Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1787

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1787 tat-23 ta’ Novembru 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE, fir-rigward tal-emendar tad-Deċiżjoni Nru 3/2019 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE biex jiġu adottati miżuri tranżizzjonali skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE

ĠU L 403, 1.12.2020, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1787/oj

1.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 403/8


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1787

tat-23 ta’ Novembru 2020

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE, fir-rigward tal-emendar tad-Deċiżjoni Nru 3/2019 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE biex jiġu adottati miżuri tranżizzjonali skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-Membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE”) kien ġie ffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2003. Taħt id-Deċiżjoni Nru 3/2019 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE (2) (id-“deċiżjoni dwar miżuri tranżizzjonali”), huwa għandu jiġi applikat sal-31 ta’ Diċembru 2020.

(2)

F’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, ġew varati, f’Settembru 2018, negozjati għal Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE ġdid (il-“Ftehim il-ġdid”). Peress li l-Ftehim il-ġdid mhux se jkun lest biex jiġi applikat sal-31 ta’ Diċembru 2020, id-data meta jiskadi l-qafas legali kurrenti, minħabba, fost affarijiet oħrajn, dewmien ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19, jeħtieġ li tiġi emendata d-deċiżjoni dwar miżuri tranżizzjonali biex tkompli tiġi estiża l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE sat-30 ta’ Novembru 2021.

(3)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE jipprevedi li l-Kunsill tal-Ministri AKP-UE għandu jadotta kwalunkwe miżura tranżizzjonali li tista’ tkun meħtieġa sa meta l-Ftehim il-ġdid jidħol fis-seħħ.

(4)

Taħt l-Artikolu 15(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, fit-23 ta’ Mejju 2019 il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE ddelega s-setgħat ta’ adozzjoni ta’ miżuri tranżizzjonali lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE (3). Għalhekk huwa l-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE li għandu jemenda l-miżuri tranżizzjonali taħt l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE.

(5)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE, peress li l-att previst jorbot lill-Unjoni.

(6)

Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE se jibqgħu jiġu applikati sabiex tinżamm il-kontinwità fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati AKP, min-naħa l-oħra. Għaldaqstant, il-miżuri tranżizzjonali emendati mhumiex intiżi bħala emendi magħmulin lill-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE kif previst fl-Artikolu 95(3) tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE, taħt l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, hija li tiġi emendata d-Deċiżjoni Nru 3/2019 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE sabiex tiġi estiża l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE sat-30 ta’ Novembru 2021, jew sad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim il-ġdid, jew sa meta tibda l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim il-ġdid bejn l-Unjoni u l-Istati AKP, skont liema data taħbat l-ewwel.

Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE għandhom jiġu applikati f’konformità mal-mira u l-għan tal-Artikolu 95(4) tiegħu.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)   ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3. Il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE kien ġie emendat mill-Ftehim iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27) u mill-Ftehim iffirmat f’Ouagadougou fit-22 ta’ Ġunju 2010 (ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3).

(2)  Id-Deċiżjoni Nru 3/2019 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE tas-17 ta’ Diċembru 2019 li tadotta miżuri tranżizzjonali skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE (ĠU L 1, 3.1.2020, p. 3).

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2019 tal-Kunsill tal-Ministri AKP-UE tat-23 ta’ Mejju 2019 dwar id-delega tas-setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE dwar id-deċiżjoni li jiġu adottati miżuri tranżizzjonali skont l-Artikolu 95(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE (ĠU L 146, 5.6.2019, p. 114).


Top