EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1354

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1354 tal-25 ta’ Settembru 2020 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika Portugiża biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

OJ L 314, 29.9.2020, p. 49–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force: This act has been changed. Current consolidated version: 26/01/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/1354/oj

29.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/49


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1354

tal-25 ta’ Settembru 2020

li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika Portugiża biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fil-11 ta’ Awwissu 2020, il-Portugall talab assistenza finanzjarja mill-Unjoni bil-ħsieb li jikkomplementa l-isforzi nazzjonali tiegħu biex jindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u jirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi tat-tifqigħa għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom.

(2)

It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati mill-Portugall biex titrażżan it-tifqigħa u l-impatt soċjoekonomiku kif ukoll dak sanitarju tagħha huma mistennija li jkollhom impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni, il-Portugall kien mistenni li jkollu defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 6,5 % u 131,6 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2020. Skont il-previżjoni interim tas-sajf tal-2020 tal-Kummissjoni, il-PDG tal-Portugall huwa previst li jonqos b’9,8 % fl-2020.

(3)

It-tifqigħa tal-COVID-19 ipparalizzat parti sostanzjali tal-forza tax-xogħol fil-Portugall. Dan wassal għal żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika mill-Portugall fir-rigward tal-iskemi tax-xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, kif ukoll ir-rikors għal miżuri rilevanti tas-saħħa relatati mat-tifqigħa tal-COVID-19, kif stabbiliti fil-premessi minn (4) sa (17).

(4)

‘Il-Liġi Nru 7/2009 tat-12 ta’ Frar’, imsemmija fit-talba tal-Portugall tal-11 ta’ Awwissu 2020, tintroduċi miżura li tappoġġa ż-żamma tal-kuntratti ta’ xogħol permezz tal-interruzzjoni temporanja tax-xogħol jew bit-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol normali stabbilit fil-Kodiċi tax-Xogħol tal-Portugall. Il-miżura tipprovdi benefiċċju lid-ditti eliġibbli biex ikopru 70 % tal-kumpens tal-impjegati, bil-kumpens tal-impjegati jkun ekwivalenti għal żewġ terzi tas-salarju gross normali tagħhom. Il-korrezzjoni ta’ żewġ terzi hija soġġetta għal limitu aktar baxx ekwivalenti għas-salarju minimu nazzjonali u limitu massimu ekwivalenti għal tliet darbiet is-salarju minimu nazzjonali. Id-ditti eliġibbli jridu jkunu ssospendew l-attività kummerċjali tagħhom jew ikunu qed jesperjenzaw telf sinifikanti fid-dħul.

(5)

Id-‘Digriet Amministrattiv Nru 10-G/2020 tas-26 ta’ Marzu’ u d-‘Digriet Amministrattiv Nru 27-B/2020 tad-19 ta’ Ġunju’, imsemmija fit-talba tal-Portugall tal-11 ta’ Awwissu 2020, kienu l-bażi għall-introduzzjoni ta’ għadd ta’ miżuri li jindirizzaw l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19. Dawn jinkludu l-appoġġ speċjali ġdid u simplifikat għaż-żamma tal-kuntratti ta’ xogħol permezz tal-interruzzjoni temporanja tax-xogħol jew bit-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol normali. Din il-miżura hija simili għall-miżura msemmija fil-premessa (4) iżda għandha proċeduri simplifikati biex tippermetti aċċess aktar mgħaġġel għall-fondi. Il-miżura tipprovdi benefiċċju lid-ditti eliġibbli biex ikopru 70 % tal-kumpens tal-impjegati, bil-kumpens tal-impjegati jkun ekwivalenti għal żewġ terzi tas-salarju gross normali tagħhom, kif ukoll l-eżenzjoni mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegatur. Il-korrezzjoni ta’ żewġ terzi hija soġġetta għal limitu aktar baxx ekwivalenti għas-salarju minimu nazzjonali u limitu massimu ekwivalenti għal tliet darbiet is-salarju minimu nazzjonali. Id-ditti eliġibbli jridu jkunu ssospendew l-attività kummerċjali tagħhom jew esperjenzaw telf fid-dħul ta’ mill-inqas 40 % fil-perijodu ta’ 30 jum qabel it-talba għal appoġġ, meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel jew mal-medja fix-xahar tax-xahrejn qabel dak il-perijodu. Il-miżura ġiet estiża diversi drabi inkluż bir-reviżjoni tal-kalkolu tal-kumpens tal-impjegati għal 80 % tas-salarju gross normali tagħhom u l-introduzzjoni tat-twaqqif gradwali tal-eżonerazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tad-ditti benefiċjarji. Peress li l-eżonerazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tikkonsisti fi dħul mitluf għall-Gvern, għall-fini tar-Regolament (UE) 2020/672 din tista’ titqies li hija ekwivalenti għal nefqa pubblika.

