Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1793

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1793 tas-16 ta’ Novembru 2020 li temenda l-perijodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 940/2014 dwar id-dazju tal-baħar fir-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi

ĠU L 402, 1.12.2020, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1793/oj

1.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 402/21


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1793

tas-16 ta’ Novembru 2020

li temenda l-perijodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 940/2014 dwar id-dazju tal-baħar fir-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 349 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 940/2014/UE (2) tawtorizza lill-awtoritajiet Franċiżi japplikaw eżenzjonijiet jew tnaqqis tad-dazju tal-baħar fir-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi għall-prodotti elenkati fl-Anness għal dik id-Deċiżjoni li huma manifatturati lokalment f'dawk ir-reġjuni ultraperiferiċi. Id-differenzjal massimu awtorizzat hu ta’ 10, 20 jew 30 punt perċentwali, skont xi jkunu l-prodotti u d-dipartimenti extra-Ewropej ikkonċernati. Id-Deċiżjoni Nru 940/2014/UE tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2020.

(2)

Franza tqis li l-iżvantaġġi kompetittivi li jġarrbu r-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi jippersistu u bagħtet talba lill-Kummissjoni fejn talbet li tinżamm sistema ta’ tassazzjoni differenzjata simili għas-sistema attwali wara l-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta' Diċembru 2027.

(3)

Madankollu, l-eżami tal-listi tal-prodotti li għalihom Franza tixtieq tapplika tassazzjoni differenzjata hu proċess twil li jeħtieġ il-verifika tar-raġunijiet għat-tassazzjoni differenzjata u għall-proporzjonalità tat-taxxa għal kull prodott, sabiex jiġi żgurat li t-tassazzjoni differenzjata ma tkunx xkiel għall-integrità u għall-koerenza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, inkluż l-integrità u l-koerenza tas-suq intern u l-politiki komuni.

(4)

Il-kriżi minħabba l-pandemija tal-COVID-19 ħolqot dewmien kbir fil-ħidma tal-awtoritajiet Franċiżi biex tinġabar l-informazzjoni kollha neċessarja għal dik il-verifika. B’konsegwenza ta’ dan, sa issa dik il-ħidma għadha ma tlestietx.

(5)

In-nuqqas tal-adozzjoni ta’ proposta qabel l-1 ta’ Jannar 2021 jista’ joħloq lakuna ġuridika peress li tiġi pprojbita l-applikazzjoni ta’ kull tassazzjoni differenzjata fir-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi wara l-1 ta’ Jannar 2021.

(6)

Għalhekk huwa meħtieġ perijodu ulterjuri ta’ sitt xhur biex titlesta l-ħidma ta' verifika li għaddejja bħalissa u biex il-Kummissjoni tingħata biżżejjed żmien biex tippreżenta proposta bbilanċjata li tikkunsidra l-interessi varji kkonċernati.

(7)

Għalhekk, id-Deċiżjoni Nru 940/2014/UE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Nru 940/2014/UE, id-data “il-31 ta’ Diċembru 2020” għandha tiġi sostitwita bid-data “it-30 ta’ Ġunju 2021”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Opinjoni tas-6 ta' Ottubru 2020 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 940/2014/UE tas-17 ta’ Diċembru 2014 dwar id-dazju tal-baħar fir-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi (ĠU L 367, 23.12.2014, p. 1).


Top