta f’diffikultà fil-prinċipju jrid jitqies bħala li jagħti vantaġġ ekonomiku lill-kumpanija kkonċernata. X’aktarx li l-Istat ma jkunx konformi mad-dixxiplina normali tas-suq meta jappoġġa kumpanija li ma jkollhiex prospetti ta’ vijabbiltà fit-tul, bħal HelB, minħabba li l-ebda operatur privat razzjonali ma kien jagħti l-miżuri kkonċernati lil HelB.

(71)

B’mod partikolari, fir-rigward tas-self għat-tagħmir tal-2002, investitur privat razzjonali kien jitlob rata tal-imgħax ogħla mir-rata li tikkorrespondi għal dik li l-awtorità pubblika nnifisha kisbet fis-swieq finanzjarji. Barra minn hekk, l-ebda kreditur privat ma kien jittrasferixxi s-self lil kumpanija li tkun għadha kif inħolqot, bħal HelB fl-2005, bl-istess termini u kundizzjonijiet ipprovduti oriġinarjament lill-predeċessur stabbilit tagħha, f’dan il-każ HKL Bussiliikenne. L-ilmentaturi rrimarkaw ukoll li l-ebda investitur privat razzjonali ma kien jaċċetta d-differimenti ripetuti tal-pagamenti tal-kapital mingħajr aġġustamenti ’l fuq tar-rata tal-imgħax.

(72)

Fir-rigward tas-self tal-kapital tal-2005, l-ilmentaturi jaffermaw li, minħabba li kemm HKL Bussiliikenne kif ukoll STA kienu qed jagħmlu t-telf qabel inħolqot HelB, investitur privat kien pjuttost joħroġ minn tali investiment milli jipprovdi finanzjament addizzjonali. Konsegwentement, is-self tal-kapital kollu tal-2005 għandu jitqies bħala vantaġġ ekonomiku li HelB qatt ma kienet tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. Barra minn hekk, anki kieku investitur privat qabel li jipprovdi l-finanzjament, huwa qatt ma kien jagħmel dan skont it-termini pprovduti lil HelB, jiġifieri b’rata tal-imgħax ta’ 6 % u mingħajr l-ebda kollateral.

(73)

Fir-rigward tas-self tal-kapital tal-2011 u tal-2012, l-ilmentaturi jindikaw li fiż-żmien tal-għoti ta’ dak is-self, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ HelB kienet ħażina ħafna, u li l-Belt kienet kompletament konxja minnha. Barra minn hekk, skont l-ilmentaturi, HelB ma kienet ħallset l-ebda imgħax u lanqas ma għamlet xi pagamenti parzjali fuq is-self tal-kapital tal-2005. F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-ebda sellief ta’ fondi ma kien ikun lest li jassumi r-riskju ta’ self u, konsegwentement, l-ammont totali tas-self tal-kapital tal-2011 u tal-2012 jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

(74)

Fl-aħħar nett, l-ilmentaturi jsostnu li huwa ċar li hemm kontinwità ekonomika bejn il-HelB l-antika u l-HelB il-ġdida, minħabba l-ambitu tal-ftehim, in-nuqqas ta’ sejħa għall-offerti u l-kriterji rilevanti l-oħrajn.

8.   IL-KUMMENTI MILL-FINLANDJA DWAR IL-KUMMENTI MILL-ILMENTATURI

(75)

Il-Finlandja hija tal-fehma li l-kummenti tal-ilmentaturi jirrepetu fil-biċċa l-kbira l-allegazzjonijiet diġà deskritti fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ u, għalhekk, tirreferi għat-tweġiba tagħha għal dik id-Deċiżjoni tas-17 ta’ Marzu 2015. Il-Finlandja ssottomettiet il-kummenti addizzjonali li ġejjin li jirrigwardjaw il-kummenti ta’ hawn fuq tal-ilmentaturi.

(76)

B’reazzjoni għall-kummenti tal-ilmentaturi li l-Belt ma aġixxietx bħala investitur tas-suq, il-Finlandja osservat li l-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq jenħtieġ li jiġi interpretat b’tali mod li jitqies l-interess tas-sid fil-protezzjoni tal-kapital investit fil-kumpanija li tagħha huwa s-sid u fit-tfittxija ta’ profittabbiltà fit-tul. Bħala s-sid, il-Belt jenħtieġ li titqabbel ma’ operatur tas-suq li jkun qed jipprova jipproteġi l-investiment tiegħu, aktar milli ma’ investitur teoretiku li ma jkollu l-ebda esponiment minn qabel bħal dan. Skont il-Finlandja, fil-kapaċità tagħha bħala s-sid, il-Belt aġixxiet bl-istess mod u bl-istess kundizzjonijiet tas-suq bħal sidien oħrajn ta’ kumpaniji li joperaw fis-suq lokali tat-trasport bil-karozzi tal-linja fiż-żona ta’ Ħelsinki, inkluża Nobina nnifisha.

(77)

Fir-rigward tal-kummenti tal-ilmentaturi dwar is-self tal-kapital tal-2011 u tal-2012, il-Finlandja tirreferi għal studju mħejji minn espert estern fl-2015 (ara l-premessa (174)), li jgħid li s-self kien konformi mas-suq. Madankollu, jekk jinstab li s-self jikkostitwixxi għajnuna (kuntrarju għall-pożizzjoni tal-Finlandja), il-Finlandja hija tal-opinjoni li din l-għajnuna jenħtieġ li tkun limitata għall-ammont li jirriżulta mid-differenza bejn ir-rata tal-imgħax effettivament applikata u r-rata tal-imgħax tas-suq [aktar milli daqs l-ammont totali tas-self, kif sostnut mill-ilmentaturi].

9.   L-EŻISTENZA TAL-GĦAJNUNA

(78)

Din id-deċiżjoni tindirizza l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, jekk tali għajnuna tistax tkun kompatibbli mas-suq intern u, fl-aħħar nett, il-kontinwità ekonomika bejn il-HelB l-antika, issa Helsingin kaupungin Linja-autotoiminta Oy, u l-HelB il-ġdida, issa parti mill-KAG.

(79)

L-Artikolu 107(1) tat-TFUE jistipula li “kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għallkompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

(80)

Għalhekk, miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin: (i) tkun imputabbli lill-Istat u toriġina minn riżorsi tal-Istat, (ii) tkun selettiva, (iii) tagħti vantaġġ ekonomiku lil impriża u (iv) tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

9.1.   Miżura 1 – is-self għat-tagħmir tal-2002 lil HKL Bussiliikenne

(81)

L-ewwel nett, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat japplikaw biss meta l-benefiċjarju ta’ miżura jkun “impriża”. Il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddefinixxiet l-impriżi bħala entitajiet involuti f’attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus ġuridiku tagħhom u l-mod kif jiġu ffinanzjati (13). B’hekk, il-klassifikazzjoni ta’ entità partikolari bħala impriża tiddependi kompletament min-natura tal-attivitajiet tagħha u mhux mill-istatus tagħha skont il-liġi nazzjonali. Entità li formalment tkun parti mill-amministrazzjoni pubblika tista’ madankollu jkollha titqies bħala impriża skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. L-uniku kriterju rilevanti huwa jekk din twettaqx attività ekonomika.

(82)

Il-Finlandja ssostni li meta ngħata s-self għat-tagħmir, HKL Bussiliikenne la kienet kumpanija u lanqas entità ġuridika separata skont il-liġi Finlandiża, iżda ċentru tal-profitt (14) fi ħdan l-unità kummerċjali interna tal-Belt (HKL). B’hekk, is-self għat-tagħmir għandu jinftiehem bħala arranġament intern fi ħdan il-Belt. Dan jidher li jimplika li l-miżura jenħtieġ li ma tkunx soġġetta għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

(83)

Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ din il-fehma. Anki jekk HKL Bussiliikenne kienet formalment parti mill-Belt, hija kienet operatur ekonomiku (kif tirrikonoxxi l-Finlandja stess) involut fil-forniment ta’ servizzi tat-trasport bil-karozzi tal-linja fis-suq kompetittiv u mhux awtorità pubblika li teżerċita funzjonijiet essenzjali tal-Istat. Bħala tali, HKL Bussiliikenne evidentement wettqet attivitajiet ekonomiċi u, għalhekk, irrispettivament mill-istatus ġuridiku formali tagħha, hija trid titqies bħala impriża skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Konsegwentement, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat japplikaw għal HKL Bussiliikenne. Ma hemmx bżonn ngħidu, dawn japplikaw ukoll għal HelB, li kienet entità ġuridika separata mill-Belt u li wettqet l-istess tip ta’ attivitajiet ekonomiċi bħal dawk tal-predeċessur tagħha.

(84)

Il-Finlandja tidher li qed issostni wkoll li s-self għat-tagħmir jenħtieġ li jitqies bħala għajnuna eżistenti, b’mod simili għall-miżuri mogħtija favur l-aġenziji li huma proprjetà tal-muniċipalità (ara l-premessa (57)). Il-Kummissjoni tosserva li dawk il-miżuri kienu fis-seħħ qabel l-adeżjoni tal-Finlandja mal-Unjoni fl-1 ta’ Jannar 1995 (pereżempju, eżenzjoni mit-taxxa fuq it-trasferiment mill-1943, eżenzjoni mit-taxxa fuq il-proprjetà mill-1992, eżenzjoni mit-taxxa fuq l-introjtu mill-1974). B’kuntrast, is-self għat-tagħmir ingħata fis-6 ta’ Mejju 2002, jiġifieri aktar minn seba’ snin wara l-adeżjoni. Għalhekk, jidher b’mod ċar li dan ma jikkostitwixxix għajnuna eżistenti.

9.1.1.   Ir-riżorsi tal-Istat u l-imputabbiltà lill-Istat

(85)

Il-Belt ipprovdiet is-self għat-tagħmir direttament lil HKL Bussiliikenne, li mbagħad intrefa’ minn HelB fl-2005, u ffinanzjatu mill-baġit tagħha stess. Ir-riżorsi tal-Istat għall-fini tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE huma r-riżorsi ta’ Stat Membru u tal-awtoritajiet pubbliċi tiegħu, kif ukoll ir-riżorsi tal-impriżi pubbliċi li fuqhom l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jeżerċitaw, direttament jew indirettament, influwenza ta’ kontroll. Fid-dawl ta’ din id-definizzjoni, il-miżura tinvolvi b’mod ċar ir-riżorsi tal-Istat u hija imputabbli lill-Istat. Il-Finlandja ma tikkontestax dan.

9.1.2.   Is-selettività

(86)

Il-Belt tat is-self għat-tagħmir esklussivament lil HKL Bussiliikenne; fl-2005 dan is-self intrefa’ minn HelB. B’hekk, is-self għat-tagħmir ingħata fuq bażi totalment ad hoc lil kumpanija waħda u ma kienx disponibbli għal kumpaniji oħrajn attivi fis-settur tat-trasport bil-karozzi tal-linja fiż-żona ta’ Ħelsinki li jinsabu f’sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli, jew f’setturi oħrajn. L-ebda kumpanija komparabbli ma kienet eliġibbli għal miżura simili għal dik mogħtija lil HKL Bussiliikenne u, b’hekk, l-ebda kumpanija bħal din ma rċeviet vantaġġ komparabbli. Għalhekk, il-miżura hija selettiva.

9.1.3.   L-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku

(87)

It-tranżazzjonijiet ekonomiċi mwettqa minn korpi pubbliċi ma jagħtu l-ebda vantaġġ lill-kontroparti tagħhom u, għalhekk, ma jikkostitwixxu l-ebda għajnuna, jekk jitwettqu f’konformità mal-kundizzjonijiet normali tas-suq (15). Sabiex jiġi ddeterminat jekk tranżazzjoni titwettaqx skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq, l-imġiba ta’ korp pubbliku trid titqabbel ma’ dik ta’ operatur ekonomiku privat ipotetiku li jkun f’sitwazzjoni simili (l-hekk imsejjaħ test ta’ operatur f’ekonomija tas-suq, jew “MEO”). Il-qrati tal-Unjoni żviluppaw tipi speċifiċi ta’ test ta’ MEO għal tipi differenti ta’ tranżazzjonijiet ekonomiċi, b’mod partikolari l-“prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq”, sabiex jidentifikaw il-preżenza ta’ vantaġġ ekonomiku f’każijiet ta’ investimenti ta’ ekwità pubblika (16) u t-“test ta’ kreditur privat”, f’każijiet ta’ tranżazzjonijiet li jinvolvu dejn (17).

(88)

Għalhekk, fir-rigward ta’ din il-miżura, il-Kummissjoni trid teżamina jekk bl-għoti tas-self għat-tagħmir lil HKG Bussiliikenne, li mbagħad intrefa’ minn HelB, skont it-termini miftiehma, il-Belt aġixxietx kif kien jaġixxi kreditur privat ipotetiku f’sitwazzjoni simili.

(89)

L-ewwel nett, kwalunkwe kreditur privat prudenti, qabel ma jagħti self, l-ewwel kien jagħmel valutazzjoni tal-kreditu ta’ debitur prospettiv biex jiddeċiedi jekk jagħtix self u skont liema termini u kundizzjonijiet (18). Sabiex jagħti prova tal-konformità mas-suq, Stat Membru jrid jipprovdi evidenza li turi li d-deċiżjoni tiegħu li jwettaq it-tranżazzjoni ttieħdet abbażi ta’ tali valutazzjoni ex ante (19).

(90)

Il-Finlandja ma pprovdiet l-ebda evidenza li turi li l-Belt kienet wettqet klassifikazzjoni tal-kreditu (jew kwalunkwe tip ieħor ta’ valutazzjoni ex ante) ta’ HKL Bussiliikenne qabel ma tat is-self għat-tagħmir. Barra minn hekk, il-Finlandja rrikonoxxiet espliċitament li tali valutazzjoni, interna jew esterna, qatt ma kienet twettqet. Dan huwa sinjal li l-Finlandja ma aġixxietx bħala kreditur privat ipotetiku.

(91)

Madankollu, il-Finlandja tafferma li s-self kien konformi mas-suq għar-raġunijiet li (i) ir-rata tal-imgħax kienet marbuta mar-rata tal-imgħax tas-suq, jiġifieri l-EURIBOR fuq perjodu ta’ 12-il xahar, u (ii) HKL Bussiliikenne x’aktarx kienet tkun tista’ tikseb self b’marġini simili mingħand istituzzjoni finanzjarja privata minħabba li, bħala unità kummerċjali interna, kellha l-istess affidabbiltà kreditizja (tajba) bħall-Belt innifisha.

(92)

Fir-rigward tal-ewwel argument, il-Kummissjoni tosserva li rata tal-imgħax varjabbli, bħal dik applikata għas-self għat-tagħmir, tikkonsisti f’żewġ elementi: rata bażi u marġini. Ir-rata bażi f’dan il-każ, jiġifieri l-EURIBOR fuq perjodu ta’ 12-il xahar, hija rata li biha l-banek jissellfu l-flus mingħand xulxin fis-suq interbankarju. Il-marġini huwa primjum mitlub għar-riskju assoċjat mas-self tal-flus lil debitur partikolari. Għalhekk, mhux ir-rata bażi iżda l-marġini huwa rilevanti għall-valutazzjoni ta’ jekk self huwiex konformi mas-suq jew le. Konsegwentement, il-fatt li r-rata tal-imgħax fuq is-self għat-tagħmir kienet marbuta mal-EURIBOR fuq perjodu ta’ 12-il xahar minnu nnifsu mhuwiex biżżejjed biex jipprova li s-self kien konformi mas-suq. Dak li jrid jiġi vvalutat huwa jekk il-marġini kienx jirrifletti b’mod xieraq il-profil tar-riskju ta’ HKL Bussiliikenne fiż-żmien meta ngħata s-self għat-tagħmir. Fid-dawl ta’ dan, l-ewwel argument irid jiġi rrifjutat.

(93)

Fir-rigward tat-tieni argument imressaq mill-Finlandja, il-Kummissjoni l-ewwel tinnota li l-Finlandja ma pprovdiet l-ebda evidenza fattwali biex tissostanzja t-talba tagħha li HKL Bussiliikenne kienet tkun kapaċi tikseb self b’marġini simili mingħand istituzzjoni finanzjarja privata, pereżempju, offerti minn banek kummerċjali jew eżempji ta’ tranżazzjonijiet tas-suq komparabbli. Il-Finlandja sempliċiment tafferma li HKL Bussiliikenne kienet tkun kapaċi tikseb tali self fuq il-bażi li hija kellha l-istess affidabbiltà kreditizja bħall-Belt innifisha u huwa preżunt li l-Belt kisbet self bl-istess marġini bħas-self għat-tagħmir.

(94)

Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ din il-fehma. L-ewwel nett, il-Kummissjoni hija tal-fehma li, minkejja r-rabta organizzazzjonali tagħhom, HKL Bussiliikenne u l-Belt ma kellhomx l-istess affidabbiltà kreditizja. Mill-perspettiva ta’ kreditur tas-suq, self mogħti lill-Belt bħala awtorità pubblika dejjem kien jinvolvi riskju aktar baxx minn self mogħti lil HKL Bussiliikenne, operatur tal-karozzi tal-linja li jaġixxi fis-suq kompetittiv, anki jekk, mil-lat organizzazzjonali, din tal-aħħar kienet tagħmel parti mill-Belt.

(95)

It-tieni nett u aktar importanti, l-affidabbiltà kreditizja għolja tal-Belt hija marbuta b’mod inseparabbli mal-fatt li d-djun pubbliċi tagħha huma fl-aħħar mill-aħħar garantiti mill-Istat. Self mogħti lill-Belt ma jistax jitqies bħala punt ta’ riferiment xieraq tas-suq, minħabba li t-termini tiegħu jikkunsidraw dan l-appoġġ aħħari tal-Istat, li minnu debitur tas-suq ma jibbenefikax. Konsegwentement, sabiex tiġi vvalutata l-konformità mas-suq tas-self għat-tagħmir, l-affidabbiltà kreditizja ta’ HKL Bussiliikenne trid tiġi stabbilita fuq bażi awtonoma u t-termini tas-self iridu jitqabblu ma’ rata tas-suq xierqa jew indikatur xieraq. Kif issemma qabel, il-Finlandja ma wettqet l-ebda valutazzjoni bħal din. Fil-passat, il-Kummissjoni ma aċċettatx bħala ħieles minn għajnuna s-self mogħti minn azzjonist pubbliku lis-sussidjarja tiegħu bl-istess termini favorevoli disponibbli għall-entità pubblika kkonċernata (20). Fid-dawl ta’ dan, it-tieni argument imressaq mill-Finlandja jrid jiġi rrifjutat ukoll.

(96)

Il-konformità mal-kundizzjonijiet tas-suq tista’ tiġi stabbilita direttament, meta t-tranżazzjoni titwettaq “pari passu” minn entitajiet pubbliċi u operaturi privati, jew abbażi ta’ metodi oħrajn ta’ valutazzjoni, meta d-data tas-suq speċifika għat-tranżazzjoni ma tkunx disponibbli. Is-self inkwistjoni ngħata mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ operaturi privati, għalhekk, il-konformità tiegħu mal-kundizzjonijiet tas-suq ma tistax tiġi vvalutata direttament.

(97)

Fin-nuqqas ta’ informazzjoni speċifika dwar is-suq, il-konformità ta’ tranżazzjoni ta’ dejn mal-kundizzjonijiet tas-suq tista’ tiġi stabbilita permezz ta’ valutazzjoni komparattiva, jiġifieri billi t-termini tagħha jitqabblu mat-termini ta’ tranżazzjonijiet tas-suq komparabbli. Dawn it-tranżazzjonijiet jistgħu jinkludu, pereżempju, self meħud jew bonds maħruġa minn debituri tas-suq komparabbli jew swaps ta’ inadempjenza ta’ kreditu nnegozjati fuq id-djun tagħhom.

(98)

Il-Finlandja ma pprovdiet l-ebda eżempju ta’ tranżazzjonijiet tas-suq komparabbli li jistgħu jintużaw bħala punt ta’ riferiment għas-self għat-tagħmir tal-2002.

(99)

Skont l-ilmentaturi, ir-rati tal-imgħax ta’ Nobina (kompetitur privat ta’ HelB) għas-self fit-tul tagħha madwar l-2002 kienu bejn wieħed u ieħor 8-11 %. Il-klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ Nobina f’dak iż-żmien kienet B+.

(100)

Il-Kummissjoni ma sabet l-ebda punt ta’ riferiment tas-suq xieraq ieħor. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-marġini ta’ 0,05 %, impost fuq is-self għat-tagħmir, ma jimplika kważi l-ebda riskju ta’ kreditu. Anki debituri bi klassifikazzjoni tal-kreditu eċċellenti u b’kollateral tajjeb probabbilment ma kinux jiksbu marġini daqshekk baxx fis-suq, aħseb u ara HKL Bussiliikenne, li kienet f’kundizzjoni finanzjarja ħażina u ma pprovdiet l-ebda kollateral.

(101)

Minħabba li ma hemm l-ebda data tas-suq speċifika għat-tranżazzjonijiet u billi ma jistgħux jiġu stabbiliti punti ta’ riferiment tas-suq xierqa, il-Kummissjoni tqis li huwa ġustifikat li tivvaluta l-konformità tas-self għat-tagħmir mal-kundizzjonijiet tas-suq abbażi tar-rati ta’ referenza stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-1997 dwar ir-Rati ta’ Referenza (21). Ir-rata ta’ referenza suppost tkun tirrifletti l-livell medju tar-rati tal-imgħax mitluba fl-Istati Membri fuq self għal żmien medju u fit-tul appoġġat minn garanzija normali. Bħala tali, din tista’ tintuża bħala rata tas-suq ta’ sostituzzjoni.