(6)

F’każijiet fejn id-ditti jkunu fi kriżi minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19, qed jibbenefikaw minn miżuri msemmija fil-premessa (4) jew (5) u għandhom programm tat-taħriġ approvat mis-servizzi pubbliċi nazzjonali tal-impjiegi u tat-taħriġ, fil-qafas ta’ programmi vokazzjonali speċjali, l-impjegati u l-kumpaniji jistgħu jibbenefikaw, minflok tnaqqis tal-ħin tax-xogħol, minn kumpens għat-taħriġ biex ikopru s-sostituzzjoni tal-introjtu, kif ukoll il-kostijiet marbuta għat-taħriġ, li jrid isir matul il-ħinijiet tax-xogħol.

(7)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet introduċew miżura ta’ appoġġ speċjali għad-ditti biex l-attività tan-negozju terġa’ tibda. Sabiex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lura għax-xogħol u jiffaċilitaw iż-żamma tal-impjiegi, id-ditti li l-impjegati tagħhom ibbenefikaw mill-miżuri msemmija fil-premessa (4) jew (5) jistgħu jirċievu benefiċċju ekwivalenti għas-salarju minimu nazzjonali għal kull impjegat rilevanti mħallas f’pagament wieħed, jew għal darbtejn is-salarju minimu nazzjonali għal kull impjegat imħallas b’mod gradwali fuq perijodu ta’ sitt xhur. Meta l-appoġġ jingħata b’mod gradwali, id-ditti jibbenefikaw ukoll minn eżenzjoni parzjali ta’ 50 % fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegatur rispettiv b’referenza għall-impjegati rilevanti.

(8)

Finalment, fil-qafas tad-‘Digriet Amministrattiv Nru 27-B/2020 tad-19 ta’ Ġunju’ u d-‘Digriet Amministrattiv Nru 58-A/2020 tal-14 ta’ Awwissu’, l-awtoritajiet introduċew suppliment għall-istabbilizzazzjoni tal-introjtu għall-impjegati li jibbenefikaw mill-miżuri msemmija fil-premessa (4) jew (5). L-impjegati eliġibbli huma dawk li, b’referenza għal Frar 2020, is-salarju tagħhom ma kienx jaqbeż darbtejn is-salarju minimu nazzjonali. L-impjegati jirċievu benefiċċju ekwivalenti għad-differenza bejn is-salarju gross ta’ Frar 2020 u dak tal-perijodu li fih l-impjegat kien kopert minn xi waħda miż-żewġ skemi ta’ appoġġ imsemmija hawn fuq, b’livell limitu ta’ EUR 100 u limitu massimu ta’ EUR 351.

