EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1071

Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2020/1071 tat-18 ta’ Mejju 2020 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-esklużjoni ta’ titjiriet li jidħlu mill-Iżvizzera mill-iskema tal-UE għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/3107

OJ L 234, 21.7.2020, p. 16–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_del/2020/1071/oj

21.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 234/16


DEĊIŻJONI DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1071

tat-18 ta’ Mejju 2020

li temenda d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-esklużjoni ta’ titjiriet li jidħlu mill-Iżvizzera mill-iskema tal-UE għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25a(1) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 25a tad-Direttiva 2003/87/KE jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta dispożizzjonijiet li jeskludu t-titjiriet li jaslu minn pajjiż terz mill-iskema tal-UE għall-iskambju tal- kwoti tal-emissjonijiet (l-ETS tal-UE). Jenħtieġ li tali dispożizzjonijiet jipprovdu għal interazzjoni ottimali bejn l-ETS tal-UE u l-miżuri ta’ pajjiż terz biex jitnaqqas l-impatt tal-avjazzjoni fuq it-tibdil fil-klima.

(2)

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħhom (2) (il-“Ftehim”) ġie ffirmat fit-23 ta’ Novembru 2017 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2020. Il-Ftehim jipprevedi li t-titjiriet minn ajrudromi li jinsabu fit-territorju tal-Iżvizzera lejn ajrudromi li jinsabu fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jiġu esklużi mill-ETS tal-UE.

(3)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2003/87/KE tiġi emendata sabiex mill-ETS tal-UE teskludi t-titjiriet minn ajrudromi li jinsabu fl-Iżvizzera lejn ajrudromi li jinsabu fiż-ŻEE. Sabiex tinżamm l-istabbiltà fir-rigward tal-kopertura tal-operaturi, jenħtieġ li dik l-esklużjoni ma taffettwax id-dispożizzjonijiet li jeskludu ċerti attivitajiet tal-avjazzjoni mill-ETS tal-UE abbażi ta’ limiti speċifikati f’termini ta’ għadd ta’ titjiriet jew emissjonijiet għal kull operatur.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2003/87/KE tiġi emendata skont dan.

(5)

Minħabba li l-Ftehim jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2020, dan ir-Regolament jenħtieġ japplika minn dik id-data.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-tieni paragrafu tal-entrata “Avjazzjoni” tal-kolonna “Attivitajiet” tat-tabella tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE jiġi emendat kif ġej:

(1)

it-tieni paragrafu tal-punt (j) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“It-titjiriet imsemmija fil-punt (l) jew imwettqin esklussivament għat-trasport, fuq missjoni uffiċjali, ta’ Re jew Reġina renjanti u l-familja immedjata tagħhom; Kapijiet ta’ Stat, Kapijiet ta’ Gvern u Ministri ta’ Gvern, ta’ Stat Membru ma jistgħux jiġu esklużi taħt dan il-punt;”

(2)

il-punt (k) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(k)

mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2030, titjiriet li, ħlief għal dan il-punt jaqgħu fi ħdan din l-attività, imwettqa minn operatur tal-inġenji tal-ajru mhux kummerċjali li jopera titjiriet b’emissjonijiet annwali totali ta’ inqas minn 1 000 tunnellata fis-sena (inklużi emissjonijiet minn titjiriet imsemmija fil-punt (l));”;

(3)

jiżdied il-punt (l) li ġej:

“(l)

titjiriet minn ajrudromi li jinsabu fl-Iżvizzera lejn ajrudromi li jinsabu fiż-ŻEE.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2020.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  ĠU L 322, 7.12.2017, p. 3.


Top