(102)

Il-Kummissjoni tosserva li s-self għat-tagħmir ma kien appoġġat minn ebda garanzija. Barra minn hekk, ir-rata medja tal-imgħax timplika mutwatarju medju, fi kliem ieħor mutwatarju li jkun f’sitwazzjoni finanzjarja medja. Jidher b’mod ċar li HKL Bussiliikenne u STA, il-predeċessuri ta’ HelB, ma kinux f’sitwazzjoni finanzjarja medja. Iż-żewġ kumpaniji ġġeneraw telf dejjem akbar qabel ma ngħata s-self għat-tagħmir u komplew jagħmlu t-telf minn hemm ’il quddiem (ara l-premessi (20)-(21)). F’Settembru 2004, il-Bord tal-Belt innifsu ppreveda li ma kien se jkun hemm l-ebda titjib sinifikanti fil-profitti ta’ HKL Bussiliikenne u STA fil-futur qrib u li t-telf kien se jkompli. (22) Fir-rigward ta’ HelB, hija ma kellhiex rekord finanzjarju proprju tagħha qabel ma assumiet is-self għat-tagħmir. Madankollu, kreditur tas-suq prudenti kien ċertament jikkunsidra s-sitwazzjoni finanzjarja tal-predeċessuri tagħha qabel ma jieħu deċiżjoni li jittrasferixxi s-self. Fid-dawl ta’ dan, ir-rata ta’ referenza f’dan il-każ tissottovaluta b’mod ċar ir-riskju involut fl-għoti tas-self għat-tagħmir.

(103)

Skont il-Komunikazzjoni tal-1997 dwar ir-Rati ta’ Referenza, ir-rata ta’ referenza hija rata minima li tista’ tiżdied f’sitwazzjonijiet li jinvolvu riskju partikolari (pereżempju, impriża f’diffikultà, jew meta t-titolu normalment meħtieġ mill-banek ma jiġix ipprovdut). F’każijiet bħal dawn, il-primjum jista’ jammonta għal 400 punt bażi jew aktar jekk l-ebda bank ma jkun qabel li jagħti s-self rilevanti.

(104)

Kif issemma fil-premessa (26), is-self għat-tagħmir ma kienx garantit minn xi kollateral. Dan huwa biżżejjed biex jiġi stabbilit li s-self għat-tagħmir ingħata f’sitwazzjoni li tinvolvi riskju partikolari skont it-tifsira tal-Komunikazzjoni tal-1997 dwar ir-Rati ta’ Referenza.

(105)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li, qabel ma kisbet is-self għat-tagħmir f’Mejju 2002, HKL Bussiliikenne kienet uriet sinjali ta’ ditta f’diffikultà, bħal żieda fit-telf. Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni kkonkludiet fuq bażi preliminari li HKL Bussiliikenne kienet tikkwalifika bħala impriża f’diffikultà skont il-Linji Gwida R&R tal-1999. Madankollu, abbażi tal-elementi miġbura matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni sabet li HKL Bussiliikenne ma esperjenzatx tnaqqis fil-fatturat, żieda fid-dejn jew żieda fl-imposti tal-imgħax. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li fattur uniku taż-żieda fit-telf mhuwiex biżżejjed biex jiġi konkluż li HKL Bussiliikenne kienet kumpanija f’diffikultà skont it-tifsira tal-Linji Gwida R&R tal-1999. Fl-istess ħin, iż-żieda fit-telf hija bla dubju sinjal ta’ kundizzjoni finanzjarja ħażina ta’ HKL Bussiliikenne f’dak iż-żmien, li kienet tinvolvi riskju ogħla minn dak medju għall-kreditur. Dan huwa fattur ieħor, minbarra n-nuqqas ta’ sigurtà, li jindika li s-self għat-tagħmir ingħata f’sitwazzjoni li kienet tinvolvi riskju partikolari. Is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ HKL Bussiliikenne ma tjibitx materjalment wara li rċeviet is-self għat-tagħmir u baqgħet ħażina fiż-żmien meta s-self ġie ttrasferit lil HelB.

(106)

Qabel ma ġie ttrasferit is-self għat-tagħmir lil HelB f’Jannar 2005, STA kienet esperjenzat ukoll żieda fit-telf. B’mod simili bħal fil-każ ta’ HKL Bussiliikenne, il-Kummissjoni tqis li, għalkemm iż-żieda fit-telf hija sinjal ta’ ditta li tinsab f’diffikultà, dan il-kriterju uniku mhuwiex biżżejjed biex jiġi konkluż li STA kienet impriża f’diffikultà. Madankollu, dan bla dubju juri li STA kienet f’kundizzjoni finanzjarja ħażina.

(107)

HelB twaqqfet fl-2005, għalhekk, hija ma kellhiex rekord finanzjarju proprju tagħha qabel ma ħadet is-self għat-tagħmir. Madankollu, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-predeċessuri tagħha, HKL Bussiliikenne u STA, kellha titqies meta jiġi vvalutat ir-riskju involut fit-trasferiment tas-self għat-tagħmir lil HelB. Barra minn hekk, il-fatt li HelB kienet ditta maħluqa riċentement ikkostitwixxa riskju addizzjonali għall-kreditur, minħabba li l-prestazzjoni finanzjarja futura tagħha kienet inqas prevedibbli meta mqabbla ma’ kumpanija bir-rekord storiku tagħha stess.

(108)

Il-prestazzjoni finanzjarja attwali ta’ HelB wara t-trasferiment tas-self għat-tagħmir tikkonferma dak li seta’ kien imbassar abbażi tal-prestazzjoni finanzjarja tal-predeċessuri tagħha. HelB irrapportat telf sinifikanti f’kull sena tal-attivitajiet tagħha, minn mindu twaqqfet fl-2005 sal-2014. L-unika eċċezzjoni kienet fl-2013, meta hija rreġistrat profitt żgħir ta’ EUR 0,1 miljun immedjatament wara li rċeviet żewġ selfiet ta’ kapital. Sabiex is-sitwazzjoni tmur għall-agħar, mill-2009, HelB bdiet tesperjenza żieda fl-ekwità negattiva: EUR -3,3 miljun fl-2009, EUR -6,6 miljun fl-2010, EUR -12,7 miljun fl-2011, EUR -14,6 miljun fl-2012, EUR -15,9 miljun fl-2013 u EUR -22,9 miljun fl-2014.

(109)

Fl-aħħar nett, fl-2004 u fl-2007, il-Belt ipposponiet il-ħlas lura tas-self għat-tagħmir b’total ta’ tmien snin, mid-data skedata oriġinarjament tal-31 ta’ Diċembru 2015 sal-31 ta’ Diċembru 2023. L-estensjoni tal-perjodu ta’ ħlas lura żżid ir-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas lura, li għalih kreditur tas-suq razzjonali kien jitlob primjum addizzjonali. Il-Belt ma żiditx il-marġini fuq is-self għat-tagħmir u, b’hekk, dan ir-riskju addizzjonali ma kienx kontabbilizzat fir-rata tal-imgħax.

(110)

Abbażi tal-analiżi li saret fil-premessi (104) sa (109), il-Kummissjoni tqis li s-self għat-tagħmir ingħata u sussegwentement ġie ttrasferit f’sitwazzjoni li tinvolvi riskju partikolari skont it-tifsira tal-Komunikazzjoni tal-1997 dwar ir-Rati ta’ Referenza. Għalhekk, fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ preżenti, il-Kummissjoni tqis li r-rata minima jenħtieġ li tiżdied bi primjum ta’ mill-inqas 400 punt bażi.

(111)

Skont il-Komunikazzjoni tal-1997 dwar ir-Rati ta’ Referenza, il-primjum ta’ 400 punt bażi jista’ jiżdied aktar f’każijiet fejn l-ebda bank privat ma kien jaqbel li jagħti s-self rilevanti. Il-Kummissjoni ma sabet l-ebda evidenza u tqis li mhuwiex probabbli li kwalunkwe bank privat kien jaqbel li jagħti s-self għat-tagħmir bl-istess termini bħall-Belt, minħabba l-kundizzjoni finanzjarja ħażina tal-mutwatarju/i. Madankollu, fin-nuqqas ta’ regoli ċari dwar kif għandu jiġi kkwantifikat tali primjum addizzjonali, għall-fini ta’ prudenza, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma żżidx aktar il-primjum ta’ 400 punt bażi.

(112)

Ir-rata ta’ referenza minima għall-Finlandja, stabbilita abbażi ta’ rata swap interbankarja ta’ ħames snin, kienet tammonta għal 5,06 % f’Mejju 2002 u għal 4,08 % f’Jannar 2005. Skont il-Komunikazzjoni tal-1997 dwar ir-Rati ta’ Referenza, il-Kummissjoni żammet id-dritt li tuża rata bażi ta’ terminu iqsar mir-rata swap interbankarja ta’ ħames snin. F’dan il-każ, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li tintuża r-rata EURIBOR fuq perjodu ta’ 12-il xahar bħala rata bażi. Dan minħabba li, l-ewwel nett, din kienet ir-rata bażi attwali użata fis-self għat-tagħmir u, b’hekk, tippermetti approssimazzjoni aktar preċiża tar-rata tas-suq mir-rata ta’ referenza. It-tieni u aktar importanti, l-użu tal-EURIBOR jagħti rata varjabbli tas-suq ta’ sostituzzjoni, li hija eżattament it-tip ta’ rata tal-imgħax użata fis-self għat-tagħmir (għall-kuntrarju, ir-rata ta’ referenza effettivament tagħti rata ta’ sostituzzjoni b’rata fissa).

(113)

Il-metodoloġija biex jiġu stabbiliti r-rati ta’ referenza ġiet riveduta skont il-Komunikazzjoni tal-2008 dwar ir-Rati ta’ Referenza. (23) Il-metodoloġija l-ġdida daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2008, jiġifieri wara li ngħata s-self għat-tagħmir. Madankollu, ir-rata tal-imgħax fuq is-self għat-tagħmir setgħet tiġi stabbilita mill-ġdid kull ħames snin mill-ewwel ħlas tas-self (ara l-premessa (26)), jiġifieri fl-24 ta’ Mejju 2007 u fl-24 ta’ Mejju 2012. Kreditur razzjonali li jiffaċċja sitwazzjoni finanzjarja li qed tiddeterjora tad-debitur kien juża din il-possibbiltà kuntrattwali u jżid ir-rata tal-imgħax biex tkun taqbel mal-livell il-ġdid ta’ riskju. Kif imsemmi fil-premessa (153), mill-inqas mill-2009 HelB ikkwalifikat bħala ditta f’diffikultà. Abbażi tal-Komunikazzjoni tal-2008 dwar ir-Rati ta’ Referenza, marġini ta’ self konformi mas-suq għal ditta f’diffikultà mingħajr kollateral jammonta għal 1 000 punt bażi.

(114)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-rata tas-suq għas-self għat-tagħmir tammonta għal (i) l-EURIBOR fuq perjodu ta’ 12-il xahar flimkien ma’ 400 punt bażi bejn l-24 ta’ Mejju 2002 u t-23 ta’ Mejju 2012 u (ii) l-EURIBOR fuq perjodu ta’ 12-il xahar flimkien ma’ 1 000 punt bażi bejn l-24 ta’ Mejju 2012 u t-13 ta’ Jannar 2016, meta l-Belt irrinunzjat is-self (ara hawn taħt). Ir-rata tal-imgħax effettiva kienet l-EURIBOR fuq perjodu ta’ 12-il xahar flimkien ma’ 5 punti bażi u, b’hekk, kienet ta’ 395 punt bażi u 995 punt bażi, rispettivament, taħt il-livell tas-suq.

(115)

Fit-13 ta’ Jannar 2016, il-Belt eżentat lil HelB (24) mill-obbligu li tħallas lura l-ammont ta’ kapital pendenti tas-self għat-tagħmir fl-ammont ta’ EUR 10,7 miljun. B’hekk, minbarra r-rata tal-imgħax taħt il-livell tas-suq, HelB ibbenefikat min-nuqqas ta’ obbligu li tħallas lura l-kapital.

(116)

Abbażi tal-valutazzjoni ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Belt ma aġixxietx bħala kreditur tas-suq għaliex tat is-self għat-tagħmir skont termini li ma kinux konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq. Konsegwentement, is-self għat-tagħmir tal-2002 ta vantaġġ ekonomiku mhux dovut lil HKL Bussiliikenne u HelB.

9.1.4.   L-effett fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri

(117)

Distorsjoni tal-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE tiġi preżunta hekk kif l-Istat jagħti vantaġġ finanzjarju lil impriża f’settur liberalizzat fejn hemm, jew jista’ jkun hemm, kompetizzjoni. (25) Kif kien osservat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha ta’ Altmark (26), mill-1995, bosta Stati Membri bdew jiftħu ċerti swieq tat-trasport għall-kompetizzjoni minn impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn, u b’hekk għadd ta’ impriżi kienu diġà qed joffru s-servizzi ta’ trasport urban, suburban jew reġjonali tagħhom fi Stati Membri oħrajn minbarra l-Istat ta’ oriġini tagħhom. Is-suq Finlandiż tal-karozzi tal-linja huwa miftuħ għall-kompetizzjoni. B’mod partikolari, is-servizzi tat-trasport lokali bil-karozzi tal-linja fiż-żona ta’ Ħelsinki ġew akkwistati permezz ta’ sejħiet għall-offerti kompetittivi mill-1998 (ara l-premessi (24) u (25)). Kien hemm bosta operaturi tal-karozzi tal-linja li kienu attivi fis-suq, inklużi operaturi minn Stati Membri oħrajn. Barra minn hekk, kwalunkwe miżura mogħtija mill-Istat li tista’ ttejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tal-benefiċjarju meta mqabbel ma’ impriżi oħrajn li magħhom jikkompeti taffettwa l-kompetizzjoni u l-kummerċ (27). Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li s-self għat-tagħmir fixkel jew hedded li jfixkel il-kompetizzjoni u affettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

9.1.5.   Il-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE

(118)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Miżura 1 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. L-għajnuna hija ugwali għas-somma ta’:

(1)

id-differenza bejn (a) l-imgħax dovut ikkalkolat abbażi tar-rata tal-imgħax konformi mas-suq tal-EURIBOR fuq perjodu ta’ 12-il xahar flimkien ma’ marġini ta’ 400 punt bażi (bejn l-24 ta’ Mejju 2002 u t-23 ta’ Mejju 2012) u 1 000 punt bażi (bejn l-24 ta’ Mejju 2012 u t-13 ta’ Jannar 2016) u (b) l-imgħax imħallas ikkalkolat abbażi tar-rata tal-imgħax effettiva tal-EURIBOR fuq perjodu ta’ 12-il xahar flimkien ma’ marġini ta’ 5 punti bażi; u

(2)

il-kapital pendenti tas-self mhux imħallas lura fl-ammont ta’ EUR 10,7 miljun.

B’hekk, l-għajnuna kkalkolata tammonta għal EUR 20 190 595 (ara l-Anness). Id-data tal-għoti tal-għajnuna hija: għall-komponent (1) id-data meta kien dovut l-imgħax, jiġifieri l-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena bejn l-2002 u l-2015 u t-13 ta’ Jannar 2016 (l-aħħar jum tas-self); għall-komponent (2) id-data meta ġie rrinunzjat is-self, jiġifieri t-13 ta’ Jannar 2016.

9.2.   Miżura 2 – is-self tal-kapital tal-2005 lil HelB

9.2.1.   Ir-riżorsi tal-Istat u l-imputabbiltà lill-Istat, is-selettività, l-effett fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri

(119)

Il-konklużjoni dwar ir-riżorsi tal-Istat u l-imputabbiltà lill-Istat (ara l-premessa (85)), is-selettività (ara l-premessa (86)), l-effett fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara l-premessa (117)) fir-rigward tal-Miżura 1 tapplika kif xieraq għal din il-miżura.

9.2.2.   L-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku

(120)

Il-Finlandja ssostni li l-miżura ma kinitx finanzjament ġdid iżda purament bidla teknika tas-“self għat-twaqqif”, li kienet ġiet inkluża fil-karta bilanċjali ta’ HKL Bussiliikenne għal aktar minn għaxar snin, f’self ta’ kapital. Fil-fehma tal-Finlandja, il-bidla kienet meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-liġi Finlandiża (l-operazzjonijiet ta’ HKL Bussiliikenne skont l-Att tal-Gvern Lokali Finlandiż kienu qed jaslu fi tmiemhom, filwaqt li l-operazzjonijiet ta’ HelB skont l-Att Finlandiż dwar il-Kumpaniji b’Responsabbiltà Limitata kienu waslu biex jibdew).

(121)

Il-Kummissjoni tosserva li t-termini tas-self tal-kapital kienu ferm aktar favorevoli għal HelB mit-termini tal-obbligazzjonijiet (is-“self għat-twaqqif” u l-obbligazzjoni ta’ STA) li kienu kkonvertiti f’dak is-self tal-kapital (ara l-premessa (30)). Filwaqt li dawk l-obbligazzjonijiet kienu dovuti irrispettivament mis-sitwazzjoni finanzjarja ta’ HelB, is-self tal-kapital kellu jitħallas lura biss jekk HelB tkun iġġenerat profitti suffiċjenti. Dan kien dubjuż, minħabba li l-predeċessuri ta’ HelB (HKL Bussiliikenne u STA) kienu għamlu telf sinifikanti għal sitt snin konsekuttivi qabel ma ngħatat il-miżura (1999-2004). Barra minn hekk, is-self tal-kapital kien subordinat għad-djun l-oħrajn kollha, filwaqt li l-obbligazzjonijiet ikkonvertiti ma kinux. Barra minn hekk, is-“self għat-twaqqif” ingħata għal 25 sena, filwaqt li t-tul tas-self tal-kapital kien bla limitu. Fl-aħħar nett, ir-rata tal-imgħax fuq is-self tal-kapital (6 %) kienet aktar baxxa mir-rata tal-imgħax oriġinali fuq is-“self għat-twaqqif” (9 %).

(122)

Barra minn hekk, ċerti karatteristiċi tas-self tal-kapital, bħall-ħlas lura kundizzjonali fuq il-ġenerazzjoni ta’ profitti suffiċjenti, is-subordinazzjoni, it-tul ta’ żmien bla limitu, huma differenti sa tali punt minn self standard u jixbhu lill-kapital tant mill-qrib li huwa ġġustifikat li dan jiġi ttrattat mhux aktar bħala self iżda bħala strument ta’ kważi ekwità. Is-self tal-kapital kien ukoll inizjalment irrapportat bħala ekwità fil-karta bilanċjali ta’ HelB.

(123)

Fil-passat, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-bidliet sinifikanti tal-finanzjament oriġinali jridu jitqiesu bħala miżura ġdida (28). Għalhekk, fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, is-self tal-kapital ma jistax jitqies bħala sempliċi “bidla teknika”, kif sostnut mill-Finlandja, iżda bħala arranġament ta’ finanzjament ġdid (meta mqabbel mas-“self għat-twaqqif”), li jikkonsisti fil-konverżjoni tal-obbligazzjonijiet eżistenti fi strument ta’ kważi ekwità.

(124)

Fir-rigward tal-affermazzjoni li l-konverżjoni tal-obbligazzjonijiet eżistenti fis-self tal-kapital kienet meħtieġa biex tiġi żgurata l-konformità mal-liġi Finlandiża, il-Kummissjoni tosserva li, filwaqt li ċerti karatteristiċi tas-self tal-kapital huma tabilħaqq irregolati fl-Att Finlandiż dwar il-Kumpaniji b’Responsabbiltà Limitata (eż. termini ristretti ta’ ħlas lura, ebda kollateral), il-liġi nnifisha ma tobbligax lill-Belt biex tikkonverti l-obbligazzjonijiet f’self ta’ kapital fl-ewwel lok, wisq inqas biex tagħmel dan skont it-termini miftiehma. Kien f’idejn il-Belt li tagħżel strument xieraq. Pereżempju, il-Belt setgħet iffinanzjat mill-ġdid l-obbligazzjonijiet skont termini differenti jew setgħet iffinanzjathom mill-ġdid fis-suq. Kien biss ladarba l-Belt iddeċidiet li tikkonvertihom f’self ta’ kapital li ċerti karatteristiċi ta’ dan is-self kellhom jikkonformaw mal-liġi Finlandiża. Il-Belt kienet għadha libera li tiddefinixxi karatteristiċi oħrajn, mhux irregolati fil-liġi, pereżempju r-rata tal-imgħax. Għalhekk, it-talba hija bla bażi. Fi kwalunkwe każ, anki jekk il-konverżjoni kienet meħtieġa biex tiżgura l-konformità mal-liġi domestika, it-termini ta’ din il-konverżjoni xorta jridu jikkonformaw mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Fi kliem ieħor, għall-fini ta’ valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, mhuwiex rilevanti jekk il-Belt kellhiex tikkonverti l-obbligazzjonijiet jew le skont il-liġi domestika, iżda jekk għamlitx dan skont it-termini tas-suq.

(125)

Konsegwentement, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk is-self tal-kapital tal-2005 kienx ta vantaġġ ekonomiku mhux dovut lil HelB. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni trid tistabbilixxi jekk permezz ta’ deċiżjoni li jiġu kkonvertiti l-obbligazzjonijiet fis-self tal-kapital skont it-termini miftiehma, il-Belt aġixxietx b’mod komparabbli ma’ dak ta’ kreditur privat f’sitwazzjoni simili.

(126)

Kreditur tas-suq razzjonali li jiffaċċja għażla bejn li jittrasferixxi l-obbligazzjonijiet eżistenti mingħajr ma jbiddel it-termini tagħhom u li jikkonvertihom f’self ta’ kapital, l-ewwel kien iqabbel l-eżitu finanzjarju taż-żewġ xenarji (pereżempju, il-valur preżenti nett tal-flussi ta’ flus futuri mistennija) u mbagħad kien imur għal dik l-għażla li tiżgura redditu mistenni ogħla.

