EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1426

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1426 tas-7 ta’ Ottubru 2020 dwar l-użu armonizzat tal-ispettru tar-radju fil-faxxa tal-frekwenzi 5875–5935 MHz għal applikazzjonijiet relatati mas-sigurtà ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (ITS) u li tħassar id-Deċiżjoni 2008/671/KE (notifikata bid-dokument C(2020) 6773) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/6773

OJ L 328, 9.10.2020, p. 19–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/1426/oj

9.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 328/19


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1426

tas-7 ta’ Ottubru 2020

dwar l-użu armonizzat tal-ispettru tar-radju fil-faxxa tal-frekwenzi 5 875–5 935 MHz għal applikazzjonijiet relatati mas-sigurtà ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (ITS) u li tħassar id-Deċiżjoni 2008/671/KE

(notifikata bid-dokument C(2020) 6773)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-Radju) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tagħha,

Billi:

(1)

Is-Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (ITS) jinkludu l-ITS stradali u l-ITS ferrovjarji urbani. L-ITS stradali jinkludu sistemi kooperattivi bbażati fuq komunikazzjonijiet f’ħin reali bejn il-vettura (inkluż il-karozzi, it-trakkijiet, ir-roti, ir-roti bil-mutur, il-linji tat-tramm, it-tagħmir tal-kostruzzjoni, it-tagħmir agrikolu, kif ukoll it-tagħmir pedonali u taċ-ċikliżmu) u l-ambjent tagħha (vetturi oħra, infrastruttura, eċċ.). F’ċerti każijiet, dan it-tagħmir tal-ITS stradali jista’ jintuża wkoll għall-off-road (fuq siti industrijali, agrikoli jew tal-kostruzzjoni). L-ITS ferrovjarji urbani jikkonsistu f’sistemi tat-trasport pubbliku ggwidati b’mod permanenti b’mill-inqas sistema waħda ta’ kontroll u ta’ ġestjoni, maħsuba biex joperaw servizzi tal-passiġġieri lokali, urbani u suburbani separati mit-traffiku ġenerali stradali u pedonali. L-ITS għandhom il-potenzjal li joffru avvanzi kbar fl-effiċjenza tas-sistema tat-trasport, fejn jidħlu s-sikurezza tat-traffiku u l-kumdità waqt l-ivvjaġġar.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/671/KE (2) dwar l-użu armonizzat tal-ispettru tar-radju fil-faxxa tal-frekwenzi 5 875–5 905 MHz (jew 5,9 GHz) għal applikazzjonijiet relatati mas-sigurtà tal-ITS. Din tirrikonoxxi r-rwol tal-ITS bħala ċentrali għal approċċ integrat għas-sikurezza fit-toroq billi żżid it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni mal-infrastruttura tat-trasport u l-vetturi biex ikunu evitati sitwazzjonijiet tat-traffiku potenzjalment perikolużi u jonqos l-għadd tal-inċidenti.

(3)

Id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tistabbilixxi qafas għall-varar ta’ ITS fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interfaċċi ma’ modi oħra tat-trasport.

(4)

Fl-14 ta’ Settembru 2016, wara l-adozzjoni ta’ sett ta’ miżuri għal soċjetà Ewropea tal-gigabits (4) (inkluż il-pjan ta’ azzjoni tal-5G (5)), il-Kummissjoni enfasizzat ir-rabta bejn l-iżvilupp u l-varar tal-5G fl-Ewropa u oqsma ta’ applikazzjoni ewlenin, b’mod partikolari l-mobbiltà intelliġenti (il-mobbiltà konnessa u awtomatizzata).

(5)

Fit-30 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni ppubblikat il-Komunikazzjoni — “Strateġija Ewropea dwar ITS kooperattivi” (6). Dwar l-ispettru, l-istrateġija tipproponi li tinżamm id-deżinjazzjoni tal-ispettru użat mill-komunikazzjonijiet ta’ medda qasira mingħajr fili (ITS-G5) tal-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI) għas-servizzi tal-ITS relatati mas-sigurtà u biex jiġu appoġġati miżuri li jipproteġu l-faxxa tal-frekwenzi ta’ 5,9 GHz minn interferenza dannuża. L-istrateġija tipproponi wkoll li l-inizjattivi ta’ varar ta’ sistemi tat-trasport intelliġenti jenħtieġ jimplimentaw tekniki ta’ mitigazzjoni rilevanti għall-koeżistenza skont l-istandards u l-proċeduri tal-ETSI.