(9)

Id-‘Digriet Amministrattiv Nru 10-A/2020 tat-13 ta’ Marzu’ u l-‘Liġi Nru 2/2020 tal-31 ta’ Marzu’ (2) imsemmija fit-talba tal-Portugall tal-11 ta’ Awwissu 2020, introduċew miżura ta’ appoġġ speċjali għal dawk li jaħdmu għal rashom, il-ħaddiema informali u s-soċji maniġerjali. Il-miżura tipprovdi benefiċċju ta’ kull xahar ugwali għall-introjtu rreġistrat tal-individwu, b’limitu massimu ta’ EUR 438,81 meta l-introjtu jkun inqas minn EUR 658,21, jew għal żewġ terzi tal-introjtu rreġistrat tal-individwu b’limitu massimu ta’ EUR 438,81 meta l-introjtu jkun akbar minn EUR 658,21. Limitu inizjali ta’ EUR 219,41 kien applikat għall-ammont globali ta’ appoġġ ta’ kull xahar bejn it-13 ta’ Marzu u t-30 ta’ Ġunju 2020. Il-persuni eliġibbli huma l-individwi li ssospendew l-attività kummerċjali tagħhom jew li qed jesperjenzaw telf fid-dħul ta’ mill-inqas 40 % fil-perijodu ta’ 30 jum qabel it-talba għal appoġġ, meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel jew mal-medja fix-xahar tax-xahrejn qabel dak il-perijodu.

(10)

Id-‘Digriet Amministrattiv Nru 10-A/2020 tat-13 ta’ Marzu’, imsemmi fit-talba tal-Portugall tal-11 ta’ Awwissu 2020, jintroduċi benefiċċju tal-familja għall-impjegati li ma jistgħux jaħdmu minħabba l-ħtieġa li jassistu lil uliedhom taħt it-12-il sena jew persuni dipendenti oħra. Il-miżura tipprovdi benefiċċju li jkopri 50 % tal-kumpens tal-impjegati. Bħala regola, il-kumpens tal-impjegati jikkorrispondi għal żewġ terzi tas-salarju gross normali, b’limitu aktar baxx ekwivalenti għas-salarju minimu nazzjonali u limitu massimu ekwivalenti għal tliet darbiet is-salarju minimu nazzjonali. Din il-miżura tista’ titqies li hija miżura simili għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmija fir-Regolament (UE) 2020/672, billi tipprovdi appoġġ għall-introjtu lill-impjegati li jgħin biex jiġu koperti l-ispejjeż tat-tħaris tat-tfal meta l-iskejjel ikunu magħluqin u b’hekk il-ġenituri jkunu jistgħu jkomplu jaħdmu u r-relazzjoni tax-xogħol tagħhom ma titpoġġiex f’riskju.

(11)

L-‘Ordni tal-Gvern Nru 3485-C/2020 tas-17 ta’ Marzu’, l-‘Ordni tal-Gvern Nru 4395/2020 tal-10 ta’ April’ u l-‘Ordni tal-Gvern Nru 5897-B/2020 tat-28 ta’ Mejju’,imsemmija fit-talba tal-Portugall tal-11 ta’ Awwissu 2020, jintroduċu miżura ta’ appoġġ speċjali għaż-żamma tal-kuntratti ta’ xogħol ta’ min iħarreġ fid-dawl tal-kanċellazzjoni ta’ taħriġ vokazzjonali. L-appoġġ pubbliku jikkonsisti f’benefiċċju li jkopri s-salarju ta’ min iħarreġ anki jekk it-taħriġ vokazzjonali ma jsirx.

(12)

Ir-‘Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Gvern Reġjonali tal-Azores Nru 97/2020 tat-8 ta’ April’, ir-‘Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Gvern Reġjonali tal-Azores Nru 120/2020 tat-28 ta’ April’, ir-‘Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Gvern Reġjonali tal-Azores Nru 128/2020 tal-5 ta’ Mejju’, ir-‘Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Gvern Reġjonali tal-Azores Nru 129/2020 tal-5 ta’ Mejju’, ir-‘Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Gvern Reġjonali tal-Azores Nru 195/2020 tal-15 ta’ Lulju’, ir-‘Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Gvern Reġjonali tal-Azores Nru 196/2020 tal-15 ta’ Lulju’ u r-‘Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Gvern Reġjonali tal-Azores Nru 200/2020 tas-17 ta’ Lulju’, imsemmija fit-talba tal-Portugall tal-11 ta’ Awwissu 2020, jintroduċu numru ta’ miżuri reġjonali relatati max-xogħol fir-reġjun awtonomu tal-Azores. Il-miżuri speċifiċi li jinkludu pagament supplimentari reġjonali fuq skemi nazzjonali, jiġifieri fuq xogħol b’ħinijiet iqsar, appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom u għal ditti bil-għan li jerġgħu jibdew attività kummerċjali, huma maħsuba biex jippreservaw l-impjiegi fl-Azores waqt it-tifqigħa tal-COVID-19. L-appoġġ fil-qafas tal-miżuri jiddependi fuq iż-żamma tal-kuntratti ta’ xogħol u fuq it-tkomplija tal-attività kummerċjali.

