Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1786

Deċiżjoni tal-KunsilL (UE) 2020/1786 tas-27 ta’ Novembru 2020 dwar il-konklużjoni tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Senegal

ĠU L 403, 1.12.2020, p. 5–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1786/oj

1.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 403/5


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1786

tas-27 ta’ Novembru 2020

dwar il-konklużjoni tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Senegal

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v), u mal-Artikolu 218(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1925 (2), il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Senegal (“il-Protokoll”) ġie ffirmat fit-18 ta’ Novembru 2019.

(2)

L-għan tal-Protokoll huwa li jippermetti lill-Unjoni u lir-Repubblika tas-Senegal (“is-Senegal”) jaħdmu aktar mill-qrib bejniethom biex jippromwovu politika tas-sajd sostenibbli u l-użu responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet tas-Senegal u li jippermettilhom jappoġġaw l-isforzi tas-Senegal biex jiżviluppaw is-settur tas-sajd tagħhom.

(3)

Jenħtieġ li l-Protokoll jiġi approvat f’isem l-Unjoni.

(4)

L-Artikolu 7 tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt inkarigat mill-kontroll tal-applikazzjoni tal-Ftehim. Barra minn hekk, il-Kumitat Konġunt jista’ jadotta ċerti emendi għall-Protokoll. Sabiex tiġi ffaċilitata l-approvazzjoni ta’ dawn l-emendi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa tapprovahom f’isem l-Unjoni bi proċedura ssimplifikata, b’ċerti kondizzjonijiet sostantivi u proċedurali.

(5)

Jenħtieġ li l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar l-emendi previsti għall-Protokoll. Jenħtieġ li l-emendi proposti jiġu approvati sakemm minoranza ta’ Stati Membri li timblokka ma toġġezzjonax għalihom skont l-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Senegal huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni (3).

Artikolu 2

Skont il-proċedura stabbilita fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha s-setgħa tapprova, f’isem l-Unjoni, l-emendi għall-Protokoll li l-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 7 tal-Ftehimgħandu jadotta.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill għandu jipproċedi, f’isem l-Unjoni, għan-notifika prevista fl-Artikolu 17 tal-Protokoll.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Kunsens tal-11 ta’ Novembru 2020 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1925 tal-14 ta’ Novembru 2019 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-sajd sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Senegal (ĠU L 299, 20.11.2019, p. 11).

(3)  It-test tal-Protokoll ġie ppubblikat fil-ĠU L 299, tal-20 ta’ Novembru 2019 flimkien mad-deċiżjoni dwar l-iffirmar tiegħu.


ANNESS

PROĊEDURA BIEX JIĠU APPROVATI L-EMENDI TAL-PROTOKOLL LI L-KUMITAT KONĠUNT GĦANDU JADOTTA

Meta l-Kumitat Konġunt jintalab jadotta emendi tal-Protokoll skont l-Artikoli 8 u 10 tiegħu, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tapprova l-emendi proposti f’isem l-Unjoni bil-kundizzjonijiet li ġejjin

(1)

Il-Kummisjoni għandha tiżgura li l-approvazzjoni f’isem l-Unjoni:

(a)

tkun konformi mal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd;

(b)

tkun kompatibbli mar-regoli rilevanti adottati mill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd u tkun tqis il-ġestjoni konġunta min-naħa tal-Istati kostali;

(c)

tkun tqis l-aħħar informazzjoni statistika, bijoloġika u ta’ tip ieħor rilevanti mibgħuta lill-Kummissjoni.

(2)

Qabel ma tapprova l-emendi proposti f’isem l-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħathom lill-Kunsill biżżejjed żmien qabel il-laqgħa rilevanti tal-Kumitat Konġunt.

(3)

Il-Kunsill għandu jevalwa l-konformità tal-emendi proposti mal-kriterji ddefiniti fil-punt 1 ta’ dan l-Anness.

(4)

Il-Kummissjoni għandha tapprova l-emendi proposti f’isem l-Unjoni, sakemm għadd ta’ Stati Membri li jkun daqs minoranza li timblokka lill-Kunsill, skont l-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ma joġġezzjonax għalihom. F’każ li jkun hemm it-tali minoranza li timblokka, il-Kummissjoni għandha tirrifjuta l-emendi proposti f’isem l-Unjoni.

(5)

Jekk, matul laqgħat ulterjuri tal-Kumitat Konġunt, inkluż dawk fuq il-post, ma jkunx jista’ jintlaħaq qbil, il-kwistjoni għandha terġa’ tintbagħat lill-Kunsill skont il-proċedura prevista fil-punti 2 sa 4, sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tkun tista’ tqis elementi ġodda.

(6)

Il-Kummissjoni hija mistiedna tieħu l-miżuri kollha meħtieġa fiż-żmien dovut biex tiżgura s-segwitu tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, inkluż, meta dan ikun xieraq, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni rilevanti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-komunikazzjoni ta’ kull proposta meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni.

(7)

Fir-rigward ta’ kwistjonijiet oħrajn li ma jirrigwardawx emendi tal-Protokoll skont l-Artikoli 8 u 10 tiegħu, il-pożizzjoni li l-Unjoni għandha tieħu fil-Kumitat Konġunt għandha tiġi stabbilita skont it-Trattati u skont il-prattiki ta’ ħidma stabbiliti.


Top