(6)

Fis-17 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni adottat it-tielet Pakkett dwar il-Mobbiltà (7), li jintegra l-istrateġija dwar is-sikurezza fit-toroq f’ekosistema ta’ mobbiltà sostenibbli Ewropea usa’ li tiffoka fuq mobbiltà sikura, konnessa u nadifa. F’dak il-pakkett, il-vetturi mingħajr sewwieq u s-sistemi ta’ konnettività avvanzati huma mistennija jagħmlu l-vetturi aktar sikuri u aktar faċli biex jaqsmu, u jiftħu l-aċċess għas-servizzi ta’ mobbiltà għal aktar utenti.

(7)

Skont dak il-qafas politiku u regolatorju li qed jevolvi dwar is-sikurezza fit-toroq, l-Istati Membri u l-industrija wettqu diversi inizjattivi relatati mal-użu tal-faxxa ta’ 5,9 GHz, biex jiżviluppaw u jużaw applikazzjonijiet għas-sikurezza fit-toroq. Inizjattivi bħal dawn jinkludu l-Car-2-Car Communications Consortium (8), is-C-Roads platform (9), it-twaqqif tal-5G Automotive Association (5GAA) (10) u aktar attivitajiet fi ħdan it-Tielet Proġett ta’ Sħubija tal-Ġenerazzjoni (3GPP) (11) u korpi ta’ standardizzazzjoni bħal ETSI. L-isforzi tal-industrija wasslu biex inħolqu żewġ teknoloġiji f’kompetizzjoni għal komunikazzjoni ta’ medda qasira ta’ vetturi mal-ambjent tagħhom, jiġifieri l-ITS-G5 u t-teknoloġija tal-evoluzzjoni fit-tul – minn vettura lejn kollox (LTE-V2X).

(8)

Il-komunità ferrovjarja urbana jidhrilha li hemm bżonn mill-inqas 20 MHz ta’ spettru armonizzat (12) biex ikunu jistgħu jitħaddmu sistemi ferrovjarji urbani ta’ kontroll tal-ferroviji bbażat fuq il-komunikazzjoni (CBTC). Dawn is-sistemi jippermettu ġestjoni sikura u effiċjenti tal-operazzjonijiet ferrovjarji urbani, b’mod partikolari bi tqassir tal-intervalli bejn il-ferroviji suċċessivi, u dan iżid il-volum fl-infrastrutturi tat-trasport pubbliku. Abbażi tal-awtorizzazzjonijiet lokali, għadd ta’ linji tal-metrò fl-Unjoni diġà jużaw partijiet mill-faxxa tal-frekwenzi ta’ 5 905–5 935 MHz jew lil hinn. Għalhekk hu importanti li jiġi armonizzat l-ispettru għal dan l-użu madwar l-Unjoni kollha ħalli jkun żgurat suq uniku wkoll fis-settur ferrovjarju urban u bħala kontribut għall-objettivi ambjentali tal-Ewropa.

(9)

B’konformità mal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE, fit-18 ta’ Ottubru 2017 il-Kummissjoni ħarġet mandat lill-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet (CEPT) biex tistħarreġ il-possibbiltà li jiġi estiż l-aktar tarf ta’ fuq tal-faxxa tal-ITS relatata mas-sigurtà fil-livell tal-Unjoni (5 875–5 905 MHz) b’20 MHz għal 5 925 MHz u tilqa’ mezzi oħra tat-trasport, minbarra t-trasport bit-triq, bħat-trasport ferrovjarju urban li juża s-CBTC f’dik il-faxxa.