(13)

Ir-‘Riżoluzzjoni tal-Gvern Reġjonali ta’ Madeira Nru 101/2020 tat-13 ta’ Marzu’ u l-‘Ordinanza Nru 133-B/2020 tal-Viċi Presidenza tal-Gvern Reġjonali ta’ Madeira u tas-Segretarjat Reġjonali għall-Inklużjoni Soċjali u ċ-Ċittadinanza tat-22 ta’ April’, imsemmijin fit-talba tal-Portugall tal-11 ta’ Awwissu 2020, jintroduċu għadd ta’ miżuri reġjonali relatati mal-impjieg fir-reġjun awtonomu ta’ Madeira. Il-miżuri speċifiċi li jinkludu pagament supplimentari reġjonali fuq skemi nazzjonali, jiġifieri fuq xogħol b’ħinijiet iqsar, appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom u għal ditti bil-għan li jerġgħu jibdew attività kummerċjali, huma maħsuba biex jippreservaw l-impjiegi f’Madeira waqt it-tifqigħa tal-COVID-19. L-appoġġ fil-qafas tal-miżuri jiddependi fuq iż-żamma tal-kuntratti ta’ xogħol u fuq it-tkomplija tal-attività kummerċjali.

(14)

Id-‘Digriet Amministrattiv Nru 10-A/2020 tat-13 ta’ Marzu’ u l-‘Liġi Nru 2/2020 tal-31 ta’ Marzu’ (3), imsemmijin fit-talba tal-Portugall tal-11 ta’ Awwissu 2020, jipprovdu benefiċċju għall-impjegati u għal dawk li jaħdmu għal rashom li bħalissa ma jistgħux iwettqu l-attività professjonali tagħhom minħabba iżolament profilattiku. Dawn il-ħaddiema għandhom dritt għal benefiċċju ekwivalenti għas-salarju bażiku tagħhom. Dawk l-atti legali jintroduċu wkoll benefiċċju tal-mard minħabba infezzjoni bil-COVID-19. Imqabbel mal-iskema standard tal-Portugall tal-benefiċċju tal-mard, l-għoti tal-benefiċċju tal-mard tal-COVID-19 mhuwiex soġġett għal perijodu ta’ stennija. L-appoġġ pubbliku jikkonsisti f’benefiċċju ugwali għas-salarju gross.

(15)

Id-‘Digriet Amministrattiv Nru 10-A/2020 tat-13 ta’ Marzu’, imsemmi fit-talba tal-Portugall tal-11 ta’ Awwissu 2020, jippermetti x-xiri ta’ tagħmir protettiv personali biex jintuża fuq il-post tax-xogħol, b’mod partikolari fi sptarijiet pubbliċi, fil-ministeri kompetenti, il-muniċipalitajiet u r-reġjuni awtonomi tal-Azores u ta’ Madeira bħala miżura relatata mas-saħħa. Barra minn hekk, dak l-att legali jintroduċi kampanja ta’ iġjene fl-iskejjel bil-għan li jiġi żgurat ir-ritorn sikur għax-xogħol tal-lekċerers, ta’ membri oħra tal-persunal u tal-istudenti.

(16)

L-awtoritajiet introduċew l-ittestjar rigward infezzjoni bil-COVID-19 għall-pazjenti stazzjonarji u l-ħaddiema ta’ sptarijiet pubbliċi, kif ukoll għall-impjegati tad-djar tal-kura u tal-faċilitajiet tat-tħaris tat-tfal. Il-kost tal-ittestjar huwa ffinanzjat mill-baġit ġenerali u, għalhekk, ma għandux bażi legali espliċita.