(127)

Il-Belt ma wettqet l-ebda analiżi komparattiva bħal din biex tiddetermina liema azzjoni kienet tkun ekonomikament aktar ta’ benefiċċju. Il-Finlandja rrikonoxxiet espliċitament li l-Belt ma kienet wettqet l-ebda valutazzjoni tan-negozju ex ante qabel ma tat is-self tal-kapital. Għalhekk, il-Belt ma setgħetx tifforma aspettattivi ssostanzjati dwar jekk HelB kinitx se tiġġenera biżżejjed fondi biex tħallas lura s-self tal-kapital, u wisq inqas dwar jekk is-self kienx se jiżgura redditu ogħla mill-obbligazzjonijiet ikkonvertiti. Dan mhuwiex il-mod kif kreditur tas-suq razzjonali kien jaġixxi f’sitwazzjoni simili.

(128)

Il-Finlandja għarrfet lill-Kummissjoni li kienet twettqet investigazzjoni, li abbażi tagħha ġie vvalutat li setgħu jinkisbu benefiċċji operattivi u ekonomiċi permezz tal-fużjoni ta’ HKL Bussiliikenne ma’ STA. F’dan il-kuntest, il-Finlandja tirreferi għall-proposta tal-1 ta’ Settembru 2004 magħmula mill-Bord tal-Belt biex tipproċedi bil-fużjoni (29).

(129)

Il-Kummissjoni analizzat dik il-proposta u sabet li hija tikkonċerna l-fużjoni u mhux is-self tal-kapital. B’mod partikolari, hija tanalizza jekk huwiex aħjar għall-Belt li tamalgama lil HKL Bussiliikenne ma’ STA jew inkella żżommhom separati u liema mudell ta’ fużjoni jkun l-aħjar soluzzjoni. Il-proposta lanqas biss ma ssemmi s-self tal-kapital, u wisq inqas tanalizza l-motiv ekonomiku tiegħu jew it-termini tiegħu. Għalhekk, ma tistax titqies bħala ġustifikazzjoni għall-konformità tas-self tal-kapital mas-suq.

(130)

Fi kwalunkwe każ, jidher li bl-għoti tas-self tal-kapital (permezz ta’ konverżjoni tal-obbligazzjonijiet), il-Belt dgħajfet il-pożizzjoni tagħha bħala kreditur. Dan għaliex it-termini tal-ħlas lura tas-self tal-kapital kienu ferm inqas ta’ benefiċċju għall-Belt mit-termini tal-ħlas lura tal-obbligazzjonijiet sottostanti (ara l-premessa (121)). Min-naħa l-oħra, il-Belt ma akkwistat xejn lura. B’mod partikolari, bħala l-uniku sid ta’ HelB, il-Belt kien ikollha l-istess drittijiet għal qligħ kapitali fil-futur, kemm jekk kienet tat is-self tal-kapital (permezz ta’ konverżjoni tal-obbligazzjonijiet) kif ukoll jekk ittrasferixxiet l-obbligazzjonijiet sottostanti mingħajr ma biddlet it-termini tagħhom.

(131)

Bħal fil-każ tas-self għat-tagħmir (il-Miżura 1), il-Miżura 2 twettqet mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ operaturi privati; għalhekk, il-konformità tagħha mal-kundizzjonijiet tas-suq ma tistax tiġi vvalutata direttament.

(132)

Kuntrarju għall-każ tal-Miżura 1, il-Finlandja pprovdiet eżempji ta’ self ta’ kapital mogħti bejn l-2004 u l-2006, li għalih ir-rata tal-imgħax applikata kienet tvarja bejn 4,7 % u 7,539 %, filwaqt li affermat li dawn jifformaw grupp ta’ referenza komparabbli għas-self tal-kapital li qed jiġi vvalutat.

(133)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li punt ta’ riferiment xieraq irid ikun komparabbli biżżejjed mal-intervent tal-Istat, b’mod partikolari f’termini tat-tip ta’ operatur ikkonċernat, is-suq ikkonċernat, kif ukoll it-tip ta’ tranżazzjoni inkwistjoni u s-sitwazzjoni tal-impriża benefiċjarja (30).

(134)

Fir-rigward tal-eżempji pprovduti mill-Finlandja, il-Kummissjoni tosserva, l-ewwel nett, li l-Finlandja ma ċċaratx jekk il-kredituri ta’ referenza kinux ta’ tip simili għall-Belt, jiġifieri jekk kinux kumpaniji omm ta’ grupp b’esponiment preċedenti għad-debituri tagħhom kemm bħala kredituri kif ukoll bħala azzjonisti. It-tieni nett, il-benefiċjarji ta’ referenza tas-self tal-kapital operaw fi swieq differenti mill-HelB (pereżempju, il-produzzjoni tal-metall, il-proprjetà immobbli, il-bini u l-kostruzzjoni, is-servizzi finanzjarji) u l-ebda wieħed minnhom ma pprovda servizzi ta’ trasport bil-karozzi tal-linja. Dan huwa importanti minħabba li mhux biss debituri individwali iżda anki s-setturi tan-negozju għandhom ir-riskju tagħhom speċifiku għas-suq, li jrid ikun rifless b’mod adegwat fil-kost tal-finanzjament. It-tielet nett, it-tranżazzjonijiet ta’ referenza kienu jikkonsistu fl-għoti ta’ self ta’ kapital lil kumpaniji stabbiliti. B’kuntrast, it-tranżazzjoni li qed tiġi vvalutata tikkonsisti fl-għoti ta’ self ta’ kapital (permezz ta’ konverżjoni tal-obbligazzjonijiet) għal kumpanija maħluqa riċentament, li tinvolvi riskju ogħla għall-kreditur (ara l-premessa (107)). Ir-raba’ nett, il-kredituri ta’ referenza setgħu ma kinux f’sitwazzjoni finanzjarja komparabbli għal dik ta’ HelB. Dan huwa kruċjali minħabba li l-pożizzjoni finanzjarja tad-debitur tiddetermina r-riskju ta’ kreditu tiegħu speċifiku għad-debitur u, permezz ta’ dan, ir-rata tal-imgħax. Meta jitqiesu dawn id-differenzi kollha, il-Kummissjoni tqis li l-eżempji pprovduti mill-Finlandja ma jistgħux jitqiesu bħala tranżazzjonijiet tas-suq komparabbli u, b’hekk, ma jikkostitwixxux punt ta’ riferiment xieraq.

(135)

Fin-nuqqas ta’ data tas-suq speċifika għat-tranżazzjonijiet u ta’ punti ta’ riferiment tas-suq xierqa, il-Kummissjoni tqis li huwa ġustifikat li tiġi vvalutata l-konformità mas-suq tas-self tal-kapital tal-2005 abbażi tal-Komunikazzjoni tal-1997 dwar ir-Rati ta’ Referenza, bħal fil-każ tas-self għat-tagħmir.

(136)

Bħas-self għat-tagħmir, is-self tal-kapital tal-2005 ma kienx garantit minn xi kollateral. Barra minn hekk, huwa kien subordinat għad-djun l-oħrajn kollha. Għalhekk, il-konklużjoni li saret fir-rigward tas-self għat-tagħmir fil-premessa (104), jiġifieri li dan ingħata f’sitwazzjoni li tinvolvi riskju partikolari skont it-tifsira tal-Komunikazzjoni tal-1997 dwar ir-Rati ta’ Referenza, tapplika a fortiori għas-self tal-kapital tal-2005.

(137)

Barra minn hekk, minħabba li fl-2005 HelB ma kellhiex ir-rekord finanzjarju tagħha, kreditur tas-suq li jivvaluta r-riskju involut fl-għoti tas-self tal-kapital tal-2005 (permezz ta’ konverżjoni tal-obbligazzjonijiet) lil HelB kien jikkunsidra s-sitwazzjoni finanzjarja tal-predeċessuri ta’ din tal-aħħar, HKL Bussiliikenne u STA. F’dan ir-rigward, il-valutazzjoni li saret fil-premessi (105)-(106) b’rabta mas-self għat-tagħmir tapplika kif xieraq għas-self tal-kapital tal-2005. Barra minn hekk, il-fatt li HelB kienet ditta maħluqa riċentement ikkostitwixxa riskju addizzjonali għal kreditur, minħabba li l-prestazzjoni finanzjarja futura tagħha kienet inqas prevedibbli meta mqabbla ma’ kumpanija bir-rekord storiku tagħha stess.

(138)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li s-self tal-kapital tal-2005 kien ingħata f’sitwazzjoni li tinvolvi riskju partikolari skont it-tifsira tal-Komunikazzjoni tal-1997 dwar ir-Rati ta’ Referenza. Għalhekk, fid-dawl taċ-ċirkostanzi ta’ dan il-każ, il-Kummissjoni tqis li r-rata ta’ referenza minima jenħtieġ li tiżdied bi primjum ta’ mill-inqas 400 punt bażi.

(139)

Il-Kummissjoni ma sabet l-ebda evidenza u tqis li huwa improbabbli li xi bank privat kien jaqbel li jagħti s-self tal-kapital bl-istess termini bħall-Belt. Skont il-Finlandja, ma għadux possibbli li tiġi stabbilita b’affidabbiltà r-rieda tal-banek jew tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jagħtu finanzjament lil HelB fl-2005. Skont il-Komunikazzjoni tal-1997 dwar ir-Rati ta’ Referenza, f’każijiet fejn l-ebda bank privat ma kien jaqbel li jagħti s-self rilevanti, il-primjum ta’ 400 punt bażi jista’ jiżdied aktar. Madankollu, bħal fil-każ tas-self għat-tagħmir tal-2002, fin-nuqqas ta’ regoli ċari dwar kif għandu jiġi kkwantifikat primjum addizzjonali bħal dan, għall-fini ta’ prudenza, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma żżidx aktar il-primjum ta’ 400 punt bażi.

(140)

Barra minn hekk, mhux biss il-primjum iżda wkoll ir-rata ta’ referenza minima nnifisha tissottovaluta r-riskju involut fl-għoti tas-self ta’ kapital (permezz ta’ konverżjoni tal-obbligazzjonijiet). Dan minħabba li r-rati ta’ referenza suppost ikunu jirriflettu r-rati medji fuq self standard, filwaqt li l-miżura inkwistjoni mhijiex self standard iżda strument ta’ kważi-ekwità (ara l-premessa (122)), li għalih, bil-fatturi l-oħrajn kollha meqjusa bħala ugwali, kreditur tas-suq ikun jeħtieġ rata tal-imgħax ogħla.

(141)

Meta wieħed iqis ir-riskju partikolari involut fl-għoti tas-self ta’ kapital (permezz ta’ konverżjoni tal-obbligazzjonijiet), ir-rata tas-suq ta’ sostituzzjoni għandha tammonta għal mill-inqas 8,08 % f’Jannar 2005 (meta ġie kkonvertit is-“self għat-twaqqif”) u mill-inqas 7,70 % f’April 2006 (meta ġiet ikkonvertita l-obbligazzjoni ta’ STA), b’din tkun ugwali għar-rati ta’ referenza minimi ta’ 4,08 % u 3,70 %, rispettivament, miżjuda bil-primjum ta’ mill-inqas 400 punt bażi. Fid-dawl ta’ dan, ir-rata tal-imgħax fuq is-self tal-kapital (6 %) kienet aktar baxxa mir-rata tas-suq ta’ sostituzzjoni stabbilita abbażi tal-Komunikazzjoni tal-1997 dwar ir-Rati ta’ Referenza.

(142)

Abbażi tal-valutazzjoni msemmija qabel, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Belt ma aġixxietx bħala kreditur tas-suq billi tat is-self tal-kapital (permezz ta’ konverżjoni tal-obbligazzjonijiet) skont termini li ma kinux konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq. Konsegwentement, is-self tal-kapital tal-2005 ta vantaġġ ekonomiku mhux dovut lil HelB.

9.2.3.   Il-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

(143)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Miżura 2 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. L-għajnuna tammonta għal differenza bejn:

(1)

l-imgħax dovut ikkalkolat abbażi tar-rata tal-imgħax konformi mas-suq, jiġifieri (a) 8,08 % fuq is-“self għat-twaqqif” bejn l-1 ta’ Jannar 2005 u l-11 ta’ Diċembru 2015 u (b) 7,70 % fuq l-obbligazzjoni ta’ STA bejn it-18 ta’ April 2006 u l-11 ta’ Diċembru 2015 (31); u

(2)

l-imgħax effettivament imħallas, jiġifieri 0.

L-għajnuna kkalkolata b’dan il-mod tammonta għal EUR 20 241 255 (ara l-Anness). Id-data tal-għoti tal-għajnuna hija d-data meta kien ikun dovut l-imgħax kieku s-self ingħata skont it-termini tas-suq, jiġifieri l-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena bejn l-2005 u l-2014 u l-11 ta’ Diċembru 2015 (il-jum meta s-self tal-kapital tal-2005 kien ikkonvertit f’ekwità ta’ HelB) (32).

9.3.   Miżura 3 - is-self tal-kapital tal-2011 lil HelB

9.3.1.   Ir-riżorsi tal-Istat u l-imputabbiltà lill-Istat, is-selettività, l-effett fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri

(144)

Il-konklużjoni dwar ir-riżorsi tal-Istat u l-imputabbiltà lill-Istat (ara l-premessa (85)), is-selettività (ara l-premessa (86)), l-effett fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara l-premessa (117)) fir-rigward tal-Miżura 1 tapplika kif xieraq għal din il-miżura.

9.3.2.   L-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku

(145)

Bħala rimarka preliminari, is-self tal-kapital tal-2011 ingħata skont l-istess termini tas-self tal-kapital tal-2005, b’mod partikolari r-rata tal-imgħax ta’ 6 %, in-nuqqas ta’ kollateral, il-ħlas lura kondizzjonali fuq id-disponibbiltà ta’ profitti suffiċjenti, is-subordinazzjoni għad-djun l-oħrajn kollha u t-tul ta’ żmien bla limitu. Għalhekk, bħas-self tal-kapital tal-2005, is-self tal-kapital tal-2011 jenħtieġ li jiġi ttrattat bħala strument ta’ kważi ekwità. Il-Finlandja nnifisha ssejjaħ il-Miżura 3 “injezzjoni ta’ kapital” u tirrikonoxxi li kienet strument ta’ ekwità. Madankollu, kuntrarju għas-self tal-kapital tal-2005, is-self tal-kapital tal-2011 ma kienx riżultat tal-konverżjoni tal-obbligazzjonijiet eżistenti iżda investiment ġdid fl-ekwità.

(146)

Investitur tas-suq razzjonali li jikkunsidra li jagħmel investiment fl-ekwità l-ewwel kien iwettaq analiżi ta’ valutazzjoni tal-investiment biex jivvaluta jekk ir-rata ta’ redditu mistennija minn tali investiment hijiex ogħla mir-rata ta’ redditu meħtieġa tal-investitur wara li jitqiesu r-riskji rilevanti kollha. Rata ta’ redditu meħtieġa f’dan il-każ tista’ tiġi definita bħala rata minima ta’ redditu li investitur tas-suq kien ifittex li jiġġenera sabiex jagħmel l-investiment. Il-metodi tipiċi użati fil-valutazzjoni tal-investiment jinkludu, pereżempju, il-valur preżenti nett (VPN) jew ir-rata ta’ redditu interna (IRR). Operatur tas-suq razzjonali kien jagħmel investiment kieku l-IRR tiegħu kienet akbar mir-rata ta’ redditu meħtieġa jew kieku l-VPN tiegħu kien akbar minn 0.

(147)

Il-Belt ma wettqet l-ebda valutazzjoni tal-investiment, u lanqas xi tip ieħor ta’ analiżi ex ante li tistma l-eżitu finanzjarju tal-investiment qabel ma ħadet deċiżjoni li tagħti lil HelB is-self tal-kapital tal-2011. Skont il-Finlandja, il-Belt immonitorjat u kienet familjari mas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ HelB qabel ma tat is-self. Madankollu, is-sempliċi għarfien tas-sitwazzjoni finanzjarja mhuwiex biżżejjed biex jiġġustifika investiment, aktar u aktar meta dik is-sitwazzjoni tkun ħażina, bħal fil-każ ta’ HelB. Kif ġara, il-Belt sempliċement ipprovdiet ekwità mingħajr ma kellha opinjoni informata dwar jekk l-investiment tagħha kienx probabbli li jrendi redditu meħtieġ. Dan żgur li mhuwiex il-mod kif investitur razzjonali kien jaġixxi f’sitwazzjoni simili.

(148)

Bħal fil-każ taż-żewġ miżuri preċedenti, is-self tal-kapital tal-2011 ingħata mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ operaturi privati, għalhekk, il-konformità tiegħu mal-kundizzjonijiet tas-suq ma tistax tiġi vvalutata direttament.

(149)

Il-Finlandja pprovdiet eżempju wieħed ta’ self ta’ kapital mogħti fl-4 ta’ Diċembru 2012 għall-ammont ta’ EUR 65 miljun u bir-rata tal-imgħax tal-EURIBOR fuq perjodu ta’ 6 xhur flimkien ma’ marġini ta’ 4,75 % (jiġifieri 5,092 % b’kollox fid-data tal-għoti), filwaqt li affermat li billi r-rata tal-imgħax fuq is-self tal-kapital tal-2011 kienet ogħla, din tista’ titqies bħala prova ta’ konformità mas-suq.

(150)

Bħal fil-każ tas-self tal-kapital tal-2005, il-Finlandja ma ċċaratx jekk il-kreditur ta’ referenza kienx ta’ tip simili għall-Belt, jiġifieri jekk kienx kumpanija omm ta’ grupp b’esponiment preċedenti għad-debitur tagħha kemm bħala kreditur kif ukoll bħala azzjonist. Barra minn hekk, l-emittent ta’ referenza tas-self tal-kapital kien qed jopera f’suq differenti (bejgħ ta’ art forestali u ta’ rqajja’ ta’ art) mill-Belt jew minn HelB. Barra minn hekk, it-tranżazzjoni ta’ referenza twettqet aktar minn sena u nofs wara li ngħata s-self tal-kapital li qed jiġi vvalutat. Fl-aħħar nett, il-kreditur ta’ referenza seta’ ma kienx f’sitwazzjoni finanzjarja komparabbli ma’ dik ta’ HelB. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-eżempju pprovdut mill-Finlandja ma jistax jitqies bħala tranżazzjoni tas-suq komparabbli u, b’hekk, ma jikkostitwixxix punt ta’ riferiment xieraq.

(151)

Il-Kummissjoni ma sabet l-ebda punt ta’ riferiment tas-suq xieraq. Minħabba li d-data tas-suq speċifika għat-tranżazzjonijiet mhijiex disponibbli u li l-punti ta’ riferiment tas-suq xierqa ma setgħux jiġu identifikati, il-Kummissjoni trid tirrikorri għal metodi oħrajn ta’ valutazzjoni.

(152)

F’każ ta’ investiment f’ekwità, bħal din il-miżura, il-Kummissjoni tqis li l-VPN huwa metodu ta’ valutazzjoni xieraq. Il-VPN huwa ugwali għall-flussi ta’ flus futuri mistennija mis-self skontat b’rata ta’ redditu meħtieġa. Il-flussi ta’ flus futuri mistennija jikkonsistu fin-nefqa kapitali inizjali (jiġifieri s-self innifsu) u l-ħlasijiet sussegwenti li għandhom jiġu riċevuti fuq is-self (jiġifieri l-ħlas lura tal-kapital u tal-imgħax), sakemm jiġi ammortizzat għal kollox. Għalhekk, il-Kummissjoni trid tivvaluta liema ammont ta’ ħlasijiet jista’ jkun raġonevolment mistenni li jirċievi investitur tas-suq prudenti u razzjonali fuq is-self tal-kapital mogħti lil kumpanija li kienet fis-sitwazzjoni finanzjarja ta’ HelB f’Jannar 2011.

(153)

Il-Kummissjoni eżaminat l-ewwel is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ HelB fl-2010, jiġifieri l-aħħar sena finanzjarja qabel ma l-Belt tat is-self tal-kapital. Għal din is-sena, HelB irrapportat telf ta’ EUR -3,3 miljun u ekwità negattiva ta’ EUR -6,6 miljun. F’każijiet preċedenti, (33) il-Kummissjoni kkonkludiet li, meta kumpanija jkollha ekwità negattiva, ikun hemm suppożizzjoni a priori li hija tikkwalifika bħala ditta f’diffikultà skont il-punt 10 tal-Linji Gwida R&R tal-2004. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet ukoll li kumpanija b’ekwità negattiva hija kumpanija f’diffikultà (34). B’hekk, abbażi tal-Linji Gwida R&R tal-2004, qabel ma rċeviet is-self tal-kapital tal-2011, HelB ikkwalifikat bħala impriża f’diffikultà (hija kkwalifikat bħala tali mill-2009 ’il quddiem (35))) li jfisser li kienet impriża li, mingħajr intervent mill-Istat, kważi ċertament tkun ikkundannata li tfalli fuq perjodu ta’ żmien qasir jew medju.

(154)

Sabiex jivvaluta l-perspettivi finanzjarji ta’ kumpanija, investitur privat razzjonali kien iħares mhux biss lejn is-sitwazzjoni finanzjarja attwali tagħha, iżda wkoll lejn ir-rekord finanzjarju tagħha fil-passat. Dan minħabba li s-sitwazzjoni finanzjarja attwali tista’ tkun distorta, pereżempju, minħabba l-impatt ta’ avvenimenti ta’ darba u mhux rikorrenti. Meta jitqies rekord itwal, l-investitur ikun jista’ jipprevedi aħjar ix-xejra futura possibbli. Investitur bħal dan ifittex li jwieġeb il-mistoqsija dwar jekk, minkejja l-kundizzjoni finanzjarja ħażina ta’ HelB fl-2010, kienx għad hemm raġunijiet raġonevoli sabiex ikun mistenni li l-kumpanija ttejjeb il-prestazzjoni tagħha u tiġġenera biżżejjed profitti fil-futur biex tkun tista’ tħallas lura s-self tal-kapital.