(10)

Bi tweġiba għall-mandat, fil-11 ta’ Marzu 2019 is-CEPT ippubblikat rapport (Rapport 71 tas-CEPT — ITS ta’ 5,9 GHz) li jeżamina mill-ġdid il-kundizzjonijiet tekniċi u l-estensjoni tal-faxxa ta’ 5,9 GHz. Il-proposti fir-rapport jinkludu t-twessigħ tad-definizzjoni ta’ ITS, l-armonizzazzjoni tal-faxxa tal-frekwenzi 5 875–5 925 MHz għall-applikazzjonijiet tal-ITS relatati mas-sigurtà u l-armonizzazzjoni tal-faxxa tal-frekwenzi 5 925–5 935 MHz għall-applikazzjonijiet tal-ITS ferrovjarji urbani relatati mas-sigurtà, soġġetti għal koordinazzjoni nazzjonali ma’ servizz fiss u/jew studji biex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet tal-kondiviżjoni. Ir-rapport jipproponi wkoll li tingħata prijorità lill-applikazzjonijiet tal-ITS ta’ taħt il-5 915 MHz u lill-applikazzjonijiet tal-ITS ferrovjarji urbani ta’ ’l fuq minn 5 915 MHz. Fil-firxa tal-frekwenzi 5 915–5 925 MHz, l-użu mill-applikazzjonijiet tal-ITS stradali hu propost li jkun limitat għall-infrastruttura għal vettura (I2 V) sakemm l-applikazzjonijiet tal-ITS stradali jkunu jistgħu jipproteġu l-applikazzjonijiet tal-ITS ferrovjarji urbani. Fil-firxa tal-frekwenzi 5 915–5 935 MHz, l-użu mill-ITS ferrovjarji urbani hu propost li jkun fuq bażi kondiviża u soġġett għaċ-ċirkostanzi nazzjonali u d-domanda tal-partijiet konċernati għal ITS ferrovjarji urbani. Jenħtieġ li l-awtorizzazzjonijiet individwali għal ITS ferrovjarji urbani (5 915–5 935 MHz), infrastruttura tal-ITS stradali (5 915–5 925 MHz) u servizzi fissi (aktar minn 5 925 MHz) ikunu jippermettu l-koordinazzjoni nazzjonali, meta xieraq.

(11)

Meta jagħmlu l-faxxa tal-frekwenzi 5 915–5 935 MHz disponibbli għall-ITS ferrovjarju urban malli jkun prattikabbli b’mod raġonevoli wara d-deżinjazzjoni tagħha skont din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri jenħtieġ iqisu kif xieraq is-sistemi ferrovjarji urbani eżistenti li joperaw fil-faxxa (jew f’parti minnha) b’kundizzjonijiet tekniċi differenti, biex jingħataw żmien biżżejjed ħalli jadattaw it-tagħmir eżistenti tal-ferroviji u tan-network għall-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati.

(12)

Ir-riżultati tal-ħidma li għamlet is-CEPT b’kooperazzjoni mal-ETSI jikkostitwixxu l-bażi teknika għal din id-Deċiżjoni.

(13)

L-ITS u n-netwerk taż-żona lokali bir-radju (RLAN) huma lkoll appoġġati minn politiki tal-Unjoni. Is-CEPT qed tiddefinixxi l-kundizzjonijiet tekniċi għal RLAN li joperaw ’il fuq minn 5 935 MHz biex tindirizza l-protezzjoni tal-applikazzjonijiet tal-ITS ferrovjarji urbani relatati mas-sigurtà ta’ taħt il-5 935 MHz, u tal-ITS stradali relatati mas-sigurtà ta’ taħt il-5 925 MHz (bħal pereżempju r-rekwiżiti ta’ limitu tal-emissjonijiet barra mill-frekwenza u x-xenarju ta’ imblukkar).

(14)

L-ETSI qed jiddefinixxi soluzzjonijiet standardizzati li jiżguraw mekkaniżmi ta’ kondiviżjoni ta’ kokanali u l-implimentazzjoni ta’ regoli ta’ prijorità bejn l-applikazzjonijiet tal-ITS stradali u l-applikazzjonijiet tal-ITS ferrovjarji urbani.

(15)

L-ETSI bħalissa qed jaħdem fuq żewġ rapporti tekniċi li jittrattaw id-definizzjoni u l-evalwazzjoni ta’ metodi ta’ koeżistenza ta’ kokanali u kanali li jmissu ma’ xulxin bejn l-ITS G5 u l-LTE-V2X. L-istandards rilevanti jistgħu jkunu disponibbli l-aktar kmieni sa nofs l-2021 u jistgħu jieħdu sa nofs l-2022.

