EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1674

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1674 tad-29 ta’ Ottubru 2020 li tawtorizza lill-Iżvezja tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku fornut direttament lill-bastimenti rmiġġati f’port, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

OJ L 378, 12.11.2020, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/1674/oj

12.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 378/3


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1674

tad-29 ta’ Ottubru 2020

li tawtorizza lill-Iżvezja tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku fornut direttament lill-bastimenti rmiġġati f’port, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/725/UE (2), l-Iżvezja ġiet awtorizzata tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku fornut direttament lill-bastimenti rmiġġati f’port (“elettriku mix-xatt”) f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE sal-25 ta’ Ġunju 2020.

(2)

Permezz tal-ittra tal-15 ta’ Awwissu 2019, l-Iżvezja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika rata mnaqqsa ta’ tasaazzjoni fuq l-elettriku mix-xatt skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE. L-awtoritajiet Żvediżi pprovdew informazzjoni addizzjonali permezz ta’ ittra datata l-1 ta’ April 2020.

(3)

Bir-rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni li beħsiebha tapplika, l-Iżvezja għandha l-għan li tkompli tippromwovi l-użu tal-elettriku mix-xatt. L-użu ta’ dan l-elettriku jitqies bħala mezz li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-elettriku tal-bastimenti li jkunu rmiġġati f’port meta mqabbel mal-ħruq tal-karburanti minn dawk il-bastimenti.

(4)

Dment li l-użu tal-elettriku mix-xatt jevita l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja li joriġinaw mill-ħruq tal-karburanti tal-bastimenti mill-bastimenti irmiġġati f’port, dan itejjeb il-kwalità tal-arja lokali fl-ibliet portwali u jnaqqas l-istorbju. Għalhekk, il-miżura mistennija li tikkontribwixxi għall-objettivi tal-politika ambjentali, tas-saħħa u tal-klima tal-Unjoni.

(5)

Li jingħata permess lill-Iżvezja biex tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku mix-xatt ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jiżdied l-użu ta’ tali elettriku, peress li fil-maġġoranza tal-każijiet, l-iġġenerar tal-elettriku abbord ser jibqa’ l-alternattiva l-aktar kompetittiva. Għall-istess raġuni, u minħabba li bħalissa l-penetrazzjoni tat-teknoloġija rilevanti fis-suq hija relattivament baxxa, l-applikazzjoni ta’ dik ir-rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni mhijiex probabbli li twassal għal distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni matul il-ħajja tagħha u għalhekk mhux ser ikollha effett negattiv fuq il-funzjonament xieraq tas-suq intern.

(6)

F’konformità mal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, kull awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 19(1) ta’ dik id-Direttiva jrid ikun għal żmien strettament limitat. Sabiex jiġi żgurat li l-perjodu tal-awtorizzazzjoni jkun twil biżżejjed sabiex l-operaturi ekonomiċi rilevanti ma jiġux skoraġġuti milli jagħmlu l-investimenti meħtieġa, huwa xieraq li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata sal-31 ta’ Diċembru 2023. Madankollu, jenħtieġ li dik l-awtorizzazzjoni tieqaf tapplika mid-data tal-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ġenerali dwar vantaġġi tat-taxxa għall-elettriku mix-xatt adottata mill-Kunsill skont l-Artikolu 113 jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jekk tali dispożizzjonijiet isiru applikabbli qabel il-31 ta’ Diċembru 2023.

(7)

Sabiex tingħata ċertezza legali lill-operaturi tal-portijiet u tal-vapuri u sabiex tiġi evitata żieda potenzjali fil-piż amministrattiv għad-distributuri u għar-ridistributuri tal-elettriku, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-Iżvezja tkun tista’ tkompli tapplika r-rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni għall-elettriku mix-xatt. Għalhekk jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata b’effett mis-26 ta’ Ġunju 2020, sabiex l-arranġamenti preċedenti skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/725/UE jkomplu mingħajr waqfien.

(8)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Iżvezja hija awtorizzata tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku fornut direttament lill-bastimenti, għajr dgħajjes għall-użu privat jew għal divertiment, irmiġġati f’port (“elettriku mix-xatt”), dment li jitħarsu l-livelli minimi ta’ tassazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mis-26 ta’ Ġunju 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2023.

Madankollu, jekk il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq il-bażi tal-Artikolu 113 jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra rilevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jadotta xi dispożizzjoni ġenerali dwar il-vantaġġi tat-taxxa għall-elettriku mix-xatt, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika mill-jum li fih isiru applikabbli dawk id-dispożizzjonijiet ġenerali.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Iżvezja.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/725/UE tal-14 ta’ Ottubru 2014 li tawtorizza lill-Isvezja tapplika rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq l-elettriku fornut direttament lill-bastimenti rmiġġati f’port skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE (ĠU L 301, 21.10.2014, p. 27).


Top