(17)

Finalment, il-‘Liġi Nru 27-A/2020 tal-24 ta’ Lulju’, imsemmija fit-talba tal-Portugall tal-11 ta’ Awwissu 2020, tintroduċi kumpens speċjali għall-ħaddiema fis-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa involuti fil-ġlieda kontra t-tifqigħa tal-COVID-19. Dan jikkonsisti f’bonus għall-prestazzjoni, li jitħallas darba biss, korrispondenti għal ammont ekwivalenti għal 50 % tas-salarju gross normali tal-impjegat.

(18)

Il-Portugall jissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. Il-Portugall ipprovda lill-Kummissjoni b’evidenza xierqa li n-nefqa pubblika attwali u ppjanata żdiedet b’EUR 5 934 462 488 mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba l-miżuri nazzjonali meħuda biex jiġu indirizzati l-effetti soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19. Iż-żieda relatata direttament mal-miżuri ta’ hawn fuq li huma skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar jew miżuri simili tikkostitwixxi żieda għal għarrieda u qawwija għax hija relatata kemm maż-żewġ miżuri ġodda kif ukoll maż-żieda fid-domanda għall-miżuri eżistenti, li flimkien ikopru proporzjon sinifikanti tal-impriżi u tal-forza tax-xogħol fil-Portugall.

(19)

Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Portugall u vverifikat iż-żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika attwali u ppjanata direttament relatata mal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, kif ukoll ir-rikors għal miżuri rilevanti relatati mas-saħħa marbuta mat-tifqigħa tal-COVID-19 imsemmija fit-talba tal-11 ta’ Awwissu 2020, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.

(20)

Għalhekk jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li l-Portugall jiġi megħjun jindirizza l-effetti soċjoekonomiċi tat-taqlib ekonomiku gravi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjonijiet rigward il-maturitajiet, il-qies u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali u tal-partijiet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali.

(21)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li tista’ titwettaq, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat.

(22)

Jenħtieġ li l-Portugall jinforma lill-Kummissjoni fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn il-Portugall implimenta dik in-nefqa.

(23)

Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet eżistenti u mistennija tal-Portugall, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Portugall jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672.

Artikolu 2

1.   L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Portugall self li jammonta għal massimu ta’ EUR 5 934 462 488. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.

2.   Il-perijodu ta’ disponibbiltà għall-għajnuna finanzjarja mogħtija b’din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 18-il xahar li jibdew mill-ewwel jum wara li din id-Deċiżjoni ssir effettiva.

3.   L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lill-Portugall f’massimu ta’ tmien ħlasijiet parzjali. Ħlas parzjali jista’ jingħata f’parti waħda jew iktar. Il-maturitajiet tal-partijiet taħt l-ewwel ħlas parzjali jistgħu jkunu itwal mill-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, il-maturitajiet ta’ partijiet oħrajn għandhom ikunu stabbiliti b’tali mod li l-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1 tiġi rispettata ladarba jsir l-iżborż tal-ħlasijiet parzjali kollha.

4.   L-ewwel ħlas parzjali għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.

5.   Il-Portugall għandu jħallas il-kost tal-finanzjament tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2020/672 għal kull ħlas parzjali flimkien ma’ kwalunkwe tariffa, kost u spiża tal-Unjoni li jirriżultaw minn kwalunkwe finanzjament relatat mas-self mogħti skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

6.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali, kif ukoll dwar id-daqs tal-partijiet.