(16)

Filwaqt li tqis l-iżviluppi fl-ETSI, din id-Deċiżjoni jaf tkun teħtieġ rieżami fil-futur.

(17)

Din id-Deċiżjoni jenħtieġ tissejjes fuq ir-regoli stabbiliti fid-Deċiżjoni 2008/671/KE u tiżviluppahom. Għal raġunijiet ta’ ċarezza legali, id-Deċiżjoni 2008/671/KE jenħtieġ titħassar.

(18)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ispettru tar-Radju stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni għandha l-għan li tarmonizza l-kundizzjonijiet għad-disponibbiltà u l-użu effiċjenti tal-faxxa tal-frekwenzi ta’ 5 875–5 935 MHz għal applikazzjonijiet relatati mas-sigurtà tas-Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (ITS).

Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti” jew “ITS” tfisser firxa ta’ sistemi u servizzi, ibbażati fuq teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, inkluż l-ipproċessar, il-kontroll, il-pożizzjonament, il-komunikazzjoni u l-elettronika, li huma applikati għal sistema tat-trasport stradali jew għal sistema tat-trasport ferrovjarju urban, jew għat-tnejn li huma;

(2)

“sistemi ta’ trasport intelliġenti stradali” jew “ITS stradali” tfisser sistemi ta’ trasport intelliġenti applikati għal kull tip ta’ trasport bit-triq (inkluż f’każijiet ta’ użu off-road) li jippermettu komunikazzjoni tas-sikurezza bejn il-vetturi (V2 V) u bejn infrastruttura u vetturi (I2 V). Anki l-ITS applikati għal-linji ferrovjarji li ma jkunux separati mit-traffiku stradali jew pedonali (bħal trammijiet u ferroviji ħfief) jitqiesu parti mill-ITS stradali;

(3)

“sistemi ta’ trasport intelliġenti ferrovjarji urbani” tfisser sistemi ta’ trasport intelliġenti applikati għal-linji ferrovjarji urbani jew suburbani ggwidati b’mod permanenti b’mill-inqas sistema waħda ta’ kontroll u ta’ ġestjoni, separati mit-traffiku stradali u pedonali;

(4)

“potenza rradjata isotropika ekwivalenti medja” jew “e.i.r.p medja” tfisser e.i.r.p. waqt it-trażmissjoni li tikkorrispondi għall-akbar potenza.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2021, jiddeżinjaw l-faxxa tal-frekwenzi 5 875–5 935 MHz għas-sistemi ta’ trasport intelliġenti u jillimitawha għall-ITS ferrovjarji urbani fil-5 925–5 935 MHz. Wara dik d-deżinjazzjoni l-Istati Membri għandhom, malli jkun prattiku b’mod raġonevoli, jagħmlu dik il-faxxa tal-frekwenzi disponibbli b’mod mhux esklużiv.

Din l-għażla għandha tkun konformi mal-parametri stabbiliti fl-Anness.

2.   L-applikazzjonijiet tal-ITS stradali għandhom jingħataw prijorità taħt il-5 915 MHz u l-applikazzjonijiet tal-ITS ferrovjarji urbani għandhom jingħataw prijorità ’l fuq minn 5 915 MHz, ħalli l-protezzjoni tingħata lill-applikazzjoni ta’ prijorità.

3.   L-aċċess mill-ITS stradali għall-medda tal-frekwenzi ta’ 5 915–5 925 MHz għandu jkun limitat għall-applikazzjonijiet li jinvolvu biss il-konnettività ta’ infrastruttura għal vettura (I2 V), b’koordinazzjoni meta xierqa mal-ITS ferrovjarju urban.

4.   L-aċċess mill-ITS ferrovjarji urbani għall-medda tal-frekwenzi ta’ 5 925–5 935 MHz għandu jkun fuq bażi kondiviża u soġġett għaċ-ċirkostanzi nazzjonali u d-domanda għal ITS ferrovjarji urbani, inkluż il-koordinazzjoni ma’ servizz fiss.

Artikolu 4

Il-kamp ta’ applikazzjoni u l-mezzi ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid hekk kif l-iżviluppi tas-suq u l-evoluzzjoni tal-istandards u t-teknoloġija jiġġustifikaw din ir-rieżami jew sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2023.