(155)

Meta wieħed iħares lejn ir-rapporti finanzjarji storiċi ta’ HelB, investitur kien jinnota li l-kumpanija qatt ma rrapportat xi profitti mill-bidu tal-operazzjonijiet tagħha fl-2005. Għalhekk, it-telf li sar fl-2010 ma kienx eċċezzjoni li tirriżulta mill-impatt possibbli ta’ avvenimenti ta’ darba jew deterjorament temporanju tal-ambjent tas-suq, iżda bħala parti mix-xejra fit-tul ikkaratterizzata minn sitt snin konsekuttivi ta’ telf kbir. Sal-31 ta’ Diċembru 2010, it-telf akkumulat ta’ HelB kien jammonta għal EUR -16,5 miljun (‘l isfel minn EUR -0,1 miljun fl-2005). Ma jista’ jkun hemm l-ebda dubju li investitur razzjonali kien iqisha bħala twissija serja li l-kumpanija kienet qiegħda tagħmel it-telf strutturalment u li ma kienx probabbli li kienet se tiġġenera profitti. Din l-aspettattiva kienet tkun saħansitra aktar ġustifikata wara l-eżami tar-rekords finanzjarji tal-predeċessuri ta’ HelB, HKL Bussiliikenne u STA. Kif ġara, dawn il-kumpaniji ma għamlux profitti lanqas, mill-inqas mill-1999. Dan ifisser li s-sena 2010 ma kinitx is-sitt sena iżda fil-fatt it-12-il sena konsekuttiva li fiha HelB jew il-predeċessuri tagħha ġġeneraw telf.

(156)

Ejjew nissoponu li investitur razzjonali, konxju minn sitwazzjoni finanzjarja ħażina bħal din u mir-rekord ta’ HelB, xorta waħda kien isib li kien ikun tajjeb li jikkunsidra jekk self ta’ kapital ġdid setax iwassal biex il-kumpanija tibda tagħmel profitt. Il-Finlandja tidher li tissuġġerixxi li dan seta’ kien mistenni b’mod razzjonali, speċjalment meta jitqies li HelB kienet implimentat il-miżuri li jtejbu l-profittabbiltà fil-perjodu 2008-2010 (ara l-premessa (61)).

(157)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li qabel ma jieħu d-deċiżjoni dwar l-investiment inkwistjoni, investitur bħal dan kien ikun diġà jaf l-eżitu finanzjarju attwali ta’ dawn il-miżuri li jtejbu l-profittabbiltà. Fl-aħħar tal-2010, l-aħħar sena tal-implimentazzjoni tagħhom, HelB irrapportat telf ta’ EUR -3,3 miljun. Permezz ta’ tqabbil, fil-perjodu 2005-2007, jiġifieri matul tliet snin qabel l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri, HelB irrapportat telf annwali medju ta’ EUR -2,5 miljun. Dan ifisser li wara l-implimentazzjoni tal-miżuri li jtejbu l-profittabbiltà, HelB mhux biss ma għamlitx profitt, iżda ġġenerat telf saħansitra ogħla minn qabel. Ta’ min jinnota, bil-benefiċċju tal-esperjenza miksuba fil-passat, li sena wara, minkejja s-self tal-kapital li rċeviet HelB fl-2011, it-telf tagħha kompla jiżdied, għal EUR -6,1 miljun.

(158)

Investitur razzjonali kien jeżamina wkoll jekk il-kumpanija fil-mira tal-investiment potenzjali tiegħu kinitx qiegħda tħallas lura djun oħrajn. Kien ikun ta’ serħan il-moħħ li jinstab li HelB issodisfat l-obbligi tagħha. Madankollu, investitur razzjonali ma kienx jikseb serħan il-moħħ billi jsir jaf li HelB ma kienet ħallset xejn lura mis-self tal-kapital tal-2005. Il-bilanċ pendenti ta’ dan is-self fl-aħħar tal-2010 (bl-imgħax akkumulat) kien ta’ EUR 21,6 miljun. Il-Kummissjoni tfakkar li, skont il-Finlandja, fiż-żmien meta ngħata s-self tal-kapital tal-2005, HelB kellha affidabbiltà kreditizja sodisfaċenti u prospetti ta’ titjib tal-profittabbiltà. Jekk kumpanija f’sitwazzjoni finanzjarja allegatament tajba ma tkun ħallset xejn lura mis-self tal-kapital tal-2005, investitur razzjonali ma kienx jistenna li jirċievi aktar mingħand impriża f’kundizzjoni finanzjarja ferm agħar, bħal HelB fl-2011.

(159)

Il-Kummissjoni ma taqbilx mal-opinjoni tal-Finlandja li n-nuqqas ta’ ħlas lura tas-self tal-kapital tal-2005 ma jistax jitqies bħala fattur sinifikanti fid-determinazzjoni tal-konformità mas-suq tas-self tal-kapital tal-2011. Il-Finlandja tafferma dan fuq il-bażi li l-liġi Finlandiża tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar is-self tal-kapital. Ir-raġunijiet għaliex l-allegata ħtieġa li tiġi żgurata l-konformità mal-liġi Finlandiża ma tistax titqies bħala fattur fid-determinazzjoni tal-konformità mas-suq, kif stabbilit fil-premessa (124) fir-rigward tas-self tal-kapital tal-2005, japplikaw mutatis mutandis għas-self tal-kapital tal-2011. Barra minn hekk, kwalunkwe investitur razzjonali li jikkunsidra li jagħti self ta’ kapital kien iqis bħala kriterju sinifikanti fit-teħid tad-deċiżjoni jekk id-debitur potenzjali tiegħu kienx qed iħallas lura self simili fil-passat jew le.

(160)

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ liema flussi ta’ flus kontanti investitur razzjonali kien jistenna li jiġġenera mis-self tal-kapital tal-2011, ta’ min ifakkar li s-self kellu jitħallas lura biss jekk u sal-punt li HelB tkun iġġenerat profitti suffiċjenti. Għalhekk, il-Kummissjoni se tħares lejn liema profitti investitur razzjonali kien jistenna li HelB tiġġenera mill-2011 ’il quddiem.

(161)

Abbażi tal-analiżi li saret fil-premessi (153)-(157), il-Kummissjoni tqis li investitur razzjonali bi profil ta’ riskju normali ma kienx jistenna li HelB tiġġenera xi profitti u li konsegwentement tirċievi xi ħlasijiet fuq is-self tal-kapital tal-2011. Ir-riżultati finanzjarji attwali ta’ HelB jikkonfermaw ukoll din l-analiżi, billi HelB kompliet tiġġenera telf u qatt ma ħallset lura xejn mis-self tal-kapital tal-2011. Fl-aħħar mill-aħħar, il-Belt ikkonvertiet is-self f’ekwità, li - minħabba li HelB waqqfet l-operazzjonijiet tagħha - effettivament kien ifisser it-tħassir tiegħu.

(162)

Anki kieku HelB iġġenerat xi profitti, hija ma setgħetx tużahom kollha biex tħallas lura s-self tal-kapital tal-2011. HelB kien ikollha l-ewwel tkopri l-bilanċ tat-telf akkumulat u s-self tal-kapital tagħha (EUR -0,6 miljun mill-31 ta’ Diċembru 2010) u mbagħad, jekk ikun għad fadal xi eċċess, tuża kważi 80 % minnu biex tħallas lura s-self tal-kapital tal-2005. Dan għaliex is-self tal-kapital kellu jitħallas lura fuq bażi pro rata u s-self tal-kapital tal-2005 (inkluż l-imgħax akkumulat) kien jikkostitwixxi bejn wieħed u ieħor 80 % tal-bilanċ totali taż-żewġ selfiet tal-kapital (jiġifieri s-self tal-2005 u tal-2011). Fi kliem ieħor, sabiex tħallas lura s-self tal-kapital tal-2011 ta’ EUR 5,8 miljun, HelB kien ikollha tagħmel profitt ta’ mill-inqas EUR 28 miljun, minħabba li kien ikollha tkopri wkoll id-defiċit tal-kapital ta’ EUR -0,6 miljun u tħallas lura s-self tal-kapital tal-2005 (EUR 21,6 miljun bl-imgħax akkumulat fl-aħħar tal-2010). Barra minn hekk, HelB kien ikollha tħallas lura kwalunkwe imgħax akkumulat fuq is-self tal-kapital tal-2011. Permezz ta’ tqabbil, matul is-sitt snin finanzjarji tal-operazzjonijiet tagħha sal-2010, HelB għamlet telf nett totali ta’ EUR -16,3 miljun.

(163)

Kif ġie ddikjarat fil-premessa (161), mill-perspettiva ta’ investitur razzjonali, ir-ripagamenti futuri mistennija mis-self tal-kapital tal-2011 kienu jkunu żero. B’hekk, il-VPN ta’ dan l-investiment, li huwa daqs is-somma tan-nefqa kapitali inizjali (jiġifieri s-self innifsu) u l-ħlasijiet sussegwenti, jammonta għal EUR -5,8 miljun. Anki jekk wieħed jassumi li HelB kienet tagħmel xi profitti, ċertament li dawn ma kinux ikunu biżżejjed biex hija tkun tista’ tħallas lura s-self kollu (ara l-premessa (162)). F’każ bħal dan, il-VPN tal-investiment xorta kien ikun negattiv. Minħabba li r-regola deċiżjonali fl-analiżi tal-VPN hija (i) li jsir investiment jekk il-VPN ikun akbar minn żero u (ii) li ma jsirx investiment jekk il-VPN ikun negattiv, il-Kummissjoni tikkonkludi li investitur razzjonali ma kienx jagħti s-self tal-kapital lil HelB f’Jannar 2011.

(164)

Il-Finlandja ssostni li s-self tal-kapital tal-2011 jenħtieġ li ma jiġix ivvalutat billi jitqabbel ma’ self ipprovdut minn investitur ipotetiku ġdid, iżda pjuttost bħala injezzjoni ta’ kapital magħmula minn sid ta’ grupp fit-tul fis-sussidjarja bi sjieda sħiħa biex jissalvagwardja l-kapital tiegħu.

(165)

Tabilħaqq, l-esponiment ekonomiku minn qabel tal-Belt għal HelB bħala azzjonist (u kreditur) jenħtieġ li jitqies meta jiġi eżaminat jekk is-self tal-kapital inkwistjoni huwiex konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq (36). Tali esponiment minn qabel jista’ jitqies fil-qafas ta’ xenarji kontrofattwali, pereżempju, billi r-redditu mistenni fuq l-investiment ikkonċernat jitqabbel mar-redditu mistenni fix-xenarju kontrofattwali. Dawn ix-xenarji kontrofattwali jistgħu jinkludu, pereżempju, il-bejgħ tal-kumpanija, id-disponiment tal-assi, il-likwidazzjoni, ir-ristrutturar jew il-ġenerazzjoni ta’ kapital privat. Fil-każ li xi wieħed minn dawn ix-xenarji alternattivi jipprovdi qligħ mistenni ogħla jew telf mistenni aktar baxx minn dak magħżul, sid tas-suq kien imur għal dik l-għażla.

(166)

Il-Belt ma qabblitx ir-redditu fuq is-self tal-kapital tal-2011 mar-redditu f’xi xenarju alternattiv. Barra minn hekk, il-Finlandja ma ssostnix li s-self kien jipprovdi lill-Belt bl-ogħla redditu. B’hekk, il-Belt ħadet id-deċiżjoni dwar l-investiment inkwistjoni mingħajr ma vverifikat jekk din kenitx se tkun ta’ benefiċċju akbar minn għażliet disponibbli oħrajn. Ikun xi jkun il-każ, dan mhuwiex il-mod kif kien jaġixxi investitur razzjonali b’esponiment minn qabel.

(167)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe tqabbil mill-Belt, il-Kummissjoni wettqet il-valutazzjoni tagħha. L-ewwel nett, il-Kummissjoni tosserva li azzjonist li għandu 100 % tal-ishma ta’ kumpanija jista’ tabilħaqq ikollu interessi differenti minn investitur mingħajr esponiment minn qabel; madankollu, anki azzjonist bħal dan ma kienx jiffinanzja lis-sussidjarja tiegħu b’mod indefinit, iżda f’xi ħin jew ieħor kien jitlob redditu fuq l-investiment tiegħu.

(168)

Sa dak iż-żmien li l-Belt tat is-self tal-kapital tal-2011, HelB u l-predeċessuri tagħha ma kienu rritornaw l-ebda profitt għal mill-inqas 12-il sena konsekuttiva u ma kienx hemm prospetti realistiċi ta’ profittabbiltà ’l quddiem (ara l-premessa (155)). Barra minn hekk, għalkemm il-Belt qabel kienet investiet mill-inqas EUR 30,8 miljun fil-forma tas-“self għat-twaqqif” u s-self għat-tagħmir, hija rat il-kapital tagħha mnaqqas kull sena. Sal-2010, it-telf tal-kapital akkumulat tal-Belt fuq l-investiment f’HelB u fil-predeċessuri tagħha laħaq EUR -21,7 miljun (37). Hemm dubju dwar kemm kwalunkwe azzjonist razzjonali kien ikompli jiffinanzja s-sussidjarja tiegħu f’ċirkostanzi bħal dawn.

(169)

F’termini kwantitattivi, ir-redditu fuq is-self tal-kapital tal-2011 li investitur razzjonali fis-suq kien jistenna b’mod raġonevoli kien ta’ EUR -5,8 miljun (ara l-premessa (163)). Madankollu, dan mhuwiex l-uniku element li kien jikkunsidra azzjonist (speċjalment azzjonist li għandu 100 % tal-ishma ta’ kumpanija). Huwa kien jikkunsidra wkoll il-qligħ/it-telf tal-kapital mistenni fil-futur. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li kieku HelB baqgħet tnaqqas il-kapital tagħha b’rata medja rreġistrata bejn l-2005 u l-2010, il-Belt kienet tkompli titlef mill-inqas EUR -2,7 miljun mill-kapital tagħha kull sena wara l-investiment. Il-Belt fil-fatt tilfet ħafna aktar, bħala medja EUR -4,1 miljun ta’ kapital fis-sena fil-perjodu 2011-2014.

(170)

Il-Kummissjoni issa se tikkunsidra xenarju alternattiv tal-bejgħ ta’ HelB. F’dan il-każ, il-Belt kienet iġġarrab l-ispejjeż tal-proċess tal-bejgħ, li normalment ikunu negliġibbli. Hija kienet titlef ukoll is-self tal-kapital tal-2005. Madankollu, ma kienx probabbli li dan is-self jitħallas lura xorta u fil-fatt qatt ma tħallas lura (ara l-premessa (158)). Il-Belt kienet titlef ukoll is-self għat-tagħmir, li l-bilanċ pendenti tiegħu fl-aħħar tal-2010 kien ta’ EUR 13,1 miljun u li minnhom HelB kienet qed tħallas lura EUR 0,6 miljun fis-sena. Ma kienx raġonevoli li wieħed jistenna li s-self għat-tagħmir jitħallas lura kompletament (fil-fatt HelB kienet ħallset lura biss EUR 2,4 miljun qabel ma l-Belt ħassret is-self). Madankollu, anki fl-eventwalità improbabbli li HelB baqgħet tħallas lura dan is-self, kwalunkwe rikavat relatat kien ikun aktar minn kontrobilanċjat bit-telf probabbli tal-kapital (ara l-premessa preċedenti). Fil-qosor, l-ispejjeż inkrementali tax-xenarju tal-bejgħ meta mqabbel ma’ dak attwali jistgħu jiġu preżunti b’mod sikur bħala li huma 0.

(171)

Min-naħa l-oħra, f’dan ix-xenarju, il-Belt kienet tirċievi r-rikavat minn bejgħ. Il-Kummissjoni ma għandhiex valutazzjoni preċiża tal-valur ta’ HelB f’Jannar 2011. Madankollu, għall-fini tal-valutazzjoni, mhuwiex meħtieġ li jiġi stabbilit il-valur preċiż tal-bejgħ. Huwa biżżejjed li jintwera li r-rikavat mistenni minn bejgħ ikun ogħla mir-redditu fix-xenarju bażi, jiġifieri EUR -5,8 miljun (ara l-premessa (163)).

(172)

F’Settembru 2015, Inspira Oy, esperta mqabbda mill-Belt, ivvalutat il-valur ta’ HelB bejn EUR 11,6 miljun u EUR 25,6 miljun (skont il-metodu ta’ stima użat). F’Diċembru 2015, il-Belt biegħet lil HelB għal EUR 24,2 miljun. Il-Kummissjoni tinnota li l-assi netti ta’ HelB, li jirriflettu l-valur tal-kumpanija, kienu EUR 16,3 miljun aktar baxxi f’Diċembru 2014 milli kienu f’Diċembru 2010. Barra minn hekk, il-perspettivi finanzjarji ta’ HelB iddeterjoraw, hekk kif il-kumpanija rrapportat telf ta’ EUR -7 miljun fl-2014 (tnaqqis mis-sena ta’ qabel) u telf ta’ EUR -3,3 miljun fl-2010 (żieda mis-sena ta’ qabel). Minħabba f’hekk, wieħed jista’ jassumi li l-valur ta’ HelB fiż-żmien meta ngħata s-self tal-kapital tal-2011 kien ogħla minn meta nbiegħet il-kumpanija. Ikun xi jkun il-każ, huwa lil hinn minn kull dubju raġonevoli li l-Belt setgħet tistenna li tiġġenera mill-inqas xi rikavat mill-bejgħ ta’ HelB f’Jannar 2011. Dan huwa biżżejjed biex jiġi konkluż li r-redditu mistenni kien ogħla fix-xenarju tal-bejgħ milli fix-xenarju attwali tal-għoti tas-self. Konsegwentement, is-self tal-kapital tal-2011 ma kienx konformi mas-suq, anki jekk jitqies l-esponiment ekonomiku preċedenti tal-Belt.

(173)

Mingħajr preġudizzju għall-konklużjoni milħuqa fil-premessa preċedenti, anki kieku s-self tal-kapital tal-2011 kien l-aħjar għażla li għandha teżerċita l-Belt (quod non), dan xorta ma kienx ikun konformi mas-suq minħabba li ma ngħatax skont it-termini tas-suq. Dan għaliex skont il-Komunikazzjoni tal-2008 dwar ir-Rati ta’ Referenza, (38) li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2008 u li, għalhekk, hija applikabbli għas-self tal-kapital tal-2011, ir-rata tal-imgħax tas-suq ta’ sostituzzjoni għal self standard mogħti f’Jannar 2011 lil kumpanija f’diffikultajiet finanzjarji (bi klassifikazzjoni CCC u inqas), bħal HelB, mingħajr kollateral, kienet ta’ 11,49 % (rata bażi ta’ 1,49 % flimkien ma’ marġini ta’ 1 000 punt bażi). B’hekk, hija kienet ferm ogħla mir-rata tal-imgħax effettivament applikata ta’ 6 %. Fil-fatt, ir-rata ta’ sostituzzjoni jenħtieġ li tkun saħansitra ogħla biex tikkunsidra r-riskju addizzjonali marbut mal-karattru ta’ kważi-ekwità tas-self tal-kapital.

(174)

Il-Finlandja ppreżentat studju mħejji minn espert li evalwa l-konformità mas-suq tas-self subordinat mogħti lil HelB. L-istudju jkopri s-self tal-kapital tal-2011 u tal-2012. L-espert sab li r-rata tal-imgħax ta’ 6 % mitluba fuq dan is-self tista’ titqies li hija bbażata fuq is-suq. Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li l-istudju huwa datat it-8 ta’ Ġunju 2015, jiġifieri tħejja ħafna wara li l-Belt kienet ħadet deċiżjoni li tagħti s-self inkwistjoni. F’konformità mal-ġurisprudenza kkonsolidata tal-Qorti, il-konformità mal-kundizzjonijiet tas-suq trid tiġi eżaminata fuq bażi ex ante, wara li titqies l-informazzjoni disponibbli fil-mument li ġie deċiż l-intervent (39). L-istudju tħejja ex post, għalhekk, huwa ma jistax jiġi aċċettat bħala evidenza leġittima tal-konformità mas-suq.

(175)

Madankollu, il-Kummissjoni eżaminat l-istudju u hija tal-fehma li dan ma jistax jiġi aċċettat bħala evidenza ta’ konformità mas-suq għar-raġunijiet li ġejjin. L-ewwel nett, hija tistma l-klassifikazzjoni ta’ HelB fuq perjodu ta’ tliet snin mill-2010 sal-2012 u, b’hekk, ma tirriflettix b’mod preċiż il-qagħda finanzjarja tal-kumpanija fil-mument eżatt meta ngħata s-self. It-tieni nett, hija tqabbel is-self li qed jiġi vvalutat ma’ kampjun ta’ self tas-suq subordinat. Madankollu, il-grupp ta’ referenza huwa inklinat lejn id-debituri bi klassifikazzjoni ogħla u, għalhekk, jissottovaluta r-rata medjana tal-imgħax tas-suq (40). Fi kwalunkwe każ, ir-rata tal-imgħax fuq is-self tal-kapital għal HelB hija saħansitra aktar baxxa minn din ir-rata medjana tal-imgħax sottovalutata (6,9 %), mingħajr ġustifikazzjoni. Fl-aħħar nett, ir-rata tal-imgħax fuq is-self tal-kapital hija aktar baxxa mir-rati medjani tal-kupun għall-bonds maħruġa fl-2011 u l-2012, filwaqt li l-bonds tipikament għandhom superjorità ogħla mis-self subordinat u, għalhekk, huma inqas riskjużi. Bħala konklużjoni, minbarra l-fatt li l-istudju sar ex post, li minnu nnifsu huwa biżżejjed biex jiġi rrifjutat bħala evidenza leġittima, huwa ma jistmax b’mod xieraq ir-rata konformi mas-suq għas-self tal-kapital.

