EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1544

Deċiżjoni (UE) 2020/1544 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2020 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fl-Ukrajna fuq l-uċuħ tar-raba’ li jipproduċu ż-żerriegħa taċ-ċereali u dwar l-ekwivalenza taż-żerriegħa taċ-ċereali prodotta fl-Ukrajna

OJ L 356, 26.10.2020, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1544/oj

26.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 356/5


DEĊIŻJONI (UE) 2020/1544 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Ottubru 2020

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE fir-rigward tal-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fl-Ukrajna fuq l-uċuħ tar-raba’ li jipproduċu ż-żerriegħa taċ-ċereali u dwar l-ekwivalenza taż-żerriegħa taċ-ċereali prodotta fl-Ukrajna

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE (3) tipprevedi li, f’ċerti kundizzjonijiet, l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fuq ċerti wċuħ tar-raba’ li jipproduċu ż-żerriegħa fil-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I għal dik id-Deċiżjoni iridu jitqiesu bħala ekwivalenti għall-ispezzjonijiet fuq il-post li jitwettqu skont il-liġi tal-Unjoni, u li, taħt ċerti kundizzjonijiet, iż-żerriegħa ta’ ċerti speċi taċ-ċereali prodotta f’dawk il-pajjiżi terzi trid titqies bħala ekwivalenti għaż-żerriegħa prodotta skont il-liġi tal-Unjoni.

(2)

L-Ukrajna ressqet talba lill-Kummissjoni għall-għoti tal-ekwivalenza lis-sistema tagħha tal-ispezzjonijiet fuq il-post ta’ wċuħ tar-raba’ li jipproduċu ż-żerriegħa taċ-ċereali, kif ukoll liż-żerriegħa taċ-ċereali prodotta u ċċertifikata fl-Ukrajna.

(3)

Il-Kummissjoni eżaminat il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Ukrajna, u, abbażi ta’ awditu li twettaq fl-2015 rigward is-sistema ta’ kontrolli uffiċjali u taċ-ċertifikazzjoni taż-żerriegħa taċ-ċereali fl-Ukrajna, u tal-ekwivalenza tal-istess sistema mar-rekwiżiti tal-Unjoni, ippubblikat is-sejbiet tagħha f’rapport imsemmi “Rapport finali ta’ awditu mwettaq fl-Ukrajna bejn is-26 ta’ Mejju 2015 u l-04 ta’ Ġunju 2015 biex tiġi vvalutata s-sistema ta’ kontrolli uffiċjali u taċ-ċertifikazzjoni taż-żerriegħa taċ-ċereali fl-Ukrajna, u l-ekwivalenza tal-istess sistema mar-rekwiżiti tal-Unjoni”.

(4)

Wara l-awditu, ġie konkluż li l-ispezzjonijiet fuq il-post tal-uċuħ tar-raba’ li jipproduċu ż-żerriegħa, it-teħid tal-kampjuni, l-ittestjar u l-kontrolli uffiċjali li jsiru wara taż-żerriegħa taċ-ċereali jitwettqu kif xieraq u jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiiti fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2003/17/KE u r-rekwiżiti rispettivi stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE (4). Barra minn hekk, ġie konkluż li l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-implimentazzjoni taċ-ċertifikazzjoni taż-żerriegħa fl-Ukrajna huma kompetenti u joperaw kif xieraq.

(5)

Għalhekk huwa xieraq li tingħata l-ekwivalenza fir-rigward tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fuq l-uċuħ tar-raba’ li jipproduċu ż-żerriegħa taċ-ċereali fl-Ukrajna, u fir-rigward taż-żerriegħa taċ-ċereali prodotta fl-Ukrajna u ċċertifikata uffiċjalment mill-awtoritajiet tagħha.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2003/17/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi għad-Deċiżjoni 2003/17/KE

L-Anness I għad-Deċiżjoni 2003/17/KE huwa emendat kif ġej:

(a)

fit-tabella, ir-ringiela li ġejja tiddaħħal bejn “TR” u “US”:

“UA

Ministry of Agrarian Policy and Food of Ukraine

Khreshchatyk str., 24, 01001, KYIV

66/402/KEE”

(b)

fin-nota f’qiegħ il-paġna tat-tabella, it-termini li ġejjin jiddaħħlu bejn “TR — it-Turkija,” u “US — l-Istati Uniti,”:

“UA — l-Ukrajna,”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Opinjoni tat-18 ta’ Settembru 2020 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ottubru 2020 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ottubru 2020.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/17/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar l-ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa fil-pajjiżi terzi fuq l-uċuħ tar-raba’ li jipproduċu ż-żerriegħa u dwar l-ekwivalenza taż-żerriegħa prodotta fil-pajjiżi terzi (ĠU L 8, 14.1.2003, p. 10).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar it-tqegħid fis-suq taż-żerriegħa taċ-ċereali (ĠU 125, 11.7.1966, p. 2309)


Top