Artikolu 3

Il-Portugall jista’ jiffinanzja l-miżuri li ġejjin:

(a)

l-appoġġ għaż-żamma tal-kuntratti ta’ xogħol permezz tal-interruzzjoni temporanja tax-xogħol jew bit-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol normali, kif previst fl-Artikoli minn 298 sa 308 tal-‘Liġi Nru 7/2009 tat-12 ta’ Frar’;

(b)

l-appoġġ speċjali ġdid u simplifikat għaż-żamma tal-kuntratti ta’ xogħol permezz tal-interruzzjoni temporanja tax-xogħol jew bit-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol normali, kif previst fid-‘Digriet Amministrattiv Nru 10-G/2020 tas-26 ta’ Marzu’ u fl-Artikolu 2 tad-‘Digriet Amministrattiv Nru 27-B/2020 tad-19 ta’ Ġunju’;

(c)

il-programmi vokazzjonali speċjali għaż-żamma tal-kuntratti ta’ xogħol permezz tal-interruzzjoni temporanja tax-xogħol jew bit-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol normali, kif previst fl-Artikoli minn 7 sa 9 tad-‘Digriet Amministrattiv Nru 10-G/2020 tas-26 ta’ Marzu’;

(d)

l-appoġġ speċjali ġdid għad-ditti għat-tkomplija tal-attività kummerċjali, kif previst fl-Artikolu 4(1) sa (7) u (10) sa (12) u fl-Artikolu 5 tad-‘Digriet Amministrattiv Nru 27-B/2020 tad-19 ta’ Ġunju’;

(e)

is-suppliment il-ġdid għall-istabbilizzazzjoni tal-introjtu għall-impjegati koperti jew bl-appoġġ imsemmi fil-punti (a), (b) u (c) għaż-żamma tal-kuntratti ta’ xogħol permezz tal-interruzzjoni temporanja tax-xogħol jew bit-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol normali mħaddan fil-Kodiċi tax-Xogħol tal-Portugall, jew bl-appoġġ ġdid u simplifikat introdott b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19, kif previst fl-Artikolu 3 tad-‘Digriet Amministrattiv Nru 27-B/2020 tad-19 ta’ Ġunju’, kif emendat bil-‘Liġi 58-A/2020 tal-14 ta’ Awwissu’;

(f)

l-appoġġ speċjali ġdid u progressiv għaż-żamma tal-kuntratti ta’ xogħol permezz tat-tnaqqis temporanju tal-ħin tax-xogħol normali, kif previst fid-‘Digriet Amministrattiv Nru 46-A/2020 tas-30 ta’ Lulju’;

(g)

l-appoġġ speċjali ġdid għal dawk li jaħdmu għal rashom, ħaddiema informali u s-soċji maniġerjali kif previst fl-Artikoli minn 26 sa 28 tad-‘Digriet Amministrattiv Nru 10-A/2020 tat-13 ta’ Marzu’ u fl-Artikolu 325-G tal-‘Liġi Nru 2/2020 tal-31 ta’ Marzu’ kif emendata bl-Artikolu 3 tal-‘Liġi 27-A/2020 tal-24 ta’ Lulju’;

(h)

il-benefiċċju tal-familja għall-impjegati li ma jistgħux jaħdmu minħabba l-ħtieġa li jassistu lil uliedhom taħt it-12-il sena jew persuni dipendenti oħra kif previst fl-Artikolu 23 tad-‘Digriet Amministrattiv Nru 10-A/2020 tat-13 ta’ Marzu’;

(i)

l-appoġġ speċjali għaż-żamma tal-kuntratti ta’ xogħol ta’ min iħarreġ fid-dawl tal-kanċellazzjoni ta’ taħriġ vokazzjonali kif previst fl-‘Ordni tal-Gvern Nru 3485-C/2020 tas-17 ta’ Marzu’, fl-‘Ordni tal-Gvern Nru 4395/2020 tal-10 ta’ April’ u l-‘Ordni tal-Gvern Nru 5897-B/2020 tat-28 ta’ Mejju’;