(176)

Abbażi tal-valutazzjoni ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li s-self tal-kapital tal-2011 ta vantaġġ ekonomiku mhux dovut lil HelB.

(177)

Il-Kummissjoni kkonkludiet fil-premessa (163) li investitur razzjonali ma kienx jagħti s-self tal-kapital lil HelB f’Jannar 2011. Fi kliem ieħor, HelB ma kinitx tikseb self bħal dan fis-suq taħt l-ebda termini. Dan għaliex, irrispettivament mir-rata tal-imgħax imposta, il-VPN ta’ investiment li jikkonsisti fl-għoti ta’ self bħal dan kien dejjem ikun negattiv. HelB ma setgħetx tkun raġonevolment mistennija li tiġġenera biżżejjed profitti biex tkun tista’ tħallas lura dan is-self, minħabba l-kundizzjoni finanzjarja diffiċli tagħha. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li f’ċirkostanzi fejn il-mutwatarju jkun jinsab f’sitwazzjoni finanzjarja delikata kkaratterizzata notevolment minn tnaqqis fil-fatturat, ekwità negattiva u n-nuqqas ta’ abbiltà li jirrimborża s-self mill-fondi proprji tiegħu, il-vantaġġ ekonomiku inkorporat f’self jista’ jkun daqs l-ammont totali tal-fondi mislufa (41). Fid-dawl ta’ dan, il-vantaġġ ekonomiku tas-self tal-kapital tal-2011 huwa daqs l-ammont totali tas-self.

9.3.3.   Il-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

(178)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-Miżura 3 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. L-għajnuna tammonta għall-ammont sħiħ tas-self, jiġifieri EUR 5,8 miljun. Id-data tal-għoti tal-għajnuna hija d-data tal-għoti tas-self, jiġifieri l-31 ta’ Jannar 2011.

9.4.   Miżura 4 - is-self tal-kapital tal-2012 lil HelB

9.4.1.   Ir-riżorsi tal-Istat u l-imputabbiltà lill-Istat, is-selettività, l-effett fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri

(179)

Il-konklużjoni dwar ir-riżorsi tal-Istat u l-imputabbiltà lill-Istat (ara l-premessa (85)), is-selettività (ara l-premessa (86)), l-effett fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara l-premessa (117)) fir-rigward tal-Miżura 1 tapplika kif xieraq għal din il-miżura.

9.4.2.   L-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku

(180)

L-ewwel nett, il-Finlandja tafferma li billi s-self tal-kapital tal-2012 ingħata wara li tressaq l-ilment f’Ottubru 2011, il-Bord Eżekuttiv tal-Belt talab li dan is-self jiġi pprovdut skont it-termini tas-suq. Abbażi ta’ dan, il-Finlandja tafferma li s-self ma jinvolvix għajnuna. Din l-affermazzjoni ma ġiet issostanzjata bl-ebda evidenza jew ġustifikazzjoni motivata. Hija lanqas ma ġiet ikkonfermata mill-valutazzjoni tal-Kummissjoni (ara hawn taħt). Għalhekk, hija trid tiġi rrifjutata.

(181)

Is-self tal-kapital tal-2012 ingħata bl-istess termini tas-self tal-kapital tal-2011. B’mod partikolari, kien b’rata tal-imgħax ta’ 6 %, ma kien garantit b’ebda kollateral, il-ħlas lura tiegħu kien jiddependi mid-disponibbiltà ta’ profitti suffiċjenti, kien subordinat għad-djun l-oħrajn kollha u kellu tul ta’ żmien mingħajr limitu. Il-Finlandja kkonfermat li t-termini ġenerali tas-self tal-kapital tal-2012 kienu l-istess bħal dawk tas-self tal-kapital tal-2011.

(182)

Qabel ma tat is-self tal-kapital tal-2012 lil HelB, il-Belt ma kienet wettqet l-ebda valutazzjoni tal-investiment jew xi valutazzjoni oħra ekwivalenti tal-eżitu finanzjarju mistenni tal-investiment.

(183)

Is-self tal-kapital tal-2012 ingħata mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ operaturi privati u, għalhekk, il-konformità tiegħu mal-kundizzjonijiet tas-suq ma tistax tiġi vvalutata direttament. Il-Finlandja ma pprovdiet l-ebda tranżazzjoni tas-suq komparabbli (ara l-premessi (149)-(150)) u l-Kummissjoni ma sabet l-ebda punt ta’ riferiment tas-suq xieraq. Għalhekk, bħal fil-każ tas-self tal-kapital tal-2011, il-Kummissjoni trid tirrikorri għall-metodu l-ieħor ta’ valutazzjoni, jiġifieri l-analiżi tal-VPN.

(184)

Is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ HelB fiż-żmien tal-għoti tas-self tal-kapital tal-2012 kienet saħansitra agħar minn meta l-kumpanija rċeviet is-self tal-kapital tal-2011. Fl-aħħar tal-2011, HelB irrapportat telf ta’ EUR -6,1 miljun (tnaqqis minn EUR -3,3 miljun fl-2010) u ekwità negattiva ta’ EUR -12,7 miljun (tnaqqis minn EUR -6,6 miljun fl-2010). Il-kumpanija kkwalifikat bħala impriża f’diffikultà skont it-tifsira tal-Linji Gwida R&R tal-2004. Bl-istess mod, il-perspettivi finanzjarji ta’ HelB f’Mejju 2012 kienu saħansitra agħar minn Jannar 2011, meta ngħata s-self tal-kapital preċedenti. Dan minħabba li t-telf akkumulat tagħha żdied aktar minħabba t-telf irreġistrat fl-2011, li b’hekk saret it-13-il sena konsekuttiva li fiha HelB jew il-predeċessuri tagħha ġġeneraw telf.

(185)

Minħabba li s-sitwazzjoni finanzjarja u l-perspettivi finanzjarji ta’ HelB komplew jiddeterjoraw, il-konklużjoni magħmula fil-premessa (161) fir-rigward tas-self tal-kapital tal-2011 tapplika a fortiori għas-self tal-kapital tal-2012. Dan ifisser li investitur razzjonali bi profil tar-riskju normali ma kienx jistenna li HelB tiġġenera xi profitti u li konsegwentement jirċievi xi ħlasijiet fuq is-self tal-kapital tal-2012. Dan kien ikkonfermat minn avvenimenti sussegwenti billi HelB qatt ma ħallset lura xejn mis-self tal-kapital tal-2012 u, fl-aħħar mill-aħħar, il-Belt ikkonvertietu f’ekwità, li - minħabba li HelB waqqfet l-operazzjonijiet - effettivament kien ifisser it-tħassir tiegħu.

(186)

Barra minn hekk, f’Mejju 2012, il-Belt kienet għadha ma rċeviet l-ebda ħlas fuq is-self tal-kapital tal-2005 u, barra minn hekk, ma kienet irċeviet l-ebda ħlas fuq is-self tal-kapital tal-2011. Il-bilanċ pendenti ta’ dan is-self fl-aħħar tal-2011 (b’imgħax akkumulat) kien jammonta għal EUR 28,4 miljun (jiġifieri EUR 6,8 miljun aktar milli kien fl-aħħar tal-2010). Konsegwentement, sabiex tħallas lura s-self tal-kapital tal-2012, HelB kien ikollha tagħmel profitti ta’ mill-inqas EUR 37,3 miljun, l-ewwel biex tkopri d-defiċit kapitali (42) (EUR -0,9 miljun fl-aħħar tal-2011), imbagħad biex tħallas lura s-self tal-kapital tal-2005 u tal-2011 (EUR 28,4 miljun b’imgħax akkumulat fl-aħħar tal-2011) fuq bażi pro rata flimkien mas-self tal-kapital tal-2012 fl-ammont ta’ EUR 8 miljun. B’hekk, il-profitti futuri meħtieġa biex jitħallas lura s-self tal-kapital tal-2012 kienu EUR 9,3 miljun ogħla milli fil-każ tas-self tal-kapital tal-2011 (ara (162)).

(187)

Minħabba li r-ripagamenti futuri mistennija mis-self tal-kapital tal-2012 kienu żero, il-VPN ta’ dan l-investiment, li huwa daqs is-somma tan-nefqa kapitali inizjali (jiġifieri s-self innifsu) u l-ħlasijiet sussegwenti, jammonta għal EUR -8 miljun. Anki kieku HelB kienet għamlet xi profitti, ċertament li dawn ma kinux ikunu biżżejjed biex hija tkun tista’ tħallas lura s-self kollu (ara l-premessa (186)). F’każ bħal dan, il-VPN tal-investiment xorta kien ikun negattiv. Abbażi ta’ dan, b’kont meħud tar-regola deċiżjonali fl-analiżi tal-VPN (ara l-premessa (163)), il-Kummissjoni tikkonkludi li investitur razzjonali ma kienx jagħti s-self tal-kapital lil HelB f’Mejju 2012.

(188)

Fir-rigward tal-argument tal-Finlandja li s-self tal-kapital tal-2012 kien miżura ta’ finanzjament mill-azzjonisti ġustifikata mwettqa biex tiġi żgurata l-likwidità tas-sussidjarja bi sjieda sħiħa, il-valutazzjoni li saret fil-premessi (165)-(172) fir-rigward tas-self tal-kapital tal-2011 tapplika, mutatis mutandis, għas-self tal-kapital tal-2012, kif spjegat aktar hawn taħt.

(189)

Sa dak iż-żmien li l-Belt tat is-self tal-kapital tal-2012, HelB u l-predeċessuri tagħha ma kienu għamlu l-ebda profitt għal mill-inqas 13-il sena konsekuttivi u ma kienx hemm prospetti realistiċi ta’ profittabbiltà ’l quddiem (ara l-premessa (184)). Barra minn hekk, għalkemm il-Belt qabel kienet investiet mill-inqas EUR 36,6 miljun fil-forma tas-“self għat-twaqqif”, is-self għat-tagħmir u s-self tal-kapital tal-2011, hija rat il-kapital tagħha jitnaqqas kontinwament. Sal-2011, it-telf tal-kapital akkumulat tal-Belt fuq l-investiment f’HelB u fil-predeċessuri tagħha laħaq EUR -27,8 miljun (43). Hemm dubju dwar kemm kwalunkwe azzjonist razzjonali kien ikompli jiffinanzja s-sussidjarja tiegħu f’ċirkostanzi bħal dawn.

(190)

F’termini kwantitattivi, ir-redditu fuq is-self tal-kapital tal-2012 li investitur razzjonali fis-suq kien jistenna b’mod raġonevoli kien ta’ EUR -8 miljun (ara l-premessa (187)). Madankollu, dan mhuwiex l-uniku element li kien jikkunsidra azzjonist (speċjalment azzjonist li għandu 100 % tal-ishma ta’ kumpanija). Huwa kien jikkunsidra wkoll il-qligħ/it-telf tal-kapital mistenni fil-futur. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li kieku HelB baqgħet tnaqqas il-kapital tagħha b’rata medja rreġistrata bejn l-2005 u l-2011, il-Belt kienet tkompli titlef mill-inqas EUR -3,2 miljun mill-kapital tagħha kull sena wara l-investiment. Il-Belt fil-fatt tilfet saħansitra aktar, bħala medja EUR -3,4 miljun f’ kapital fis-sena fil-perjodu 2012-2014.

(191)

Bħal fil-każ tas-self tal-kapital tal-2011, il-Kummissjoni issa se tikkunsidra xenarju alternattiv tal-bejgħ ta’ HelB. F’dan il-każ, il-Belt kienet iġġarrab l-ispejjeż tal-proċess tal-bejgħ, li normalment ikunu negliġibbli. Hija kienet titlef ukoll is-self tal-kapital tal-2005 u tal-2011. Madankollu, ma kienx probabbli li dan is-self jitħallas lura xorta u fil-fatt qatt ma tħallas lura (ara l-premessi (158) u (161)). Il-Belt kienet titlef ukoll is-self għat-tagħmir, li l-bilanċ pendenti tiegħu fl-aħħar tal-2011 kien ta’ EUR 12,5 miljun u li minnhom HelB kienet qed tħallas lura EUR 0,6 miljun fis-sena. Ma kienx raġonevoli li wieħed jistenna li s-self għat-tagħmir jitħallas lura kompletament (fil-fatt HelB kienet ħallset lura biss EUR 1,8 miljun qabel ma l-Belt ħassret is-self). Madankollu, anki fl-eventwalità improbabbli li HelB baqgħet tħallas lura dan is-self, kwalunkwe rikavat relatat kien ikun aktar minn kontrobilanċjat bit-telf probabbli tal-kapital (ara l-premessa preċedenti). Fil-qosor, l-ispejjeż inkrementali tax-xenarju tal-bejgħ meta mqabbel ma’ dak attwali jistgħu jiġu preżunti b’mod sikur bħala li huma 0.

(192)

Min-naħa l-oħra, f’dan ix-xenarju, il-Belt kienet tirċievi rikavat minn bejgħ. Il-Kummissjoni ma għandhiex valutazzjoni preċiża tal-valur ta’ HelB f’Mejju 2012. Madankollu, għall-fini tal-valutazzjoni, mhuwiex meħtieġ li jiġi stabbilit il-valur preċiż tal-bejgħ. Huwa biżżejjed li jintwera li r-rikavat mistenni minn bejgħ ikun ogħla mir-redditu fix-xenarju bażi, jiġifieri EUR -8 miljun (ara l-premessa (187)).

(193)

Kif imsemmi fil-premessa (172), f’Settembru 2015, il-valur ta’ HelB ġie vvalutat bħala li huwa bejn EUR 11,6 miljun u EUR 25,6 miljun u, f’Diċembru 2015, il-Belt biegħet lil HelB għal EUR 24,2 miljun. Il-Kummissjoni tinnota li l-assi netti ta’ HelB, li jirriflettu l-valur tal-kumpanija, kienu EUR 10,2 miljun aktar baxxi f’Diċembru 2014 milli kienu f’Diċembru 2011. Barra minn hekk, il-perspettivi finanzjarji ta’ HelB iddeterjoraw, billi l-kumpanija rrapportat telf ta’ EUR -7 miljun fl-2014 (tnaqqis ta’ EUR 7,1 miljun mis-sena ta’ qabel) u telf ta’ EUR -6,1 miljun fl-2010 (tnaqqis ta’ EUR 3,3 miljun mis-sena ta’ qabel). Minħabba f’hekk, wieħed jista’ jassumi li l-valur ta’ HelB fiż-żmien meta ngħata s-self tal-kapital tal-2012 kien ogħla minn meta nbiegħet il-kumpanija. Ikun xi jkun il-każ, huwa lil hinn minn kull dubju raġonevoli li l-Belt setgħet tistenna li tiġġenera mill-inqas xi rikavat mill-bejgħ ta’ HelB f’Mejju 2012. Dan huwa biżżejjed biex jiġi konkluż li r-redditu mistenni kien ogħla fix-xenarju tal-bejgħ milli fix-xenarju reali tal-għoti tas-self. Konsegwentement, is-self tal-kapital tal-2012 ma kienx konformi mas-suq, anki jekk jitqies l-esponiment ekonomiku preċedenti tal-Belt.

(194)

Mingħajr preġudizzju għall-konklużjoni milħuqa fil-premessa preċedenti, anki kieku s-self tal-kapital tal-2012 kien l-aħjar għażla li setgħet tagħmel il-Belt (quod non), dan xorta ma kienx ikun konformi mas-suq minħabba li ma ngħatax skont it-termini tas-suq. Dan għaliex skont il-Komunikazzjoni tal-2008 dwar ir-Rati ta’ Referenza, (44) li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2008 u li, għalhekk, hija applikabbli għas-self tal-kapital tal-2012, ir-rata tal-imgħax tas-suq ta’ sostituzzjoni għal self standard mogħti f’Mejju 2012 lil kumpanija f’diffikultajiet finanzjarji (bi klassifikazzjoni CCC u inqas), bħal HelB, mingħajr kollateral, kienet ta’ 11,67 % (rata bażi ta’ 1,67 % flimkien ma’ marġini ta’ 1 000 punt bażi). B’hekk, hija kienet ferm ogħla mir-rata tal-imgħax effettivament applikata ta’ 6 %. Fil-fatt, ir-rata ta’ sostituzzjoni jenħtieġ li tkun saħansitra ogħla biex tikkunsidra r-riskju addizzjonali marbut mal-karattru ta’ kważi-ekwità tas-self tal-kapital.

(195)

Kif ivvalutat fil-premessi (174)-(175), l-istudju ppreżentat mill-Finlandja dwar is-self tal-kapital tal-2011 u tal-2012 ma jistax jiġi aċċettat bħala evidenza leġittima tal-konformità tiegħu mas-suq.

(196)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li s-self tal-kapital tal-2012 ta vantaġġ ekonomiku mhux dovut lil HelB. L-għajnuna tammonta għall-ammont sħiħ tas-self, għall-istess raġunijiet bħal dawk spjegati fil-premessa (177).

9.4.3.   Il-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

(197)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-Miżura 4 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. L-għajnuna tammonta għall-ammont sħiħ tas-self, jiġifieri EUR 8 miljun. Id-data tal-għoti tal-għajnuna hija d-data tal-għoti tas-self, jiġifieri t-23 ta’ Mejju 2012.

9.5.   Konklużjoni ġenerali dwar l-eżistenza tal-għajnuna

(198)

Fid-dawl tal-valutazzjoni li saret fil-premessi (78)-(197), il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Miżuri 1, 2, 3 u 4 (is-self għat-tagħmir u s-self tal-kapital) jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, li tammonta għal total ta’ EUR 54 231 850.

10.   IL-KOMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNA

(199)

Sal-punt li l-Miżuri 1, 2, 3 u 4 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk dik l-għajnuna tistax tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq intern.

(200)

Skont il-ġurisprudenza, huwa f’idejn l-Istat Membru li jinvoka r-raġunijiet possibbli tal-kompatibbiltà u li juri li l-kundizzjonijiet għal din il-kompatibbiltà huma ssodisfati (45). Madankollu, il-Finlandja tqis li l-miżuri kkonċernati ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat u, għalhekk, ma pprovdiet l-ebda raġuni għal kompatibbiltà.

(201)

Madankollu, il-Kummissjoni vvalutat il-kompatibbiltà tal-għajnuna.

(202)

Billi HelB u l-predeċessuri tagħha joperaw fil-qasam tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri, il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69 u r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 (46) setgħux kienu applikabbli għal dan il-każ. Ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69 stabbilixxa r-regoli applikabbli għall-obbligi tas-servizz pubbliku fil-qasam tat-trasport bl-art qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 dwar is-servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq. Ir-Regolament Nru 1370/2007 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom il-ħlasijiet ta’ kumpens stipulati f’kuntratti u konċessjonijiet għal servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri għandhom jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq intern u eżentati minn notifika minn qabel dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni tosserva li s-self għat-tagħmir tal-2002 u s-self tal-kapital tal-2005, tal-2011 u tal-2012 jikkostitwixxu miżuri ta’ finanzjament tad-dejn li ngħataw lil HelB u bl-ebda mod ma jikkostitwixxu kumpens għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku. Għalhekk, il-miżuri li qed jiġu vvalutati jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti.

(203)

Il-Kummissjoni mbagħad ivvalutat jekk l-Artikolu 93 tat-TFUE huwiex bażi xierqa għall-kompatibbiltà. L-Artikolu 93 tat-TFUE fih regoli għall-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-koordinazzjoni tal-obbligi tat-trasport u tas-servizz pubbliku fil-qasam tat-trasport u jikkostitwixxi lex specialis fir-rigward tal-Artikoli 106(2) u 107(3) tat-TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-Artikolu “jirrikonoxxi li l-għajnuna għat-trasport hija kompatibbli mas-suq intern biss f’każijiet definiti sewwa li ma jipperikolawx l-interessi ġenerali tal-[Unjoni]” (47).

(204)

Il-Kummissjoni tosserva li sabiex l-għajnuna tkun kompatibbli, hija trid tissodisfa l-ħtiġijiet tal-koordinazzjoni tat-trasport. Sabiex miżura partikolari titqies li tissodisfa l-ħtiġijiet tal-koordinazzjoni tat-trasport, hija għandha tkun meħtieġa u proporzjonata mal-għan maħsub. Fil-prattika deċiżjonali kostanti tagħha, il-Kummissjoni qieset li l-għajnuna għall-koordinazzjoni tat-trasport hija kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 93 jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin: (i) l-għajnuna tikkontribwixxi għal għan ta’ interess komuni; (ii) l-għajnuna hija neċessarja u għandha effett ta’ inċentiv; (iii) l-għajnuna hija proporzjonata; (iv) l-għajnuna jew l-attività megħjuna hija miftuħa għall-utenti kollha fuq bażi mhux diskriminatorja. B’hekk, l-ewwel nett, l-għajnuna trid tkun neċessarja biex jintlaħaq għan ta’ interess komuni, u jrid ikollha effett ta’ inċentiv, jiġifieri l-għajnuna trid tibdel l-imġiba tal-benefiċjarju b’tali mod li jinvolvi ruħu f’attività addizzjonali, li huwa ma jkunx jista’ jwettaq mingħajr l-għajnuna jew li jwettaq b’mod ristrett jew differenti, sabiex b’hekk l-għan ta’ interess komuni ma jintlaħaqx. Il-Kummissjoni tqis li s-self għat-tagħmir tal-2002 u s-self tal-kapital tal-2005, tal-2011 u tal-2012 ma kellhom l-ebda effett ta’ inċentiv, minħabba li dawk il-miżuri ma biddlux l-imġiba ta’ HelB (u lanqas dik tal-predeċessur tagħha) b’tali mod li hija involviet ruħha f’attività addizzjonali li ma kinitx twettaq mingħajr l-għajnuna. Minħabba li l-kundizzjonijiet deskritti hawn fuq huma kumulattivi, dan huwa biżżejjed biex jiġi konkluż li l-miżuri li qed jiġu vvalutati ma jistgħux jiġu ddikjarati kompatibbli skont l-Artikolu 93 tat-TFUE.