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni sat-30 ta’ Settembru 2022.

Artikolu 6

Id-Deċiżjoni 2008/671/KE hija mħassra.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

Thierry BRETON

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/671/KE tal-5 ta’ Awwissu 2008 dwar l-użu armonizzat tal-ispettru tar-radju fil-faxxa tal-frekwenzi 5 875-5 905 MHz għal applikazzjonijiet relatati mas-sigurtà ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (ITS) (ĠU L 220, 15.8.2008, p. 24).

(3)  Id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport (ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1).

(4)  Il-konnettività għal soċjetà Ewropea tal-gigabits,

https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/policies/improving-connectivity-and-access

(5)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-14 ta’ Settembru 2016“5G għall-Ewropa — Pjan ta’ Azzjoni” (COM(2016) 588 final).

(6)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-30 ta’ Novembru 2016“Strateġija Ewropea dwar is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi: l-ewwel pass importanti lejn mobbiltà kooperattiva, konnessa u awtomatizzata” (COM(2016) 766 final).

(7)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-17 ta’ Mejju 2018“Ewropa Attiva — Mobbiltà Sostenibbli għall-Ewropa: sikura, konnessa u nadifa” (COM(2018) 293 final).

(8)  https://www.car-2-car.org/

(9)  https://www.c-roads.eu/platform.html

(10)  http://5gaa.org/

(11)  https://www.3gpp.org

(12)  Ir-Rapport Tekniku tal-ETSI Nru 103 111 V1.1.1 (2014-10) — parti mir-rekwiżiti tal-ispettru għal sistemi ferrovjarji urbani fil-medda ta’ 5,9 GHz.


ANNESS

Parametri tekniċi għal applikazzjonijiet relatati mas-sigurtà ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (ITS) fil-faxxa ta’ 5 875-5 935 MHz

Parametru

Valur

Densità tal-potenza spettrali massima (e.i.r.p. medja)

23 dBm/MHz

Potenza tat-trażmissjoni totali massima (e.i.r.p. medja)

33 dBm b’medda ta’ kontroll tal-potenza tat-trażmissjoni (TPC) ta’ mill-inqas 30 dB

F’konformità mad-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) għandhom jintużaw tekniki għall-aċċess tal-ispettru u għall-mitigazzjoni tal-interferenzi li jipprovdu livell xieraq ta’ prestazzjoni. Jekk it-tekniki rilevanti jkunu deskritti fi standards armonizzati jew f’partijiet minnhom, li r-referenzi għalihom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont id-Direttiva 2014/53/UE, mill-anqas għandha tkun żgurata prestazzjoni ekwivalenti għal-livell tal-prestazzjoni assoċjat ma’ dawk it-tekniki.

Arranġament ta’ frekwenza

L-arranġament tal-frekwenza hu bbażat fuq daqsijiet ta’ blokok ta’ 10 MHz li jibdew mit-tarf t’isfel tal-faxxa, fil-5 875 MHz.

Għall-ITS stradali:

Image 1

Fil-faxxa ta’ 5 875-5 925 MHz, l-applikazzjonijiet tal-ITS stradali għandhom jużaw kanali fi ħdan il-konfini ta’ kull blokka ta’ 10 MHz. Il-wisa’ tal-faxxa tal-kanal tista’ tkun inqas minn 10 MHz.

Għall-ITS ferrovjarji urbani:

Image 2

Fil-faxxa ta’ 5 875-5 915 MHz, l-applikazzjonijiet tal-ITS ferrovjarji urbani għandhom jużaw kanali fi ħdan il-konfini ta’ kull blokka ta’ 10 MHz. Il-wisa’ tal-faxxa tal-kanal tista’ tkun inqas minn 10 MHz.

Fil-faxxa 5 915-5 935 MHz, il-wisa’ tal-faxxa massima tal-kanal għandha tkun 10 MHz għall-applikazzjonijiet tal-ITS ferrovjarji urbani. Il-linja bit-tikek turi l-arranġament ta’ frekwenza armonizzata ppreferuta iżda, fil-livell nazzjonali, il-varar jista’ juża kanal iċċentrat fuq 5 925 MHz.


(1)  Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).


Top