(j)

il-miżuri reġjonali relatati mal-impjiegi fir-Reġjun Awtonomu tal-Azores, kif previst fir-‘Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Gvern Reġjonali tal-Azores Nru 97/2020 tat-8 ta’ April’, fir-‘Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Gvern Reġjonali tal-Azores Nru 120/2020 tat-28 ta’ April’, fir-‘Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Gvern Reġjonali tal-Azores Nru 128/2020 tal-5 ta’ Mejju’, fir-‘Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Gvern Reġjonali tal-Azores Nru 129/2020 tal-5 ta’ Mejju’, fir-‘Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Gvern Reġjonali tal-Azores Nru 195/2020 tal-15 ta’ Lulju’, fir-‘Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Gvern Reġjonali tal-Azores Nru 196/2020 tal-15 ta’ Lulju’ u fir-‘Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Gvern Reġjonali tal-Azores Nru 200/2020 tas-17 ta’ Lulju’;

(k)

il-miżuri reġjonali relatati mal-impjieg fir-Reġjun Awtonomu ta’ Madeira, kif previst fir-‘Riżoluzzjoni tal-Gvern Reġjonali ta’ Madeira Nru 101/2020 tat-13 ta’ Marzu’ u fl-‘Ordinanza Nru 133-B/2020 tal-Viċi Presidenza tal-Gvern Reġjonali ta’ Madeira u tas-Segretarjat Reġjonali għall-Inklużjoni Soċjali u ċ-Ċittadinanza tat-22 ta’ April’;

(l)

il-benefiċċju għall-impjegati u għal dawk li jaħdmu għal rashom f’iżolament profilattiku, kif previst fl-Artikolu 19 tad-‘Digriet Amministrattiv Nru 10-A/2020 tat-13 ta’ Marzu’ u fl-Artikolu 325-F tal-‘Liġi Nru 2/2020 tal-31 ta’ Marzu’ kif emendata bl-Artikolu 3 tal-‘Liġi Nru 27-A/2020 tal-24 ta’ Lulju’;

(m)

il-benefiċċju tal-mard dovut minħabba infezzjoni bil-COVID-19, kif previst fl-Artikolu 20 tad-‘Digriet Amministrattiv Nru 10-A/2020 tat-13 ta’ Marzu’ u fl-Artikolu Nru 325-F tal-‘Liġi Nru 2/2020 tal-31 ta’ Marzu’ kif emendata bl-Artikolu 3 tal-‘Liġi Nru 27-A/2020 tal-24 ta’ Lulju’;

(n)

ix-xiri ta’ tagħmir protettiv personali biex jintuża fuq il-post tax-xogħol, speċjalment fi sptarijiet pubbliċi, fil-ministeri kompetenti, il-muniċipalitajiet u r-Reġjuni Awtonomi tal-Azores u ta’ Madeira, kif previst fl-Artikolu 3 tad-‘Digriet Amministrattiv Nru 10-A/2020 tat-13 ta’ Marzu’;

(o)

il-kampanja dwar l-iġjene fl-iskejjel kif previst fl-Artikolu 9 tad-‘Digriet Amministrattiv Nru 10-A/2020 tat-13 ta’ Marzu’;

(p)

l-ittestjar rigward infezzjoni bil-COVID-19 għall-pazjenti stazzjonarji u l-ħaddiema ta’ sptarijiet pubbliċi, kif ukoll għall-impjegati tad-djar tal-kura u tal-faċilitajiet tat-tħaris tat-tfal;

(q)

il-kumpens speċjali ġdid għall-ħaddiema fis-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa li huma involuti fil-ġlieda kontra t-tifqigħa tal-COVID-19, kif previst fl-Artikolu 42-A tal-‘Liġi Nru 2/2020 tal-31 ta’ Marzu’, kif emendata bl-Artikolu 3 tal-‘Liġi Nru 27-A/2020 tal-24 ta’ Lulju’.

Artikolu 4

Il-Portugall għandu jinforma lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Marzu 2021, u kull sitt xhur wara l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sakemm dik in-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata b’mod sħiħ.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha lid-destinatarju.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  ĠU L 159, 20.5.2020, p. 1.

(2)  Kif emendata bil-Liġi 27-A/2020 tal-24 ta’ Lulju 2020.

(3)  Kif emendata bil-Liġi 27-A/2020 tal-24 ta’ Lulju 2020.


Top