(205)

Il-Kummissjoni vvalutat ukoll jekk l-eċċezzjonijiet stipulati fl-Artikolu 107(2) u (3) tat-TFUE jistgħux jintużaw biex tiġi vvalutata l-kompatibbiltà tal-għajnuna. Il-Kummissjoni tqis li l-eċċezzjonijiet stipulati fl-Artikolu 107(2) tat-TFUE (għajnuna mogħtija lil konsumaturi individwali, għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew avvenimenti eċċezzjonali, għajnuna mogħtija lill-ekonomija ta’ ċerti żoni affettwati mill-qasma tal-Ġermanja) huma evidentement mhux applikabbli. L-istess konklużjoni tapplika għall-eċċezzjonijiet previsti fil-punti (d) u (e) tal-Artikolu 107(3) tat-TFUE (għajnuna għall-promozzjoni tal-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju u għajnuna speċifikata b’deċiżjoni tal-Kunsill). Bl-istess mod, l-eċċezzjoni relatata mal-iżvilupp ta’ ċerti żoni jew ta’ ċerti setturi stipulata fl-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE mhijiex applikabbli.

(206)

Il-Kummissjoni vvalutat ukoll jekk xi waħda mill-miżuri inkwistjoni tistax tkun kompatibbli abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE skont ir-regoli dwar il-kriżi stabbiliti fil-Qafas Temporanju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jappoġġaw l-aċċess għall-finanzi fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (48). L-ewwel nett, il-Kummissjoni tosserva li l-għajnuna li qed tiġi vvalutata ma tidhirx li ngħatat sabiex tappoġġa l-aċċess għall-finanzi fil-kuntest ta’ kriżi finanzjarja u ekonomika. Il-Finlandja mhix qiegħda ssostni li HelB ma tistax tattira finanzjament minħabba l-effetti ta’ kriżi finanzjarja u ekonomika. Fi kwalunkwe każ, il-Qafas Temporanju kien applikabbli bejn is-17 ta’ Diċembru 2008 u l-31 ta’ Diċembru 2011. Dan kien japplika għall-għajnuna de minimis, għall-għajnuna fil-forma ta’ garanziji u rata tal-imgħax sussidjata, għall-għajnuna għall-produzzjoni ta’ prodotti ekoloġiċi u għall-miżuri ta’ kapital ta’ riskju. Fir-rigward tas-self, kien biss is-self tal-kapital tal-2011 li ngħata fil-perjodu tal-applikabbiltà tal-Qafas Temporanju. Madankollu, mill-1 ta’ Jannar 2011, is-self sussidjat lil ditti f’diffikultà kien eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Qafas Temporanju. Fiż-żmien meta HelB irċeviet is-self tal-kapital tal-2011, hija kkwalifikat bħala impriża f’diffikultà (ara l-premessa (153)). Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-Qafas Temporanju mhuwiex applikabbli għall-għajnuna li qed tiġi vvalutata.

(207)

L-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE jistabbilixxi li l-għajnuna mill-Istat tista’ tkun awtorizzata meta tingħata biex tippromwovi l-iżvilupp ta’ ċerti setturi ekonomiċi u meta din l-għajnuna ma taffettwax b’mod negattiv il-kundizzjonijiet kummerċjali sa punt li jmur kontra l-interess komuni. B’applikazzjoni ta’ dan, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-kriterji li se ssegwi meta tivvaluta l-għajnuna ta’ salvataġġ u ristrutturar fil-Linji Gwida R&R tal-1999 (49) u fil-Linji Gwida R&R tal-2004 (50) (applikabbli għall-miżuri li qed jiġu vvalutati). Għalhekk, il-valutazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq intern trid tinvolvi l-eżami ta’ jekk il-kundizzjonijiet stipulati f’dawn il-Linji Gwida humiex issodisfati. Minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ HKL Bussiliikenne, STA u HelB u n-natura tal-miżuri kkonċernati (maħsuba biex jiżguraw il-vijabbiltà ekonomika tal-benefiċjarju), il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li din l-għajnuna tiġi vvalutata abbażi tal-Linji Gwida R&R applikabbli.

(208)

Skont il-Linji Gwida R&R tal-1999 u l-Linji Gwida R&R tal-2004, huma biss id-ditti f’diffikultà li huma eliġibbli għall-għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar. Kif stabbilit fil-premessa (105), b’referenza għas-self għat-tagħmir tal-2002, HKL Bussiliikenne ma kinitx impriża f’diffikultà skont il-Linji Gwida R&R tal-1999 fil-mument li ngħatat l-għajnuna. Bl-istess mod, HelB ma kinitx impriża f’diffikultà skont il-Linji Gwida R&R tal-2004 fil-mument li ngħata s-self tal-kapital tal-2005, minħabba li din kienet għadha kif ġiet stabbilita u ma kellha l-ebda rekord finanzjarju qabel l-2005. Barra minn hekk, skont il-punt 12 tal-Linji Gwida R&R tal-2004, ditta li għadha kif inħolqot mhijiex eliġibbli għal għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar, anki jekk il-pożizzjoni finanzjarja inizjali tagħha ma tkunx sigura. Dan ikun il-każ, pereżempju, meta ditta ġdida toħroġ mil-likwidazzjoni ta’ ditta preċedenti jew sempliċiment meta tieħu kontroll tal-assi ta’ dik id-ditta. Fil-prinċipju, ditta titqies bħala li tkun għadha kif inħolqot għall-ewwel tliet snin wara l-bidu tal-operazzjonijiet fil-qasam ta’ attività rilevanti. Huwa biss wara dak il-perjodu li hija ssir eliġibbli għal għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar, sakemm: (a) hija tikkwalifika bħala ditta f’diffikultà skont it-tifsira tal-Linji Gwida R&R, u (b) ma tifformax parti minn grupp ta’ negozju akbar, ħlief taħt kundizzjonijiet speċifiċi stipulati fil-Linji Gwida R&R. Għalhekk, HelB ma kinitx eliġibbli għall-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturar għall-perjodu 2005-2007, jiġifieri l-ewwel tliet snin tal-operazzjonijiet ta’ HelB. Fir-rigward tas-self tal-kapital tal-2011 u tal-2012, HelB ikkwalifikat bħala ditta f’diffikultà skont il-punt 10 tal-Linji Gwida R&R tal-2004 mill-inqas mill-2009 (ara l-premessa (153)) u kienet eliġibbli għal għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar f’dak il-perjodu.

(209)

Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-kundizzjonijiet għall-għajnuna għas-salvataġġ stipulati fit-taqsima 3.1 tal-Linji Gwida R&R tal-1999 u tal-2004 mhumiex issodisfati għal kwalunkwe waħda mill-miżuri li qed jiġu vvalutati. Bl-eċċezzjoni tas-self għat-tagħmir tal-2002, il-miżuri kkonċernati ma kinux jikkonsistu f’appoġġ ta’ likwidità fil-forma ta’ garanziji ta’ self jew self. B’mod partikolari, is-self tal-kapital ma kienx self bankarju standard iżda strumenti ta’ kważi ekwità. Barra minn hekk, il-miżuri kollha li qed jiġu vvalutati ma waslux fi tmiemhom fi żmien perjodu ta’ mhux aktar minn sitt xhur wara l-ħlas tal-ewwel pagament parzjali lid-ditta u ma ġewx ipprovduti fuq il-bażi ta’ diffikultajiet soċjali serji. Fl-aħħar nett, dawn ma kinux akkumpanjati minn impenn mill-Finlandja li tikkomunika lill-Kummissjoni pjan ta’ ristrutturar jew pjan ta’ likwidazzjoni, kif meħtieġ fil-punt 25(c) tal-Linji Gwida R&R tal-2004 u fil-punt 23(d) tal-Linji Gwida R&R tal-1999.

(210)

Il-Kummissjoni tosserva li l-Finlandja ma nnotifikat lill-Kummissjoni bl-ebda waħda mill-miżuri kkonċernati bħala għajnuna għar-ristrutturar, kif definit fit-taqsima 3.2 tal-Linji Gwida R&R tal-1999 u tal-2004. Skont il-Linji Gwida R&R tal-1999 u tal-2004, l-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturar jiddependi mill-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar li jrid jiġi approvat mill-Kummissjoni fil-każijiet kollha ta’ għajnuna individwali. Il-Finlandja ma ssottomettiet l-ebda pjan ta’ ristrutturar. Hija naqset ukoll milli turi li kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà meħtieġa għal tali għajnuna ġiet issodisfata (ritorn għall-vijabbiltà fit-tul, miżuri ta’ kumpens, kontribuzzjoni proprja, eċċ.). Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna mhijiex konformi mal-kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà tal-Linji Gwida R&R tal-1999 u tal-2004.

Konklużjoni dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna

(211)

Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna mill-Istat stabbilita fil-premessa (198) mhijiex kompatibbli mas-suq intern.

11.   IL-KONTINWITÀ EKONOMIKA

(212)

Skont it-Trattat u l-ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni hija kompetenti biex tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat irid jabolixxi jew jibdel l-għajnuna meta ssib li din tkun inkompatibbli mas-suq intern (51). Il-Qorti sostniet ukoll b’mod konsistenti li l-obbligu ta’ Stat Membru li jabolixxi l-għajnuna meqjusa mill-Kummissjoni bħala inkompatibbli mas-suq intern huwa maħsub biex jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel.

(213)

F’dan il-kuntest, il-Qorti stabbilixxiet li dan l-objettiv jintlaħaq ladarba r-riċevitur ikun ħallas lura l-ammonti mogħtija permezz ta’ għajnuna inkompatibbli, biex b’hekk jitlef il-vantaġġ li kien igawdi fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq u s-sitwazzjoni tkun treġġgħet lura għal kif kienet qabel tħallset l-għajnuna (52).

(214)

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, (53) l-obbligu ta’ rkupru jista’ jiġi estiż għal kumpanija ġdida, li lilha l-kumpanija inkwistjoni tkun ittrasferixxiet jew biegħet parti mill-assi tagħha, meta dik l-istruttura ta’ trasferiment jew bejgħ twassal għall-konklużjoni li hemm kontinwità ekonomika bejn iż-żewġ kumpaniji.

(215)

Kif ġie ddikjarat fil-premessi (45) sa (49), wara l-ftuħ tal-proċedura formali, in-negozju ta’ HelB inbiegħ lil operatur privat tal-karozzi tal-linja Viikin Linja Oy (parti mill-KAG), li mbagħad biddel ismu għal “Helsingin Bussiliikenne”, biex b’hekk sar il-HelB il-ġdida.

(216)

Għalhekk, sabiex tiddetermina minn liema kumpanija għandha tirkupra l-għajnuna inkompatibbli mogħtija lil HelB, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk hemmx kontinwità ekonomika bejn il-HelB l-antika (issa Helsingin kaupungin Linja-autotoiminta Oy) u l-HelB il-ġdida (parti mill-KAG). Jekk tiġi stabbilita kontinwità ekonomika bejn iż-żewġ kumpaniji, sakemm ma tkunx ġiet irkuprata mill-HelB l-antika, l-għajnuna għandha tiġi rkuprata mill-HelB il-ġdida (parti mill-KAG).

(217)

Skont il-ġurisprudenza Multimedjali (54) u l-prattika tal-Kummissjoni (55), il-valutazzjoni tal-kontinwità ekonomika bejn il-benefiċjarju tal-għajnuna u l-impriża li lilha ġew ittrasferiti l-assi tiegħu tiġi stabbilita abbażi ta’ sett ta’ indikaturi. Il-fatturi li ġejjin jistgħu jiġu kkunsidrati: (i) is-suġġett tat-trasferiment (l-assi u l-obbligazzjonijiet, iż-żamma tal-forza tax-xogħol, il-lott tal-assi); (ii) il-prezz tat-trasferiment; (iii) l-identità tal-azzjonisti jew tas-sidien tal-impriża akkwirenti u l-impriża oriġinali; (iv) il-mument tal-bejgħ (wara l-bidu tal-investigazzjoni, il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali jew id-deċiżjoni finali); (v) il-loġika ekonomika tal-operazzjoni (56).

(218)

Fid-dawl tal-bejgħ tan-negozju tal-HelB l-antika lill-HelB il-ġdida, b’hekk, il-Kummissjoni se tanalizza, abbażi tal-kriterji elenkati hawn fuq, jekk hemmx kontinwità ekonomika bejn l-HelB l-antika (issa Helsingin kaupungin Linja-autotoiminta Oy) u l-HelB il-ġdida (parti mill-KAG), li akkwistat in-negozju tal-HelB l-antika.

11.1.   L-ambitu tat-tranżazzjoni

(219)

Il-Kummissjoni tfakkar li, sabiex tiġi evitata l-kontinwità ekonomika, l-assi u elementi oħrajn tan-negozju ttrasferiti jridu jirrappreżentaw biss parti mill-kumpanija preċedenti jew mill-attivitajiet tagħha. Aktar ma tkun kbira l-parti tan-negozju oriġinali li tiġi ttrasferita lil entità ġdida, aktar ikun probabbli li l-attività ekonomika relatata ma’ dawn l-assi tkompli tibbenefika mill-għajnuna inkompatibbli (57).

(220)

Għalkemm il-Finlandja tafferma li t-tranżazzjoni kienet “ftehim ta’ assi”, it-termini tat-tranżazzjoni jindikaw fir-realtà li n-negozju ta’ HelB inbiegħ bħala negozju avvjat. Kif indikat fil-premessi (47)-(48), il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tranżazzjoni kien jinkludi l-assi kollha meħtieġa għall-operazzjonijiet tan-negozju (inkluż il-ħlas tad-dejn bin-nifs fuq il-flotta tal-karozzi tal-linja li għadha kif ġiet akkwistata minn HelB), id-918-il impjegat kollha (58), l-isem tad-ditta “Helsingin Bussiliikenne Oy” u l-kuntratti u l-obbligazzjonijiet assoċjati kollha (inklużi l-kuntratti għas-servizzi tat-trasport u għas-sullokazzjoni tal-faċilitajiet tad-Depot, iżda eskluż is-self għat-tagħmir tal-2002 u s-self ta’ kapital tal-2005, tal-2011 u tal-2012).

(221)

Barra minn hekk, l-artikolu 2.2 tal-ftehim tal-bejgħ bejn HelB u Viikin Linja Oy datat l-14 ta’ Diċembru 2015 isemmi espressament li n-negozju ta’ HelB jiġi ttrasferit skont dan il-ftehim bħala negozju avvjat, filwaqt li l-artikolu 2.3 ta’ dak il-ftehim tal-bejgħ jiddikjara li l-bejgħ jinkludi l-assi kollha u l-kuntratti u l-obbligazzjonijiet kollha meħtieġa għat-tkomplija tan-negozju ta’ HelB.

(222)

Għalhekk, fir-rigward tal-ambitu tat-tranżazzjoni, il-HelB il-ġdida effettivament ħadet f’idejha l-attivitajiet ekonomiċi kollha tal-HelB l-antika, flimkien mal-assi, id-drittijiet u l-obbligi kollha relatati. Għalhekk, il-HelB il-ġdida sempliċiment tkompli bl-attivitajiet ekonomiċi tal-HelB l-antika, essenzjalment bl-istess ambitu meta mqabbel mas-sitwazzjoni ta’ qabel it-tranżazzjoni.

(223)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-bejgħ tan-negozju ta’ HelB ma kienx jinvolvi l-obbligazzjonijiet pendenti ta’ HelB li rriżultaw mis-self għat-tagħmir tal-2002 u mis-self tal-kapital tal-2005, tal-2011 u tal-2012, li kienu jammontaw għal madwar EUR 54 miljun (bl-imgħax dovut) (59).

(224)

Barra minn hekk, il-Finlandja ammettiet espressament li l-HelB l-antika ma kellha l-ebda assi, ħlief għall-ammonti fil-kont miżmum minn terzi u l-ammonti potenzjalment riċevibbli taħt il-mekkaniżmu ta’ rkupru (‘earn-out mechanism’) tal-att tal-bejgħ (ara l-premessa (46)) u li, f’każ li l-ammont ta’ rkupru jkun akbar mis-somma miżmuma minn terzi u mill-ammonti riċevibbli taħt il-mekkaniżmu ta’ rkupru, dan fil-prattika jwassal għal proċedimenti ta’ insolvenza tal-HelB l-antika.

(225)

Il-Kummissjoni tqis li pjan bħal dan li jħalli lill-HelB l-antika bħala “qoxra vojta” b’obbligazzjonijiet li jammontaw għal madwar EUR 54 miljun, li jaqbżu l-prezz tal-bejgħ aktar minn darbtejn, u mingħajr assi li jkopru dawn l-obbligazzjonijiet, juri biċ-ċar l-attentat biex jiġi evitat l-obbligu ta’ rkupru mill-Finlandja u jindika kontinwità ekonomika bejn il-HelB l-antika u l-HelB il-ġdida.

11.2.   Il-prezz tat-trasferiment

(226)

Kif ġie ddikjarat fil-premessa (45), in-negozju ta’ HelB inbiegħ mingħajr sejħa għall-offerti, li ġeneralment tindika li l-prezz tal-bejgħ ma jirrappreżentax il-prezz tas-suq.

(227)

Skont l-awtoritajiet Finlandiżi, bosta operaturi tat-trasport pubbliku domestiċi u barranin ġew ikkuntattjati (60) fir-rigward tal-bejgħ tan-negozju ta’ HelB, u l-unika offerta ġiet mingħand operatur privat tal-karozzi tal-linja bl-isem ta’ Viikin Linja Oy, li offra EUR 24 210 193 (ara l-premessa (46)).

(228)

Madankollu, distribuzzjoni sempliċi ta’ memorandum ta’ investiment mhux vinkolanti legalment lil xerrejja potenzjali magħżula minn qabel mill-bejjiegħ innifsu ma tistax tkun ekwivalenti għal proċedura kompetittiva ta’ sejħa għall-offerti mibdija b’avviż pubbliku. Meta d-destinatarji ta’ tali stedina biex iressqu offerta jintgħażlu b’mod mhux uffiċjali, għad hemm probabbiltà kbira li ċerti xerrejja potenzjali li jkunu lesti jħallsu prezz ogħla ma jiġux ikkuntattjati. Barra minn hekk, it-twettiq tal-bejgħ permezz ta’ proċedura kompetittiva ta’ sejħa għall-offerti jiżgura l-oġġettività u t-trasparenza tal-proċess, li jistgħu jiġu kompromessi faċilment fi proċedura suġġettiva fl-istil ta’ “stħarriġ”, kif organizzata mill-Belt ta’ Ħelsinki.

(229)

L-awtoritajiet Finlandiżi jsostnu wkoll li l-prezz riċevut għall-bejgħ tan-negozju ta’ HelB kien prezz tas-suq ibbażat fuq evalwazzjoni ex ante (61) ordnata mill-Belt minn kumpanija indipendenti, Inspira Oy. Inspira Oy użat tliet metodi ta’ stima differenti, jiġifieri (i) il-metodu tal-flussi tal-flus skontati li juri li l-valur fis-suq ta’ HelB jinsab f’firxa ta’ bejn EUR 11,6 miljun u EUR 17,6 miljun, (ii) il-metodu tal-multipli tat-tranżazzjonijiet komparabbli, li jagħti stima ta’ EUR 22,1 miljun (abbażi tal-EBITDA ta’ HelB fl-2014) (62) jew EUR 23,2 miljun (abbażi tal-EBITDA ta’ HelB fl-2015) (63) u (iii) il-metodu tal-valur ġust tal-assi, li jistma li l-valur fis-suq tan-negozju ta’ HelB huwa ta’ EUR 25,6 miljun.

(230)

Il-Finlandja tafferma wkoll li anki jekk jiġi injorat l-ammont imblukkat fuq kont miżmum minn terzi u l-mekkaniżmu ta’ rkupru (ara l-premessa (46)), il-prezz tal-bejgħ kien eqreb lejn l-ogħla tarf tal-firxa tal-istima.

(231)

Il-Kummissjoni rrieżaminat l-istima u sabet li din fiha difetti li jgħawġu l-valur stmat fis-suq tan-negozju ta’ HelB. Il-Kummissjoni tinnota li Inspira Oy innifisha tiddeskrivi l-istima bħala “stima approssimattiva biex jiġi ddeterminat il-livell tal-prezz tal-bejgħ”.

(232)

Fir-rigward tal-ewwel metodu użat (il-flussi tal-flus skontati), l-istimatur ikkunsidra żewġ xenarji. L-ewwel xenarju, ibbażat fuq it-tbassir tal-maniġment, jassumi tkabbir stabbli ta’ 2 % għal perjodu residwu u jasal għal valur intraprenditorjali ta’ EUR 17,6 miljun. It-tieni xenarju, ibbażat fuq il-kuntratti attwali biss, jassumi li, wara l-2022, il-kumpanija ma tiġġenera l-ebda fluss ta’ flus u, b’hekk, jasal għal valur intraprenditorjali ta’ EUR 11,6 miljun.

(233)

Il-Kummissjoni tqis li s-suppożizzjoni li fuqha huwa bbażat it-tieni xenarju, jiġifieri li l-kumpanija ma tiġġenera l-ebda fluss ta’ flus wara l-2022, setgħet kienet pessimistika żżejjed. Minħabba li x-xerrej ma kienx jieħu f’idejh it-tagħmir u s-self tal-kapital (madwar EUR 54 miljun, inkluż l-imgħax akkumulat), wieħed ma għandux jeskludi b’mod raġonevoli li jistgħu jiġu ġġenerati xi flussi ta’ flus pożittivi fuq perjodu ta’ żmien itwal. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni tas-self ta’ kapital f’din id-deċiżjoni, li saret fuq is-suppożizzjoni li s-self jibqa’ fil-karta bilanċjali ta’ HelB. Konsegwentement, f’dak il-każ, il-flussi tal-flus ikunu disponibbli għal investitur biss wara li jitħallas lura s-self.

(234)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li, fiż-żewġ xenarji, il-kost medju ponderat tal-kapital (WACC) ta’ HelB użat bħala rata ta’ skont kien ta’ 7,3 %. Kif jidher b’mod ċar mill-istima, dik ir-rata ġiet stabbilita billi żdied primjum ta’ nuqqas ta’ likwidità ta’ 5 % mal-komponent tal-kost tal-ekwità tal-WACC. Filwaqt li l-primjum ta’ nuqqas ta’ likwidità fil-fatt jintuża fl-istimi tal-kumpaniji, il-Finlandja ma ssostanzjatx għaliex il-livell ta’ 5 % jenħtieġ li jitqies bħala ġustifikat. Għall-kuntrarju, il-Finlandja rrikonoxxiet li dan kien kompletament diskrezzjonali (64). Barra minn hekk, dan seta’ fixkel il-valur stmat fis-suq.

(235)

Fir-rigward tat-tieni metodu użat (il-metodu tal-multipli tat-tranżazzjonijiet komparabbli), l-istima tuża l-EBITDA tal-HelB l-antika għas-snin 2014 u 2015 fil-kalkoli u tinjora l-fatt li HelB kienet qed tinbiegħ.

(236)

Il-Kummissjoni tqis li għall-fini ta’ stima tal-kumpanija, huwa l-EBITDA mistenni ta’ HelB u mhux l-EBITDA storiku li kellu jiġi kkunsidrat. Kieku ġie kkunsidrat l-EBITDA mistenni użat skont l-ewwel metodu ta’ stima, bil-fatturi l-oħrajn kollha kostanti, il-valur tal-kumpanija fis-suq kien jiżdied minn EUR 22,1-23,2 miljun għal madwar EUR 36 miljun.

(237)

Fir-rigward tat-tielet metodu (il-valur ġust tal-assi), il-Kummissjoni tosserva li l-valur kontabilistiku tal-karozzi tal-linja (li jammonta għal madwar 95 % tal-assi fissi totali ta’ HelB) (65) fil-31 ta’ Awwissu 2015 kien ta’ EUR 42,6 miljun. Minn dawn l-EUR 42,6 miljun, madwar EUR 32,7 miljun kienu relatati mal-karozzi tal-linja akkwistati qabel l-2015 u madwar EUR 9,9 miljun kienu relatati mal-karozzi tal-linja l-ġodda tal-klassi EURO 6 akkwistati fl-2015. L-istima qieset ukoll EUR 3,4 miljun addizzjonali relatati mal-karozzi tal-linja li għandhom jiġu akkwistati fil-ħarifa tal-2015.

(238)

Il-valur ġust tal-karozzi tal-linja l-antiki ġie kkalkolat abbażi ta’ fattur ta’ skont ta’ 50 % fuq il-valur kontabilistiku nett tagħhom (jiġifieri wara d-deprezzament). Ir-rata ta’ 50 % hija arbitrarja u spjegata mis-suq sekondarju dgħajjef għall-flotta tal-karozzi tal-linja fil-Finlandja u l-età tal-karozzi tal-linja kkonċernati (medja ta’ 7,3 snin). Il-valur ġust tal-karozzi tal-linja l-ġodda (inklużi l-karozzi tal-linja li għandhom jiġu akkwistati fil-ħarifa tal-2015) ġie kkalkolat fuq il-bażi tal-fattur ta’ skont ta’ 30 % applikat għall-valur kontabilistiku nett tagħhom.

(239)

Il-Kummissjoni tqis li skont ta’ 30 % applikat għall-valur kontabilistiku tal-karozzi tal-linja l-ġodda, li kellhom inqas minn sena, jista’ jkun għoli wisq, li huwa saħansitra aktar evidenti fir-rigward tal-karozzi tal-linja li għadhom iridu jiġu akkwistati. Il-Kummissjoni tqis ukoll li skont ta’ 50 % fuq il-karozzi tal-linja aktar antiki jidher li huwa għoli wisq ukoll, minħabba li l-valur kontabilistiku tagħhom diġà jikkunsidra d-deprezzament. Permezz ta’ tqabbil, kieku ġie applikat fattur ta’ skont ta’ 10 % għall-karozzi tal-linja l-ġodda u fattur ta’ skont ta’ 30 % għall-karozzi tal-linja aktar antiki, il-valur stmat tal-kumpanija kien jiżdied minn EUR 25,6 miljun għal madwar EUR 35 miljun.

(240)

Barra minn hekk, id-dokumenti tat-tranżazzjonijiet tal-bejgħ stipulaw indennifikazzjoni sħiħa tal-HelB il-ġdida mill-HelB l-antika minn kwalunkwe talba għall-irkupru tal-għajnuna mill-Istat (ara l-premessa (46)). Minn perspettiva ekonomika, din l-indennifikazzjoni tnaqqas ir-riskju tan-negozju għax-xerrej billi tikkostitwixxi effettivament assigurazzjoni kontra responsabbiltà kontinġenti. Bħala tali, hija tagħti benefiċċju addizzjonali lix-xerrej u, b’hekk, jenħtieġ li titqies fil-prezz tal-bejgħ. Madankollu, l-istima minn Inspira Oy ma tikkunsidrax l-indennifikazzjoni fid-determinazzjoni tal-prezz tal-bejgħ.

(241)

Għar-raġunijiet iddikjarati fil-premessi (231) sa (240), il-Kummissjoni tqis li l-istima ppreżentata mill-Finlandja ma tirriflettix b’mod preċiż il-valur ta’ HelB fis-suq. Dan, flimkien man-nuqqas ta’ sejħa għall-offerti miftuħa, trasparenti, mhux diskriminatorja u mhux kundizzjonali, iwassal lill-Kummissjoni biex tikkonkludi li l-prezz imħallas mix-xerrej għan-negozju ta’ HelB ma jirriflettix b’mod preċiż il-prezz tas-suq.

11.3.   L-identità tas-sidien

(242)

Il-Kummissjoni tinnota li l-belt ta’ Ħelsinki biegħet in-negozju ta’ HelB lill-operatur privat tal-karozzi tal-linja Viikin Linja Oy, li bl-ebda mod ma huwa konness mal-Belt.

(243)

Għalhekk, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe evidenza li turi l-kuntrarju, il-Kummissjoni tikkonkludi li ma hemm l-ebda rabta bejn is-sidien oriġinali u dawk ġodda tan-negozju ta’ HelB ittrasferit lil Viikin Linja Oy.

11.4.   It-twaqqit tat-tranżazzjoni

(244)

Il-Kummissjoni tosserva li t-tranżazzjoni ma għandhiex titwettaq sabiex jiġi evitat l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat, li jirriżulta f’ċirkomvenzjoni ta’ deċiżjoni negattiva futura mill-Kummissjoni (66).

(245)

Il-bejgħ tan-negozju ta’ HelB inbeda f’April 2015, jiġifieri kważi immedjatament wara li l-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u informat lill-Finlandja dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(246)

Għalhekk, kemm l-Istat tal-Finlandja kif ukoll il-Belt ta’ Ħelsinki kienu konxji sewwa mill-possibbiltà li l-miżuri inkwistjoni setgħu jikkostitwixxu għajnuna illegali u inkompatibbli li tkun trid tiġi rkuprata.

(247)

Barra minn hekk, l-investigazzjoni tal-Kummissjoni f’dan il-każ ta’ għajnuna mill-Istat hija saħansitra msemmija bħala wieħed mill-motivi għall-bejgħ, (67) bil-flus kontanti mħallsa f’kont miżmum minn terzi bħala kollateral f’każ li l-Kummissjoni toħroġ deċiżjoni negattiva b’irkupru li jestendi għall-HelB il-ġdida.

(248)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li t-twaqqit tal-bejgħ tan-negozju ta’ HelB u ċ-ċirkostanzi msemmija hawn fuq juru biċ-ċar li l-bejgħ tan-negozju ta’ HelB ġie interpretat b’mod li jiġu evitati l-konsegwenzi ta’ deċiżjoni negattiva potenzjali mill-Kummissjoni.

11.5.   Il-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni

(249)

Meta l-Kummissjoni tivvaluta l-kriterju tal-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni, hija tivverifika jekk l-akkwirent tal-assi jużahomx bl-istess mod bħall-bejjiegħ jew jekk, għall-kuntrarju, huwa jintegrax l-assi fl-istrateġija kummerċjali tiegħu stess u, b’hekk, jekk iwettaqx sinerġiji li jiġġustifikaw l-interess tiegħu fl-akkwist ta’ dawn l-assi (68).

(250)

Fil-każ inkwistjoni, l-akkwiżizzjoni mix-xerrej kienet tinvolvi l-assi kollha meħtieġa għat-tkomplija tan-negozju tal-HelB l-antika bħala negozju avvjat flimkien mal-impjegati kollha tal-HelB l-antika u d-drittijiet u l-obbligi relatati (ħlief għas-self għat-tagħmir tal-2002 u għas-self tal-kapital tal-2005, tal-2011 u tal-2012). Barra minn hekk, huwa ddikjarat espliċitament fil-ftehim tal-bejgħ li l-bejgħ twettaq bħala negozju avvjat.

(251)

Kif imsemmi fil-premessi (23) u (25), Viikin Linja Oy kien kompetitur ta’ Nobina AB u aġixxa fl-istess suq bħall-HelB l-antika. Wara li x-xerrej, Viikin Linja Oy, xtara n-negozju tal-HelB l-antika, huwa bidel ismu għal HelB u sar il-HelB il-ġdida, li hija parti mill-KAG. Dan jindika li n-negozju tal-HelB l-antika kien mistenni li jkompli mingħajr differenzi kbar taħt il-HelB il-ġdida, bl-istess karozzi tal-linja fuq l-istess rotot u saħansitra bl-istess kulur (69).

(252)

Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-HelB il-ġdida sempliċement tkompli n-negozju ta’ HelB l-antika u tuża l-assi tal-HelB l-antika bl-istess mod bħall-HelB l-antika.

11.6.   Konklużjoni dwar il-kontinwità ekonomika bejn il-HelB l-antika u l-HelB il-ġdida.

(253)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-unika bidla li ġab miegħu l-bejgħ tan-negozju ta’ HelB tikkonċerna l-entità ġuridika li għaliha tappartjeni l-HelB il-ġdida. In-negozju tal-HelB l-antika nbiegħ wara li l-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u nbiegħ bħala negozju avvjat, bl-impjegati, l-assi u l-kuntratti kollha jiġu ttrasferiti lill-HelB il-ġdida. Barra minn hekk, il-HelB il-ġdida tkompli n-negozju tal-HelB l-antika u tuża l-assi tal-HelB l-antika bl-istess mod bħall-HelB l-antika.

(254)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-bejgħ ta’ HelB ġie organizzat b’mod li jiġi evitat l-obbligu ta’ rkupru billi jħalli s-self għat-tagħmir tal-2002 u s-self tal-kapital tal-2005, tal-2011 u tal-2012 f’“qoxra vojta” tal-HelB l-antika mingħajr assi li jkopru dak is-self.

(255)

Fl-aħħar nett, il-prezz imħallas għan-negozju ta’ HelB ma jirriflettix b’mod preċiż il-prezz tas-suq minħabba li l-bejgħ ma kienx ġie organizzat permezz tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti u minħabba d-difetti fil-valwazzjoni ppreżentata mill-Finlandja. Anki jekk il-prezz tal-bejgħ tan-negozju ta’ HelB kien jikkorrispondi għall-prezz tas-suq (quod non), dan waħdu ma jkunx biżżejjed biex tiġi eskluża l-kontinwità ekonomika, billi l-prezz tas-suq huwa biss wieħed mill-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati (ara l-premessa (217)), filwaqt li indikaturi oħrajn jindikaw b’mod ċar il-preżenza ta’ kontinwità ekonomika bejn il-HelB l-antika u l-HelB il-ġdida.

(256)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li hemm kontinwità ekonomika bejn il-HelB l-antika, li bħalissa għandha l-isem ta’ Helsingin kaupungin Linja-autotoiminta Oy (ara l-premessa (47)), u l-HelB il-ġdida.

(257)

Bħala konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-vantaġġ mogħti mill-Finlandja lill-HelB l-antika jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli, u li l-irkupru ta’ din l-għajnuna mill-Istat inkompatibbli mogħtija lill-HelB l-antika għandu jiġi estiż għas-sid il-ġdid tan-negozju – il-HelB il-ġdida. Fil-fatt, bil-preżenza operattiva kontinwa tagħha fis-suq, il-HelB il-ġdida tkompli tibbenefika mill-għajnuna mill-Istat li rċevew l-attivitajiet ekonomiċi tal-HelB l-antika u, b’hekk, tkompli tfixkel is-suq.

12.   L-IRKUPRU

(258)

Skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qrati tal-Unjoni, il-Kummissjoni hija kompetenti biex tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jbiddel jew jabolixxi l-għajnuna meta tkun sabet li din hija inkompatibbli mas-suq intern (70). Il-Qrati tal-Unjoni sostnew ukoll b’mod konsistenti li l-obbligu ta’ Stat Membru li jabolixxi l-għajnuna meqjusa mill-Kummissjoni bħala inkompatibbli mas-suq intern huwa maħsub biex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel (71).

(259)

F’dan il-kuntest, il-Qrati tal-Unjoni stabbilixxew li dan l-objettiv jintlaħaq ladarba l-benefiċjarju jkun ħallas lura l-ammonti mogħtija permezz ta’ għajnuna illegali, biex b’hekk jitlef il-vantaġġ li kien igawdi fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq intern, u s-sitwazzjoni tkun treġġgħet lura għal kif kienet qabel tħallset l-għajnuna (72).

(260)

F’konformità mal-ġurisprudenza, l-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (73) jiddikjara li “fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna kontra l-liġi, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju.”

(261)

B’hekk, minħabba li l-miżuri inkwistjoni ġew implimentati bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE u għandhom jitqiesu bħala għajnuna illegali u inkompatibbli, dawn għandhom jiġu rkuprati sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq intern qabel l-għoti tagħhom. L-irkupru għandu jkopri ż-żmien mid-data meta l-għajnuna tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sal-irkupru effettiv. L-ammont li jrid jiġi rkuprat għandu jkollu l-imgħax sal-irkupru effettiv.

12.1.   Miżura 1 – is-self għat-tagħmir tal-2002

(262)

L-għajnuna li għandha tiġi rkuprata hija ugwali għas-somma ta’:

(1)

id-differenza bejn (a) l-imgħax dovut ikkalkolat abbażi tar-rata tal-imgħax konformi mas-suq tal-EURIBOR fuq perjodu ta’ 12-il xahar flimkien ma’ marġini ta’ 400 punt bażi (bejn l-24 ta’ Mejju 2002 u t-23 ta’ Mejju 2012) u 1 000 punt bażi (bejn l-24 ta’ Mejju 2012 u t-13 ta’ Jannar 2016) u (b) l-imgħax imħallas ikkalkolat abbażi tar-rata tal-imgħax effettiva tal-EURIBOR fuq perjodu ta’ 12-il xahar flimkien ma’ marġini ta’ 5 punti bażi; u

(2)

il-kapital pendenti tas-self mhux imħallas lura fl-ammont ta’ EUR 10,7 miljun.

(263)

B’hekk, l-għajnuna kkalkolata tammonta għal EUR 20 190 595 (ara l-Anness). Id-data tal-għoti tal-għajnuna hija: għall-komponent (1) id-data meta kien dovut l-imgħax, jiġifieri l-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena bejn l-2002 u l-2015 u t-13 ta’ Jannar 2016 (l-aħħar jum tas-self); għall-komponent (2) id-data meta ġie rrinunzjat is-self, jiġifieri t-13 ta’ Jannar 2016.

12.2.   Miżura 2 – is-self tal-kapital tal-2005

(264)

L-għajnuna li għandha tiġi rkuprata tammonta għal differenza bejn:

(1)

l-imgħax dovut ikkalkolat abbażi tar-rata tal-imgħax konformi mas-suq, jiġifieri (a) 8,08 % fuq is-“self għat-twaqqif” bejn l-1 ta’ Jannar 2005 u l-11 ta’ Diċembru 2015 u (b) 7,70 % fuq l-obbligazzjoni ta’ STA bejn it-18 ta’ April 2006 u l-11 ta’ Diċembru 2015; u

(2)

l-imgħax effettivament imħallas, jiġifieri 0.

(265)

B’hekk, l-għajnuna kkalkolata tammonta għal EUR 20 241 255 (ara l-Anness). Id-data tal-għoti tal-għajnuna hija d-data meta kien ikun dovut l-imgħax kieku s-self ingħata skont it-termini tas-suq, jiġifieri l-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena bejn l-2005 u l-2014 u l-11 ta’ Diċembru 2015 (il-jum meta s-self tal-kapital tal-2005 kien ikkonvertit f’ekwità ta’ HelB)

12.3.   Miżura 3 – is-self tal-kapital tal-2011

(266)

L-għajnuna li għandha tiġi rkuprata tammonta għall-ammont sħiħ tas-self, li huwa ta’ EUR 5,8 miljun. Id-data tal-għoti tal-għajnuna hija d-data tal-għoti tas-self, jiġifieri l-31 ta’ Jannar 2011.

12.4.   Miżura 4 – is-self tal-kapital tal-2012

(267)

L-għajnuna li għandha tiġi rkuprata tammonta għall-ammont sħiħ tas-self, li huwa ta’ EUR 8 miljun. Id-data tal-għoti tal-għajnuna hija d-data tal-għoti tas-self, jiġifieri t-23 ta’ Mejju 2012.

12.5.   Il-kontinwità ekonomika

(268)

Fid-dawl tal-kontinwità ekonomika bejn il-HelB l-antika (issa Helsingin kaupungin Linja-autotoiminta Oy) u l-HelB il-ġdida (isem sħiħ – Helsingin Bussiliikenne Oy, li qabel kienet – Viikin Linja Oy), l-obbligu li jitħallas lura l-ammont sħiħ tal-għajnuna, elenkat fit-taqsimiet 12.1 sa 12.4 ta’ hawn fuq, għandu jiġi estiż għall-HelB il-ġdida (isem sħiħ – Helsingin Bussiliikenne Oy).

12.6.   Klawżola ta’ indennizz sħiħ

(269)

Il-Kummissjoni tosserva li d-dispożizzjonijiet fil-ftehim tal-bejgħ tal-HelB l-antika u fil-ftehim tal-kont miżmum minn terzi, li jindennifikaw kompletament lill-HelB il-ġdida minn kwalunkwe talba ta’ rkupru tal-għajnuna mill-Istat (il-premessa (46)), jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ u, b’hekk, ma ġewx ivvalutati mill-Kummissjoni f’din id-deċiżjoni. Madankollu, il-Kummissjoni tfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li klawżoli bħal dawn jistgħu jikkwalifikaw bħala miżuri separati ta’ għajnuna mill-Istat per se, filwaqt li l-eżerċitar ta’ klawżoli ta’ indennizz simili jista’ jikkwalifika bħala ċirkomvenzjoni tal-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli.

(270)

Għalhekk, il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza, li fil-każ li dawn id-dispożizzjonijiet ta’ indennizz sħiħ jiġu onorati parzjalment jew kompletament fi kwalunkwe mument wara din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni jista’ jkollha tinvestiga mhux biss jekk l-eżerċizzju ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ta’ indennizz jikkostitwixxux ċirkomvenzjoni tal-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli kif instab f’din id-Deċiżjoni, iżda wkoll jekk tali klawżoli jikkostitwixxux fihom infushom miżuri separati ta’ għajnuna mill-Istat.

13.   KONKLUŻJONI

(271)

Il-Kummissjoni ssib li l-Finlandja implimentat l-għajnuna b’mod illegali taħt il-Miżuri 1, 2, 3 u 4, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(272)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna taħt il-Miżuri 1, 2, 3 u 4 hija inkompatibbli mas-suq intern u trid tiġi rkuprata mill-HelB il-ġdida (isem sħiħ – Helsingin Bussiliikenne Oy), flimkien mal-imgħax tal-irkupru.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat li tammonta għal EUR 54 231 850 mogħtija illegalment mill-Finlandja taħt il-Miżuri tal-għajnuna 1, 2, 3 u 4, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, favur Helsingin Bussiliikenne Oy, hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

1.   Il-Finlandja għandha tirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarju.

2.   Fid-dawl tal-kontinwità ekonomika bejn il-HelB l-antika (issa Helsingin kaupungin Linja-autotoiminta Oy) u l-HelB il-ġdida (isem sħiħ – Helsingin Bussiliikenne Oy, li qabel kienet – Viikin Linja Oy), l-obbligu li titħallas lura l-għajnuna għandu jiġi estiż għall-HelB il-ġdida (isem sħiħ – Helsingin Bussiliikenne Oy).

3.   Is-somom li jridu jiġu rkuprati għandu jkollhom l-imgħax mid-data li fiha jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sal-irkupru effettiv tagħhom.

4.   L-imgħax għandu jiġi kkalkolat fuq bażi komposta f’konformità mal-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 u mar-Regolament (KE) Nru 271/2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004.

Artikolu 3

1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.   Il-Finlandja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur wara d-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

1.   Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, il-Finlandja għandha tippreżenta l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a)

l-ammont totali (il-kapital u l-imgħax tal-irkupru) li għandu jiġi rkuprat mingħand il-benefiċjarju;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li jkunu diġà ttieħdu u dawk ippjanati biex tinkiseb il-konformità ma’ din id-Deċiżjoni;

(c)

dokumenti li juru li l-benefiċjarju kien ordnat iħallas lura l-għajnuna.

2.   Il-Finlandja għandha żżomm lill-Kummissjoni informata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda biex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm jitlesta l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1. Hija għandha tippreżenta minnufih, fuq talba sempliċi mill-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu diġà ttieħdu u dawk ippjanati biex tinkiseb il-konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti tal-għajnuna u l-imgħax tal-irkupru diġà rkuprati mingħand il-benefiċjarju.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Finlandja.

Il-Kummissjoni tista’ tippubblika l-ammonti tal-għajnuna u l-imgħax tal-irkupru rkuprati b’applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ġunju 2019.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2015) 80 finali tas-16 ta’ Jannar 2015 (ĠU 2015/C 116/2015, 10.4.2015, p. 22).

(2)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 1.

(3)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 1.

(4)  Għad-dettalji tat-tranżazzjoni ara l-premessi (45) sa (49).

(5)  It-traffiku reġjonali tal-karozzi tal-linja kien miftuħ għall-kompetizzjoni għall-ewwel darba fir-reġjun ta’ Ħelsinki (inklużi Espoo u Vantaa) fl-1994. Is-suq tat-trasport lokali bil-karozzi tal-linja jinkludi biss lil Ħelsinki u mhux lil Espoo u Vantaa.

(6)  Dak iż-żmien, HelB kienet diġà biddlet isimha għal Helsingin kaupungin Linja – autotoiminta Oy (ara l-premessa (47)).

(7)  F’konformità mal-klawżola 3.4 tal-att tal-bejgħ ta’ HelB tal-2015.09.21, jekk matul is-snin 2016-2020 l-EBITDA ta’ HelB il-ġdida għall-ħames perjodi ta’ kontabbiltà komparabbli b’tul ta’ 12-il xahar jaqbeż is-somma ta’ EUR 4 200 000 (għal kull perjodu ta’ kontabbiltà), imbagħad għal dawk il-perjodi ta’ kontabbiltà, ix-xerrej ikun obbligat li jħallas prezz tal-bejgħ addizzjonali. Il-prezz tal-bejgħ addizzjonali se jkun ugwali għal 50 % tal-ammont li bih l-EBITDA jaqbeż is-somma ta’ EUR 4 200 000 imsemmija qabel.

(8)  Ħlief għall-imgħax fuq is-self tal-kapital, minħabba li, f’konformità mal-kundizzjonijiet tal-ftehimiet tas-self tal-kapital, ma kien dovut l-ebda imgħax minħabba li l-HelB l-antika kienet qed tagħmel it-telf.

(9)  Il-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà (ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2).

(10)  Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ April 2010, is-servizzi tal-Kummissjoni kkomunikaw lill-Finlandja l-opinjoni preliminari tagħha dwar il-kawża SA.30679 (E 2/2010) L-għajnuna lill-aġenziji li huma proprjetà tal-muniċipalitajiet fil-Finlandja li ssib li l-għajnuna inkwistjoni tista’ ma tibqax kompatibbli u titlob lill-Finlandja temenda l-leġiżlazzjoni sottostanti sabiex l-aġenziji li huma proprjetà tal-muniċipalitajiet involuti f’attività ekonomika ma jibqgħux jibbenefikaw minn din l-għajnuna. Il-Finlandja emendat il-leġiżlazzjoni tagħha; wara dawn l-emendi, permezz ta’ ittra tal-1 ta’ April 2014, il-Kummissjoni għalqet il-każ.

(11)  Il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1).

(12)  Il-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ ditti f’diffikultà (ĠU C 288, 9.10.1999, p. 2).

(13)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov u Oħrajn, il-Kawżi Magħquda C-180/98 sa C-184/98, ECLI:EU:C:2000:428, il-paragrafu 74; is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze SpA u Oħrajn, C-222/04, ECLI:EU: C:2006:8, il-paragrafu 107.

(14)  Il-Finlandja ma pprovdietx informazzjoni aktar dettaljata f’dan ir-rigward. Ċentru tal-profitt normalment ikun parti minn organizzazzjoni li l-prestazzjoni finanzjarja tagħha titkejjel separatament minn partijiet oħrajn. Is-sistema ta’ kontabbiltà tal-ġestjoni hija stabbilita b’tali mod li d-dħul u l-ispejjeż ikunu jistgħu jiġu allokati b’mod xieraq lil ċentru ta’ profitt. Dan mhux bilfors ifisser li ċentru ta’ profitt iħejji r-rapporti finanzjarji statutorji tiegħu stess.

(15)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI u Oħrajn, C-39/94, ECLI:EU:C:1996:285, il-paragrafi 60 u 61.

(16)  Ara, pereżempju, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju v Il-Kummissjoni (“Tubemeuse”), C-142/87, ECLI:EU: C:1990:125, il-paragrafu 29. Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1991, L-Italja v Il-Kummissjoni (“ALFA Romeo”), C-305/89, ECLI:EU: C:1991:142, il-paragrafi 18 u 19; Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 1998, Cityflyer Express v Il-Kummissjoni, T-16/96, ECLI:EU: C:1998:78, il-paragrafu 51; Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Jannar 1999, Neue Maxhütte Stahlwerke u Lech-Stahlwerke v Il-Kummissjoni, il-Kawżi Magħquda T-129/95, T-2/96 u T-97/96, ECLI:EU:T:1999:7, il-paragrafu 104; Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen v Il-Kummissjoni, il-Kawżi Magħquda T-228/99 u T-233/99, ECLI:EU: T:2003:57.

(17)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja v il-Kummissjoni, C-525/04 P, ECLI:EU:C:2007:698; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona v Il-Kummissjoni, C-73/11 P, ECLI:EU:C:2013:32; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 1999, DMTransport, C-256/97, ECLI:EU:C:1999:332.

(18)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni v EDF, C-124/10 P, ECLI:EU:C:2012:318, il-paragrafi 82 sa 85 u 105.

(19)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni v EDF, C-124/10 P, ECLI:EU:C:2012:318, il-paragrafi 82 sa 85. Ara wkoll is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland v Il-Kummissjoni, il-Kawżi Magħquda C-214/12 P, C-215/12 P u C-223/12 P, ECLI:UE:C:2013:682, il-paragrafu 61.

(20)  Ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/788 tal-1 ta’ Ottubru 2014 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.32833 (2011/C) (ex 2011/NN) implimentata mill-Ġermanja fir-rigward tal-arranġamenti ta’ finanzjament għall-ajruport ta’ Frankfurt Hahn imdaħħla fis-seħħ fl-2009 sal-2011 (ĠU L 134, 24.5.2016, p. 1), il-premessa 117.

(21)  Avviż tal-Kummissjoni dwar il-metodu għad-determinazzjoni tar-rati ta’ referenza u ta’ skont (ĠU C 273, 9.9.1997, p. 3).

(22)  Proposta tal-Bord tal-Belt 13/2004 tal-1 ta’ Settembru 2004.

(23)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6).

(24)  B’mod aktar preċiż, Helsingin kaupungin Linja-autotoiminta Oy, li huwa l-isem attwali ta’ HelB, inbidlet wara li n-negozju ta’ HelB inbiegħ lil Viikin Linja Oy fil-15 ta’ Diċembru 2015.

(25)  Is-Sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2000, Alzetta Mauro, T-298/97, T-312/97, T-313/97, T-315/97, T-600/97 sa 607/97, T-1/98, T-3/98 sa T-6/98 u T-23/98, ECLI: EU:T:2000:151, il-paragrafi 141 sa 147.

(26)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungsprasidium Magdeburg, C-280/00, ECLI:EU:C:2003:415.

(27)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Settembru 1980, Philip Morris, 730/79, EU:C:1980:209, il-paragrafu 11. Ara wkoll is-sentenza f’Alzetta Mauro (in-nota f’qiegħ il-paġna 25), EU:T:2000:151, il-paragrafu 80.

(28)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Jannar 2018 fil-kawża SA.43127 Ir-Ristrutturar tal-Linji Ferrovjarji Reġjonali Pollakki, ĠU C 158, 4.5.2018, p. 10, il-premessi 65-67.

(29)  Proposta tal-Bord tal-Belt 13/2004 tal-1 ta’ Settembru 2004.

(30)  Ara s-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen v Il-Kummissjoni, il-Kawżi Magħquda T-228/99 u T-233/99, ECLI:EU:T:2003:57, il-paragrafu 251.

(31)  L-imgħax dovut jiġi kkalkolat abbażi tal-kapital pendenti b’imgħax kapitalizzat, minħabba li, skont it-termini tas-self, l-imgħax mhux imħallas kellu jiġi kapitalizzat (ara l-premessa (31)).

(32)  Skont il-ftehim tas-self, l-imgħax kellu jitħallas jekk f’sena finanzjarja partikolari l-kumpanija ġġenerat profitt suffiċjenti. Is-sena finanzjarja ta’ HelB ikkoinċidiet mas-sena kalendarja. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis illi kieku s-self kien ingħata skont it-termini tas-suq (jiġifieri bir-rata tal-imgħax konformi mas-suq pagabbli, irrispettivament mill-prestazzjoni finanzjarja ta’ HelB), l-imgħax kien ikun dovut fil-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena matul il-perjodu tas-self u fil-11 ta’ Diċembru 2015, jiġifieri l-jum meta s-self ġie kkonvertit f’ekwità ta’ HelB.

(33)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/716/KE tat-2 ta’ April 2008 dwar l-għajnuna mill-Istat C 38/07 (ex NN 45/07) implimentata minn Franza favur Arbel Fauvet Rail SA (ĠU L 238, 5.9.2008, p. 27) sostitwita mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1321 tat-23 ta’ Ġunju 2010 dwar l-għajnuna mill-Istat C 38/2007 (ex NN 45/2007) implimentata minn Franza favur Arbel Fauvet Rail SA (ĠU L 203, 31.7.2015, p. 31).

(34)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Marzu 2010, il-Kawżi Magħquda T-102/07 u T-120/07 Freistaat Sachsen u Oħrajn vs Il-Kummissjoni, EU:T:2010:62, il-paragrafu 106.

(35)  Kif irriżulta aktar tard, HelB irreġistrat żieda fl-ekwità negattiva: EUR -3,3 miljun fl-2009, EUR -6,6 miljun fl-2010, EUR -12,7 miljun fl-2011, EUR -14,6 miljun fl-2012, EUR -15,9 miljun fl-2013 u EUR -22,9 miljun fl-2014.

(36)  Ara s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ April 2014, ING Groep NV, C-224/12 P, ECLI:EU:C:2014:213, il-paragrafi 29 sa 37.

(37)  L-assi netti ta’ HKL Bussiliikenne naqsu minn EUR 9 miljun fl-1999 għal EUR 3,6 miljun fl-2004 u l-assi netti ta’ HelB naqsu minn EUR 9,7 miljun fl-2005 għal EUR -6,6 miljun fl-2010.

(38)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 23.

(39)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C-124/10 P, ECLI:EU:C:2012:318, il-paragrafi 83, 84 u 85 u 105; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza v Il-Kummissjoni (Stardust), C-482/99, ECLI:EU:C:2002:294, il-paragrafi 71 u 72; Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 1998, Cityflyer Express v Il-Kummissjoni; T-16/96, ECLI:EU:T:1998:78, il-paragrafu 76; Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ġunju 2015, Servizi assicurativi del commercio estero SpA (SACE) u Sace BT SpA v il-Kummissjoni, T-305/13, ECLI:EU:T:2015:435, il-paragrafu 183, ikkonfermata bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Novembru 2017, C-472/15 P, ECLI:EU:C:2017:885, il-paragrafi 108 u 109.

(40)  B’mod partikolari, il-kampjun jinkludi tmien selfiet ikklassifikati bħala BB-/Ba3 (jiġifieri ogħla) u żewġ selfiet biss ikklassifikati bħala CCC+/Caa1 (jiġifieri aktar baxxi), li jnaqqas ir-rata tal-imgħax medjana tal-grupp ta’ referenza.

(41)  Il-Kawża T-423/14, Larko Geniki Metalleftiki kai Metallourgiki AE v Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2018:57, il-paragrafu 193 u l-ġurisprudenza ċċitata.

(42)  Is-somma tat-telf akkumulat u tas-self tal-kapital.

(43)  L-assi netti ta’ HKL Bussiliikenne naqsu minn EUR 9 miljun fl-1999 għal EUR 3,6 miljun fl-2004 u l-assi netti ta’ HelB naqsu minn EUR 9,7 miljun fl-2005 għal EUR -12,7 miljun fl-2011.

(44)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 23.

(45)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ April 1993, L-Italja v Il-Kummissjoni, C-364/90, ECLI:EU:C:1993:157, il-paragrafu 20.

(46)  Ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69 tas-26 ta’ Ġunju 1969 dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni, ĠU L 156, 28.6.1969, p. 1; ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70, ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1.

(47)  Ara s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ottubru 1978, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 156/77, ECLI:EU:C:1978:180, il-paragrafu 10.

(48)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni -Qafas temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (ĠU C 16 tat-22.1.2009, p. 1), kif emendat fil-25 ta’ Frar 2009 (ĠU C 83, 7.4.2009, p. 1), fit-28 ta’ Ottubru 2009 (ĠU C 261, 31.10.2009,) u fit-8 ta’ Diċembru 2009 (ĠU C 303, 15.12.2009, p. 6). Il-Qafas Temporanju, oriġinarjament applikabbli sal-aħħar tal-2010, sussegwentement kien imtawwal u finalment skada fil-31 ta’ Diċembru 2011 (ĠU C 6, 11.1.2011, p. 5).

(49)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 12.

(50)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 9.

(51)  Ara s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1973, Il-Kummissjoni v Il-Ġermanja, 70/72, ECLI:EU:C:1973:87, il-paragrafu 13.

(52)  Ara s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-75/97, ECLI:EU:C:1999:311, il-paragrafi 64 u 65.

(53)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Marzu 2012, Ryanair v Il-Kummissjoni; T-123/09, ECLI:EU:T:2012:164, il-paragrafu 155.

(54)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Mejju 2003, L-Italja u SIM 2 Multimedia v Il-Kummissjoni, il-Kawżi Magħquda C-328/99 u C-399/00, ECLI:EU:C:2003:252

(55)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Settembru 2008 fil-kawżi N 321/2008, N 322/2008 u N 323/2008 implimentati mill-Greċja – Vente de certains actifs d’Olympic Airlines/Olympic Airways Services, ĠU C 18, 23.1.2010, p. 9; Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Novembru 2008 fil-kawża N 510/2008 implimentata mill-Italja – Il-bejgħ tal-assi ta’ Alitalia, ĠU C 46, 25.2.2009, p. 6; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ April 2012 f’SA.34547 implimentata minn Franza – Reprise de actifs du groupe SERNAM dans le garde de son redressement judiciaire, ĠU C 305, 10.10.2012, p. 10.

(56)  Dan is-sett ta’ indikaturi kien ikkonfermat għall-ewwel darba mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tat-28 ta’ Marzu 2012, Ryanair v Il-Kummissjoni (Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Marzu 2012, Ryanair v Il-Kummissjoni, T-123/09, ECLI:EU:T:2012:164, il-punt 155), li kkonfermat id-deċiżjoni ta’ Alitalia.

(57)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1826 tal-15 ta’ Ottubru 2014 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.33797 — (2013/C) (ex 2013/NN) (ex 2011/CP) implimentata mis-Slovakkja favur NCHZ (ĠU L 269, 15.10.2015, p. 71), il-paragrafu 149.

(58)  L-impjegati ma ngħatawx is-sensja u mbagħad reġgħu ġew impjegati mill-HelB il-ġdida, minflok, il-kuntratti tax-xogħol tagħhom sempliċiment ġew ittrasferiti lill-HelB il-ġdida f’konformità mal-klawżola 2.6 tal-att tal-bejgħ.

(59)  Il-Belt eżentat lill-HelB l-antika mill-obbligu li tħallas lura s-self għat-tagħmir tal-2002 fit-13 ta’ Jannar 2016 u s-self tal-kapital ġie kkonvertit f’kapital tal-HelB l-antika fil-11 ta’ Diċembru 2015, jiġifieri ftit jiem qabel il-bejgħ tan-negozju tagħha.

(60)  Il-Finlandja tafferma li l-memorandum ta’ investiment dwar in-negozju ta’ HelB tqassam lil 9 kumpaniji, inklużi l-ilmentaturi.

(61)  Il-Proġett Viima, memorandum ta’ spjegazzjoni dwar il-prezz tal-bejgħ tal-21.9.2015, ippreżentat bħala l-anness IX25 tat-tweġiba tat-23.6.2016 mill-Finlandja.

(62)  EUR 19,6 miljun jekk jintużaw il-multipli tal-kumpaniji elenkati.

(63)  EUR 20,6 miljun jekk jintużaw il-multipli tal-kumpaniji elenkati.

(64)  Sottomissjoni mill-Finlandja tat-13 ta’ Jannar 2017.

(65)  Sottomissjoni mill-Finlandja tat-13 ta’ Jannar 2017.

(66)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1587 tas-7 ta’ Mejju 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.35546 (2013/C) (ex 2012/NN) implimentata mill-Portugall għal Estaleiros Navais de Viana do Castelo S.A. (ĠU L 250, 25.9.2015, p. 208), il-paragrafu 165 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/97/KE tal-14 ta’ Settembru 2005 dwar il-miżura ta’ għajnuna mill-Istat, C 11/04 (ex NN 4/03) — Olympic Airways — Ristrutturar u privatizzazzjoni (ĠU L 45, 18.2.2011, p. 1), il-paragrafi 178-183.

(67)  Il-Proġett Viima, memorandum ta’ spjegazzjoni dwar il-prezz tal-bejgħ tal-21.9.2015.

(68)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1826 tal-15 ta’ Ottubru 2014 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.33797 — (2013/C) (ex 2013/NN) (ex 2011/CP) implimentata mis-Slovakkja favur NCHZ (ĠU L 269, 15.10.2015, p. 71), il-paragrafu 163.

(69)  http://svenska.yle.fi/artikel/2015/10/21/helsingforsfullmaktige-godkande-forsaljning-av-bussbolag, ikkonsultat l-aħħar fit-12.10.2017

(70)  Is-Sentenza tat-12 ta’ Lulju 1973, Il-Kummissjoni v Il-Ġermanja, C-70/72, ECLI:EU:C:1973:87, il-paragrafu 13.

(71)  Is-Sentenza tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju v Il-Kummissjoni, C-142/87, ECLI:EU:C:1990:125, il-paragrafu 66.

(72)  Is-Sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju v Il-Kummissjoni, C-75/97, ECLI:EU:C:1999:311, il-paragrafi 64 u 65.

(73)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9-29.


ANNESS

Kalkolu tal-ammont ta’ għajnuna fil-Miżuri 1 u 2

Miżura 1 (is-self għat-tagħmir tal-2002)

 

Kapital pendenti

Differenza fir-rata tal-imgħax

Ammont tal-għajnuna

24.5.2002

13 000 000

3,95%

136 933

31.8.2002

14 000 000

3,95%

44 547

30.9.2002

14 500 000

3,95%

143 188

31.12.2003

14 500 000

3,95%

572 750

31.12.2004

14 500 000

3,95%

572 750

31.12.2005

14 500 000

3,95%

572 750

31.12.2006

14 500 000

3,95%

572 750

31.12.2007

14 500 000

3,95%

572 750

31.12.2008

14 300 000

3,95%

564 850

31.12.2009

13 700 000

3,95%

541 150

31.12.2010

13 100 000

3,95%

517 450

31.12.2011

12 500 000

3,95%

493 750

23.5.2012

11 900 000

3,95%

185 409

24.5.2012

11 900 000

9.95%

710 430

31.12.2013

11 300 000

9.95%

1 124 350

31.12.2014

10 700 000

9.95%

1 064 650

31.12.2015

10 700 000

9.95%

1 064 650

13.1.2006

10 700 000

9.95%

35 488

Għajnuna fl-imgħax

 

 

9 490 595

Għajnuna fil-kapital irrinunzjat

 

 

10 700 000

Għajnuna totali

 

 

20 190 595

 

 

 

 


Miżura 2 (is-self kapitali tal-2005)

 

Kapital pendenti (bl-imgħax kapitalizzati)

Differenza fir-rata tal-imgħax

Ammont tal-għajnuna

(i) is-self “għat-twaqqif”

31.12.2005

12 255 223,50

8.08%

990 222

31.12.2006

13 245 445,56

8,08%

1 070 232

31.12.2007

14 315 677,56

8,08%

1 156 707

31.12.2008

15 472 384,31

8,08%

1 250 169

31.12.2009

16 722 552,96

8,08%

1 351 182

31.12.2010

18 073 735,24

8,08%

1 460 358

31.12.2011

19 534 093,05

8,08%

1 578 355

31.12.2012

21 112 447,76

8,08%

1 705 886

31.12.2013

22 818 333,54

8,08%

1 843 721

31.12.2014

24 662 054,89

8,08%

1 992 694

11.12.2015

26 654 748,93

8,08%

2 034 054

Subtotal ta’ self “għat-twaqqif”

 

 

16 433 579

(ii) obbligazzjoni ta’ STA

18.4.2006

3 638 476,87

7,70%

196 114

2007

3 834 590,77

7,70%

295 263

2008

4 129 854,26

7,70%

317 999

2009

4 447 853,04

7,70%

342 485

2010

4 790 337,73

7,70%

368 856

2011

5 159 193,73

7,70%

397 258

2012

5 556 451,65

7,70%

427 847

2013

5 984 298,42

7,70%

460 791

2014

6 445 089,40

7,70%

496 272

11.12.2015

6 941 361,29

7,70%

504 791

Subtotal ta’ obbligazzjoni ta’ STA

 

 

3 807 676

 

 

 

 

Għajnuna totali

 

 

20 241 255


Top